Language of document :

Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Ottubru 2023 – Bloom vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-1049/23)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Bloom (Pariġi, Franza) (rappreżentant: F. Lafforgue, avukat)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat-30 ta’ Awwissu 2023 li tiċħad it-talba għal rieżami intern fir-rigward tal-ittra tal-Kummissjoni Ewropea tal-5 ta’April 2023 li permezz tagħha id-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd informa lill-Kummissjoni dwar it-Tonn tal-Oceanu tal-Indja (iktar ’il quddiem il-“KTOI”) li l-Unjoni Ewropea kienet qed tippreżenta oġġezzjoni għar-Reżoluzzjoni 23/02 dwar il-ġestjoni tal-irkaptu li jżomm f’wiċċ l-ilma li jiġma’ l-ħut (iktar ’il quddiem ir-“RJĦ”) fiż-żona li taqa’ taħt il-kompetenza tal-KTOI b’applikazzjoni tal-Artikolu IX(5) tal-Ftehim li jistabbilixxi l-KTOI;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea kemm għall-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll għal dawk sostnuti mir-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha r-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni allegatament imwettaq mill-Kummissjoni Ewropea. Ir-rikorrenti ssostni li l-ittra ta’ oġġezzjoni li hija s-suġġett tat-talba għal rieżami tikkostitwixxi att li jista’ jkun is-suġġett ta’taba għal rieżami u tikkostitwixxi ksur tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ prekawzjoni. Ir-rikorrenti tqis li l-użu tar-RJĦ hija waħda mill-kawżi prinċipali tal-qabdiet mhux mixtieqa, kemm jekk fir-rigward ta’ speċi mhux fil-mira kif ukoll jekk fir-rigward ta’ ħut li għadu qed jikber tal-ispeċi fil-mira. Konsegwentement, ir-Reżoluzzjoni 23/02 tal-KTOI, li tipprevedi l-għeluq tal-użu tar-RJĦ għal perijodu ta’ 72 ġurnata, tikkostitwixxi l-iktar soluzzjoni rilevanti sabiex titwaqqaf l-esplojtazzjoni eċċessiva tal-istoks u sabiex dawn ikunu jistgħu jerġgħu jikkostitwixxu ruħhom.

It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 1 . Skont ir-rikorrenti, il-marġni ta’ tolleranza permess f’estimi rreġistrati fil-ġurnal ta’ abbord dwar is-sajd tal-kwantitajiet f’kilogrammi ta’ ħut miżmum abbord huwa ta’ 10 % għall-ispeċijiet kollha. Issa, il-ksur ta’ dan il-marġni ta’ tolleranza jirriżulta fil-parti l-kbira direttament mill-użu tar-RJĦ. Fil-fatt, l-użu tar-RJĦ jinvolvi ripetizzjoni mhux mixtieqa ta’ qabdiet aċċessorji ta’ speċi mhux fil-mira jew ta’ ħut li għadu qed jikber, b’mod partikolari ta’ tonn isfar u ta’ tonn obeż. Peress li l-ħut li għadu qed jikber ta’ dawn iż-żewġ speċi jixtiebħu, il-bastimenti tat-tonn ma jistgħux jiddikjaraw il-qabda tagħhom skont l-ispeċi u għalhekk ma jistgħux jiżguraw ruħhom mill-osservanza tal-marġni ta’ tolleranza ta’ 10 %.

____________

1 Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU 2009, L 343, p. 1, bir-Rettifiki fil-ĠU 2013, L 355, p. 93, fil-ĠU 2014, L 318, p. 34, u fil-ĠU 2015, L 149, p. 23).