Language of document : ECLI:EU:T:2008:17

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Is-Sitt Awla)

29 ta’ Jannar 2008 (*)

“Dumping – Importazzjonijiet ta’ twavel għall-mogħdija li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u mill-Ukrajna – Status ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq – Drittijiet tad-difiża – Artikolu 2(7)(ċ) u Artikolu 20(5) tar-Regolament (KE) Nru 384/96”

Fil-kawża T‑206/07,

Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware Co. Ltd, stabbilita f’Foshan (iċ-Ċina), irrappreżentata minn J.-F. Bellis, avukat, u G. Vallera, barrister,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn J.-P. Hix, bħala aġent, assistit inizjalment minn B. O’Connor, solicitor, u P. Vergano, avukat, sussegwentement minn O’Connor u E. McGovern, barrister,

konvenut,

sostnut minn

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn H. van Vliet u K. Talabér-Ricz, bħala aġenti,

minn

Vale Mill (Rochdale) Ltd, stabbilita f’Rochdale (ir-Renju Unit),

Pirola SpA, stabbilita f’Mapello (l-Italja),

u

Colombo New Scal SpA, stabbilita f’Rovagnate (l-Italja),

irrappreżentati minn G. Berrisch u G. Wolf, avocats,

u minn

Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn I. Braguglia, bħala aġent, assistit minn W. Ferrante, avvocato dello Stato,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 452/2007, tat-23 ta’ April 2007, li jimponi dazju definittiv antidumping u jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tat-twavel għall-mogħdija li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u l-Ukrajna (ĠU L 109, p. 12), safejn jistabbilixxi dazju antidumping fuq importazzjonijiet ta’ twavel għall-mogħdija mmanifatturati mir-rikorrenti,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Is-Sitt Awla),

komposta minn M. Jaeger, aġent President, A. W. H. Meij (Relatur) u V. Vadapalas, Imħallfin,

Reġistratur: K. Pocheć, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Diċembru 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        It-tieni inċiż ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, tat-22 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 1996, L 56, p. 1), kif emendat (iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ bażi”) jipprovdi li applikazzjoni intiża għall-kisba tat-trattament intenzjonat għall-impriżi li fir-rigward tiegħu jipprevalu l-kundizzjonijiet ta’ l-ekonomija tas-suq għandu jkollha “sett ċar ta’ reġistrazzjonijiet bażiċi tal-kontabilità li jiġu verifikati indipendentement skond l-istandards internazzjonali tal-kontabilità u jiġu applikati għall-għanijiet kollha”.

2        It-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament ta’ bażi jipprovdi :

“Għandu jiġi stabbilit jekk il-produttur jilħaqx il-kriterji msemmija hawn fuq fi żmien tliet xhur mill-bidu ta’ l-investigazzjoni, wara konsultazzjoni speċifika tal-Kumitat Konsultattiv u wara li l-industrija tal-Komunità tkun ingħatat l-opportunità li tikkommenta. Din id-deċiżjoni għandha tibqa’ fis-seħħ matul l-investigazzjoni kollha.”

3        Barra minn hekk, l-Artikolu 20(4) u (5) tar-Regolament ta’ bażi jipprovdi :

“4. Żvelar finali għandu jiġi mogħti bil-miktub. Għandu jsir, [...] kemm jista’ jkun malajr u, normalment, mhux iktar tard minn xahar qabel deċiżjoni definittiva jew mis-sottomissjoni mill-Kummissjoni ta’ kwalunkwe proposta għal azzjoni finali skond l-Artikolu 9. [...] L-iżvelar ma għandux jippreġudika kwalunkwe deċiżjoni sussegwenti li tista’ tittieħed mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill imma, fejn deċiżjoni bħal din tkun ibbażata fuq kwalunkwe fatti u kunsiderazzjonijiet differenti, dawn għandhom jiġu mikxufa kemm jista’ jkun malajr.

5. Rappreżentazzjonijiet magħmula wara li jingħata t-tagħrif finali għandhom jiġu kkunsidrati biss jekk riċevuti fi żmien perjodu li għandu jiġi stabbilit mill-Kummissjoni f’kull każ, li għandu jkun mill-inqas 10t’ijiem [għaxart ijiem].”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

4        Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware Co. Ltd (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”) hija kumpannija stabbilita f’Foshan (iċ-Ċina), li timmanifattura u tesporta twavel għall-mogħdija, b’mod partikolari lejn l-Unjoni Ewropea.

5        Fl-4 ta’ Frar 2006, il-Kummissjoni ppubblikat avviż ta’ bidu ta’ proċedura antidumping dwar l-importazzjonijiet ta’ twavel għall-mogħdija li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u mill-Ukrajna (ĠU 2006, C 29, p. 2).

6        Fit-23 ta’ Frar 2006, ir-rikorrenti ppreżentat applikazzjoni skond l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament ta’ bażi, sabiex tikseb l-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq. Fit-3 ta’ April 2006, ir-rikorrenti bagħtet ir-risposti tagħha tal-kwestjonarju antidumping lill-Kummissjoni.

7        Il-Kummissjoni wettqet verifiki dwar jekk ir-rikorrenti setgħetx tibbenefika mill-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq u dwar id-determinazzjoni tal-valur normali tal-prodotti in kwistjoni fis-suq Ċiniż bejn l-20 u t-23 ta’ Ġunju 2006 fis-sede tar-rikorrenti u fis-26 ta’ Ġunju 2006 fis-sede ta’ kumpannija li għandha konnessjonijiet mar-rikorrenti, stabbilita f’Hong Kong.

8        Permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Awwissu 2006, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li kienet tal-fehma li hija ma tissodisfax il-kriterju msemmi fit-tieni inċiż ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament ta’ bażi u li għalhekk hija ma setgħetx tibbenefika mill-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq. Fil-fatt, skond il-Kummissjoni, ir-reġistrazzjonijiet tal-kontabbiltà tar-rikorrenti, kif ukoll ir-rapporti ta’ l-awdituri, ma kinux konformi ma’ l-applikazzjoni ta’ l-istandards internazzjonali tal-kontabbiltà (International Accounting Standards, iktar ’il quddiem “l-istandards IAS”).

9        Ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha bħala risposta fl-1 ta’ Settembru 2006. Permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Settembru 2006, il-Kummissjoni wieġbet għall-osservazzjonijiet imressqa mir-rikorrenti u informatha bid-deċiżjoni tagħha li ma tikkonferixxix l-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq.

