Language of document :

Rikors ippreżentat fl-21 ta’ Mejju 2013 – SACBO vs Il-Kummissjoni u TEN-T EA

(Kawża T-270/13)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Società per l’aeroporto civile di Bergamo Orio al Serio SpA (SACBO SpA) (rappreżentanti: M. Muscardini, avukat, G. Greco, avukat)

Konvenut: Aġenzija Eżekuttiva għan-Netwerk Transewropew tat-Trasport, Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn ikkunsidrat inammissibbli ċerti spejjeż esterni, u b’hekk naqqset il-kofinanzjament dovut u titlob il-ħlas lura ta’ EUR 158,517.54, bil-konsegwenzi legali kollha.

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Dan ir-rikors ġie ppreżentat kontra d-deċiżjoni tat-18 ta’ Marzu 2013 adottata mit- Trans-European Transport Network Executive Agency (TEN-T EA), dwar “L-għeluq tal-proċedura 2009-IT-91407-S- Studju għall-iżvilupp intermodali tal-ajruport ta’ Bergamo-Orio al Serio” ̶ Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2010)4456 1 ”, sa fejn kkunsidrat bħala ineliġibbli u, għaldaqstant ma setgħux jibbenefikaw minn għajnuna, l-ispejjeż li jirrigwardaw l-attivitajiet 1, 2.1, 4, 5, 6 u 7, li diġà twettqu, u titlob il-ħlas lura tal-ammont ta’ EUR 158 517.54.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament KE Nru 680/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 Ġunju 2007, kif ukoll tal-Artikoli III.4.2.2 u III.4.2.3 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (2010) 4456 tal-24 ta’ Ġunju 2010.

Hija ssostni f’dan ir-rigward li ma ġietx implementata l-proċedura ta’ “ilment”, fl-Artikolu 4.2.3 tad-deċiżjoni ta’ għoti tal-finanzjament.

It-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 17(2) u (6) tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, tal-Artikolu 296(2) TFUE u tal-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll il-ksur tal-Artikolu II.2.3 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (2010) 4456 tal-24 ta’ Ġunju 2010.

Ir-rikorrenti ssostni f’dan ir-rigward:

in-natura kontradittorja tal-motivazzjoni fil-punt fejn jingħad li kien hemm “frammentazzjoni tal-kuntratti” inġustifikata, iżda min-naħa l-oħra tiddikjara li “s-suġġett tal-kuntratti” huwa “tant konness” li dawn l-istess kuntratti kellhom ikunu s-suġġett ta’ proċedura waħda ta’ għoti ta’ kuntratti;

in-natura żbaljata tal-affermazzjoni dwar il-frammentazzjoni indebita ta’ għoti wieħed ta’ kuntratti peress li ġiet ikkontestata mill-kontenut tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (2010) 4456, tal-24 ta’ Ġunju 2010,

l-assenza ta’ kwalunkwe “splitting up” tal-kuntratti jew ta’ xi “suddiviżjoni tal-proġetti”;

l-inapplikabbiltà għall-kuntratti taħt il-limiti tad-Direttiva 2004/17/KE fl-assenza ta’ interess transkonfinali.

It-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu I.3.1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (2010) 4456, tal-24 ta’ Ġunju 2010, tal-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 296 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll tal-prinċipju ta’ aspetattivi leġittimi.

Ir-rikorrenti ssostni f’dan ir-rigward:

in-natura kontradittorja tal-motivazzjoni peress illi hija kuntrarja għar-rikonoxximent u l-approvazzjoni li ngħataw diġà mit-TEN-T EA fuq SAP u ASR;

il-konformità tal-attivitajiet imwettqa minn SACBO ma’ dawk l-attivitajiet suġġetti għall-kofinanzjament.

4. Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 40(2)(b)(ċ) u (d) tad-Direttiva 2004/17/KE

Ir-rikorrenti ssostni f’dan ir-rigward:

l-inapplikabbiltà tad-Direttiva 2004/17/KE għall-kuntratti li huma suġġetti għal kofinanzjament għall-għan ta’ “studju” u “riċerka”;

l-impossibbiltà li ssir sejħa miftuħa għall-għoti ta’ kuntratti minħabba t-termini imposti mid-Deċiżjoni ta’ kofinanzjament.

Il-ħames motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

Ir-rikorrenti tikkunsidra li l-konvenuta kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità peress li ssuġġettat il-ksur allegat għal reġim iktar gravi meta mqabbel ma’ dak previst għall-każ ta’ kanċellament tal-kofinanzjament.

____________

1 “Closure of Action nº 2009-IT-91407-S- “STUDY FOR BERGAMO-ORIO AL SERIO AIRPORT DEVELOPMENT INTERMODALITY” - Commission Decision C(2010)4456”