Language of document : ECLI:EU:T:2018:643

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

4 ta’ Ottubru 2018 (*)

“Aċċess għad-dokumenti – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Dokumenti relatati mal-proċedura mibdija skont l-Artikolu 29 tad‑Direttiva 2007/46/KE li jippermetti lil Stat Membru jirrifjuta r‑reġistrazzjoni ta’ vetturi li jippreżentaw riskju serju għas-sigurtà stradali, jew huma ta’ dannu gravi għall-ambjent jew għas-saħħa pubblika – Rifjut ta’ aċċess – Eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-attivitajiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ awditu – Preżunzjoni ġenerali – Konvenzjoni ta’ Aarhus – Rifjut ta’ aċċess għall-fajl – Artikolu 41 tal‑Karta tad-Drittijiet Fundamentali”

Fil-Kawża T-128/14,

Daimler AG, stabbilita fi Stuttgart (il-Ġermanja), irrappreżentata minn C. Arhold, B. Schirmer u N. Wimmer, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment minn F. Clotuche‑Duvieusart, sussegwentement minn G. Wilms u Clotuche‑Duvieusart u finalment minn H. Krämer u Clotuche‑Duvieusart, bħala aġenti, assistiti inizjalment minn R. Van der Hout, sussegwentement minn Van der Hout u C. Wagner, avukati,

konvenuta,

sostnuta minn

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Simm u A. F. Jensen, bħala aġenti,

u minn

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn N. Görlitz u L. Visaggio, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ares(2013) 3715941, tat‑13 ta’ Diċembru 2013, li tirrifjuta li tagħti aċċess lir-rikorrenti għad‑dokumenti relatati mal-proċedura mibdija mir-Repubblika Franċiża skont l-Artikolu 29 tad-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, tal-5 ta’ Settembru 2007, li tistabbilixxi kwadru [qafas] għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (direttiva qafas) (ĠU 2007, L 263, p. 1),

Il-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta minn D. Gratsias, president, A. Dittrich u P. G. Xuereb (relatur), Imħallfin,

Reġistratur: M. E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Id-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru [qafas] għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (direttiva qafas) (ĠU 2007, L 263, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva Qafas”), issostitwixxiet is-sistemi ta’ approvazzjoni tal-Istati Membri permezz ta’ proċedura ta’ approvazzjoni armonizzata fi ħdan l-Unjoni Ewropea, imsejħa “approvazzjoni tat-tip tal-KE”. Din l-approvazzjoni tat-tip tal-KE hija ddefinita, fl-Artikolu 3(5) tad-Direttiva Qafas, bħala l-att li bih Stat Membru jiċċertifika li tip ta’ vettura, sistema, komponent jew unità teknika tissodisfa d-dispożizzjonijiet amministrattivi u l-ħtiġijiet tekniċi rilevanti tal-imsemmija direttiva u tal-atti regolatorji elenkati fl-annessi tagħha.

2        L-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2006/40/KE tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar emissjonijiet minn sistemi ta’ kondizzjonament ta’ l-arja f’vetturi bil-mutur li temenda d-Direttiva tal‑Kunsill 70/156/KEE (ĠU 2006, L 161, p. 12, iktar ’il quddiem, id‑“Direttiva dwar is-Sistemi ta’ Kondizzjonament tal-Arja”), jipprevedi li, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2011, l-Istati Membri ma għandhomx jagħtu iktar approvazzjoni tat-tip KE għal tip ta’ vettura mgħammra b’sistema ta’ kondizzjonament tal-arja ddisinjata b’gassijiet serra fflworinati b’potenzjal ta’ tisħin globali ogħla minn 150. Madankollu, din id-direttiva ma tippreskrivix tip ta’ refriġerant speċifiku. L-implimentazzjoni ta’ din il-projbizzjoni ġiet posposta mill-Kummissjoni Ewropea għall-1 ta’ Jannar 2013.

3        Il-manifatturi Ewropej tal-vetturi ftehmu, fil-qafas ta’ proċess internazzjonali ta’ armonizzazzjoni li seħħ fl-2009, li jużaw ir-refriġerant bir-referenza “R1234yf”.

4        Fl-2013, ir-rikorrenti, Daimler AG, produttur awtomobilistiku stabbilit fil-Ġermanja li jipproduċi b’mod partikolari vetturi awtomobilistiċi tal-marka Mercedes, qajmet dubji dwar is-sigurtà tal-użu ta’ dan ir‑refriġerant.

5        F’Mejju 2013, il-Kraftfahrt-Bundesamt (KBA, Uffiċċju Federali tat‑Trasport Awtomobilistiku, il-Ġermanja) laqa’ talba ta’ Daimler sabiex tiġi estiża l-approvazzjoni tal-vettura tat-tip 245G. Peress li, inizjalment, it-tip ta’ vettura 245G kien ġie approvat fl-2008, dan ma kienx suġġett għall‑obbligu li jintuża refriġerant kompatibbli mad-Direttiva dwar is‑Sistemi ta’ Kondizzjonament tal-Arja. L-estensjoni tal-approvazzjoni ta’ dan it-tip ta’ vetturi ġiet innotifikata lill-Kummissjoni permezz ta’ ittra tat‑22 ta’ Mejju 2013.

6        Fl-10 ta’ Ġunju 2013, il-Kummissjoni fetħet il-proċedura EU Pilot bir‑referenza 5160/11/ENTR, bil-għan li jiġi vverifikat sa fejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, fil-qafas tal-għoti, lir-rikorrenti, tal-estensjonijiet tal-approvazzjonijiet tat-tip tal-KE, kienet osservat id-Direttiva Qafas u d‑Direttiva dwar is-Sistemi ta’ Kondizzjonament tal-Arja.

7        Fis-26 ta’ Lulju 2013, il-Ministru għall-Ekoloġija, l-Iżvilupp Sostenibbli u l-Enerġija adotta deċiżjoni li permezz tagħha rrifjuta r-reġistrazzjoni, fit‑territorju Franċiż, ta’ ċerti vetturi tal-marka Mercedes, li għalihom kienet ingħatat estensjoni tal-approvazzjoni tat-tip tal-KE mill‑awtoritajiet Ġermaniżi, minħabba li dawn il-vetturi kienu mgħammra b’sistema ta’ kondizzjonament iddisinjata b’gassijiet serra fflworinati b’potenzjal ta’ tisħin globali ogħla minn 150, bi ksur tal‑Artikolu 5(4) tad-Direttiva dwar is-Sistemi ta’ Kondizzjonament tal-Arja.

8        Dan ir-rifjut ta’ reġistrazzjoni kien ibbażat fuq id-dispożizzjoni Franċiża li tittrasponi l-ewwel sentenza tal-Artikolu 29(1) tad-Direttiva Qafas. Dan l-artikolu, li jinsab fil-Kapitolu XII intitolat “Klawżoli ta’ salvagwardja”, jipprevedi li Stat Membru jista’, għal perijodu massimu ta’ sitt xhur, jirrifjuta r-reġistrazzjoni ta’ vetturi li kellhom approvazzjoni tat-tip tal‑KE, jekk jikkunsidra li dawn il-vetturi jippreżentaw riskju serju għall‑ambjent jew għas-saħħa pubblika.

9        Fis-26 ta’ Lulju 2013, konformement mat-tieni sentenza tal-Artikolu 29(1) tad‑Direttiva Qafas, ir-Repubblika Franċiża informat lill-Kummissjoni dwar ir-rifjut tagħha li tirreġistra ċerti vetturi tal-marka Mercedes. Konformement mat-tieni sentenza tal-Artikolu 29(2) tad-Direttiva Qafas, il‑Kummissjoni kkonsultat il-partijiet ikkonċernati sabiex tipprepara deċiżjoni li tirrigwarda dan ir-rifjut.

10      Fit-2 ta’ Awwissu 2013, Mercedes-Benz France, impriża tal-grupp Daimler AG, ippreżentat rikors kontra d-deċiżjoni tas-26 ta’ Lulju 2013 tal-Ministru għall-Ekoloġija, l-Iżvilupp Sostenibbli u l-Enerġija Franċiż li permezz tagħha huwa kien irrifjuta r-reġistrazzjoni, fit-territorju Franċiż, ta’ ċerti vetturi tal-marka Mercedes.

11      Permezz ta’ ittra tad‑19 ta’ Awwissu 2013 indirizzata lill-Kummissjoni, ir-rikorrenti ħadet pożizzjoni dwar ir-rifjut tar-Repubblika Franċiża. F’din l-ittra, ir-rikorrenti indikat b’mod partikolari s-segwenti:

“[…] bis-saħħa l-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, id‑dritt ta’ aċċess għall-fajl huwa wkoll parti mid-drittijiet fundamentali protetti. Nixtiequ nagħmlu użu minn dan id-dritt u għalhekk nitolbu l‑possibbiltà li jkollna aċċess sħiħ għad-dokumenti kollha relatati ma’ din il-proċedura taħt l-Artikolu 29 tad-[Direttiva Qafas] (inkluż dawk li jinsabu f’dokumenti oħra li ġew użati u li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni f’dan il‑każ), b’mod partikolari kull eventwali teħid ta’ pożizzjoni, speċifikament tas-servizz legali tal-Kummissjoni, f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-Artikolu 29 tad-[Direttiva Qafas].”

12      Permezz ta’ posta elettronika tas-17 ta’ Settembru 2013 mibgħuta lir‑rikorrenti, il-Kummissjoni indikat li rċeviet din l-ittra flimkien mat-talba għal aċċess għad-dokumenti li tinsab f’din l-ittra, li hija qieset li kienet ibbażata fuq ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad‑dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331) u li hija rreġistrat bir-referenza GESTDEM 2013/4643. F’din il-posta elettronika, il-Kummissjoni talbet ukoll lir-rikorrenti tikkonferma li kienet qed titlob l-aċċess għad-dokumenti msemmija fil-punt 11 hawn fuq.

13      Permezz ta’ posta elettronika tal‑20 ta’ Settembru 2013, ir-rikorrenti kkonfermat li t-talba għal aċċess tagħha kienet tirrigwarda d-dokumenti kollha relatati mal-proċedura mibdija skont l-Artikolu 29 tad-Direttiva Qafas, b’mod partikolari kull teħid ta’ pożizzjoni eventwali tas-servizz legali tal‑Kummissjoni skont l-Artikolu 29 tad-Direttiva Qafas. Hija indikat lill‑Kummissjoni li, jekk din tal-aħħar xtaqet talba iktar speċifika, hija kellha tagħtiha lista tad-dokumenti kollha relatati ma’ din il-proċedura. Barra minn hekk, ir-rikorrenti enfasizzat li t-talba għal aċċess tagħha kienet ibbażata fuq id-dritt tagħha għal aċċess għall-fajl previst fl‑Artikolu 41(2)(b) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). Skont ir-rikorrenti dan l-artikolu kien applikabbli minħabba li l-proċedura prevista fl‑Artikolu 29(2) tad‑Direttiva Qafas, kienet tikkonċernaha b’mod dirett u individwali, peress li l-Artikolu 29(2) tad-Direttiva Qafas kien jobbliga lill-Kummissjoni sabiex tismagħha qabel ma tadotta deċiżjoni.

14      Permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Ottubru 2013, il-Kummissjoni indikat li kellha erbatax-il dokument koperti bit-talba għal aċċess tar-rikorrenti kif elenkati fil-lista li kienet annessa. Hija spjegat li kienet qed tagħti l-aċċess għal ħamsa minn dawn id-dokumenti u li kienet qed tirrifjuta l-aċċess għad-disgħa l-oħra. Il‑Kummissjoni bbażat ir-rifjut tagħha ta’ aċċess għal sitt dokumenti fuq l-eċċezzjoni msemmija fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar‑Regolament Nru 1049/2001, relatata mal-protezzjoni tal-għanijiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ awditu. Hija bbażat ir-rifjut tagħha għat‑tliet dokumenti l-oħra fuq l-eċċezzjoni msemmija fl-Artikolu 4(3) tar‑Regolament Nru 1049/2001, relatata mal-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet. Il-Kummissjoni żiedet li aċċess parzjali għal dawn id-disa’ dokumenti ma kienx possibbli. Fl-aħħar nett, hija indikat li ma kienx hemm interess pubbliku superjuri li kien jiġġustifika l-iżvelar tagħhom.

15      Fit-30 ta’ Ottubru 2013, ir-rikorrenti ppreparat applikazzjoni konfermatorja għal aċċess konformement mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. F’din l-applikazzjoni, hija rrilevat li kellu jkun hemm iktar dokumenti koperti bit-talba għal aċċess tagħha mill-erbatax identifikati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha tas‑16 ta’ Ottubru 2013. Hija indikat li l-eċċezzjonijiet invokati mill‑Kummissjoni ma kinux rilevanti u li kien hemm interess pubbliku superjuri għall-iżvelar tad-dokumenti mitluba minħabba l-importanza tal-kawża għat-twettiq tal-moviment liberu tal-merkanzija. F’din l‑applikazzjoni konfermatorja, ir-rikorrenti ma invokatx biss id-dritt ta’ aċċess għad‑dokumenti previst fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1049/2001, iżda wkoll id-dritt ta’ aċċess għall-fajl, previst fl‑Artikolu 41(2)(b) tal-Karta.

16      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Diċembru 2013 (iktar ’il quddiem id‑“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni kkonfermat ir-rifjut tagħha li tagħti aċċess għad-disa’ dokumenti li kienet identifikat bħala li ma jistgħux jiġu kkomunikati lilha fid-deċiżjoni tagħha tas‑16 ta’ Ottubru 2013.

17      Barra minn hekk, hija rrilevat li, wara riċerki addizzjonali, hija kienet ikkonstatat li, minbarra l-erbatax-il dokument identifikat fid-deċiżjoni tagħha tas‑16 ta’ Ottubru 2013, hija kellha 349 posta elettronika addizzjonali. Hija indikat li dawn id-dokumenti kienu:

–        55 posta elettronika interna skambjata bejn uffiċjali tal-unità “Industrija Awtomobilistika” tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Intrapriża u Industrija”;

–        170 posta elettronika interna għad-DĠ “Intrapriża u Industrija”;

–        25 posta elettronika skambjata mas-servizz legali;

–        25 posta elettronika skambjata ma’ direttorati ġenerali oħra tal‑Kummissjoni;

–        45 posta elettronika skambjata ma’ Stati Membri;

–        29 posta elettronika skambjata ma’ persuni ġuridiċi.