10      Fit-30 ta’ Ottubru 2006, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (KE) Nru 1620/2006 li jimponi dazju antidumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet tat-twavel tal-mogħdija li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u fl-Ukrajna (ĠU L 300, p. 13) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament provviżorju”). Dan ir-regolament ikkonferma ċ-ċaħda ta’ l-applikazzjoni għall-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq u impona dazju provviżorju ta’ 18.1 % fuq l-importazzjonijiet ta’ twavel għall-mogħdija mmanifatturati minnha.

11      Fl-1 ta’ Diċembru 2006, ir-rikorrenti ppreżentat osservazzjonijiet fuq ir-Regolament provviżorju. Fit-18 ta’ Jannar 2007, hija ppreżentat osservazzjonijiet addizzjonali esklużivament dwar id-determinazzjoni ta’ l-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq.

12      Fid-19 ta’ Jannar 2007, matul seduta fis-sede tal-Kummissjoni, ir-rikorrenti ppreżentat osservazzjonijiet orali. Sussegwentement, hija bagħtet lill-Kummissjoni statistika uffiċjali dwar l-importazzjonijiet Ċiniżi ta’ kull xahar ta’ prodotti ta’ l-azzar matul is-snin 2004 u 2005.

13      Permezz ta’ ittra ta’ l-20 ta’ Frar 2007, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti dokument ta’ informazzjoni finali ġenerali kif ukoll dokument ta’ informazzjoni partikolari. Fl-ewwel dokument, il-Kummissjoni indikat l-intenzjoni tagħha li tikkonferixxi lir-rikorrenti l-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq. Fil-fatt, il-Kummissjoni kkunsidrat, minn naħa, li n-nuqqasijiet fir-reġistrazzjonijiet tal-kontabbiltà ta’ l-impriża, li seħħew fl-istadju tal-miżuri provviżorji ma kellhomx impatt sinjifikattivi fuq ir-riżultati finanzjarji li nkitbu mill-ġdid fil-kontijiet, u min-naħa l-oħra, li l-ewwel nett, il-kontijiet mhux kompluti ma setgħux ifixklu l-informazzjonijiet relatati mal-bejgħ għall-esportazzjoni, safejn il-Kummissjoni kienet diġà aċċettat din l-istatistika uffiċjali meta hija setgħet tivverifika l-affidabbiltà tagħhom u, it-tieni nett, ma kinux determinanti fil-konfront ta’ bejgħ preċedenti, peress li ma kinux partikolarment importanti sabiex setgħu jitqiesu bħala rappreżentattivi. Għalhekk, il-Kummissjoni indikat li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-valur normali kellu jkun stabbilit abbażi tal-ispiża tal-produzzjoni u li element essenzjali tiegħu kien l-ispiża ta’ l-azzar. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-istatistika uffiċjali Ċiniża dwar l-importazzjonijiet ta’ l-azzar, immanifatturati matul il-proċedura amministrattiva, jikkonfermaw l-affidabbiltà tad-data ta’ kontabbiltà ta’ l-impriża rigward l-ispejjeż ta’ l-azzar u għalhekk tippermetti l-kalkolu tal-valur normali fuq il-bażi tal-valur li sar fiċ-Ċina.

14      Permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Marzu 2007, il-persuni li kienu qed jilmentaw fil-bidu tal-proċedura antidumping innotifikaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar id-dokument ta’ informazzjoni finali ġenerali ta’ l-20 ta’ Frar 2007. Huma sostnew, minn naħa, li r-rikorrenti ma kinitx tissodisfa l-kriterju msemmi fit-tieni inċiż ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament ta’ bażi u, min-naħa l-oħra, li fi kwalunkwe każ, l-aħħar sentenza ta’ l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament ta’ bażi kienet tipprekludi lill-istituzzjonijiet milli jemendaw id-determinazzjoni ta’ l-istatus ta’ l-impriża li topera f’ekonomija tas-suq matul il-proċedura.

15      Fis-6 ta’ Marzu 2007, il-Kumitat Konsultattiv stabbilit skond l-Artikolu 15 tar-Regolament ta’ bażi (iktar ’il quddiem il-“kumitat konsultattiv”) eżamina d-dokument ta’ xogħol mibgħut mill-Kummissjoni fl-20 ta’ Frar 2007. Numru ta’ membri tal-kumitat konsultattiv ikkontestaw il-fatt li r-rikorrenti tingħata l-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq.

16      Permezz ta’ faks tat-23 ta’ Marzu 2007, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti d-dokument ta’ informazzjoni finali ġenerali u d-dokument ta’ informazzjoni partikolari, riveduti, li permezz tagħhom hija sostniet li kienet irrevediet is-sottomissjonijiet tagħha ta’ l-20 ta’ Frar 2007, dwar l-għoti lir-rikorrenti ta’ l-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq. Fil-fatt, il-Kummissjoni qieset, b’mod partikolari, li l-prassi tar-rikorrenti li tikkumpensa d-dħul u l-infiq u li tirreġistra t-tranżazzjonijiet ta’ bejgħ fir-reġistrazzjonijiet tal-kontabbiltà fil-qosor, kontra l-prinċipju tal-kompetenza ekonomika, tikkostitwixxi ksur ta’ l-istandards IAS, u hija inkompatibbli mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament ta’ bażi.

17      Fit-23 ta’ Marzu 2007, il-Kummissjoni bagħtet id-dokument tax-xogħol finali rivedut lill-membri tal-kumitat konsultattiv sabiex jikkonsultawh. Dan id-dokument ġie approvat mill-kumitat konsultattiv fis-27 ta’ Marzu 2007, skond proċedura bil-miktub.

18      It-terminu li fih ir-rikorrenti kellha tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar id-dokumenti ta’ informazzjoni finali ġenerali u ta’ informazzjoni partikolari, riveduti, skada fid-29 ta’ Marzu 2007. Permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Marzu 2007, il-Kummissjoni pprorogat dan it-terminu sat-2 ta’ April 2007 fuq talba tar-rikorrenti u informat lil din ta’ l-aħħar li kienet tatha aċċess għall-fajl kunfidenzjali mis-27 ta’ Marzu 2007, filwaqt li ppreċiżat li ma ġiet miżjuda fihom ebda informazzjoni ġdida matul il-ġimgħatejn ta’ qabel.

19      Fid-29 ta’ Marzu 2007, il-Kummissjoni bagħtet lill-Kunsill il-proposta tal-miżuri definittivi bbażati fuq id-dokument ta’ informazzjoni finali rivedut. Il-motivazzjoni tar-raġunijiet li saret qabel din il-proposta kienet tipprovdi li l-Istati Membri kienu ġew ikkonsultati fi ħdan il-kumitat konsultattiv matul il-laqgħa tas-6 ta’ Marzu 2007.

20      Fit-2 ta’ April 2007, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar id-dokumenti mibgħuta fit-23 ta’ Marzu 2007, li jinkludu l-evalwazzjoni riveduta tal-Kummissjoni. F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti kkontestat il-konklużjoni tal-Kummissjoni li kienet tipprovdi li hija ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet mitluba għall-għoti ta’ l-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq u talbitha ma taċċettax l-argument tal-persuni li għamlu l-ilment li jgħid li l-aħħar sentenza ta’ l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament ta’ bażi tipprekludi lill-Kummissjoni milli tirrevedi l-pożizzjoni inizjali tagħha li ma tagħtix dan l-istatus.

21      Permezz ta’ ittra ta’ l-4 ta’ April 2007, il-Kummissjoni wieġbet billi kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha rigward il-fatt li l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ l-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq ma kinux ġew issodisfati. Barra minn hekk, hija rrilevat li l-ġurisprudenza dwar l-evalwazzjoni ta’ l-applikazzjonijiet għall-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq ma kinitx tippermetti l-evalwazzjoni mill-ġdid ta’ fatti preċedenti.

22      Permezz ta’ ittra tal-5 ta’ April 2007, ir-rikorrenti talbet lill-Kummissjoni tipproponi lill-Kunsill miżuri definittivi bbażati fuq id-dokument ta’ informazzjoni finali ġenerali ta’ l-20 ta’ Frar 2007, safejn, skond ir-rikorrenti, il-konklużjoni dwar l-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq kienet ibbażata fuq żball ta’ liġi.

23      Fit-23 ta’ April 2007, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 452/2007, li jimponi dazju definittiv antidumping u jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tat-twavel għall-mogħdija li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u l-Ukrajna (ĠU L 109, p. 12) (iktar ’il quddiem ir-“regolament ikkontestat”). Ir-regolament ikkontestat impona dazju definittiv antidumping ta’ 18.1 % fuq l-importazzjonijiet tat-twavel għall-mogħdija mmanifatturati mir-rikorrenti.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

24      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-12 ta’ Ġunju 2007, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors.

25      Permezz ta’ att separat ippreżentat fl-istess jum, ir-rikorrenti ressqet talba għal proċedura mħaffa, skond l-Artikolu 76a(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

26      Fl-10 ta’ Lulju 2007, wara li laqgħet l-osservazzjonijiet tal-Kunsill, it-Tieni Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li l-kawża għandha tiġi deċiża permezz tal-proċedura mħaffa.

27      Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikorrenti u l-Kunsill ġew mistiedna jassistu għal-laqgħa informali ma’ l-Imħallef Relatur fid-19 ta’ Lulju 2007, sabiex jeżaminaw il-modalitajiet ta’ l-iżvolġiment tal-proċedura mħaffa.

28      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru fit-28 ta’ Awwissu, fil-5 u fis-6 ta’ Settembru 2007 rispettivament, l-ewwel nett mill-Kummissjoni, wara mill-kumpanniji Vale Mill (Rochdale) Ltd, Pirola SpA u Colombo New Scal SpA (iktar ’il quddiem il-“kumpanniji intervenjenti”), u fl-aħħar nett mir-Repubblika Taljana, huma talbu li jintervjenu in sostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

29      Peress li l-kompożizzjoni ta’ l-Awli tal-Qorti tal-Prim’Istanza kienet inbidlet, l-Imħallef Relatur inħatar bħala President tas-Sitt Awla, u konsegwentement ġiet attribwita lilha l-kawża preżenti.

30      Permezz ta’ tliet digrieti tat-3 ta’ Ottubru 2007, il-President tas-Sitt Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza laqa’ t-talbiet għal intervent. Barra minn hekk, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura prevista fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, il-partijiet intervenjenti ġew mistiedna jippreżentaw l-osservazzjonijiet ta’ intervent tagħhom, li huma għamlu fit-terminu stabbilit.

31      Permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Diċembru 2007, il-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza M. Jaeger unħatar Aġent President ta’ l-Awla, skond it-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 8 u l-Artikolu 32(3) tar-Regoli tal-Proċedura, bħala sostitut ta’ T. Tchipev, li ma setax jippresjedi f’din il-kawża.

32      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla r-regolament ikkontestat safejn jistabbilixxi dazju antidumping fuq l-importazzjonijiet tat-twavel għall-mogħdija mmanifatturati minnha;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

33      Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni u mill-kumpanniji intervenjenti, jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha :

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

34      Ir-Repubblika Taljana titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha tiċħad ir-rikors.

 Id-dritt

35      Ir-rikorrenti tqajjem żewġ motivi, ibbażati rispettivament fuq żball ta’ liġi fl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament ta’ bażi u ksur tad-drittijiet tad-difiża u ta’ l-Artikolu 20(5) ta’ l-istess regolament.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi fl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament ta’ bażi

 L-argumenti tal-partijiet

36      Ir-rikorrenti tqis li l-ispjegazzjoni waħdanija mogħtija sabiex tiġġustifika l-bidla f’daqqa min-naħa tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ l-għoti ta’ l-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq tinsab fl-ittra ta’ l-4 ta’ April 2007, li fiha l-Kummissjoni sostniet li l-ġurisprudenza li tikkonċerna l-analiżi ta’ l-applikazzjonijiet għall-għoti ta’ dan l-istatus ma tippermettix evalwazzjoni ġdida ta’ fatti preċedenti. Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma spjegatx għaliex il-konklużjonijiet esposti fid-dokument ta’ informazzjoni ġenerali kienu infondati u tħalli x’tifhem li l-proposta ta’ miżuri definittivi mibgħuta lill-Kunsill ma kinux immotivati, u dan bi ksur ta’ l-Artikolu 253 KE.