18      Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-investigazzjoni li saret abbażi tal‑Artikolu 29 tad-Direttiva Qafas dwar ir-rifjut tar-Repubblika Franċiża li tirreġistra ċerti vetturi tal-marka Mercedes u l-investigazzjoni preliminari li tikkonċerna r-Repubblika Federali tal-Ġermanja intiża sabiex tistabbilixxi eventwali nuqqas kienu marbuta mill-qrib u kkunsidrat li d-dokumenti mitluba kienu kollha jagħmlu parti mill-fajl amministrattiv rispettiv ta’ kull waħda minn dawn l-investigazzjonijiet.

19      Sussegwentement, il-Kummissjoni eżaminat, jekk l‑iżvelar ta’ dawn id-dokumenti kienx jippreġudika, minn naħa, l-għan tal-investigazzjoni mibdija skont l-Artikolu 29 tad-Direttiva Qafas u, min‑naħa l-oħra, l-għan tal‑investigazzjoni preliminari li tirrigwarda r-Repubblika Federali tal‑Ġermanja.

20      Fir-rigward tal-preġudizzju għall-għan tal-investigazzjoni mibdija skont l‑Artikolu 29 tad-Direttiva Qafas, il-Kummissjoni essenzjalment ikkunsidrat li t-tixrid tad-dokumenti mitluba kien ikollu l-effett li jqiegħed inkwistjoni l-effettività tal-klawżola ta’ salvagwardja prevista fl-Artikolu 29 tad-Direttiva Qafas, u b’mod partikolari l-għan tal‑investigazzjonijiet magħmula f’dan il-kuntest, li huwa li jiġi stabbilit jekk l-Istati Membri kinux applikaw din il-klawżola b’mod leġittimu u li jiġi żgurat livell għoli ta’ sigurtà fit-toroq, ta’ saħħa u ta’ protezzjoni tal‑ambjent.

21      Il-Kummissjoni għalhekk ikkonkludiet li d-dokumenti mitluba, li kienu kollha jagħmlu parti mill-fajl amministrattiv tal-investigazzjoni mibdija abbażi tal-Artikolu 29 tad-Direttiva Qafas, kienu koperti minn preżunzjoni ġenerali ta’ nuqqas ta’ żvelar ibbażata fuq il-protezzjoni tal-investigazzjonijiet prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

22      Fir-rigward tal-preġudizzju għall-għan tal-investigazzjoni preliminari li tirrigwarda r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, intiża sabiex jiġi stabbilit eventwali nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Kummissjoni essenzjalment irrilevat li, sabiex hija tkun tista’ twettaq il-funzjonijiet tagħha b’mod effikaċi, għandu jkun hemm klima ta’ fiduċja reċiproka bejn il‑Kummissjoni u l-Istati Membri sakemm il-każ jiġi definittivament magħluq u li hija setgħet tibbaża lilha nnifisha fuq preżunzjoni ġenerali ta’ nuqqas ta’ żvelar sabiex tirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti mitluba.

23      Fuq kollox, il-Kummissjoni kkunsidrat li ma kienx hemm interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti mitluba u li l-interess pubbliku kien servut aħjar li kieku l-għan tal-investigazzjonijiet pendenti kellu jkun protett.

24      Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkunsidrat li ma setgħetx tagħti aċċess parzjali għad-dokumenti mitluba.

25      Fl-aħħar nett, fir-rigward tar-riferiment magħmul mir-rikorrenti għall-Karta u, b’mod partikolari, għad-dritt ta’ aċċess għall-fajl previst fl-Artikolu 41(2) tagħha, il-Kummissjoni kkunsidrat li ma setgħetx tibbaża d-deċiżjoni tagħha direttament fuq id-dritt ta’ aċċess previst mill‑Karta u li kellha pjuttost tieħu inkunsiderazzjoni l-limiti u l-kundizzjonijiet tal-eżerċizzju ta’ dan id-dritt kif iddefinit mit-Trattat FUE u r-Regolament Nru 1049/2001.

 Il-proċedura

26      Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑21 ta’ Frar 2014, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

27      Fir-risposta ppreżentata fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑7 ta’ Mejju 2014, il-Kummissjoni talbet is-sospensjoni tal-proċedura.

28      Permezz ta’ digriet tal‑1 ta’ Lulju 2014, il-President tal-Ħames Awla, wara li nstemgħu l-partijiet, skont l-Artikolu 77(d) tar-Regoli tal‑Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ordna s-sospensjoni tal-proċedura f’din il‑kawża sakemm jingħataw is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawżi C‑612/13 P, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni, u C-673/13 P, Il‑Kummissjoni vs Stichting Greenpeace.

29      Fil‑5 ta’ Marzu 2015, ir-rikorrenti ressqet talba sabiex titkompla l-proċedura. Fl‑20 ta’ Marzu 2015, il-Kummissjoni ressqet osservazzjonijiet dwar l-imsemmija talba. Permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ April 2015, il-President tal-Ħames Awla ċaħad din it-talba.

30      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑4 u fl‑14 ta’ April 2014 rispettivament, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea talbu sabiex jintervjenu insostenn tat-talbiet tal‑Kummissjoni.

31      Peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet, din il‑kawża ġiet assenjata mill-ġdid lill-Ħames Awla, fil-kompożizzjoni l-ġdida tagħha, u lil Imħallef Relatur ġdid.

32      Id-deċiżjonijiet, li fl-istennija tal-għoti tagħhom ġiet sospiża l-proċedura f’din il‑kawża, ingħataw permezz ta’ sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2015, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni (C‑612/13 P, EU:C:2015:486), u tat‑23 ta’ Novembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Stichting Greenpeace Nederland u PAN Europe (C‑673/13 P, EU:C:2016:889).

33      Permezz ta’ deċiżjonijiet tas‑7 ta’ Diċembru 2016, il-President tal-Ħames Awla aċċetta l-intervent tal-Parlament u tal-Kunsill. Dawn tal-aħħar ressqu n-noti ta’ intervent tagħhom u l-partijiet fil-kawża prinċipali ressqu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar dawn in-noti fit-termini mogħtija.

34      Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl‑Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali, permezz ta’ ittri tat‑3 ta’ Ottubru 2017 u tat‑3, tal-24 ta’ Jannar u tas‑17 ta’ Mejju 2018, għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-Kummissjoni u lir-rikorrenti li għalihom huma wieġbu fit-termini mogħtija.

35      Fil-kuntest tal-miżuri istruttorji previsti fl-Artikolu 91(c) tar-Regoli tal‑Proċedura, il-Qorti Ġenerali ordnat lill-Kummissjoni tipproduċi kopja sħiħa tad-29 posta elettronika, skambjata bejnha u persuni ġuridiċi, identifikati minnha fid-deċiżjoni kkontestata bħala relatati mal-proċedura mibdija skont l-Artikolu 29 tad-Direttiva Qafas. Il-Kummissjoni kkonformat ruħha ma’ din l-ordni fit-terminu mogħti.

36      Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Ġunju 2018, ir-rikorrenti talbet, fid-dawl tat-tweġiba mogħtija fit-28 ta’ Mejju 2018 mill-Kummissjoni għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali, sabiex din tal-aħħar tadotta miżura ta’ organizzazzjoni ġdida sabiex tagħmel żewġ mistoqsijiet lill‑Kummissjoni.

37      Bis-saħħa tal-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura, fl-assenza ta’ talba mill-partijiet prinċipali għall-iffissar ta’ seduta fi żmien tliet ġimgħat mid-data tan-notifika tal-għeluq tal-fażi tal-proċedura bil-miktub, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li tagħti deċiżjoni dwar ir-rikors mingħajr il-fażi orali tal-proċedura. F’dan il-każ, peress li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li għandha biżżejjed informazzjoni mid-dokumenti fil-proċess, hija ddeċidiet, fl-assenza ta’ tali talba, li tagħti deċiżjoni mingħajr il-fażi orali tal-proċedura.

 It-talbiet tal-partijiet

38      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

39      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Parlament u mill-Kunsill, titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

40      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem erba’ motivi. L-ewwel wieħed huwa bbażat fuq ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl previst fl‑Artikolu 41(2)(b) tal-Karta. It-tieni huwa bbażat fuq ksur tal‑Konvenzjoni dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il‑Parteċipazzjoni tal-Pubbliku u l-Aċċess għall-Ġustizzja fil-Qasam tal‑Ambjent, iffirmata f’Aarhus fil‑25 ta’ Ġunju 1998 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Aarhus”) u tar‑Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall‑istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal‑Konvenzjoni ta’ Aarhus (ĠU 2006, L 264, p. 13). It-tielet huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 42 tal-Karta, tal-Artikolu 15(3) TFUE, tar‑Regolament Nru 1049/2001 u tar-Regolament Nru 1367/2006. Fl-aħħar nett, ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

41      Il-Kummissjoni tikkontesta dawn il-motivi kollha. Il-Kunsill u l‑Parlament ma ressqux argumenti fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti, diskuss fit-tieni motiv, dwar il-ksur tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt ta’ aċċess għallfajl previst fl-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta

42      Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret id‑dritt fundamentali tagħha ta’ aċċess għall-fajl protett bl‑Artikolu 41(2)(b) tal-Karta.

43      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li, kuntrarjament għal dak li jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, id-dritt ta’ aċċess għall-fajl ma huwiex iddefinit, irregolat jew imnaqqas bid-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju jew sekondarju tal-Unjoni. Id-dritt ta’ aċċess ta’ kull persuna għall-fajl li jikkonċernaha, previst bl-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta, min‑naħa l-oħra huwa indipendenti mid-dritt ta’ aċċess għad‑dokumenti tal-istituzzjonijiet previst bl-Artikolu 42 tal-Karta. Filwaqt li l-aħħar dritt huwa dritt irrikonoxxut għal kull ċittadin tal-Unjoni, id-dritt ta’ aċċess għall-fajl huwa dritt irrikonoxxut lil parti fi proċedura speċifika. Il-Kummissjoni interpretat b’mod żbaljat din id-differenza fundamentali fid-deċiżjoni kkontestata. Ir-Regolament Nru 1049/2001 kien jikkonċerna biss id-dritt għal aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet li minnu kienu jibbenefikaw iċ-ċittadini kollha tal-Unjoni, u mhux id-dritt fundamentali ta’ aċċess għall-fajl. Dan l-aħħar dritt kellu protezzjoni ħafna iktar sinjifikattiva mid-dritt ta’ aċċess għad‑dokumenti.

44      Barra minn hekk, ir-rikorrenti tfakkar li l-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta jistabbilixxi “id-dritt ta’ kull persuna li jkollha aċċess għall-fajl li jikkonċernaha, filwaqt li jiġu rrispettati l-interessi leġittimi tal‑kunfidenzjalità u tas-segretezza professjonali u tan-negozju”. Issa, hija tqis li d-dokumenti relatati mal-proċedura mibdija mir‑Repubblika Franċiża skont l-Artikolu 29 tad-Direttiva Qafas jikkonċernawha b’mod dirett u individwali.

45      Fuq kollox, ir-rikorrenti tenfasizza li, filwaqt li, ċertament, id-dritt ta’ aċċess għall-fajl huwa limitat minħabba l-garanzija tal-interessi leġittimi tal‑kunfidenzjalità u tas-sigriet professjonali u tan-negozju, il-kwistjoni dwar jekk l-aċċess għall-fajl għandux jingħata jew jiġi rrifjutat minħabba l-protezzjoni ta’ dawn l-interessi leġittimi għandha tiġi evalwata każ b’każ. Issa, il-Kummissjoni eskludiet mill-aċċess għall-fajl id-dokumenti kollha, fl-intier tagħhom u mingħajr ebda spjegazzjoni li, fl-opinjoni tagħha, kienu kunfidenzjali, liema fatt huwa kuntrarju għall-ġurisprudenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja.

46      Fir-replika, ir-rikorrenti tenfasizza li t-talba inizjali tagħha għal aċċess u l-applikazzjoni konfermatorja tagħha kienu bbażati fuq l‑Artikolu 41(2)(b) tal-Karta u li, fid-deċiżjoni kkontestata, il‑Kummissjoni eżaminat din id-dispożizzjoni u kkonkludiet li t‑talba ta’ aċċess għall-fajl għandha tiġi miċħuda. Skont ir‑rikorrenti, id-dritt ta’ aċċess għall-fajl ibbażat fuq l-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta kien, konsegwentement, preċiżament is-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni.

47      Fuq kollox, ir-rikorrenti ssostni li l-ġurisprudenza mogħtija f’kawżi ta’ akkordji, invokata mill-Kummissjoni u li skontha r-rifjut ta’ aċċess għall-fajl ma huwiex att li jista’ jiġi kkontestat, ma hijiex rilevanti. Din il-ġurisprudenza hija, fil-fatt, ibbażata b’mod determinanti fuq il-fatt li d‑dritt ta’ aċċess għall-fajl huwa kompletament irrikonoxxut bħala garanzija proċedurali f’dan it-tip ta’ kawżi u li l-implimentazzjoni tiegħu hija rregolata b’mod iddettaljat permezz ta’ regolament. Barra minn hekk, bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti enfasizzat li ma kienx stabbilit li l-illegalità marbuta mar-rifjut ta’ aċċess għall-fajl setgħet tiġi invokata insostenn ta’ rikors magħmul kontra deċiżjoni finali. L-Artikolu 29 tad-Direttiva Qafas ma jipprevedix, fil-fatt, il-possibbiltà, għall-manifattur, li jippreżenta rikors kontra deċiżjoni finali. Ir-rikorrenti enfasizzat ukoll li l-Kummissjoni ma tistax tikkontesta l‑fatt li hija kienet ressqet l-osservazzjonijiet tagħha fit-terminu qasir mogħti lilha mingħajr ma eżerċitat id-dritt tagħha ta’ aċċess għall-fajl, peress li dan l-aċċess għall-fajl ma kienx ġie propost lilha minn qabel. Jidher evidenti li r-rikorrenti kien ikollha l-possibbiltà li tiffinalizza l‑osservazzjonijiet tagħha wara li tkun ingħatat aċċess għall-fajl.