37      Ir-rikorrenti tfakkar li l-kwistjoni dwar jekk l-istituzzjonijiet humiex awtorizzati jemendaw id-determinazzjoni ta’ l-istatus ta’ impriża fir-rigward ta’ l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament ta’ bażi ġiet ittrattata fis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Novembru 2006, Nanjing Metalink vs Il-Kunsill (T-138/02, Ġabra p. II‑4347). Hija tesponi li, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-ratio legis ta’ l-aħħar sentenza ta’ l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament ta’ bażi kien li tiġi ppriżervata l-oġġettività tad-determinazzjoni ta’ l-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq u li tevita li din il-kwistjoni tiġi deċiża abbażi ta’ l-effett tagħha fuq il-kalkolu tal-marġni ta’ dumping. Għalhekk, ġie deċiż li din id-dispożizzjoni tipprekludi lill-istituzzjonijiet milli jevalwaw mill-ġdid l-informazzjoni li huma diġà kellhom għad-dispożizzjoni tagħhom fi żmien id-determinazzjoni inizjali ta’ l-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq. Madankollu, il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset li l-istituzzjonijiet setgħu jirrevokaw l-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq jekk jidher li, wara bdil fis-sitwazzjoni fattwali jew żvelar ta’ provi ġodda, l-impriża kkonċernata ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tibbenefika minn dan l-istatus.

38      Ir-rikorrenti ssostni li r-regola li tipprovdi li l-aħħar sentenza ta’ l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament ta’ bażi tipprekludi li l-istituzzjonijiet jevalwaw mill-ġdid l-informazzjoni li huma kellhom għad-dispożizzjoni tagħhom waqt determinazzjoni inizjali ta’ l-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq, teħtieġ li deċiżjoni preliminari dwar dan l-istatus tkun ġiet adottata qabel id-determinazzjoni tal-valur normali. Fil-fatt, fil-fehma tagħha, din ir-regola ma jkollha ebda sinjifikat jekk dan ikun mod ieħor. Għalhekk, fil-kawża in kwistjoni, il-Kummissjoni, fl-istess waqt, kienet wettqet minn naħa, eżami tal-kwistjoni sabiex tkun taf jekk ir-rikorrenti setgħetx tibbenefika mill-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq u, min-naħa l-oħra, id-determinazzjoni tal-valur normali.

39      F’dawn iċ-ċirkustanzi, mhemm ebda raġuni, skond ir-rikorrenti, li tiġi ttrattata b’mod differenti l-kwistjoni ta’ l-istatus tar-rikorrenti fir-rigward ta’ l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament ta’ bażi u ta’ aspetti oħra tad-determinazzjoni provviżorja tal-marġni ta’ dumping, li jistgħu jiġu eżaminati matul l-inkjesta. L-interpretazzjoni li għamlet il-Kummissjoni fir-rigward ta’ din id-dispożizzjoni tmur ukoll kontra l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba peress li hija tobbliga lill-Kunsill u lill-Kummissjoni li jimponu dazji definittivi fuq bażi żbaljata. Safejn il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li d-determinazzjoni inizjali ta’ l-istatus tar-rikorrenti ma kienx ġustifikat għar-raġunijiet esposti fid-dokument inizjali ġenerali ta’ l-20 ta’ Frar 2007, hija mhux biss kien ikollha d-dritt, imma saħansitra l-obbligu li temenda d-determinazzjoni ta’ dan l-istatus.

40      Konsegwentement, il-proposta ta’ miżuri definittivi hija bbażata fuq ksur ta’ l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament ta’ bażi. Dan il-ksur jivvizzja wkoll ir-regolament ikkontestat.

41      Il-Kunsill u l-partijiet li ġew ammessi għall-intervent in sostenn tat-talbiet tagħha jikkontestaw il-mertu ta’ dan il-motiv.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

42      L-ewwel nett, għandu jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni emendatx il-proposta li tinsab fl-informazzjoni finali ta’ l-20 ta’ Frar 2007 peress li din ma kellhiex dritt li tevalwa mill-ġdid fatti preċedenti.

43      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li fil-premessi 12 sa 14 tar-regolament ikkontestat, il-Kunsill jipprovdi kif ġej :

“(12) Wara l-impożizzjoni ta’ miżuri provviżorji, produttur esportatur Ċiniż li kkoopera sostna li kellu jingħata MET. Il-kumpanija tenniet li l-prattiki ta’ kontabilità stabbiliti fil-premessa 25 tar-Regolament provviżorju, li wassal għaċ-ċaħda ta’ MET għal ħames produtturi esportaturi Ċiniżi (tlieta ġew rifjutati biss għal din ir-raġuni), ma kinux biżżejjed materjali biex jaffettwaw l-affidabbiltà tal-kontijiet, li kienu fil-fatt kompluti u ma jolqtux id-determinazzjoni tal-marġni tad-dumping.

(13) F’dan ir-rigward, ta’ min jinnota li l-prattiki ta’ kontabilità msemmija qabel u li użat il-kumpanija, waqt iż-żjara ta’ verifika fuq il-post instab li kienu jiksru b’mod ċar l-Istandards ta' Kontabilità Internazzjonali, notevolment l-IAS Nru 1, u ma setgħux jitqiesu bħala irrilevanti. Ma ntbagħtet l-ebda evidenza li setgħet tbiddel is-sejbiet stabbiliti fil-premessa 25 tar-Regolament provviżorju.

(14) Minħabba li ma kien hemm l-ebda kumment sostanzjat u rilevanti ieħor, il-premessi 15 u 28 tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.”

44      Minn dak li ntqal jirriżulta li, fir-regolament ikkontestat, ir-rifjut li tiġi emendata d-determinazzjoni ta’ l-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq, li tapplika fir-Regolament provviżorju, ma kienx dovut għall-ostakolu għall-evalwazzjoni mill-ġdid tal-fatti preċedenti stabbilit mill-aħħar sentenza ta’ l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament ta’ bażi, imma għan-nuqqas ta’ konformità tal-kontabbiltà tar-rikorrenti ma’ l-istandards IAS u min-nuqqas ta’ element ġdid li seta’ jaffettwa din l-evalwazzjoni. Konsegwentement, dan ir-rifjut jirriżulta minn applikazzjoni tal-kriterji materjali tat-tieni inċiż ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 2(7)(ċ) ta’ dan ir-regolament.

45      Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li lanqas mid-dokumenti ta’ informazzjoni finali u ġenerali riveduta u mill-informazzjoni partikolari riveduta ma jirriżulta li r-rifjut tal-Kummissjoni li tipproponi l-għoti lir-rikorrenti ta’ l-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq kienet motivata mill-projbizzjoni li tevalwa mill-ġdid il-fatti preċedenti, peress li, fir-rigward ta’ dan il-punt, l-argumenti tal-Kummissjoni kienu esklużivament ibbażati fuq in-nuqqas ta’ konformità tal-prassi ta’ kontabbiltà tar-rikorrenti ma’ l-istandards IAS.

46      Id-dokument waħdieni li fih il-Kummissjoni tesponi li l-ġurisprudenza dwar id-determinazzjoni ta’ l-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq ma tawtorizzax l-evalwazzjoni mill-ġdid tal-fatti preċedenti, huwa, kif tindika r-rikorrenti nnifsha, l-ittra tal-Kummissjoni ta’ l-4 ta’ April 2007. Fil-fatt, fiha l-Kummissjoni tindika b’mod partikolari :

“Fl-osservazzjonijiet tiegħu tat-2 ta’ April 2007, il-klijent tiegħek jkompli jirrepeti l-istess argumenti, li kienu diġà tqajmu qabel l-informazzjoni finali, dwar l-anomaliji ta’ kontabbiltà u l-konformità tagħhom jew le ma’ l-istandards IAS, imma kif taf tajjeb, il-ġurisprudenza dwar l-evalwazzjoni ta’ l-applikazzjonijiet ta’ l-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq ma tippermettix l-evalwazzjoni mill-ġdid tal-fatti preċedenti.”

47      Kif jirriżulta minn din l-ittra, il-Kummissjoni rreferiet għall-ġurisprudenza li tipprekludi l-evalwazzjoni mill-ġdid tal-fatti preċedenti sabiex tiċħad l-argumenti li r-rikorrenti kienet diġà ressqet qabel ma bagħtet l-informazzjoni finali. Bħala tweġiba lill-Qorti tal-Prim’Istanza matul is-seduta, il-Kummissjoni, mingħajr ma kienet ikkontestata mir-rikorrenti, ippreċiżat li l-argumenti msemmija f’din l-osservazzjoni kienu inklużi fl-ittra ta’ l-1 ta’ Settembru 2006, mibgħuta mir-rikorrenti qabel id-determinazzjoni inizjali ta’ l-istatus ta’ l-impriża li topera f’ekonomija tas-suq, tal-15 ta’ Settembru 2006, u ġiet implementata fir-Regolament provviżorju.

48      Madankollu, għandu jiġi osservat li, fl-ittra ta’ l-4 ta’ April 2007, il-Kummissjoni bbażat ir-rifjut li tirrikonoxxi l-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq fuq il-fatt li, bi ksur ta’ l-istandards IAS, il-kontabbiltà tar-rikorrenti li ma kinitx tieħu in kunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ kontabbiltà ta’ kompetenza, kienet tagħti kumpens u tippreżenta tranżazzjonijiet flimkien mingħajr ma turihom separatament. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni rrilevat li l-verifiki li saru ma kienu taw lok għal ebda osservazzjoni f’dan ir-rigward. Il-Qorti tal-Prim’Istanza tinnota li l-Kummissjoni indikat ukoll li l-informazzjoni dwar il-prezz ta’ l-azzar ma kienx jippermetti evalwazzjoni ġdida tal-lakuni kkonstatati fil-kontabbiltà tar-rikorrenti.

49      Għalhekk, mill-ittra kollha jirriżulta li l-osservazzjoni tal-Kummissjoni rigward in-nuqqas ta’ possibbiltà li jiġu evalwati mill-ġdid il-fatti preċedenti hija ta’ natura inċidentali, peress li l-istituzzjoni bbażat ir-rifjut tagħha li tipproponi l-għoti ta’ l-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq fuq evalwazzjoni tal-kwistjoni jekk ir-rikorrenti kinitx tikkonforma mal-kriterji materjali applikabbli.

50      Għandu jiġi kkonstatat li l-allegazzjoni tar-rikorrenti li, f’din il-kawża, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq projbizzjoni li tevalwa mill-ġdid il-fatti preċedenti, hija nieqsa fil-fatti. Peress li għal din ir-raġuni, l-ewwel motiv ma jistax jiġi milqugħ, il-kwistjoni dwar l-interpretazzjoni ta’ l-aħħar sentenza ta’ l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament ta’ bażi u tal-punt 44 tas-sentenza Nanjing Metalink vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, hija konsegwentement nieqsa minn kull rilevanza.

51      Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat li d-dubju li kellha r-rikorrenti waqt is-seduta fir-rigward tal-proċess deċiżjonali li wassal għall-proposta tal-Kummissjoni, kif ukoll fir-rigward ta’ l-evalwazzjoni mill-istituzzjonijiet tal-fatt li jsiru jafu jekk l-impriża tissodisfax il-kundizzjoni stabbilita fit-tieni inċiż ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament ta’ bażi mhuwiex intiż li jservi ta’ mezz għall-annullament awtonomu, fid-dawl tal-fatt li dan il-motiv huwa ġdid u għalhekk inammissibbli, kif isostnu l-Kunsill u l-partijiet li huma ammessi jintervjenu in sostenn tal-konklużjonijiet tagħhom. Fil-fatt, kif ikkonfermat ir-rikorrenti waqt is-seduta, dawn l-argumenti huma intiżi li jikkompletaw l-kuntest ta’ l-ewwel motiv.

52      Barra minn hekk, fir-rigward ta’ l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni ma spjegatx kif il-konklużjonijiet fid-dokument ta’ informazzjoni ġenerali huma infondati, għandu jingħad li, bis-saħħa ta’ l-obbligu previst fl-Artikolu 253 KE, l-att finali għandu jkun motivat meta mqabbel ma’ l-elementi kollha, ta’ fatt u ta’ dritt, li huma rilevanti għall-evalwazzjoni li ssir. L-obbligu ta’ motivazzjoni m’għandux l-għan li jispjega l-evoluzzjoni tal-pożizzjoni ta’ l-istituzzjoni waqt il-proċedura amministrattiva u għalhekk mhuwiex intiż li jiġġustifika d-differenzi tas-soluzzjoni li ttieħdet fl-att finali meta mqabbla ma’ pożizzjoni provviżorja esposta fid-dokumenti kkomunikati lill-partijiet interessati waqt din il-proċedura sabiex jippermettulhom li jsiru jafu bl-osservazzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Lulju 2006, Impala vs Il-Kummissjoni, T-464/04, Ġabra p. II‑2289, punt 285). Għalhekk, dan l-obbligu ma jġiegħel b’ebda mod lill-istituzzjoni tispjega kif il-pożizzjoni prevista fi stadju partikolari tal-proċedura amministrattiva kienet eventwalment infondata.