48      Barra minn hekk, ir-rikorrenti enfasizzat ukoll li l-Artikolu 41(2)(b) tal‑Karta kien jagħti importanza sinjifikattiva lill-klassifikazzjoni ta’ “persuna kkonċernata” minn proċedura u li din il-persuna setgħet teżerċita b’mod effettiv id-dritt tagħha għal smigħ fil-kawża biss bil-kundizzjoni li jkollha għarfien sħiħ tal-fajl. B’hekk, id-dritt li jiġu fformulati osservazzjonijiet, li jirrikonoxxi l-kwalità ta’ persuna kkonċernata lil dik il-persuna li tifformula osservazzjonijiet, ikun jimplika bħala regola ġenerali d-dritt ta’ aċċess għall-fajl. L‑Artikolu 29(1) tad-Direttiva Qafas jenfasizza l-pożizzjoni proċedurali partikolari tal-manifattur ikkonċernat permezz ta’ rifjut ta’ reġistrazzjoni, inkwantu din id-dispożizzjoni tkun tipprevedi li l-Istat Membru li jieħu din id-deċiżjoni jikkomunika din id-deċiżjoni immedjatament lill-Istati Membri l-oħra, lill-Kummissjoni u lill-manifattur ikkonċernat. L-Artikolu 29(1) tad-Direttiva Qafas jagħti, għalhekk, status ta’ parti kkonċernata bil-proċedura lill-manifattur bil-konsegwenza li l-Kummissjoni għandha tikkonsultah, konformement mal-Artikolu 29(2) tad‑Direttiva Qafas.

49      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li huwa ċar li d-dritt tagħha ta’ aċċess għall-fajl jista’ jinfluwenza l-proċedura li tikkonċernaha. Bħala manifattur kopert bil-proċedura mibdija mir-Repubblika Franċiża skont l‑Artikolu 29 tad-Direttiva Qafas, ir-rikorrenti tista’ tipprovdi indikazzjonijiet preċiżi ħafna dwar l-aspetti tekniċi inkwistjoni u tagħti informazzjoni rilevanti għad-deċiżjoni li għandha tingħata.

50      Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li d-dritt ta’ aċċess għall-fajl previst fl‑Artikolu 41(2)(b) tal-Karta huwa distint mid-dritt ta’ aċċess għad‑dokumenti ggarantit mill-Artikolu 42 tal-Karta, mill‑Artikolu 15(2) TFUE u mir-Regolament Nru 1049/2001. Hija ssostni li, konsegwentement, ir-rikorrenti ma tistax titlob l-annullament ta’ deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 4 tar‑Regolament Nru 1049/2001 minħabba li hija tikser id-dritt tagħha ta’ aċċess għall-fajl. Il-Kummissjoni żżid li hija ma eżaminatx it-talba ta’ aċċess għall-fajl tar-rikorrenti, peress li dan ma huwiex l-għan ta’ proċedura mibdija skont ir-Regolament Nru 1049/2001. Fid-deċiżjoni kkontestata, hija ddeċidiet biss dwar id-dritt ta’ aċċess tar-rikorrenti għad-dokumenti skont ir-Regolament Nru 1049/2001. Il‑kunsiderazzjonijiet, li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata, dwar l‑Artikolu 41(2)(b) tal-Karta, bl-ebda mod ma jindikaw, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, li hija tat deċiżjoni dwar it-talba ta’ aċċess għall-fajl. Għall-kuntrarju, hija espliċitament iddikjarat, fid‑deċiżjoni kkontestata, li kienet eżaminat it-talba esklużivament abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001. Għalhekk ir-rikorrenti ma tistax twarrab jew tevita r-rekwiżiti ta’ dan id-dritt ta’ aċċess, irregolati mid‑dritt sekondarju, billi tinvoka dritt ta’ aċċess għall-fajl miftuħ fil‑konfront tagħha bħala parti fi proċedura amministrattiva mmexxija mill-Kummissjoni.

51      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tfakkar li d-dritt ta’ aċċess għall-fajl kien jirrigwarda l-involviment tar-rikorrenti fi proċedura mibdija taħt l‑Artikolu 29 tad-Direttiva Qafas u li, fir-rigward ta’ din il-proċedura, ir‑rifjut li jingħata l-aċċess għall-fajl ma kienx ekwivalenti għal deċiżjoni finali tal-Kummissjoni adottata fi tmiem din il-proċedura, b’tali mod li, skont il-ġurisprudenza, dan ir-rifjut kien għadu ma jikkostitwixxix att legali li jista’ jiġi kkontestat. L-ilmenti relatati mal-legalità ta’ miżura intermedjarja – bħal deċiżjoni dwar talba ta’ aċċess għall-fajl – jistgħu jitqajmu biss b’mod inċidentali, fil-kuntest tar-rikors kontra d-deċiżjoni li tagħlaq il-proċedura. Barra minn hekk ir-rikorrenti ma wrietx li rikors kontra deċiżjoni finali ma jagħtihiex protezzjoni ġuridika suffiċjenti.

52      Bħala tweġiba għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali, il‑Kummissjoni enfasizzat li l-Artikolu 29 tad-Direttiva Qafas ma kienx jipprevedi li l-manifattur kellu dritt ta’ aċċess għall-fajl u li tali dritt tal‑manifatturi kkonċernati seta’ pjuttost jinsilet mill-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta. Skont il-Kummissjoni, dritt proċedurali li jippermetti lill‑persuna kkonċernata tiżgura d-difiża tagħha b’mod korrett japplika biss għall-partijiet fil-proċedura. Issa, il-manifatturi ma humiex partijiet fil-proċedura mibdija taħt l-Artikolu 29 tad-Direttiva Qafas. Fil-fatt, miċ-ċirkustanza li l-Kummissjoni tisma’ lill-operaturi ekonomiċi kkonċernati sabiex tikseb il-fatti kollha rilevanti ma jirriżultax li dawn tal‑aħħar għandhom pożizzjoni fil-proċedura li tagħtihom drittijiet partikolari.

53      Il-Kummissjoni żżid li d-dritt ta’ aċċess għall-fajl ma jingħatax mingħajr riżervi lill-partijiet fi proċedura peress li dawn jistgħu ma jingħatawx l-aċċess għall-fajl meta jkun hemm interessi superjuri ta’ kunfidenzjalità li jipprekludu l-aċċess. Il-limitazzjonijiet tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl imsemmija fl-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta jikkorrispondu għall-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 relatati mal-protezzjoni tal-investigazzjonijiet. B’hekk, skont il-Kummissjoni, għalkemm id-dritt ta’ aċċess għall-fajl kien is-suġġett tad‑deċiżjoni kkontestata, huwa seta’ wkoll jiġi limitat b’mod proporzjonat għal raġunijiet paragunabbli ma’ dawk relatati mad-dritt ta’ aċċess imsemmi b’din id-deċiżjoni.

54      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tirrileva li, bis-saħħa tal-ġurisprudenza, ir‑rikorrenti, sabiex tipprova ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl, għandha turi li r-rifjut ta’ aċċess seta’ jinfluwenza l-iżvolġiment tal-proċedura u l-kontenut tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Issa, ir-rikorrenti ma għamlitx dan. Barra minn hekk, tali influwenza hija eskluża minħabba raġunijiet kronoloġiċi, peress li r-rikorrenti ressqet l-osservazzjonijiet tagħha, fil-proċedura mibdija abbażi tal-Artikolu 29 tad-Direttiva Qafas, fid‑19 ta’ Awwissu 2013, jiġifieri qabel ma ressqet it-talba tagħha ta’ aċċess għad-dokumenti permezz ta’ posta elettronika datata fl-istess jum.

55      Qabel kollox, għandu jiġi stabbilit jekk, fid-deċiżjoni kkontestata, il‑Kummissjoni, kif issostni hija stess, iddeċidietx biss dwar it-talba ta’ aċċess għad-dokumenti bbażata fuq ir-Regolament Nru 1049/2001, jew jekk kinitx iddeċidiet ukoll dwar it-talba ta’ aċċess għall-fajl ibbażata fuq l-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta.

56      Fl-ittra tad-19 ta’ Awwissu 2013, mibgħuta lill-Kummissjoni, li fiha r‑rikorrenti ħadet pożizzjoni dwar ir-rifjut tar-Repubblika Franċiża li tirreġistra ċerti vetturi tal-marka Mercedes, ir-rikorrenti bbażat it-talba tagħha ta’ aċċess għad-dokumenti kollha relatati mal-proċedura mibdija mir-Repubblika Franċiża taħt l-Artikolu 29 tad-Direttiva Qafas biss fuq l-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta.

57      Barra minn hekk, wara l-posta elettronika tal-Kummissjoni mibgħuta lir-rikorrenti li permezz tagħha hija kienet tqis li t-talba ta’ aċċess li tinsab fl-ittra tad‑19 ta’ Awwissu 2013 kienet talba ta’ aċċess għad-dokumenti bbażata fuq ir-Regolament Nru 1049/2001, ir-rikorrenti enfasizzat, permezz ta’ posta elettronika tal-20 ta’ Settembru 2013, li t-talba tagħha ta’ aċċess kienet ibbażata fuq id-dritt tagħha ta’ aċċess għall‑fajl previst fl-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta.

58      Fl-aħħar nett, fl-applikazzjoni konfermatorja tagħha ta’ aċċess tat‑30 ta’ Ottubru 2013, ir-rikorrenti ma invokatx id-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti previst fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1049/2001, iżda wkoll id-dritt ta’ aċċess għall-fajl previst fl-Artikolu 41(2)(b) tal‑Karta.

59      B’hekk, it-talbiet inizjali ta’ aċċess għad-dokumenti, magħmula fl-ittra tad‑19 ta’ Awwissu 2013 u fil-posta elettronika tal‑20 ta’ Settembru 2013 rispettivament, kienu bbażati biss fuq l‑Artikolu 41(2)(b) tal-Karta u l-applikazzjoni konfermatorja ta’ aċċess kienet ibbażata fuq id-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti previst fl‑Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1049/2001, kif ukoll fuq id-dritt ta’ aċċess għall-fajl, previst fl-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta.

60      Barra minn hekk, huwa minnu li d-deċiżjoni kkontestata hija intitolata “Deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali adottata bis-saħħa tal-Artikolu 4 tad-dispożizzjonijiet dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament […] Nru 1049/2001” u għandha bħala suġġett “l-applikazzjoni konfermatorja tiegħek dwar l‑aċċess għad-dokumenti mressqa abbażi tar-Regolament […] Nru 1049/2001 – GESTDEM 2013/4643” u li, taħt it-titolu “Evalwazzjoni u konklużjonijiet abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001” tad-deċiżjoni kkontestata, il‑Kummissjoni ddikjarat li, “[m]eta hija tevalwa talba għal żvelar ta’ dokumenti skont ir-Regolament […] Nru 1049/2001, il‑Kummissjoni ma tistax tagħti deċiżjoni dwar l-eventwali ksur ta’ dritt ta’ aċċess ipprivileġġjat ibbażat fuq atti leġiżlattivi oħra (bħad-Direttiva [Qafas] u d‑Direttiva [dwar is-Sistemi ta’ Kondizzjonament tal-Arja], sa fejn dawn l‑atti jipprevedu tali dritt ta’ aċċess għad-dokumenti)”, u li, “għalhekk, dan l‑ilment ma huwiex is-suġġett ta’ din id-deċiżjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

61      Madankollu, id-deċiżjoni kkontestata ma fihiex biss titolu “Evalwazzjoni u konklużjonijiet abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001”, iżda fiha wkoll titolu “Riferimenti għall-[Karta]”. Issa, taħt dan it-titolu, id-deċiżjoni kkontestata tipprovdi dan li ġej:

“Fl-applikazzjoni konfermatorja tiegħek, inti barra minn hekk tirreferi għall-[Karta] u, b’mod iktar partikolari, għad-dritt ta’ aċċess ta’ kull persuna għall-fajl li jikkonċernaha previst fl-Artikolu 41(2) u titlob li t-talba tiegħek tiġi eżaminata wkoll fid-dawl ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

Ir-Regolament Nru 1049/2001 huwa ċertament konformi mal-[Karta], iżda ġie adottat [abbażi] tal‑Artikolu 15(3) [TFUE] li dan ir-regolament jittrasponi.

Bis-saħħa tal-Artikolu 52(2) tal-[Karta], id-drittijiet rikonoxxuti minn din il-Karta li għalihom hemm dispożizzjonijiet fit-Trattati għandhom jiġu eżerċitati skont il-kundizzjonijiet u fil-limiti ddefiniti fihom.

Għalhekk jeħtieġ li d-dritt għal aċċess previst mill-[Karta] jiġi eżerċitat skont il-kundizzjonijiet u l-limiti ddefiniti mill‑Artikolu 15(3) TFUE u mir-Regolament Nru 1049/2001.

Għal din ir-raġuni l-Kummissjoni ma tistax tibbaża d-deċiżjoni tagħha dwar it-talba tiegħek ta’ aċċess direttament fuq id-dritt ta’ aċċess stabbilit fil-[Karta]. Għall-kuntrarju, hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni l‑kundizzjonijiet u l-limiti ddefiniti mit-[Trattat FUE] u r-Regolament Nru 1049/2001”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

62      Minn din il-parti tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta għalhekk li l‑Kummissjoni eżaminat it-talba ta’ aċċess għall-fajl ibbażata fuq l‑Artikolu 41(2)(b) tal-Karta u li rrifjutatha, essenzjalment, minħabba l‑fatt li d-dritt għal aċċess għall-fajl kien limitat ukoll mill-eċċezzjonijiet previsti mir-Regolament Nru 1049/2001.

63      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, fir-risposta tagħha, filwaqt li l‑Kummissjoni ssostni, fl-argument tagħha dwar l-ewwel motiv, li hija ma ddeċidietx dwar it-talba ta’ aċċess għall-fajl tar-rikorrenti bbażata fuq l-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta, fl-argument tagħha dwar ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, il-Kummissjoni tiddikjara li, fid-deċiżjoni kkontestata, hija “iddeċidiet dwar id-dritt ta’ aċċess għall-fajl” u li “[h]ija stabbilixxiet li, b’mod definittiv, kellha tirrifjuta d-dritt ta’ aċċess għall-fajl għall-istess raġuni bħall-aċċess globali għad-dokumenti fis-sens tar-Regolament […] Nru 1049/2001”.

64      Fuq kollox, l-argument tal-Kummissjoni li, talba ta’ aċċess għall-fajl ma hijiex, bħala regola, l-oġġett ta’ proċedura bbażata fuq ir‑Regolament Nru 1049/2001 u dak li hija ma kinitx obbligata tiddeċiedi dwar din it-talba fid-deċiżjoni kkontestata ma jqiegħdux inkwistjoni l-fatt li l‑Kummissjoni ddeċidiet dwar din it-talba f’din id-deċiżjoni.

65      Għalhekk, hemm lok li jiġi kkunsidrat li d-deċiżjoni kkontestata tinkludi rifjut ta’ aċċess għall-fajl mitlub mir-rikorrenti abbażi tal‑Artikolu 41(2)(b) tal-Karta.

66      Għalhekk għandu jiġi stabbilit jekk il-Kummissjoni ssostnix korrettament li tali rifjut ta’ aċċess ma huwiex att li jista’ jiġi kkontestat.

67      Skont ġurisprudenza stabbilita, fir-rigward ta’ atti jew ta’ deċiżjonijiet li t‑tfassil tagħhom jitwettaq f’diversi fażijiet, bħala regola, huma biss il-miżuri li jistabbilixxu b’mod definittiv il-pożizzjoni tal-istituzzjoni kkonċernata fi tmiem il-proċedura li jikkostitwixxu atti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament, fejn il-miżuri preliminari jew ta’ natura purament preparatorja ma jistgħux, fihom infushom, ikunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament (ara d-digriet tal‑15 ta’ Frar 2012, Internationaler Hilfsfonds vs Il‑Kummissjoni, C‑208/11 P, mhux ippubblikat, EU:C:2012:76, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68      Mill-ġurisprudenza mogħtija fil-qasam tal-kompetizzjoni jirriżulta li, anki jekk jistgħu jikkostitwixxu ksur tad-drittijiet tad-difiża, atti tal‑Kummissjoni li jirrifjutaw l-aċċess għall-fajl jipproduċu biss, bħala regola, effetti limitati karatteristiċi ta’ att preparatorju li jifforma parti minn proċedura amministrattiva preliminari. Issa, huma biss atti li jaffettwaw b’mod immedjat u irriversibbli s-sitwazzjoni legali tal-impriżi kkonċernati li jistgħu jiġġustifikaw, qabel ma tintemm il-proċedura amministrattiva, l-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament (sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 1992, Cimenteries CBR et vs Il‑Kummissjoni, T‑10/92 sa T‑12/92 u T-15/92, EU:T:1992:123, punt 42; digrieti tal‑5 ta’ Diċembru 2001, Reisebank vs Il‑Kummissjoni, T‑216/01 R, EU:T:2001:277, punt 46, u tas‑27 ta’ Jannar 2009, Intel vs Il‑Kummissjoni, T‑457/08 R, mhux ippubblikat, EU:T:2009:18, punt 53).

69      Il-fatt, invokat mir-rikorrenti, li, fil-qasam tal-kompetizzjoni, id-dritt ta’ aċċess għall-fajl huwa previst b’regolament ma jiġġustifikax li l-Qorti Ġenerali tadotta approċċ differenti f’dan il-każ. Id-deċiżjonijiet iċċitati fil-punt 68 iktar ’il fuq kienu bbażati, essenzjalment, fuq il-fatt li, sal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni wara tmiem proċedura amministrattiva, ir-rifjut ta’ aċċess għall-fajl kien, bħala regola, riversibbli u li l-eventwali illegalità li tivvizzja r-rifjut ta’ aċċess setgħet tiġi invokata insostenn ta’ rikors kontra d-deċiżjoni meħuda fi tmiem il-proċedura amministrattiva.

70      F’dan il-każ, mill-Artikolu 29(1) tad-Direttiva Qafas jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni bir-rifjut tar-reġistrazzjoni ta’ vetturi jew il-permess għall-bejgħ jew għad-dħul fis-servizz fit-territorju tagħhom ta’ vetturi, komponenti jew unitajiet tekniċi kif ukoll ir-raġunijiet għal dan ir-rifjut. Barra minn hekk, l-Artikolu 29(2) tad-Direttiva Qafas jipprevedi li l-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-partijiet ikkonċernati, sabiex tħejji deċiżjoni.

71      Din id-deċiżjoni għandha tispjega l-pożizzjoni legali tal-Kummissjoni dwar il-kompatibbiltà tar-rifjut ta’ reġistrazzjoni nnotifikat mill-Istat Membru, b’mod partikolari mal-moviment liberu tal-merkanzija fis-suq intern.

72      Ir-rikorrenti ma tispjegax għalfejn hija ma tkunx tista’ tikkontesta l-eventwali illegalità li tivvizzja r-rifjut ta’ aċċess għall-fajl permezz ta’ rikors kontra d-deċiżjoni prevista fl-Artikolu 29(2) tad-Direttiva Qafas li għandha tiġi adottata mill-Kummissjoni.

73      Barra minn hekk għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 11 tad‑Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas‑17 ta’ Mejju 2006, dwar il-makkinarju, u li temenda d-Direttiva 95/16/KE (ĠU 2006, L 157, p. 24) jipprevedi klawżola ta’ salvagwardja li tippermetti lill-Istati Membri jirtiraw mis-suq ċertu makkinarju, li jkollu l-marka “KE”, li jista’ jikkomprometti s-saħħa u s-sigurtà tal‑persuni. Din il-klawżola ta’ salvagwardja tixbah lil dik prevista fl‑Artikolu 29(1) tad-Direttiva Qafas. Issa, fis-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, CSF vs Il‑Kummissjoni (T‑337/13, EU:T:2015:502, punti 16 sa 35), il-Qorti Ġenerali kkunsidrat ammissibbli rikors għal annullament ippreżentat minn manifattur ta’ makkinarju kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li ddikjarat bħala ġġustifikati miżuri adottati mill-awtoritajiet Daniżi, abbażi tal-klawżola ta’ salvagwardja prevista fl‑Artikolu 11 tad-Direttiva 2006/42, fir‑rigward tal-kundizzjonijiet li fihom dan il-makkinarju tpoġġa fis-suq Daniż.

74      Minn dan isegwi li r-rifjut għal aċċess għall-fajl li ngħata fid-deċiżjoni kkontestata ma jistax jipproduċi effetti legali li jistgħu jaffettwaw, minn issa, u qabel l-intervent eventwali ta’ deċiżjoni finali tal-Kummissjoni, l‑interessi tar-rikorrenti.

75      Għalhekk, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u tar-Regolament Nru 1367/2006

76      Ir-rikorrenti ssostni li d-dokumenti mitluba fihom informazzjoni ambjentali u għalhekk, billi rrifjutat li tgħaddilha dawn id-dokumenti, il‑Kummissjoni kisret id-dritt ta’ aċċess għad-dokument tal‑istituzzjonijiet ibbażat fuq il-Konvenzjoni ta’ Aarhus u r-Regolament Nru 1367/2006.

77      Dan il-motiv jinqasam f’żewġ partijiet. L-ewwel parti hija bbażata, essenzjalment, fuq l-inkompatibbiltà tal-ewwel sentenza tal‑Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 mal-punt c tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. It-tieni parti hija bbażata fuq ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u tat-tieni sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006.

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-inkompatibbiltà tal-Artikolu 6(1) tarRegolament Nru 1367/2006 mal-punt c tal-ewwel subparagrafu talArtikolu 4(4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus

78      Ir-rikorrenti ssostni li sa fejn l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 tipprevedi eċċezzjoni għall-aċċess għall‑informazzjoni ambjentali li ma hijiex prevista fil-punt c tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, jiġifieri dik relatata mal-investigazzjonijiet, din hija inkompatibbli ma’ dan l-aħħar artikolu. Skont ir-rikorrenti, huwa minnu li l-punt c tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jipprevedi li talba ta’ aċċess għal informazzjoni ambjentali tista’ tiġi rrifjutata sabiex jiġi protett l-għan ta’ investigazzjonijiet ta’ natura kriminali jew dixxiplinari. Madankollu, dan l-artikolu ma jipprevedix il-possibbiltà li tali talba tiġi rrifjutata sabiex jiġi protett l-għan ta’ investigazzjonijiet amministrattivi, bħal investigazzjoni mibdija mill-Kummissjoni taħt il-proċedura prevista fl‑Artikolu 29 tad-Direttiva Qafas jew investigazzjoni preliminari għal eventwali rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

79      Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, għalkemm, ċertament, il-partijiet kontraenti tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, li fiha hija parti l-Unjoni, għandhom marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jittrasponu d-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar, din il-marġni ta’ diskrezzjoni ma tippermettix lill‑Kummissjoni tintroduċi raġunijiet ġodda ta’ rifjut ta’ aċċess għall‑informazzjoni ambjentali mhux previsti mill-Konvenzjoni ta’ Aarhus. Fl-aħħar nett hija ssostni li l-punt c tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus huwa preċiż biżżejjed sabiex jiġi applikat b’mod dirett.

80      Barra minn hekk, ir-rikorrenti tikkontesta l-argument tal-Kummissjoni li l-legalità tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 ma tistax tiġi evalwata fir-rigward tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. Hija ssostni li l-Unjoni, billi adottat ir-Regolament Nru 1367/2006 u, b’mod partikolari, l-Artikolu 6(1) ta’ dan ir‑regolament, kellha l-intenzjoni li tittrasponi l-obbligi li jirriżultaw mill-Konvenzjoni ta’ Aarhus. Għalhekk, skont il-prinċipji użati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tat‑22 ta’ Ġunju 1989, Fediol vs Il‑Kummissjoni (70/87, EU:C:1989:254), u tas‑7 ta’ Mejju 1991, Nakajima vs Il‑Kunsill (C‑69/89, EU:C:1991:186), il-legalità, l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1367/2006 u, b’mod partikolari, tal-Artikolu 6 tagħha jistgħu jiġu evalwati fid-dawl tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. Barra minn hekk, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni (C‑612/13 P, EU:C:2015:486), ma tipprekludix stħarriġ tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, fir‑rigward tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

81      Il-Kummissjoni twieġeb, preliminarjament, li, peress li r-rikorrenti ma invokatx, la fl-ewwel talba tagħha ta’ aċċess għad-dokumenti u lanqas fl‑applikazzjoni konfermatorja tagħha, dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni ambjentali bis-saħħa tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, fid-deċiżjoni kkontestata hija ma kienet la approvat u lanqas ċaħdet l-eżistenzi ta’ tali dritt, li għalhekk, ma jistax ikun l-oġġett ta’ dan ir‑rikors.

82      Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-Konvenzjoni ta’ Aarhus ma hijiex applikabbli f’dan il-każ inkwantu d-dokumenti mitluba ma jinkludux informazzjoni dwar l-ambjent fis-sens ta’ din il-konvenzjoni. Ulterjorment, il-Kummissjoni ssostni li ma huwiex possibbli li tiġi eżaminata l‑validità tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 fir-rigward tal-Artikolu 4(4) tal-imsemmija konvenzjoni peress li dan l-aħħar artikolu ma għandux effett dirett. Barra minn hekk, hija ssostni li l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 huwa kompatibbli mal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u li, jekk jitqies li dan ma jkunx il-każ, peress li r-Regolament Nru 1049/2001 ma ġiex adottat sabiex jittrasponi l-Konvenzjoni ta’ Aarhus, ma jkunx possibbli li jiġi konkluż li l-eċċezzjonijiet għall-aċċess għad-dokumenti previst minn dan ir-regolament ma humiex applikabbli.

83      Il-Kunsill u l-Parlament isostnu, essenzjalment, li mis-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni (C‑612/13 P, EU:C:2015:486), jirriżulta li r-rikorrenti ma tistax tinvoka l-punt c tal-ewwel subartikolu tal‑Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

84      Għandu jiġi rrilevat li din il-parti tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, sa fejn tipprevedi eċċezzjoni għall-“investigazzjonijiet, b’mod partikolari dawk dwar ksur possibli tal-liġi Komunitarja”, hijiex kompatibbli mal-punt c tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

85      L-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1367/2006 iżid regoli speċifiċi dwar it-talbiet ta’ aċċess għal informazzjoni ambjentali mar-Regolament Nru 1049/2001. L-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 tipprevedi li, f’dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet tal-ewwel u t-tielet inċiżi tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, b’eċċezzjoni tal-investigazzjonijiet, b’mod partikolari dawk dwar ksur possibbli tad-dritt tal-Unjoni, l-iżvelar jitqies li huwa ta’ interess pubbliku superjuri meta l-informazzjoni mitluba tkun konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent.

86      Skont l-Artikolu 216(2) TFUE, l-istituzzjonijiet huma marbuta bil‑ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni u, għaldaqstant, dawn jipprevalu fuq l-atti adottati minnhom (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni, C‑612/13 P, EU:C:2015:486, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

87      Minn dan isegwi li l-validità ta’ att tal-Unjoni tista’ tiġi affettwata mill‑inkompatibbiltà ta’ dan l-att ma’ tali regoli tad-dritt internazzjonali (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni, C‑612/13 P, EU:C:2015:486, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

88      Madankollu minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-qorti tal-Unjoni tista’ teżamina l-allegata inkompatibbiltà ta’ att tal-Unjoni mad-dispożizzjonijiet ta’ ftehim internazzjonali li minnu l-Unjoni tkun tagħmel parti biss meta, minn naħa, in-natura u l-istruttura ta’ dan il-ftehim ma jkunux jipprekluduh u, min-naħa l-oħra, meta dawn id-dispożizzjonijiet jidhru, mill-perspettiva tal-kontenut tagħhom, inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni, C‑612/13 P, EU:C:2015:486, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

89      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li mis-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni (C‑612/13 P, EU:C:2015:486, punti 40 sa 43) jirriżulta li l-punt c tal-ewwel subparagrafu tal‑Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus ma huwiex, mill-perspettiva tal-kontenut tiegħu, inkundizzjonat u suffiċjentement preċiż sabiex il-qorti tal‑Unjoni tkun tista’ tipproċedi bl-eżami tal-kompatibbiltà ta’ att tal-Unjoni fir-rigward ta’ dan l-artikolu, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 88 iktar ’il fuq.

90      Ċertament huwa minnu, kif tirrileva r-rikorrenti, li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat ukoll li, fl-ipoteżi fejn l-Unjoni kellha l-intenzjoni li timplimenta obbligu partikolari li tkun assumiet bis-saħħa tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), jew meta l-att tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni jirreferi espressament għal dispożizzjonijiet preċiżi ta’ dawn il-ftehim, hija l-Qorti tal-Ġustizzja, jekk ikun il-każ, li għandha tistħarreġ il-legalità tal-att tal-Unjoni inkwistjoni fid-dawl tar-regoli tad-WTO (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014, LVP, C‑306/13, EU:C:2014:2465, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Ġunju 1989, Fediol vs Il‑Kummissjoni, 70/87, EU:C:1989:254, punti 19 sa 22, u tas‑7 ta’ Mejju 1991, Nakajima vs Il‑Kunsill, C‑69/89, EU:C:1991:186, punti 29 sa 32).