53      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-informazzjoni finali ma tikkostitwixxix att li jikkawża preġudizzju jew li jikkonferixxi drittijiet. Kif jirriżulta mill-Artikolu 20 tar-Regolament ta’ bażi, dan id-dokument għandu l-għan li jesponi, matul il-proċedura amministrattiva, il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom il-Kummissjoni tipprospetta li tirrakkomanda l-istabbiliment ta’ miżuri definittivi, sabiex tinforma lill-partijiet interessati kollha bl-orjentamenti pprospettati u li tiġbor l-osservazzjonijiet tagħhom f’dan ir-rigward. Peress li l-pożizzjoni tal-Kummissjoni tista’ tinbidel minħabba l-osservazzjonijiet ippreżentati, din hija neċessarjament provviżorja, kif isostnu l-Kunsill u l-Kummissjoni, kif tindika l-aħħar sentenza ta’ l-Artikolu 20(4) tar-Regolament ta’ bażi.

54      Konsegwentement, il-fatt li l-motivazzjoni tar-regolament ikkontestat ma tispjegax kif il-konklużjonijiet inklużi fid-dokument ta’ informazzjoni ġenerali ta’ l-20 ta’ Frar 2007 huma infondati, u l-fatt, jekk jitqies li huwa stabbilit, li l-Kummissjoni ma kellhiex spjegazzjoni f’dan ir-rigward, ma jistgħux, fihom infushom, iwasslu għall-illegalità tar-regolament ikkontestat.

55      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u ta’ l-Artikolu 20(5) tar-Regolament ta’ bażi

 L-argumenti tal-partijiet

56      Ir-rikorrenti tindika li, mill-Artikolu 20(4) u (5) tar-Regolament ta’ bażi jirriżulta li l-Kummissjoni għandha tikkomunika lill-partijiet interessati l-informazzjoni finali dwar il-fatti u l-kunsiderazzjoni essenzjali li abbażi tagħhom għandu jiġi rakkomandat l-istabbiliment ta’ miżuri definittivi iktar minn għaxart ijiem qabel ma tintbagħat lill-Kunsill il-proposta ta’ miżuri definittivi, sabiex jippermettu lill-partijiet jifformulaw l-osservazzjonijiet tagħhom f’dan it-terminu minimu u li l-Kummissjoni tieħdu in kunsiderazzjoni.

57      Għalhekk, il-Kummissjoni bagħtet lill-Kunsill il-proposta tal-miżuri definittivi bbażati fuq l-informazzjoni finali riveduta bilkemm sitt ijiem wara l-komunikazzjoni ta’ din ta’ l-aħħar lir-rikorrenti, mingħajr ma stenniet l-iskadenza tat-terminu ta’ għaxart ijiem previst fl-Artikolu 20(5) tar-Regolament ta’ bażi, u erbat ijiem qabel id-data li fiha r-rikorrenti kellha tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha.

58      Il-Kunsill u l-partijiet ammessi li jintervjenu in sostenn tal-konklużjonijiet tagħha jikkontestaw il-fatt li kien hemm ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti. Fil-fatt, wara t-trażmissjoni tad-dokument ta’ informazzjoni finali ġenerali rivedut, il-Kummissjoni stabbilixxiet terminu ta’ sitt ijiem, li sussegwentement ġie estiż għal għaxart ijiem, sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha. Għalhekk, it-terminu ta’ għaxart ijiem previst fl-Artikolu 20(5) tar-Regolament ta’ bażi kien osservat. Barra minn hekk, il-Kunsill jallega li l-kalendarju li abbażi tiegħu saret it-trażmissjoni tal-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill hija kwistjoni ta’ proċedura li ma taqax taħt il-preskrizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 20(5) tar-Regolament ta’ bażi. Għalhekk, il-Kummissjoni ma kisritx l-obbligu ta’ proċedura.

59      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma wrietx li l-osservazzjonijiet tagħha ma ġewx eżaminati mill-Kummissjoni. Il-Kunsill jirrileva li r-rikorrenti kienet f’pożizzjoni li tikkunsidra d-domandi dwar il-lakuni kkonstatati fir-reġistrazzjonijiet waqt żjarat ta’ verifiki, kif fil-fatt għamlet. Huwa jżid ukoll, sostnut mir-Repubblika Taljana u mill-kumpanniji intervenjenti, li l-fatt li l-proposta tal-Kummissjoni kienet trażmessa qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit għar-riċeviment ta’ l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti ma jikkostitwixxix prova li l-imsemmija osservazzjonijiet ma ttiħdux in kunsiderazzjoni, peress li l-Kummissjoni kienet f’pożizzjoni li temenda l-proposta qabel ma din tiġi adottata mill-Kunsill, jekk hija tqis dan neċessarju.

60      Fl-aħħar nett, il-Kunsill, bis-sostenn tar-Repubblika Taljana u tal-kumpanniji intervenjenti, jikkunsidra li r-rikorrenti ma ppreċiżatx l-argumenti li hija setgħet tippreżenta u li ma ġewx eżaminati mill-Kummissjoni. Il-kumpanniji intervenjenti jippreċiżaw li, fl-ittra tagħha tat-2 ta’ April 2007, ir-rikorrenti ma tikkomunika xejn għajr li tirrepeti l-argumenti preċedenti tagħha, li kienet diġà rrispondiet għalihom il-Kummissjoni. Konsegwentement, huma jikkunsidraw li r-rikorrenti ma wrietx li l-fatt li l-proposta tal-Kunsill intbagħtet qabel l-iskadenza tat-terminu, kellu impatt fuq il-kapaċità tagħha li tiddefendi ruħha.

61      Il-Kummissjoni żżid li, fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti kellha l-possibbiltà li tesprimi ruħha dwar in-nuqqasijiet li kienu jidhru mill-kontabbiltà tagħha u li turi li hija kienet tissodisfa l-kriterju msemmi fit-tieni inċiż ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament ta’ bażi. L-osservazzjonijiet tagħha ġew eżaminati u miċħuda fl-ittra tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Settembru 2006, u din l-evalwazzjoni kienet sussegwentement ikkonfermata mir-Regolament provviżorju, u wara ttrattata fl-ittra ta’ l-4 ta’ April 2007, sabiex kienet ikkonfermata mill-ġdid fir-regolament ikkontestat.

62      Skond il-Kummissjoni u l-kumpanniji intervenjenti, il-faks tat-23 ta’ Marzu 2007, li informa lir-rikorrenti li s-servizzi tal-Kummissjoni kellhom l-intenzjoni li jagħmlu lill-Kulleġġ tal-membri tal-Kummissjoni proposta differenti minn dik ippjanata fl-ittra ta’ l-20 ta’ Frar 2007, ma kienx neċessarju, safejn l-aħħar parti ta’ l-Artikolu 20(4) tar-Regolament ta’ bażi ma jipprovdix l-obbligu li jiġu informati l-partijiet ikkonċernati ħlief meta d-deċiżjoni meħuda hija bbażata fuq fatti jew kunsiderazzjonijiet differenti minn dawk imsemmija fl-informazzjoni finali. Id-dokumenti ta’ informazzjoni finali u ġenerali riveduta u ta’ informazzjoni partikolari riveduta ma jinkorporaw ebda fatt jew kunsiderazzjoni ġdida.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

63      Il-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża huwa prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju, li bis-saħħa tiegħu l-impriżi kkonċernati minn proċedura ta’ investigazzjoni mibdija qabel l-adozzjoni ta’ regolament antidumping għandhom jitpoġġew f’pożizzjoni, matul il-proċedura amministrattiva, li jesprimu l-opinjoni tagħhom fuq ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u ċirkustanzi allegati (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-28 ta’ Ottubru 2004, Shanghai Teraoka Electronic vs Il-Kunsill, T-35/01, Ġabra p. II‑3663, punti 288 u 289, u l-ġurisprudenza ċċitata).

64      Dawn l-eżiġenzi huma implementati mill-Artikolu 20 tar-Regolament ta’ bażi, li fis-subparagrafu 4 jipprovdi l-komunikazzjoni bil-miktub ta’ l-informazzjoni finali. Skond din id-dispożizzjoni, meta d-deċiżjoni finali li tkun ġiet adottata finalment tkun ibbażata fuq fatti u kunsiderazzjonijiet differenti ta’ żewġ dokumenti permezz ta’ l-informazzjoni finali, “dawn għandhom jiġu mikxufa [kkomunikati] kemm jista jkun malajr”. L-Artikolu 20(5) tar-Regolament ta’ bażi jippreċiża li “[r]appreżentazzjonijiet magħmula wara li jingħata t-tagħrif finali għandhom jiġu kkunsidrati biss jekk riċevuti fi żmien perjodu li għandu jiġi stabbilit mill-Kummissjoni f'kull każ, li għandu jkun mill-inqas 10t’ijiem [għaxart ijiem]”.

65      Fil-każ in kwistjoni, il-Kunsill jallega li t-trażmissjoni lill-Kunsill tal-proposta ta’ miżuri definittivi mill-Kummissjni qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ għaxart ijiem previst fl-Artikolu 20(5) tar-Regolament ta’ bażi ma jiksirx din id-dispożizzjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li mill-kliem ta’ l-Artikolu 20(4) tar-Regolament ta’ bażi jirriżulta b’mod ċar li l-Kummissjoni għandha tikkomunika lill-partijiet interessati l-informazzjoni finali mhux iktar tard minn xahar qabel it-trażmissjoni ta’ proposta ta’ deċiżjoni finali lill-Kunsill. Jekk l-Artikolu 20(5) tar-Regolament ta’ bażi ma jippreċiżax li l-Kummissjoni għandha tistenna l-iskadenza tat-terminu ta’ għaxart ijiem sabiex tibgħat il-proposta tagħha lill-Kunsill, din id-dispożizzjoni, li tinsab eżatt wara l-Artikolu 20(4), ma tistax tiġi interpretata bħala li mhijiex konformi mad-dispożizzjoni preċedenti. Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li t-trażmissjoni mill-Kummissjoni tal-proposta tagħha lill-Kunsill ma tistax isseħħ qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ għaxart ijiem previst f’din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Novembru 1998, Champion Stationery et vs Il-Kunsill, T-147/97, Ġabra p. II‑4137, punti 81 sa 83).

66      Barra minn hekk, din is-soluzzjoni hija imposta sabiex tiggarantixxi li l-osservazzjonijiet eventwali tal-partijiet interessati jkunu effettivament meħuda in kunsiderazzjoni mill-Kummissjoni qabel ma tintbagħat il-proposta lill-Kunsill. F’dan ir-rigward, l-argument tal-Kunsill, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni tista’ tieħu in kunsiderazzjoni dawn l-osservazzjonijiet billi sussegwentement temenda l-proposta tagħha quddiem il-Kunsill, ma tistax tiġi milqugħa. Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 250(2) KE jattribwixxi lill-Kummissjoni s-setgħa li temenda l-proposta quddiem il-Kunsill sabiex tiffaċilita, fl-osservanza ta’ l-interess Komunitarju li hija tiddefinixxi, il-konverġenza ta’ fehmiet fi ħdan l-istituzzjoni, jew, skond il-każ, bejn l-istituzzjonijiet differenti li jagħmlu parti mill-proċess deċiżjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Ottubru 1994, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-280/93, Ġabra p. I‑4973, punt 36). Madankollu, l-eżerċizzju ta’ dan il-poter mhuwiex adegwat għall-finijiet li jittieħdu in kunsiderazzjoni b’mod xieraq l-osservazzjonijiet tal-partijiet.

67      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-osservazzjonijiet tal-partijiet interessati jistà jkollhom konsegwenzi importanti fuq il-kontenut ta’ l-att finali. Għalhekk, is-sempliċi fatt li l-Kunsill kien diġà kellu l-proposta ta’ miżuri definittivi, jista’, huwa stess, jinfluwenza l-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw minn dawn l-osservazzjonijiet. Għalhekk, ma jistax jiġi eskluż li l-possibbiltà, għall-Kummissjoni li tikkomunika lill-Kunsill il-proposta tagħha qabel ir-riċeviment ta’ l-osservazzjonijiet tal-partijiet interessati tippreġudika l-fatt li dawn jittieħdu in kunsiderazzjoni b’mod effettiv.

68      Fil-każ in kwistjoni, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li kuntrarjament għal dak li jallegaw il-kumpanniji intervenjenti u l-Kummissjoni, din ta’ l-aħħar kellha tinforma lill-partijiet ikkonċernati bil-pożizzjoni l-ġdida tagħha, kif espost fid-dokumenti ta’ informazzjoni ġenerali u l-informazzjoni partikolari riveduti, tat-23 ta’ Marzu 2007, safejn dawn jinkludu kunsiderazzjoni ġdida jew differenti skond l-Artikolu 20(4) tar-Regolament ta’ bażi, li jipprovdi li l-informazzjoni dwar il-prezz ta’ importazzjoni ta’ l-azzar ma setgħetx tbiddel il-konsegwenzi li għandhom jirriżultaw, fir-rigward tas-suġġett ta’ l-għoti ta’ l-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq, min-nuqqas ta’ osservanza mir-rikorrenti ta’ l-istandards IAS.