91      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li dawn iż-żewġ eċċezzjonijiet ġew iġġustifikati biss permezz tal-partikolaritajiet tal-ftehimiet li taw lok għall-applikazzjoni tagħhom (sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2015, Il‑Kunsill et vs Vereniging Milieudefensie u Stichting Stop Luchtverontreiniging Utrecht, C‑401/12 P sa C‑403/12 P, EU:C:2015:4, punti 57 sa 59).

92      F’dan il-każ, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 ma tirreferix b’mod dirett għal dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u lanqas ma tagħti d-dritt lill-individwi sabiex jużaw din il-konvenzjoni. Konsegwentement, fin-nuqqas ta’ tali riferiment espliċitu għal dispożizzjonijiet ta’ ftehim internazzjonali, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 1989, Fediol vs Il‑Kummissjoni (70/87, EU:C:1989:254), ma għandhiex titqies li hija rilevanti f’dan il-każ (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni, C‑612/13 P, EU:C:2015:486, punt 37).

93      Barra minn hekk, il-punt c tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(4) tal‑Konvenzjoni ta’ Aarhus ma jipprevedix obbligu partikolari fis-sens tas-sentenza tas‑7 ta’ Mejju 1991, Nakajima vs Il‑Kunsill (C‑69/89, EU:C:1991:186), inkwantu l-partijiet kontraenti ta’ din il-konvenzjoni għandhom marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “investigazzjonijiet ta’ natura kriminali jew dixxiplinari” tal-punt c tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u għalhekk fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-obbligu li jirriżulta minn dan l-artikolu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni, C‑612/13 P, EU:C:2015:486, punt 42).

94      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti ma tistax tinvoka l-punt c tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus sabiex tikkontesta l-legalità tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006.

95      Għalhekk, l-ewwel parti tat-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(4) talKonvenzjoni ta’ Aarhus u tat-tieni sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006

96      Ir-rikorrenti ssostni li, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 6(1) tar‑Regolament Nru 1367/2006, l-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal‑Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 għandha tingħata interpretazzjoni stretta u li l-fatt li l-informazzjoni mitluba kienet tirrigwarda emissjonijiet fl-ambjent għandu jittieħed inkunsiderazzjoni b’mod iktar partikolari. Hija żżid li l-interpretazzjoni stretta tal-eċċezzjoni relatata mal-proċeduri ta’ investigazzjonijiet, li jimponu t-tieni subparagrafu tal‑Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u t-tieni sentenza tal‑Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, tirrikjedi li kull dokument rilevanti fil-qasam tal-emissjonijiet ikun is-suġġett ta’ eżami individwali sabiex isir magħruf jekk l-interess pubbliku marbut mal-iżvelar tiegħu jipprevalixxix fuq l-interess ta’ kunfidenzjalità tal-investigazzjoni.

97      Il-Kummissjoni tirribatti li d-dokumenti msemmija fit-talba għal aċċess tar-rikorrenti ma fihomx informazzjoni relatata ma’ emissjonijiet fl-ambjent fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006. Hija ssostni wkoll li, anki li kieku dan kellu jkun il-każ, xorta jibqa’ l-fatt li t-tieni sentenza tal‑Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 ma hijiex applikabbli.

98      Għandu jiġi rrilevat li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jipprevedi li r-raġunijiet għar-rifjut ta’ talbiet għal informazzjoni dwar l-ambjent għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv.

99      Il-qorti tal-Unjoni kkunsidrat li l-obbligu ta’ interpretazzjoni b’mod restrittiv tar-raġunijiet għal rifjut ta’ aċċess previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(4) tal‑Konvenzjoni ta’ Aarhus ma jistgħux jinftiehmu fis-sens li jimplikaw obbligu preċiż (sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2015, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni, C‑612/13 P, EU:C:2015:486, punt 42). Ir-rikorrenti għalhekk ma tistax tuża din id-dispożizzjoni b’mod dirett.

100    It-tieni sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 tipprovdi li, “[f]ir-rigward ta’ l-eċċezzjonijiet l-oħra stabbiliti fl‑Artikolu 4 tar-[Regolament Nru 1049/2001], ir-raġunijiet għal rifjut għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv, b’kont meħud ta’ l-interess pubbliku moqdi bil-kxif u jekk l-informazzjoni mitluba tkunx konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent”.

101    Mill-kliem u mill-istruttura tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 jirriżulta li l-“eċċezzjonijiet l-oħra”, fis-sens tat-tieni sentenza ta’ dan il-paragrafu, ma jinkludux il-protezzjoni tal-għan tal-“investigazzjonijiet, b’mod partikolari dawk dwar ksur possibli tal-liġi [tal-Unjoni]”.

102    Fil-fatt, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 tistabbilixxi regola dwar l-eċċezzjonijiet li jinsabu fl-ewwel u fit-tielet inċiżi tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. It-tieni sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 ma ssemmix biss l-“eċċezzjonijiet l-oħra”, iżda l-“eċċezzjonijiet l-oħra stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament [Nru 1049/2001]”. Għalhekk din id-dispożizzjoni tkopri l-eċċezzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 4(1), fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) u fl-Artikolu 4(3) u (5) tar-Regolament Nru 1049/2001. L-attività ta’ investigazzjoni, fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar‑Regolament Nru 1049/2001, li tissemma fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar‑Regolament Nru 1367/2006, ma hijiex inkluża fil-kunċett ta’ “eċċezzjonijiet l-oħra” li jinsab fit-tieni sentenza ta’ din id-dispożizzjoni (sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, LPN u Il‑Finlandja vs Il‑Kummissjoni, C‑514/11 P u C‑605/11 P, EU:C:2013:738, punt 83).

103    Għalhekk, it-tieni sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 ma għandhiex effett fuq l-eżami li għandu jsir mill‑Kummissjoni bis-saħħa tar-Regolament Nru 1049/2001 meta talba ta’ aċċess ikollha bħala oġġett dokumenti relatati ma’ proċedura ta’ investigazzjoni.

104    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li, ċertament, l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, bħala regola speċjali fid-dawl tad‑dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, jinkludi preċiżjonijiet dwar l-interpretazzjoni stretta tal-eċċezzjonijiet li huma previsti fl-imsemmija dispożizzjonijiet kif ukoll dwar l-ibbilanċjar ta’ interessi differenti, li jista’ jirriżulta f’aċċess iktar wiesa’ għal informazzjoni ambjentali meta mqabbel mal-aċċess għal informazzjoni oħra inkluża f’dokumenti miżmuma mill-istituzzjonijiet. Madankollu, din il-konstatazzjoni ma għandhiex effett fuq il-kwistjoni dwar jekk l-istituzzjoni kkonċernata għandhiex twettaq eżami konkret u individwali tad‑dokumenti jew tal-informazzjoni mitluba (sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2011, LPN vs Il‑Kummissjoni, T‑29/08, EU:T:2011:448, punt 117).

105    Għalhekk, ir-rikorrenti ssostni b’mod żbaljat li, fid-dawl tan-natura tad-dokumenti mitluba, il-Kummissjoni jmissha pproċediet b’eżami individwali ta’ kull dokument.

106    Għalhekk, it-tieni parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

107    Minn dan jirriżulta li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat mingħajr il-ħtieġa li tingħata deċiżjoni dwar l-argument tal-Kummissjoni li d-dokumenti li tagħhom ir-rikorrenti titlob l-aċċess ma jirrigwardawx emissjonijiet fl-ambjent jew dwar l-argument li, peress li r-rikorrenti ma invokatx dritt għal aċċess għall-informazzjoni dwar l-ambjent skont il‑Konvenzjoni ta’ Aarhus fit-talba tagħha għal aċċess għad-dokumenti, tali dritt ma jistax ikun is-suġġett ta’ dan ir-rikors.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 42 tal-Karta, talArtikolu 15(3) TFUE, tar-Regolament Nru 1049/2001 u tarRegolament Nru 1367/2006

108    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 15(3) TFUE u l‑Artikolu 42 tal-Karta, kull ċittadin tal-Unjoni u kull persuna fiżika u ġuridika li tirrisjedi jew li jkollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru għandu dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet, tal‑korpi u tal-organi tal-Unjoni, suġġett għall-prinċipji u l-kundizzjonijiet kif iddefiniti konformement mal-Artikolu 15(3) TFUE. B’mod partikolari, skont it-tieni subparagrafu ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, l-imsemmija prinċipji u kundizzjonijiet jiġu stabbiliti permezz ta’ regolamenti mill-Parlament u mill-Kunsill, li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja.

109    Fuq din il-bażi, ir-Regolament Nru 1049/2001 huwa intiż sabiex jikkonferixxi lill-pubbliku dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet li jkun l-iktar wiesa’ possibbli, filwaqt li jkun suġġett, kif jirriżulta b’mod partikolari mis-sistema ta’ eċċezzjonijiet previsti bl‑Artikolu 4 tiegħu, għal ċerti limiti bbażati fuq raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat (sentenzi tad‑29 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, C‑139/07 P, EU:C:2010:376, punt 51, u tas‑27 ta’ Frar 2014, Il‑Kummissjoni vs EnBW, C‑365/12 P, EU:C:2014:112, punt 61).

110    B’mod partikolari, mit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, invokat mill-Kummissjoni sabiex tirrifjuta l-komunikazzjoni tad-dokumenti mitluba mir-rikorrenti, jirriżulta li l-istituzzjonijiet jirrifjutaw l-aċċess għal dokument fil-każ fejn l-iżvelar tiegħu jikkawża preġudizzju għall-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ awditu, sakemm dan l-iżvelar ma jkunx iġġustifikat minn interess pubbliku superjuri.

111    Skont il-ġurisprudenza, is-sistema ta’ eċċezzjonijiet prevista fl‑Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, u b’mod partikolari fil-paragrafu 2 tiegħu, hija bbażata fuq ibbilanċjar tal-interessi differenti f’sitwazzjoni partikolari, jiġifieri, dawk l-interessi li jibbenefikaw mill-iżvelar tad-dokument jew tad-dokumenti mitluba u dawk li jkunu mhedda minn dan l-iżvelar (sentenzi tal‑14 ta’ Novembru 2013, LPN u Il‑Finlandja vs Il‑Kummissjoni, C‑514/11 P u C‑605/11 P, EU:C:2013:738, punt 42, u tas-27 ta’ Frar 2014, Il‑Kummissjoni vs EnBW, C‑365/12 P, EU:C:2014:112, punt 63).

112    Peress li l-eċċezzjonijiet li dan l-artikolu jipprevedi jidderogaw mill-prinċipju tal-iktar aċċess wiesa’ possibbli tal-pubbliku għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, huma għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod strett (sentenzi tas‑17 ta’ Ottubru 2013, Il‑Kunsill vs Access Info Europe, C‑280/11 P, EU:C:2013:671, punt 30, u tat‑3 ta’ Lulju 2014, Il‑Kunsill vs in ’t Veld, C‑350/12 P, EU:C:2014:2039, punt 48).

113    Konsegwentement, sabiex jiġi ġġustifikat ir-rifjut ta’ aċċess għal dokument li tiegħu ntalab l-iżvelar, bħala prinċipju, ma huwiex biżżejjed li dan id-dokument jirrigwarda attività msemmija fl-Artikolu 4(2) tar‑Regolament Nru 1049/2001. Hija l-istituzzjoni li tirċievi t-talba għal aċċess li għandha, bħala regola, tispjega kif l-aċċess għal dan id-dokument ikun jista’ konkretament u effettivament jippreġudika l-interess protett mill-eċċezzjoni jew l-eċċezzjonijiet li hija tinvoka (sentenzi tal‑1 ta’ Lulju 2008, L‑Isvezja u Turco vs Il‑Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374, punt 49, u tas‑27 ta’ Frar 2014, Il‑Kummissjoni vs EnBW, C‑365/12 P, EU:C:2014:112, punt 64). Barra minn hekk, ir-riskju ta’ tali preġudizzju għandu jkun raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku (sentenzi tal‑1 ta’ Lulju 2008, L‑Isvezja u Turco vs Il‑Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374, punt 43, u tas‑17 ta’ Ottubru 2013, Il‑Kunsill vs Access Info Europe, C‑280/11 P, EU:C:2013:671, punt 31).

114    Madankollu, huwa possibbli għall-istituzzjoni kkonċernata li tibbaża ruħha fuq preżunzjonijiet ġenerali li japplikaw għal ċerti kategoriji ta’ dokumenti, peress li kunsiderazzjonijiet simili jistgħu japplikaw għal talbiet ta’ żvelar li jirrigwardaw dokumenti tal-istess natura (sentenzi tad‑29 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, C‑139/07 P, EU:C:2010:376, punt 54, tas-27 ta’ Frar 2014, Il‑Kummissjoni vs EnBW C‑365/12 P, EU:C:2014:112, punt 65).

115    B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ preżunzjonijiet ġenerali ta’ rifjut ta’ aċċess għal dokumenti fir-rigward tad-dokumenti tal-fajl amministrattiv relatat ma’ proċedura ta’ stħarriġ ta’ għajnuna mill-Istat (sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, C‑139/07 P, EU:C:2010:376, punt 61), tad-dokumenti skambjati bejn il-Kummissjoni u l-partijiet notifikanti jew terzi fil-kuntest ta’ proċedura ta’ stħarriġ ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (sentenzi tat‑28 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, C‑404/10 P, EU:C:2012:393, punt 123, u tat‑28 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs Agrofert Holding, C‑477/10 P, EU:C:2012:394, punt 64), tan-noti ppreżentati minn istituzzjoni fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja (sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2010, L‑Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, EU:C:2010:541, punt 94), tad-dokumenti relatati ma’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fl-istadju tal-proċedura prekontenzjuża (sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, LPN u Il‑Finlandja vs Il‑Kummissjoni, C‑514/11 P u C‑605/11 P, EU:C:2013:738, punt 65), tad-dokumenti li jinsabu f’fajl relatat ma’ proċedura skont l-Artikolu 101 TFUE (sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Il‑Kummissjoni vs EnBW, C‑365/12 P, EU:C:2014:112, punt 93) u tad-dokumenti relatati ma’ proċedura msejħa “EU Pilot” (sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2017, L‑Isvezja vs Il‑Kummissjoni, C‑562/14 P, EU:C:2017:356, punt 51).

116    Il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ preżunzjonijiet ġenerali fir-rigward tal-offerti ta’ offerenti fi proċedura ta’ kuntratt pubbliku f’każ ta’ talba ta’ aċċess magħmula minn offerent ieħor (sentenza tad‑29 ta’ Jannar 2013, Cosepuri vs EFSA, T‑339/10 u T‑532/10, EU:T:2013:38, punt 101), tad-dokumenti mibgħuta, taħt l‑Artikolu 11(4) tar-Regolament (KE) tal-Kunsill Nru 1/2003 tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal‑kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni lill-Kummissjoni (sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2015, Unión de Almacenistas de Hierros de España vs Il‑Kummissjoni, T‑623/13, EU:T:2015:268, punt 64), tal-mistoqsijiet ta’ għażla multipla magħmula waqt kompetizzjoni ġenerali organizzata mill-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) (sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2015, Alexandrou vs Il‑Kummissjoni, T‑515/14 P u T‑516/14 P, EU:T:2015:844, punt 94), tad-dokumenti relatati ma’ investigazzjoni tal‑Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) (sentenza tas‑26 ta’ Mejju 2016, International Management Group vs Il‑Kummissjoni, T‑110/15, EU:T:2016:322, punt 44) kif ukoll tad‑dokumenti relatati ma’ proċedura minħabba abbuż minn pożizzjoni dominanti li ġiet magħluqa (sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni, T‑210/15, EU:T:2017:224).

117    Għandu jitfakkar ukoll li, meta talba ta’ aċċess ma tirrigwardax dokument wieħed biss, iżda numru ta’ dokumenti, ir-rikonoxximent ta’ preżunzjoni ġenerali li l-iżvelar ta’ dokumenti ta’ ċertu natura jippreġudika, bħala regola, il-protezzjoni ta’ wieħed mill-interessi elenkati fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 jippermetti lill-istituzzjoni kkonċernata tittratta t-talba bħala waħda globali u li tirrispondiha bl-istess mod (ara s-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Il‑Kummissjoni vs EnBW, C‑365/12 P, EU:C:2014:112, punt 68 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

118    Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-attività amministrattiva tal-Kummissjoni ma tirrikjedix l‑istess aċċess estensiv għad-dokumenti bħal dak mitlub mill-attività leġiżlattiva ta’ istituzzjoni tal-Unjoni (sentenza tal‑21 ta’ Lulju 2011, L‑Isvezja vs MyTravel u Il‑Kummissjoni, C‑506/08 P, EU:C:2011:496, punt 87; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑29 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, C‑139/07 P, EU:C:2010:376, punt 60, u tal‑21 ta’ Settembru 2010, L‑Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, EU:C:2010:541, punt 77).

119    Dan il-motiv essenzjalment jinqasam f’żewġ partijiet. L-ewwel parti hija bbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma setgħetx tinvoka l-eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 u preżunzjoni ġenerali ta’ nuqqas ta’ żvelar. It-tieni parti hija bbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni kkunsidrat, b’mod żbaljat, li ma kienx hemm interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti mitluba.

120    Fir-rigward tal-ewwel parti, ibbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma setgħetx tinvoka l-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar‑Regolament Nru 1049/2001 u preżunzjoni ġenerali ta’ nuqqas ta’ żvelar, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-iżvelar ta’ dokumenti mitluba ma kien jippreġudika l-ebda “investigazzjoni” peress li t-tilwima tirrigwarda esklużivament il-valur legali li għandu jingħata lil avvenimenti li effettivament seħħew u ntemmu, jiġifieri dwar il-kwistjoni jekk il-Ministru għall-Ekoloġija, l-Iżvilupp Sostenibbli u l-Enerġija Franċiż kellux dritt jissospendi r-reġistrazzjoni tal-vetturi bil-mutur ikkonċernati minħabba allegata ħsara għall-ambjent.

121    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża lilha nnifisha fuq preżunzjoni ġenerali ta’ nuqqas ta’ żvelar sabiex tiċħad it‑talba tagħha ta’ aċċess għad-dokumenti relatati mal-proċedura mibdija skont l-Artikolu 29 tad-Direttiva Qafas.

122    F’dan ir-rigward, hija ssostni li r-rifjut tad-dokumenti mitluba minħabba, b’mod partikolari, li s-suċċess tal-investigazzjoni jiddependi fuq skambju ta’ informazzjoni li jsir fi klima ta’ diskrezzjoni u ta’ fiduċja reċiproka u li l-iżvelar ta’ dawn id-dokumenti jissuġġetta lil din il-proċedura għall-influwenza ta’ terzi, joħloq eċċezzjoni matul il-perijodu tal-investigazzjoni, li ma teżistix fir-Regolament Nru 1049/2001.

123    Ir-rikorrenti żżid li hija ma tifhimx għalfejn, skont il-Kummissjoni, l-għan tal-investigazzjoni mibdija skont l-Artikolu 29 tad-Direttiva Qafas jitlef is-sustanza tiegħu f’każ ta’ żvelar tad-dokumenti mitluba. Il-fatt li l-manifattur ikkonċernat jista’ jkollu aċċess għad-dokumenti li jirrigwardaw il-proċedura mibdija skont l-imsemmi artikolu jikkontribwixxi, għall-kuntrarju, skont ir-rikorrenti, għall-għan ta’ din il-proċedura, li huwa li tiġi implimentata l-politika komuni ta’ moviment fil-qasam tas-sigurtà fit-toroq. L-istess ikun japplika li kieku l-pubbliku kellu aċċess għal dawn id-dokumenti sa fejn, skont ir-Repubblika Franċiża, li rrifjutat ir-reġistrazzjoni tal-vetturi tar-rikorrenti, l-interess tal-pubbliku fil-qasam tas-sigurtà u tal-ekoloġija kienu affettwati.

124    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-ġurisprudenza relatata mal-proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma tistax tiġi trasposta għall-proċedura mibdija skont l-Artikolu 29 tad-Direttiva Qafas. F’dan ir-rigward, hija ssostni li l-mistoqsijiet li jqumu fil-kuntest ta’ din l-aħħar proċedura huma differenti minn dawk li jqumu fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Hija ssostni wkoll li l-ftuħ tal-proċedura skont l-Artikolu 29 tad-Direttiva Qafas ma jippreżumix l-eżistenza ta’ eventwali proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u li għalhekk ma hijiex “proċedura prekontenzjuża” ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Hija żżid li l-proċedura mibdija skont l-Artikolu 29 tad-Direttiva Qafas hija totalment differenti mill-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu peress li timplika lil persuni oħra, issegwi għanijiet oħra u tosserva r-regoli proprji tagħha. B’mod partikolari, il-partijiet f’din il-proċedura ma humiex biss il-Kummissjoni u l-Istat Membru li allegatament kiser id-dritt tal-Unjoni, iżda wkoll l-Istat Membru li adotta l-miżura ta’ protezzjoni u l-manifattur awtomobilistiku kkonċernat, li huwa, f’dan il-każ, ir-rikorrenti. B’hekk, skont din tal-aħħar, is-sempliċi possibbiltà li l-proċedura mibdija skont l-Artikolu 29 tad-Direttiva Qafas tkun segwita minn proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma hijiex suffiċjenti sabiex ma jingħatax l-aċċess għad-dokumenti mitluba. Il-Kummissjoni saħansitra rrifjutat l-aċċess għal dawn id-dokumenti qabel ma kienet taf jekk il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 29(1) tad-Direttiva Qafas kinux issodisfatti.

125    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li l-kundizzjonijiet li jippermettu li tiġi applikata preżunzjoni ġenerali ta’ nuqqas ta’ żvelar ma humiex issodisfatti fir-rigward tad-dokumenti relatati ma’ proċedura mibdija skont l-Artikolu 29 tad-Direttiva Qafas. Ir-rikorrenti tirrikonoxxi li t-talba ta’ aċċess tagħha tirrigwarda d-dokumenti kollha, iżda madankollu tirrileva li din kienet tirrigwarda dokumenti ta’ natura estremament differenti. Barra minn hekk, il-kundizzjonijiet sabiex tiġi rrikonoxxuta preżunzjoni ġenerali ta’ nuqqas ta’ żvelar ma humiex issodisfatti f’dan il-każ, peress li d-Direttiva Qafas ma fiha l-ebda regola proċedurali relatata mal-aċċess għad-dokumenti.

126    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma setgħetx tistrieħ fuq preżunzjoni ġenerali ta’ nuqqas ta’ żvelar tad-dokumenti relatati ma’ proċedura EU Pilot. Mistoqsija dwar il-konsegwenzi tas‑sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2017, L‑Isvezja vs Il‑Kummissjoni (C‑562/14 P, EU:C:2017:356), fuq dan il-motiv, ir-rikorrenti ħadet konjizzjoni tal-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet ikkonfermat li preżunzjoni ta’ nuqqas ta’ żvelar setgħet tiġi invokata fir-rigward tad-dokumenti relatati ma’ proċedura EU Pilot. Madankollu, hija fakkret li t-talba tagħha ta’ aċċess ma kinitx tirrigwarda dokumenti relatati ma’ proċedura EU Pilot, iżda dokumenti relatati ma’ proċedura amministrattiva differenti, jiġifieri proċedura mibdija skont l-Artikolu 29 tad‑Direttiva Qafas li għaliha ma teżistix preżunzjoni ta’ kunfidenzjalità. Ir‑rikorrenti enfasizzat ukoll li d-dokumenti kkonċernati taħt dawn iż-żewġ proċeduri setgħu jkunu parzjalment identiċi, iżda li hija ma kinitx tqis li d-dokumenti kollha tal-proċedura mibdija skont l‑Artikolu 29 tad-Direttiva Qafas kienu jinsabu wkoll fil-fajl tal‑proċedura EU Pilot 5160/11. Issa, din hija kundizzjoni sine qua non sabiex dawn id-dokumenti jkunu jistgħu jaqgħu taħt il-preżunzjoni ta’ kunfidenzjalità rrikonoxxuta għad-dokumenti relatati ma’ proċedura EU Pilot.

127    Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni twieġeb li hija setgħet tibbaża lilha nnifisha fuq preżunzjoni ġenerali ta’ nuqqas ta’ żvelar f’dak li jirrigwarda d-dokumenti relatati ma’ proċedura mibdija skont l-Artikolu 29 tad-Direttiva Qafas. F’dan ir-rigward, hija ssostni li teżisti rabta funzjonali stretta bejn din il-proċedura u l-proċedura parallela EU Pilot 5160/11, li tippreċedi proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Waħda mill-miżuri li tista’ tittieħed mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 29(4) tad-Direttiva Qafas hija fil-fatt it-tressiq ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li, indipendentement minn din ir-rabta funzjonali, preżunzjoni ġenerali ta’ nuqqas ta’ żvelar tista’ tiġi ammessa fi proċedura mibdija skont l-Artikolu 29 tad-Direttiva Qafas. Peress li l-proċedura prevista f’dan l-artikolu ma tipprevedix dritt, għall-partijiet, ta’ parteċipazzjoni minbarra l-konsultazzjoni mitluba, u b’mod partikolari ma tipprevedix dritt ta’ aċċess għall-fajl, fil-fatt ikun hemm lok li tiġi ammessa tali preżunzjoni. Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, l-iżvelar tad-dokumenti mitluba jkun jippreġudika l-għan ta’ din l-investigazzjoni. F’dan ir-rigward hija tfakkar il-kunsiderazzjonijiet magħmula fid-deċiżjoni kkontestata.

128    Fit-tieni lok, il-Kummissjoni twieġeb, filwaqt li tinvoka s-sentenza tal‑25 ta’ Settembru 2014, Spirlea vs Il‑Kummissjoni (T‑306/12, EU:T:2014:816, punti 19, 22 u 39), li ġiet ikkonfermata bis-sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2017, L‑Isvezja vs Il‑Kummissjoni (C‑562/14 P, EU:C:2017:356), li hija setgħet tibbaża lilha nnifisha fuq preżunzjoni ġenerali ta’ nuqqas ta’ żvelar fir-rigward tad-dokumenti relatati ma’ proċedura EU Pilot. Hija ssostni wkoll li grupp ta’ dokumenti jista’ jkun kopert minn preżunzjoni meta dawn id-dokumenti jirrigwardaw proċedura waħda, bħal f’dan il-każ. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tfakkar li fid-data tad-deċiżjoni kkontestata kienet diġà nfetħet proċedura EU Pilot u li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, teżisti preżunzjoni ta’ kunfidenzjalità anki jekk, fid-data tad-deċiżjoni kkontestata, kienet għadha ma nfetħitx proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Mistoqsija mill-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni enfasizzat li d-dokumenti kollha tal-proċedura mibdija skont l-Artikolu 29 tad‑Direttiva Qafas kienu elementi tal-investigazzjoni EU Pilot 5160/11 u li l-fatt li dawn id-dokumenti ma kinux “fiżikament impoġġija” fil-fajl tal-proċedura EU Pilot ma kienx jikkontradixxi tali dikjarazzjoni.

129    Sa fejn ir-rikorrenti ssostni li l-iżvelar tad-dokumenti mitluba ma jikkawża preġudizzju għal ebda “investigazzjoni” peress li t-tilwima tirrigwarda esklużivament il-valur legali li għandu jingħata lil avvenimenti li effettivament seħħew u ntemmu, għandu jiġi eżaminat, qabel kollox, jekk il-proċedura mibdija taħt l-Artikolu 29 tad-Direttiva Qafas tistax tiġi kkunsidrata bħala attività ta’ investigazzjoni fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

130    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-kunċett ta’ investigazzjoni, li jinsab fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, li għandu jiġi interpretat filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, is-sens abitwali tiegħu kif ukoll il-kuntest li jidħol fih (sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2017, Franza vs Schlyter, C‑331/15 P, EU:C:2017:639, punt 45).

131    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, mingħajr il-bżonn li tiġi stabbilita definizzjoni eżawrjenti tal-“attivitajiet ta’ investigazzjoni”, fis-sens tat‑tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, hemm lok li jiġi kkunsidrat li tikkostitwixxi tali attività proċedura strutturata u fformalizzata tal-Kummissjoni li l-għan tagħha jkun il-ġbir u l-analiżi ta’ informazzjoni sabiex din l-istituzzjoni tkun tista’ tadotta pożizzjoni fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha previsti mit‑Trattat UE u t-Trattat FUE (sentenza tas-7 ta’ Settembru 2017, Franza vs Schlyter, C‑331/15 P, EU:C:2017:639, punt 46).

132    Il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li din il-proċedura ma għandhiex neċessarjament tkun intiża sabiex tinnota u tinvestiga ksur jew irregolarità. Il-kunċett ta’ “investigazzjoni” jista’ jkopri wkoll l-attività tal-Kummissjoni maħsuba sabiex tikkonstata fatti bil-għan li tevalwa sitwazzjoni partikolari (sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2017, Franza vs Schlyter, C‑331/15 P, EU:C:2017:639, punt 47).

133    F’dan il-każ, qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 29 tad-Direttiva Qafas jistabbilixxi, fil-paragrafi 1 sa 4 tiegħu, sekwenza proċedurali relatata, l-ewwel nett, man-notifika, mill-Istat Membru, ta’ deċiżjoni li tirrifjuta li jiġu rreġistrati vetturi ġodda, sistemi, komponenti jew unitajiet tekniċi li jikkompromettu b’mod serju s-sigurtà fit-toroq jew joħolqu dannu gravi lill-ambjent jew lis-saħħa pubblika jew li jiġu awtorizzati l-bejgħ jew id-dħul fis-servizz fit-territorju tiegħu ta’ tali vetturi, komponenti jew unitajiet tekniċi, it-tieni nett, mal-konsultazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-partijiet ikkonċernati u, it-tielet nett, mal-adozzjoni ta’ deċiżjoni u mal-eventwali teħid tal-miżuri xierqa mill-Kummissjoni. Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li l-proċedura prevista fl-Artikolu 29 tad-Direttiva Qafas hija proċedura strutturata u fformalizzata.

134    Sussegwentement, mill-Artikolu 29(1) tad-Direttiva Qafas jirriżulta li l-Istati Membri ma jikkomunikawx biss lill-Kummissjoni d-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ reġistrazzjoni ta’ vetturi jew ta’ awtorizzazzjoni tal-bejgħ jew tad-dħul fis-servizz fit-territorju tiegħu ta’ vetturi, komponenti jew unitajiet tekniċi, iżda wkoll ir-raġunijiet għal dan ir-rifjut u, b’mod partikolari, jindikaw jekk dan ir-rifjut jirriżultax minn nuqqasijiet fl-atti regolatorji rilevanti jew mill-applikazzjoni inkorretta tar-rekwiżiti rilevanti. Barra minn hekk, l-Artikolu 29(2) tad-Direttiva Qafas jipprevedi li l-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-partijiet ikkonċernati, sabiex tħejji deċiżjoni. Il-preparazzjoni ta’ din id-deċiżjoni timplika, b’mod evidenti, l-eżistenza ta’ analiżi preċedenti tal-informazzjoni li tinsab għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni. Għalhekk għandu jiġi kkunsidrat li l-proċedura prevista fl-Artikolu 29 tad-Direttiva Qafas għandha l-għan li tiġbor u tanalizza informazzjoni.

135    Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 29(2) tad-Direttiva Qafas, il-Kummissjoni tieħu deċiżjoni li tispjega l-pożizzjoni legali tagħha fir-rigward tal-kompatibbiltà tar-rifjut ta’ reġistrazzjoni jew ta’ awtorizzazzjoni nnotifikata mill-Istat Membru, b’mod partikolari mal-moviment liberu tal-merkanzija fis-suq intern. Għalhekk għandu jiġi kkunsidrat li l-proċedura prevista fl-Artikolu 29 tad-Direttiva Qafas għandha l-għan li tippermetti lill-Kummissjoni tadotta pożizzjoni fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha previsti mit-Trattat UE u t-Trattat FUE.

136    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi kkunsidrat li l-proċedura prevista fl-Artikolu 29 tad-Direttiva Qafas hija attività ta’ investigazzjoni fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

137    Għalhekk, għandu jiġi stabbilit jekk il-Kummissjoni bbażatx ruħha b’mod validu fuq preżunzjoni ġenerali ta’ nuqqas ta’ żvelar sabiex tirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti relatati mal-proċedura mibdija skont l-Artikolu 29 tad-Direttiva Qafas.

138    Minn naħa, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 115 u 116 iktar ’il fuq, jirriżulta li sabiex preżunzjoni ġenerali tiġi validament użata kontra l-persuna li titlob l-aċċess għal dokumenti abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001, huwa meħtieġ li d-dokumenti mitluba jkunu parti mill-istess kategorija ta’ dokumenti jew ikunu tal-istess natura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Il‑Kummissjoni vs EnBW, C‑365/12 P, EU:C:2014:112, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

139    Min-naħa l-oħra, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-applikazzjoni tal-preżunzjonijiet ġenerali hija essenzjalment iddettata min-neċessità imperattiva li jiġi żgurat il-funzjonament korrett tal-proċeduri inkwistjoni u li jiġi żgurat li l-għanijiet tagħhom ma jiġux kompromessi. B’hekk, ir-rikonoxximent ta’ preżunzjoni ġenerali jista’ jkun ibbażat fuq l-inkompatibbiltà tal-aċċess għad-dokumenti ta’ ċerti proċeduri mal-iżvolġiment tajjeb tagħhom u fuq ir-riskju li jiġi kkawżat preġudizzju lilhom, peress li l-preżunzjonijiet ġenerali jippermettu li tiġi ppreżervata l-integrità tal-iżvolġiment tal-proċeduri filwaqt li tiġi limitata l-interferenza ta’ terzi persuni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Settembru 2014, Spirlea vs Il‑Kummissjoni, T‑306/12, EU:T:2014:816, punti 57 u 58, u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-Kawżi magħquda LPN u Il‑Finlandja vs Il‑Kummissjoni, C‑514/11 P u C‑605/11 P, EU:C:2013:528, punti 66, 68, 74 u 76).

140    L-applikazzjoni ta’ regoli speċifiċi previsti minn att ġuridiku relatat ma’ proċedura li ssir quddiem istituzzjoni tal-Unjoni li għall-ħtiġijiet tagħha ġew prodotti d-dokumenti mitluba hija waħda mill-kriterji tali li jiġġustifikaw ir-rikonoxximent ta’ preżunzjoni ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2015, McCullough vs Cedefop, T‑496/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:374, punt 91 u l-ġurisprudenza ċċitata, u l‑konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-Kawża Il‑Kunsill vs Access Info Europe, C‑280/11 P, EU:C:2013:325, punt 75).

141    Fl-ewwel lok, għandu jiġi stabbilit jekk id-dokumenti mitluba jaqgħux taħt l-istess kategorija jew humiex tal-istess natura. F’dan ir-rigward, ikun biżżejjed li jiġi rrilevat li huwa paċifiku li dawn id-dokumenti kollha jagħmlu parti mill-istess fajl amministrattiv, jiġifieri dak tal-proċedura pendenti mibdija skont l-Artikolu 29 tad-Direttiva Qafas, u għalhekk li jappartjenu għall-istess kategorija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni, C‑612/13 P, EU:C:2015:486, punti 74 u 78).

142    Fit-tieni lok, għandu jiġi stabbilit jekk il-motivi invokati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti relatati mal-proċedura mibdija skont l-Artikolu 29 tad-Direttiva Qafas kinux jiġġustifikaw ir-rikonoxximent ta’ preżunzjoni ġenerali ġdida ta’ nuqqas ta’ żvelar.

143    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fid-deċiżjoni kkontestata, il‑Kummissjoni enfasizzat, filwaqt li invokat is-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau (C‑139/07 P, EU:C:2010:376), li la r-Regolament Nru 1049/2001 u lanqas id-Direttiva Qafas ma kien fihom dispożizzjonijiet li jistabbilixxu s-supremazija ta’ wieħed minn dawn l-atti fuq l-ieħor u li, għalhekk, hemm lok li tiġi żgurata applikazzjoni kompatibbli ta’ kull wieħed minn dawn l-atti mal-ieħor u li tippermetti l-implimentazzjoni koerenti ta’ dawn l-atti.

144    Il-Kummissjoni rrilevat ukoll li l-ftuħ u t-tmexxija ta’ investigazzjonijiet wara notifika bbażata fuq l-Artikolu 29 tad-Direttiva Qafas kienet tagħmel parti mill-funzjonijiet amministrattivi tagħha u li l-applikazzjoni tar‑Regolament Nru 1049/2001 ma għandux ikollha l-konsegwenza li l-imsemmi artikolu jitlef l-effettività tiegħu.

145    Barra minn hekk, il-Kummissjoni indikat, l-ewwel nett, li sitt dokumenti, li kienu jagħmlu parti mill-fajl tal-investigazzjoni mibdija taħt l‑Artikolu 29 tad-Direttiva Qafas, kienu tweġibiet tal-Istati Membri għall-konsultazzjonijiet li hija kienet għamlet fil-kuntest ta’ din l-investigazzjoni. Hija rrilevat li dan il-fajl kien fih ukoll 45 posta elettronika skambjata ma’ Stati Membri. Il-Kummissjoni kkunsidrat li, sabiex l-investigazzjoni tagħha setgħet tirnexxi, kien essenzjali li ssir fi klima ta’ diskrezzjoni u ta’ fiduċja propizja għal skambju ta’ informazzjoni u ta’ opinjonijiet ħielsa bejnha u l-Istati Membri. Hija żiedet li, fin-nuqqas ta’ din il-kunfidenzjalità, l-Istati Membri kienu jaħsbuha darbtejn sabiex jesprimu b’mod liberu l-opinjoni tagħhom fir-rigward tal-osservanza jew tan-nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva Qafas.

146    It-tieni nett, il-Kummissjoni indikat li l-fajl tal-investigazzjoni mibdija taħt l-Artikolu 29 tad-Direttiva Qafas kien fih numru ta’ dokumenti li jikkonsistu fi skambji ta’ opinjonijiet interni, b’mod partikolari bejn direttorati ġenerali differenti u mas-servizz legali tal-Kummissjoni, magħmula fil-kuntest tad-deliberazzjonijiet preliminari dwar l-investigazzjoni li kienet għaddejja dwar l-applikazzjoni mir-Repubblika Franċiża u mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tad-Direttiva Qafas. Hija rrilevat ukoll li ċerti dokumenti kienu jikkonsistu f’posta elettronika skambjata ma’ impriżi privati. Il-Kummissjoni enfasizzat li kull tixrid prematur ta’ dawn l-iskambji preliminari jesponi l-proċedura ta’ investigazzjoni għal interferenzi indebiti ta’ terzi, ibbażati fuq konstatazzjonijiet jew opinjonijiet mhux ikkorroborati, li jikkompromettu l-ħeffa u l-effikaċja tal-investigazzjoni. It-tixrid ta’ dawn id-dokumenti jikkawża preġudizzju għall-aspettattiva tal-Istati Membri fl-oġġettività, fl-imparzjalità u fil‑kunfidenzjalità tal-proċedura ta’ investigazzjoni u jnaqqas għalhekk ir-rieda tal-Istati Membri, meta tingħalaq l-investigazzjoni, li jikkontribwixxu b’mod kostruttiv għal azzjoni effikaċja tal-konklużjonijiet tal-investigazzjoni.

147    It-tixrid tad-dokumenti mitluba għalhekk kellu l-effett, skont il-Kummissjoni, li jqiegħed inkwistjoni l-effettività tal-klawżola ta’ salvagwardja prevista fl-Artikolu 29 tad-Direttiva Qafas, u b’mod partikolari l-għan tal-investigazzjonijiet magħmula f’dan il-kuntest, li huwa li jiġi stabbilit jekk l-Istat Membru inkwistjoni applikax b’mod leġittimu din il-klawżola u jiġi żgurat livell għoli ta’ sigurtà fit-toroq, ta’ saħħa u ta’ protezzjoni tal-ambjent.

148    Il-Kummissjoni għalhekk ikkonkludiet li d-dokumenti mitluba, li kollha kienu jagħmlu parti mill-fajl amministrattiv tal-investigazzjoni mibdija abbażi tal-Artikolu 29 tad-Direttiva Qafas, kienu koperti bi preżunzjoni ġenerali ta’ nuqqas ta’ żvelar ibbażata fuq il-protezzjoni tal-investigazzjonijiet prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

149    Fir-rigward tal-motiv imressaq mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tiġi applikata preżunzjoni ġenerali ta’ nuqqas ta’ żvelar għad-dokumenti mitluba, ibbażat fuq il-ħtieġa li tiġi żgurata applikazzjoni koerenti tar-Regolament Nru 1049/2001 u tad-Direttiva Qafas, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ma indikatx, fid-deċiżjoni kkontestata, liema inkoerenza bejn dawn iż-żewġ testi l-applikazzjoni tal-preżunzjoni ġenerali ta’ nuqqas ta’ żvelar kienet intiża li tevita.

150    Għandu jitfakkar ukoll li, fis-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau (C‑139/07 P, EU:C:2010:376), li fuqha bbażat ruħha l-Kummissjoni f’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet irrikonoxxiet l-eżistenza ta’ preżunzjoni ġenerali ta’ nuqqas ta’ żvelar tad-dokumenti relatati ma’ proċedura ta’ stħarriġ tal-għajnuna mill-Istat. Wara li fakkret li l-Artikolu 6(2) tar‑Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat‑22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339) kien jipprovdi li l-osservazzjonijiet li rċeviet il-Kummissjoni, fil-kuntest ta’ tali proċedura ta’ stħarriġ, kellhom jiġu kkomunikati lill-Istat Membru kkonċernat, fejn dan tal-aħħar ikollu sussegwentement il-possibbiltà li jwieġeb għal dawn l-osservazzjonijiet f’terminu speċifiku, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li mir-Regolament Nru 659/1999 kien jirriżulta li l-persuni kkonċernati, bl-eċċezzjoni tal-Istat Membru responsabbli mill-għoti tal-għajnuna, ma kellhomx, fil-kuntest tal-proċedura ta’ stħarriġ ta’ għajnuna mill-Istat, id-dritt li jikkonsultaw id-dokumenti tal-fajl amministrattiv tal-Kummissjoni u, b’hekk, jekk dawn il-persuni kkonċernati kienu f’pożizzjoni li jiksbu l-aċċess, abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001, għad-dokumenti tal-fajl amministrattiv tal-Kummissjoni, is-sistema ta’ stħarriġ tal-għajnuna mill-Istat titqiegħed inkwistjoni (sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, C‑139/07 P, EU:C:2010:376, punti 57 u 58).

151    Issa, kuntrarjament għar-Regolament Nru 659/1999, id-Direttiva Qafas ma tinkludix dispożizzjoni li tipprevedi li l-Istat Membru (jew l-Istati Membri) kkonċernat bil-proċedura prevista fl-Artikolu 29 tad-Direttiva Qafas għandu aċċess għad-dokumenti tal-fajl amministrattiv tal-imsemmija proċedura, li minnha jista’ jirriżulta, a contrario, li l-partijiet l-oħra kkonċernati minn din il-proċedura ma għandhomx tali dritt. Barra minn hekk, l-Artikolu 29(2) tad-Direttiva Qafas, li jirrigwarda l-konsultazzjoni tal-partijiet ikkonċernati bil-proċedura prevista fl-imsemmi artikolu u mhux l-aċċess għad-dokumenti ta’ din il-proċedura, ma għandux jiġi interpretat bħala dispożizzjoni li tirregola b’mod restrittiv l-użu ta’ dokumenti li jinsabu fil-fajl tal-Kummissjoni, kuntrarjament għal dak li din tal-aħħar tidher li ssostni.

152    Għalhekk id-Direttiva Qafas ma tinkludi ebda regola li tistabbilixxi b’mod speċifiku l-modalitajiet ta’ aċċess għall-fajl amministrattiv tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 29 tad‑Direttiva Qafas.

153    Għalhekk, il-motivi mressqa mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tapplika preżunzjoni ġenerali ta’ nuqqas ta’ żvelar għad-dokumenti mitluba, ibbażata fuq il-ħtieġa li tiġi ggarantita applikazzjoni koerenti tar-Regolament Nru 1049/2001 u tad-Direttiva Qafas kif ukoll tas-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau (C‑139/07 P, EU:C:2010:376), ma humiex konvinċenti f’dan il-każ.

154    Huwa minnu li l-fatt li ma hemmx test leġiżlattiv li jirregola speċifikament il-modalitajiet ta’ aċċess għad-dokumenti mitluba ma huwiex, fih innifsu, tali li jiġġustifika l-esklużjoni ta’ kull possibbiltà li tiġi rrikonoxxuta l-eżistenza ta’ preżunzjoni ġenerali li abbażi tagħha l-aċċess għad-dokumenti mitluba jista’ jiġi rrifjutat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Mejju 2016, International Management Group vs Il‑Kummissjoni, T‑110/15, EU:T:2016:322, punt 31).

155    Madankollu, sa fejn il-possibbiltà li jintużaw preżunzjonijiet ġenerali ma għandhiex biss l-effett li tinkwadra l-prinċipju fundamentali ta’ trasparenza stabbilit fl-Artikolu 11 TUE, fl-Artikolu 15 TFUE u fir‑Regolament Nru 1049/2001, iżda wkoll u neċessarjament li tillimita fil-prattika l-aċċess għad-dokumenti inkwistjoni, l-użu ta’ dawn il-preżunzjonijiet għandu jkun ibbażat fuq raġunijiet sodi u konvinċenti (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil‑Kawżi magħquda LPN u Il‑Finlandja vs Il‑Kummissjoni, C‑514/11 P u C‑605/11 P, EU:C:2013:528, punt 57).

156    B’hekk, sabiex tkun tista’ tiddeċiedi preżunzjoni ġenerali ta’ nuqqas ta’ żvelar tad-dokumenti mitluba fil-konfront tar-rikorrenti, il-Kummissjoni kellha tispjega kif din il-preżunzjoni kienet meħtieġa sabiex tiżgura l-funzjonament korrett tal-proċedura inkwistjoni f’dan il-każ, jiġifieri dik użata taħt l-Artikolu 29 tad-Direttiva Qafas, u sabiex tiżgura li l-għanijiet ta’ din il-proċedura ma jiġux kompromessi.

157    Issa, minbarra l-motivi bbażati fuq il-ħtieġa li tiġi żgurata applikazzjoni koerenti tar-Regolament Nru 1049/2001 u tad-Direttiva Qafas kif ukoll tas-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau (C‑139/07 P, EU:C:2010:376), li ma humiex konvinċenti f’dan il-każ, il-Kummissjoni invokat, sabiex tapplika preżunzjoni ġenerali ta’ nuqqas ta’ żvelar għad-dokumenti mitluba essenzjalment, il-ħtieġa li tiżgura klima ta’ diskrezzjoni u ta’ fiduċja mal-Istati Membri u li tevita l-interferenza ta’ terzi fl-investigazzjoni pendenti.

158    Għandu jiġi kkonstatat li dawn il-motivi huma validi għal kwalunkwe proċedura ta’ investigazzjoni pendenti, miftuħa fir-rigward ta’ Stat Membru.

159    Li jiġi aċċettat li preżunzjoni ġenerali ta’ nuqqas ta’ żvelar tista’ tiġi applikata għal tali motivi huwa kuntrarju għall-ġurisprudenza li l-preżunzjonijiet għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod strett, peress li jikkostitwixxu eċċezzjoni għall-obbligu ta’ eżami konkret u individwali, mill-istituzzjoni kkonċernata, ta’ kull dokument suġġett ta’ talba ta’ aċċess kif ukoll, b’mod iżjed ġenerali, għall-prinċipju tal-aċċess l-iktar kbir possibbli tal-pubbliku għad-dokumenti miżmuma mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni, C‑612/13 P, EU:C:2015:486, punt 81).

160    Barra minn hekk, għandu jingħad ukoll li, fir-rigward tad‑29 posta elettronika li l-Kummissjoni skambjat ma’ persuni ġuridiċi fil-kuntest tal-proċedura mibdija taħt l-Artikolu 29 tad-Direttiva Qafas, huwa ċar li r-raġunijiet mogħtija mill-Kummissjoni sabiex tapplika l-preżunzjoni li l-iżvelar tagħhom jikkawża preġudizzju għall-għan tal-investigazzjoni mibdija taħt l-Artikolu 29 tad-Direttiva Qafas ma humiex rilevanti. Fil-fatt, huwa diffiċli li wieħed jifhem, mill-qari tad-deċiżjoni kkontestata, kif l-iżvelar ta’ din il-korrispondenza seta’ jikkawża preġudizzju għall-aspettattivi tal-Istati Membri fl-oġġettività u l-imparzjalità tal-investigazzjoni mmexxija mill-Kummissjoni jew tesponi l-imsemmija investigazzjoni għal interferenzi indebiti ta’ terzi.

161    Fil-kuntest tal-miżuri istruttorji previsti fl-Artikolu 91(c) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kummissjoni ġiet ordnata tipproduċi kopja integrali ta’ dawn id-29 posta elettronika.

162    F’din il-posta elettronika, essenzjalment, il-persuni ġuridiċi inkwistjoni jesprimu l-opinjoni tagħhom dwar ir-refriġerant R1234yf, użat fis-sistemi ta’ kondizzjonament tal-arja tal-vetturi tar-rikorrenti. Minn dawn it-28 posta elettronika (waħda mid-29 posta elettronika fir-realtà hija posta elettronika interna għall-Kummissjoni, kif irrilevat din tal-aħħar fl-ittra tagħha annessa mal-kopja ta’ dawn id-dokumenti), jirriżulta li l-iżvelar tal-opinjoni ta’ ċerti persuni ġuridiċi dwar ir-refriġerant R1234yf jippreġudika l-aspettattivi tal-Istati Membri fl-oġġettività, fl‑imparzjalità u fil-kunfidenzjalità tal-proċedura ta’ investigazzjoni u tesponi l-proċedura ta’ investigazzjoni għal interferenzi indebiti ta’ terzi. Barra minn hekk, filwaqt li, ċertament, bħala dokument anness ma’ waħda minn din il-posta elettronika hemm rapport tal-KBA dwar ir-refriġerant R1234yf u filwaqt li f’ħafna mill-posta elettronika hemm irrapportat il-kontenut ta’ dan ir-rapport, dan ġie żvelat minn terzi u huwa disponibbli fuq is-sit internet tal-KBA. Għaldaqstant ma hemmx lok li jiġi kkunsidrat li l-iżvelar ta’ din il-posta elettronika jippreġudika l-aspettattivi ta’ awtorità nazzjonali.

163    Għalhekk, ir-raġunijiet mogħtija mill-Kummissjoni sabiex tapplika preżunzjoni ġenerali ta’ nuqqas ta’ żvelar għad-dokumenti relatati mal-proċedura mibdija skont l-Artikolu 29 tad-Direttiva Qafas ma humiex rilevanti fir-rigward tal-korrispondenza bejn il-Kummissjoni u persuni ġuridiċi u la huma solidi u lanqas konvinċenti fir-rigward ta’ kategoriji oħra ta’ dokumenti li hija identifikat.

164    Għaldaqstant il-Kummissjoni ma setgħetx, fid-dawl tar-raġunijiet li hija esponiet fid-deċiżjoni kkontestata, tapplika preżunzjoni ġenerali ta’ nuqqas ta’ żvelar għad-dokumenti mitluba.

165    Din il-konklużjoni ma hijiex imqiegħda inkwistjoni bl-argument tal-Kummissjoni li teżisti rabta funzjonali mill-qrib bejn il-proċedura EU Pilot 5160/11 u l-proċedura mibdija skont l-Artikolu 29 tad-Direttiva Qafas.

166    F’dan ir-rigward, qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ammettiet, fit-tweġibiet tagħha għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, li d-dokumenti mitluba ma kinux tpoġġew fil-fajl EU Pilot 5160/11. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-fatt li dokumenti jkunu tpoġġew fil-fajl ta’ proċedura amministrattiva kien determinanti sabiex jiġi konkluż li dawn id-dokumenti kienu relatati ma’ din il-proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni, C‑612/13 P, EU:C:2015:486, punt 76). Għaldaqstant ir-rikorrenti ġustament issostni li l-Kummissjoni ma tistax tuża l-preżunzjoni ġenerali ta’ nuqqas ta’ żvelar ta’ dokumenti relatati mal-proċeduri EU Pilot, irrikonoxxuta mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tal‑25 ta’ Settembru 2014, Spirlea vs Il‑Kummissjoni (T‑306/12, EU:T:2014:816, punti 19, 22 u 39), li ġiet ikkonfermata bis-sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2017, L‑Isvezja vs Il‑Kummissjoni (C‑562/14 P, EU:C:2017:356).

167    Sussegwentement, huwa minnu li, f’dan il-każ, ir-Repubblika Franċiża ġġustifikat ir-rifjut ta’ reġistrazzjoni tagħha bil-fatt li l-estensjonijiet ta’ approvazzjonijiet tat-tip KE ta’ vetturi mogħtija mill-awtoritajiet Ġermaniżi ma kinux josservaw id-Direttiva dwar is-Sistemi ta’ Kondizzjonament tal-Arja. Madankollu, rifjut ta’ reġistrazzjoni jista’ jiġi ġġustifikat għal raġunijiet oħra minbarra n-nuqqas ta’ osservanza tal-liġi applikabbli mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fir-rigward ta’ approvazzjoni ta’ vetturi. B’hekk kif jirriżulta mill-ewwel inċiż tat-tieni sentenza tal-Artikolu 29(1) tad-Direttiva Qafas, dan ir-rifjut jista’ jiġi ġġustifikat minħabba nuqqasijiet fl-atti regolatorji applikabbli. F’dan il-każ, ma hemmx rabta bejn il-proċedura mibdija skont l-Artikolu 29 tad‑Direttiva Qafas u proċedura EU Pilot.

168    Fuq kollox, il-proċedura mibdija, f’dan il-każ, skont l-Artikolu 29(1) tad-Direttiva Qafas ma tikkostitwixxix il-fażi li tippreċedi l-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu miftuħa kontra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, peress li din il-fażi preċedenti kienet il-proċedura EU Pilot 5160/11.

169    Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li, sabiex jiġi ġġustifikat approċċ komuni fir-rigward tal-proċeduri EU Pilot u l-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, il-Qorti Ġenerali enfasizzat b’mod partikolari, fis-sentenza tal‑25 ta’ Settembru 2014, Spirlea vs Il‑Kummissjoni (T‑306/12, EU:T:2014:816, punt 61), li l-proċedura EU Pilot, l-istess bħall-fażi prekontenzjuża tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, hija ta’ natura bilaterali, bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat, u dan minkejja l-fatt li setgħet kienet inbdiet permezz ta’ lment, peress li, fi kwalunkwe każ, il-lanjant eventwali ma għandu ebda dritt fis-segwitu tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Issa, kuntrarjament għal proċedura EU Pilot jew proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-proċedura mibdija skont l-Artikolu 29 tad‑Direttiva Qafas ma hijiex proċedura bilaterali bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat. Fil-fatt, l-Artikolu 29(2) tad-Direttiva Qafas jipprevedi li l-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-partijiet ikkonċernati mill-iktar fis possibbli, sabiex tħejji deċiżjoni. Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-manifattur, bħala persuna kkonċernata, għandu d-dritt li jiġi kkonsultat u għalhekk li huwa involut fil-kuntest tal-imsemmija proċedura, kuntrarjament għal-lanjant eventwali fil-kuntest tal-proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

170    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni kkonsultat kemm ma’ Stati Membri oħra kif ukoll ma’ persuni ġuridiċi sabiex tikseb informazzjoni li jidher li kkunsidrat li hija utli jew meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha. Issa, dawn l-elementi ta’ konsultazzjoni jagħmlu distinzjoni ċara bejn il-proċedura mmexxija mill-Kummissjoni f’dan il-każ u proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u ta’ proċedura EU Pilot. Fi kwalunkwe każ, ma huwiex possibbli, fid-dawl tan-numru u tad-diversità tal-persuni kkonsultati mill-Kummissjoni, li jiġi preżunt li l-informazzjoni kollha li hija rċeviet fil-kuntest ta’ dawn il-konsultazzjonijiet hija koperta bl-eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-attivitajiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ awditu.

171    Għalhekk, ma hemmx lok li tiġi applikata, b’analoġija, il-ġurisprudenza relatata mal-proċeduri EU Pilot u mal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

172    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li jeħtieġ li l-ewwel parti tat-tielet motiv għandha tintlaqa’ u, għalhekk, għandha tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma jkun meħtieġ li tiġi eżaminata t-tieni parti tat-tielet motiv u r-raba’ motiv u lanqas li tingħata deċiżjoni dwar il-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura fformulata mir-rikorrenti fl-ittra tagħha tat‑8 ta’ Ġunju 2018.

 Fuq l-ispejjeż

173    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż tagħha kif ukoll għal dawk tar-rikorrenti, konformement mat-talbiet ta’ din tal-aħħar.

174    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Għaldaqstant il-Kunsill u l-Parlament għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

tiddikjara u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni Ares(2013) 3715941 tal-Kummissjoni Ewropea, tat-13 ta’ Diċembru 2013, li tirrifjuta li tagħti aċċess lil Daimler AG għad-dokumenti relatati mal-proċedura mibdija mir-Repubblika Franċiża skont l-Artikolu 29 tadDirettiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u talKunsill, tal-5 ta’ Settembru 2007, li tistabbilixxi kwadru [qafas] għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (direttiva qafas) hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni għandha tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk sostnuti minn Daimler AG.

3)      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Gratsias

Dittrich

Xuereb

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-4 ta’ Ottubru 2018.

Firem


*      Lingwa tal-proċedura: il-Ġermaniż.