69      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, peress li hemm riferiment espliċitu għall-“fatti u kunsiderazzjonijiet differenti”, l-Artikolu 20(4) tar-Regolament ta’ bażi ma jikkonfermax l-argument li ġie sostnut mill-Kummissjoni waqt is-seduta li jipprovdi li l-emenda waħdanija ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-elementi fattwali li baqgħu ma nbidlux m’għandhomx bżonn li jiġu nnotifikati lill-partijiet interessati. Meta l-evalwazzjoni ta’ l-elementi fattwali rilevanti ssir għall-ewwel darba din trid tkun innotifikata lill-partijiet interessati sabiex ikunu jistgħu jagħmlu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar dan is-suġġett.

70      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva, sussegwentement, li huwa paċifiku li d-dokumenti ta’ informazzjoni finali u ġenerali riveduta u ta’ informazzjoni partikolari riveduta ġew innotifikati lir-rikorrenti fit-23 ta’ Marzu 2007, filwaqt li l-proposta tal-miżuri definittivi ġiet innotifikata lill-Kunsill fid-29 ta’ Marzu 2007, jiġifieri sitt ijiem wara. Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma osservatx ir-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 20(5) tar-Regolament ta’ bażi.

71      Madankollu, in-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu ta’ għaxart ijiem previst fl-Artikolu 20(5) tar-Regolament ta’ bażi jista jwassal għall-annullament tar-regolament ikkontestat biss fejn hemm il-possibbiltà li, minħabba din l-irregolarità, il-proċedura amministrattiva setgħet twassal għal riżultat differenti, u għalhekk taffettwa b’mod konkret id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, 30/78, Ġabra p. 2229, punt 26, u s-sentenza Shanghai Teraoka Electronic vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 331).

72      F’dan ir-rigward, f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni tad-determinazzjoni ta’ l-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq, mill-proċess ma jirriżultax li d-dokumenti ta’ informazzjoni finali u ġenerali riveduta u ta’ informazzjoni partikolari riveduta, innotifikati fit-23 ta’ Marzu 2007, ippreżentaw fatti ġodda, li kienet għadha ma tafx bihom ir-rikorrenti. F’dawn id-dokumenti, il-Kummissjoni sempliċement informat lir-rikorrenti bl-intenzjoni tagħha li tirrevedi l-pożizzjoni preċedenti tagħha u għalhekk iżżomm id-deċiżjoni inizjalment adottata fil-15 ta’ Settembru 2006 u implementata fir-Regolament provviżorju.

73      Kif issostni l-Kummissjoni, ir-rikorrenti setgħet tikkomunika l-osservazzjonijiet tagħha dwar id-determinazzjoni inizjali ta’ l-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq (ara l-punti 9 sa 12 iktar ’il fuq). L-osservazzjonijiet tar-rikorrenti, li taw informazzjoni dwar il-prezz ta’ l-importazzjonijiet ta’ l-azzar, wasslu wkoll sabiex il-Kummissjoni tirrevedi d-determinazzjoni inizjali ta’ l-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq. Għalhekk, għandu jingħad li r-rikorrenti diġà kellha l-okkażjoni, matul fażi qabel il-proċedura amministrattiva, li tesprimi ruħha dwar il-pożizzjoni preżenti, mill-ġdid, fid-dokumenti ta’ informazzjoni finali u ġenerali riveduta u ta’ informazzjoni partikolari riveduta, tat-23 ta’ Marzu 2007.

74      Barra minn hekk, kif isostni l-Kunsill, ir-rikorrenti ma tippreċiżax l-argumenti li hija setgħet tippreżenta fin-nuqqas ta’ irregolarità proċedurali kkonstatata u li ma kinux eżaminati diġà mill-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, independentement mill-argumenti dwar l-applikazzjoni allegata ta’ l-aħħar sentenza ta’ l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament ta’ bażi, mill-ittra tat-2 ta’April 2007 ma jirriżultax li r-rikorrenti kienet ippreżentat argumenti ġodda bħala risposta għall-pożizzjoni tal-Kummissjoni. Fil-fatt, l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti kienu iffukati fuq l-importanza li għandha tingħata lill-irregolaritajiet ta’ kontabbiltà kkonstatati kif ukoll fuq il-konsegwenzi li għandhom jirriżultaw mill-informazzjoni dwar il-prezz ta’ importazzjonijiet ta’ l-azzar, jiġifieri kwistjonijiet li fir-rigward tagħhom hija kienet diġà kkomunikat diversi drabi l-fehma tagħha.

75      Fir-rigward ta’ l-osservazzjonijiet fl-istess ittra, dwar l-applikazzjoni ta’ l-aħħar sentenza ta’ l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament ta’ bażi u tas-sentenza Nanjing Metalink vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, fi kwalunkwe każ, dawn ma setgħux jinfluwenzaw il-kontenut tar-regolament ikkontestat, safejn, kif ġie kkonstatat fil-kuntest ta’ l-ewwel motiv, ir-rifjut ta’ l-għoti ta’ l-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq kien ibbażat fuq l-applikazzjoni tal-kriterji materjali li jissemmew fit-tieni inċiż ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament ta’ bażi (ara l-punti 48 u 49 iktar ’il fuq).

76      Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-ksur ta’ l-Artikolu 20(5) tar-Regolament ta’ bażi ma setax jaffettwa l-kontenut tar-regolament ikkontestat u, għalhekk, id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti. Għaldaqstant, din l-irregolarità ma tistax twassal għall-illegalità u l-annullament tar-regolament ikkontestat. Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

77      Konsegwentement, ir-rikors kollu għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq l-ispejjeż

78      Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Barra minn hekk, skond l-Artikolu 87(4) ta’ dan ir-regolament, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervenjew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

79      Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kunsill u mill-kumpanniji intervenjenti, kif ukoll għall-ispejjeż sostnuti mill-Kunsill u mill-kumpanniji intervenjenti. Il-Kummissjoni u r-Repubblika Taljana għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Is-Sitt Awla)

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware Co. Ltd għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kunsill, minn Vale Mill (Rochdale) Ltd, minn Pirola SpA u minn Colombo New Scal SpA.

3)      Il-Kummissjoni u r-Repubblika Taljana għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Jaeger

Meij

Vadapalas

Mogħtija fil-qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-29 ta’ Jannar 2008.

E. Coulon

 

      M. Jaeger

Reġistratur

 

      Aġent President


* Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż.