Language of document : ECLI:EU:F:2008:81

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA (Assemblea Plenarja)

24 ta’ Ġunju 2008 (*)

“Servizz pubbliku – Persunal tal-BĊE – Remunerazzjoni – Konsultazzjoni mal-Kumitat tal-Persunal tal-BĊE – Metodu tal-kalkolu tal-aġġustament ta’ kull sena tar-remunerazzjonijiet – Eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-qorti Komunitarja – Retroattività”

Fil-Kawża F‑15/05

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat skont l-Artikolu 36.2 tal-Protokoll dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, anness mat-Trattat KE

Carlos Andres, membru tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, residenti fi Frankfurt-am-Main (il-Ġermanja), u t-tmien rikorrenti l-oħra li isimhom jidher fl-anness, irrappreżentati minn G. Vandersanden u L. Levi, avukati,

rikorrenti

vs

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irrappreżentat minn C. Zilioli u K. Sugar, bħala aġenti, assistiti minn B. Wägenbaur, avukat,

konvenut

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (Assemblea Plenarja),

kompost minn P. Mahoney, President, H. Kreppel (Relatur) u S. Van Raepenbusch, Presidenti ta’ Awla, I. Boruta, H. Kanninen, H. Tagaras u S. Gervasoni, Imħallfin,

Reġistratur: W. Hakenberg,

wara li ra l-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ Mejju 2007,

jagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz ta’ att li wasal, permezz ta’ faks, fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej fil-21 ta’ Marzu 2005 (fejn id-depożitu tal-att oriġinali seħħ fit-23 ta’ Marzu ta’ wara), ir-rikorrenti ppreżentaw il-preżenti rikorsi intiżi, b’mod partikolari, minn naħa, għall-annullament tad-dikjarazzjonijiet tas-salarju tar-rikorrenti ta’ Lulju 2004, sa fejn dawn jinkludu żieda fis-salarju stabbilita billi ġie applikat metodu ta’ adattament ta’ kull sena tas-salarji allegatament illegali u sa fejn din iż-żieda ma hijiex applikata retroattivament għall-2001, l-2002 u l-2003 kif ukoll, min-naħa l-oħra, talba għad-danni.

 Il-kuntest ġuridiku

2        L-Artikolu 36 tal-Protokoll dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), anness mat-Trattat KE (iktar ’il quddiem l-“Istaut tas-SEBĊ”), jinkludi d-dispożizzjonijiet segwenti:

“Il-Persunal

36.1. Il-Kunsill Regolatorju, fuq proposta mill-Bord Eżekuttiv, għandu jistabilixxi l-kondizzjonijiet tal-impieg tal-impjegati tal-BĊE.

36.2. Il-Qorti tal-Ġustizzja [tal-Komunitajiet Ewropej] jkollha kompetenza f’kull tilwima bejn il-BĊE u l-impjegati tiegħu fil-limiti u taħt il-kondizzjonijiet stipulati fil-kondizzjonijiet tal-impieg”

3        Abbażi tal-Artikolu 36.1 tal-Istatut tas-SEBĊ, il-Kunsill Regolatorju tal-BĊE fid-9 ta’ Ġunju 1998 adotta l-Kondizzjonijiet tal-impjieg tal-persunal tal-BĊE (Deċiżjoni tal-BĊE tad-9 ta’ Ġunju 1998, dwar l-adozzjoni tal-kondizzjonijiet tal-impjieg tal-persunal tal-BĊE, emendata fil-31 ta’ Marzu 1999, ĠU L 125, p. 32, u fil-5 ta’ Lulju 2001, ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Volum 3, p. 343, iktar ’il quddiem il-“Kondizzjonijiet tal-impjieg”).

4        L-Artikolu 42 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg jelabora fuq l-Artikolu 36.2 tal-Istatut tas-SEBĊ:

“Wara li jkunu ġew eżawriti r-rimedji interni kollha disponibbli, il-Qorti tal-Ġustizzja […] jkollha l-ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar kull kwistjoni bejn il-BĊE u membru jew ex membru tal-persunal tiegħu li fir-rigward tiegħu jkunu japplikaw il-preżenti Kondizzjonijiet tal-impjieg.

Din il-ġurisdizzjoni hija limitata għall-eżami tal-legalità tal-miżura jew tad-deċiżjoni, ħlief jekk il-kwistjoni tkun waħda ta’ natura finanzjarja, f’liema każ il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha ġurisdizzjoni sħiħa” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5        Fir-rigward tar-relazzjonijiet tax-xogħol, l-Artikolu 9 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg fost l-oħrajn jipprovdi:

“a) Ir-relazzjonijiet tax-xogħol bejn il-BĊE u l-membri tal-persunal tiegħu huma rregolati mill-kuntratti tal-impjieg konklużi skont il-preżenti Kondizzjonijiet tal-impjieg. Ir-regoli applikabbli għall-persunal [tal-BĊE] adottati mill-Bord Eżekuttiv jippreċiżaw il-modalitajiet ta’ dawn il-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

[…]

c) Il-Kondizzjonijiet tal-impjieg ma huma rregolati minn l-ebda sistema legali nazzjonali speċifika. Il-BĊE japplika i) il-prinċipji ġenerali komuni għas-sistemi legali tal-Istati Membri ii) il-prinċipji ġenerali tas-sistema legali Komunitarja (KE) u iii) ir-regoli li jinsabu fir-regolamenti u fid-direttivi (KE) li jirrigwardaw il-politika soċjali u li huma indirizzati lejn l-Istati Membri. Kull fejn ikun meħtieġ, dawn l-atti ser jiġu implementati mill-BĊE. F’dan ir-rigward ser jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni r-rakkomandazzjonijiet (KE) fil-qasam tal-politika soċjali. Għall-interpretazzjoni tad-drittijiet u tal-obbligi previsti minn dawn il-Kondizzjonijiet tal-impjieg, il-BĊE għandu jieħu debitament inkunsiderazzjoni l-prinċipji stabbiliti mir-regolamenti, mir-regoli u mill-ġurisprudenza li jirrigwardaw il-persunal tal-istituzzjonijiet Komunitarji.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6        Fir-rigward tal-aġġustamenti tas-salarji, l-Artikolu 13 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg jipprovdi:

“Fuq proposta tal-Bord Eżekuttiv, il-Kunsill Regolatorju jadotta l-aġġustamenti ġenerali tas-salarju b’effett mill-1 ta’ Lulju ta’ kull sena.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7        F’dak li jirrigwarda r-rappreżentazzjoni tal-persunal, l-Artikoli 45 u 46 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, li jinsabu f’parti ġdida intitolata “Rappreżentazzjoni tal-persunal”, jipprovdu:

“45. Kumitat tal-Persunal, li l-membri tiegħu jiġu eletti permezz ta’ votazzjoni sigrieta, huwa inkarigat li jirrappreżenta l-interessi ġenerali tal-membri kollha tal-persunal fil-qasam ta’ kuntratti tal-impjieg, ta’ regolamentazzjoni applikabbli għall-persunal u ta’ remunerazzjoni, tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, ta’ xogħol, ta’ saħħa u ta’ sigurtà fil-BĊE, ta’ sigurtà soċjali u ta’ skemi ta’ pensjoni.

46. Il-Kumitat tal-Persunal għandu jiġi kkonsultat qabel kull tibdil li jista’ jsir fil-preżenti Kondizzjonijiet tal-impjieg, fir-regoli applikabbli għall-persunal jew fir-rigward ta’ kull kwistjoni li tista’ tkun konnessa magħhom, kif ipprovdut fl-Artikolu 45 hawn fuq.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8        Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 46 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg huma ppreċiżati mir-regoli applikabbli għall-persunal tal-BĊE (“European Central Bank Staff Rules”), li b’mod partikolari jiffissaw il-modalitajiet tal-proċedura ta’ konsultazzjoni bejn il-BĊE u l-Kumitat tal-Persunal (Artikolu 9.2).

9        Fis-17 ta’ Ġunju 2003 ġie ffirmat Memorandum ta’ Ftehim fuq ir-Relazzjonijiet bejn l-Amministrazzjoni tal-BĊE u l-Kumitat tal-Persunal (“Memorandum of Understanding on Relations between Executive Board and the Staff Committee of the ECB ”, iktar ’il quddiem il-“memorandum ta’ ftehim”) li jiddefinixxi iktar fid-dettall il-kuntest u l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti.

10      Il-preambolu tiegħu jipprovdi li “għandhom isiru sforzi sabiex tiġi pprovduta l-informazzjoni kollha rilevanti u sabiex, mill-iktar fis possibbli, jinbeda djalogu, sa fejn ma jkunx hemm raġunijiet imperattivi oħra li jirrikjedu mod ieħor” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (“efforts shall be made to provide all relevant information and to initiate a dialogue at the earliest possible time in so far as there are no overriding reasons for not doing so”).

11      L-Artikolu 6 tal-memorandum ta’ ftehim jipprovdi l-kundizzjonijiet ta’ talba għal konsultazzjoni:

“Meta jibda’ proċedura ta’ konsultazzjoni, il-President jew ir-rappreżentant tigħu għandu jressaq talba ta’ konsultazzjoni bil-miktub qudiem il-Kumitat tal-Persunal flimkien ma informazzjoni kompleta, jiġifieri informazzjoni li tippermetti lill-Kumitat tal-Persunal li jsir jaf dwar il-kwistjoni li hija s-suġġett tal-konsultazzjoni u li jkun jista’ jeżaminha, sa fejn ma jkunx hemm raġunijiet imperattivi oħra li jirrikjedu mod ieħor […]”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

12      L-Artikolu 15 tal-memorandum ta’ ftehim jipprovdi proċedura ta’ konsultazzjoni semplifikata:

“Il-partijiet li jieħdu sehem fid-djalogu jistgħu jiftehmu, għall-raġunijiet li jridu jiġu ġġustifikati minn waħda minnhom, fuq proċedura intiża sabiex jitnaqqas in-numru ta’ skambji ta’ opinjonijiet fir-rigward ta’ kwistjoni speċifika. F’dan il-każ il-partijiet għandhom bi qbil bejniethom jistabbilixxu skeda ad hoc”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

13      Abbażi tal-Artikolu 13 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, il-Bord Eżekuttiv tal-BĊE elabora metodu għall-implementazzjoni tal-aġġustamenti ġenerali tas-salarji (“General Salary Adjustment – GSA”, iktar ’il quddiem il-“metodu tal-kalkolu”). Bħala prinċipju, huwa jibbaża ruħu fuq evalwazzjoni speċifika tal-aġġustamenti tas-salarji fl-organizzazzjonijiet li huma s-sorsi prinċipali ta’ reklutaġġ tal-persunal tal-BĊE, bħall-banek ċentrali nazzjonali (iktar ’il quddiem il-“korpi ta’ referenza”), sabiex is-salarji tal-persunal tal-BĊE jibqgħu allineati mal-livell tagħhom ta’ remunerazzjoni. F’dak li jirrigwarda s-snin ta’ bejn l-1999 u l-2001, il-metodu tal-kalkolu ġie adottat mill-Kunsill Regolatorju tal-BĊE fl-20 ta’ Ġunju 1999 (iktar ’il quddiem il-“GSA 1999/2001”). Sussegwentement, għas-snin ta’ bejn l-2002 u l-2004, il-Kunsill Regolatorju emenda din il-verżjoni (iktar ’il quddiem il-“GSA 2002/2004”).

14      Skont il-GSA 1999/2001, l-aġġustament tas-salarji tal-membri tal-persunal ta’ kull korp ta’ referenza (f’perċentwali) huwa mqabbel proporzjonalment man-numru tal-membri tal-persunal tiegħu skont il-prinċipji segwenti:

“–      [l]-aġġustament ġenerali ta’ kull sena tas-salarji [għandu jkun] ibbażat fuq l-iżvilupp medju tas-salarji nominali fil-ħmistax-il [bank ċentrali nazzjonali u fil-Bank għall-ħlasijiet internazzjonali (Bank for International Settlements, iktar ’il quddiem BĦI)], bħala “bank ċentrali” tal-banek ċentrali;

–        [għandhom] jittieħdu inkunsiderazzjoni l-aġġustamenti ta’ kull sena li seħħew matul is-sena fis-seħħ fi ħdan il-korpi ta’ referenza;

–        [l]-iżviluppi tas-salarju nominali għandhom ikunu peżati [; il-]peżatura għandha tkun skont in-numru ta’ perusni impjegati f’kull wieħed mill-korpi ta’ referenza;

–        […]”

15      Konsegwentement, il-GSA 1999/2001 ma kienu jagħmlu l-ebda distinzjoni bejn il-korpi ta’ referenza u ma kienu jipprovdu l-ebda possibbiltà ta’ korrezzjoni.

16      Min-naħa l-oħra, il-GSA 2002/2004, filwaqt li segwew l-istess prinċipji, ħadu inkunsiderazzjoni żewġ gruppi ta’ korpi ta’ referenza, fejn kull grupp jibbilanċja, sa 50 %, il-kalkolu tal-aġġustament ta’ kull sena :

“–      [L]-aġġustament ġenerali ta’ kull sena tas-salarji għandu jkun ibbażat fuq l-iżvilupp medju tas-salarji nominali fi ħdan l-istituzjonijiet segwenti:

–        1. [I]l-ħmistax-il [bank ċentrali nazzjonali] u l-BĦI;

–        2. [L]-istituzzjonijiet u l-korpi Komunitarji Ewropej (jiġifieri l-Kummissjoni [tal-Komunitajiet] Ewrope[j] u l-aġenziji tagħha, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Parlament [Ewropew], il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti tal-Awdituri [tal-Komunitajiet Ewropej], il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [Ewropew], il-Kumitat tar-Reġjuni [tal-Unjoni Ewropea];

[l]-“organizzazzjonijiet ikkoordinati” (jiġifieri l-[Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana (NATO)], l-[Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD)], l-Aġenzija Spazzjali Ewropea, iċ-Ċentru Ewropew għat-tbassir tat-temp fuq portata medja [European Centre for Medium-range Weather Forecasts], il-Kunsill tal-Ewropa, l-Unjoni tal-Ewropa tal-Punent);

[i]l-Bank Ewropew tal-Investiment.

–        [L]-iżviluppi tas-salarji nominali għandhom ikunu ppeżati skont in-numru ta’ persuni impjegati f’kull wieħed mill-korpi ta’ referenza;

–        kull grupp ta’ referenza (punti 1 u 2 iktar ’il fuq) għandu jgħodd għal-50 %.”

17      Barra minn dan, il-GSA 2002/2004 jipprovdu sistema ta’ korrezzjoni tal-aġġustamenti fid-dawl tad-data li ssir disponibbli iktar tard:

“Għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-aġġustamenti ta’ kull sena (meta jkunu disponibbli) li jseħħu matul is-sena fis-seħħ fi ħdan il-korpi ta’ referenza. Meta l-aġġustamenti għas-sena fis-seħħ ma jkunux disponibbli, tintuża d-data tas-sena preċedenti u, bla ħsara għad-disponibbiltà tad-data, id-differenza bejn d-data disponibbli u d-data reali tiġi korretta matul is-sena finanzjarja segwenti.”

18      Id-Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-4 ta’ Marzu, 2004, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Bank Ċentrali Ewropew (ECB/2004/3, ĠU L 80, p. 42), li l-Artikolu 2(1) tagħha jipprovdi li kull ċittadin tal-Unjoni “għand[u] dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-[BĊE], bla ħsara għall-kundizzjonijiet u l-limiti stabbiliti f’din id-Deċiżjoni”, tipprovdi, fl-Artikolu 4(1) tagħha li l-BĊE għandu jiċħad l-aċċess għal dokument fil-każ fejn l-iżvelar tiegħu jkun ta’ ħsara għall-protezzjoni tal-interess pubbliku, għall-privatezza u l-integrità tal-individwu, u għall-kunfidenzjalità tal-informazzjoni li bħala tali hija protetta bil-liġi Komunitarja. Fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ tali eċċezzjoni, l-Artikolu 4(4) tal-imsemmija deċiżjoni jipprovdi:

“Fir-rigward tad-dokumenti ta’ terzi partijiet, il-[BĊE] għandu jikkonsulta mat-[terzi kkonċernati] bil-għan li [j]eżamina jekk eċċezjoni [prevista] f’dan l-Artikolu hijiex applikabbli, sakemm ikun ċar li d-dokument għandu jew ma għandux jiġi [żvelat]”.

 Il-fatti li taw lok għall-kawża

19      Ir-rikorrenti kkonkludew kuntratti tal-impjieg mal-BĊE li b’mod partikolari jipprovdu li l-Kondizzjonijiet tal-impjieg u l-emendi tagħhom huma parti integrali minn tali kuntratti.

20      Permezz tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-20 ta’ Novembru 2003, Cerafogli u Poloni vs Il‑Bank Ċentrali Ewropew (T‑63/02, Ġabra p. II‑4929), ġew annullati d-deċiżjonijiet li kienu jinsabu fid-dikjarazzjonijiet tas-salarju mibgħuta fit-13 ta’ Lulju 2001 liż-żewġ rikorrenti f’dik il-kawża li kienu membri tal-persunal tal-BĊE u li kienu jikkonċernaw ix-xahar ta’ Lulju 2001, peress li l-BĊE ma kienx ikkonsulta mall-Kumitat tal-Persunal qabel l-aġġustament tas-salarji għas-sena 2001.

21      Fis-16 ta’ Diċembru 2003, il-BĊE bagħat, lill-membri kollha tal-persunal tiegħu, memorandum fejn indika li insegwitu għas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza huwa kellu jibda proċedura ta’ konsultazzjoni mal-Kumitat tal-Persunal fir-rigward tal-implementazzjoni tal-metodu tal-kalkolu għall-2001, l-2002 u l-2003. F’dan il-memorandum kien jgħid, b’mod partikolari, li:

“Preżentement, l-amministrazzjoni ser tibda proċedura ta’ konsultazzjoni mal-Kumitat tal-Persunal fir-rigward tal-implementazzjoni tal-metodoloġija għall-2001, l-2002 u l-2003. Madankollu, l-amministrazzjoni tixtieq tosserva li xejn, fis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, ma jiġġustifika li jiġi ssuġġerit, fil-kuntest tal-konsultazzjoni, li jkun għaqli li jiġu mibdula l-kalkoli relatati ma xi waħda minn dawn is-snin.”

22      Permezz ta’ nota tad-9 ta’ Jannar 2004, il-BĊE fetaħ il-proċedura ta’ konsultazzjoni billi bagħat lill-Kumitat tal-Persunal listi b’data pprovduta mill-korpi ta’ referenza għall-2001, l-2002 u l-2003.

23      Il-Kumitat tal-Persunal irrisponda fil-25 ta’ Marzu 2004 billi qajjem diversi kwistjonijiet dwar id-data mibgħuta mill-BĊE u billi talab l-applikazzjoni retroattiva tar-riżultati tal-kalkolu finali tal-aġġustament tas-salarji tal-membri tal-persunal tal-BĊE għall-2001, l-2002 u l-2003, b’effett, b’mod partikolari, mill-elementi diverġenti li l-Kumitat tal-Persunal skopra bejn id-data pprovduta fid-9 ta’ Jannar 2004 mill-BĊE u d-data tal-istess tip li l-Kumitat tal-Persunal kiseb mingħand il-kumitati tal-persunal tal-korpi ta’ referenza. Il-Kumitat tal-Persunal xtaq li jkun hemm aġġustament il-fuq tas-salarji li jieħu inkunsiderazzjoni dawn l-elementi kollha.

24      Sussegwentement, inżammu serje ta’ laqgħat “tekniċi” u “ad hoc” bejn il-Kumitat tal-Persunal u r-rappreżentanti tal-BĊE. B’mod partikolari, matul il-laqgħa teknika li nżammet fit-30 ta’ Marzu 2004 r-rappreżentanti tal-Kumitat tal-Persunal (fosthom ir-rikorrenti M. C. Cerafogli) ipprovdew kopji tad-dokumenti kollha li l-Kumitat tal-Persunal kien irċeva mingħand il-kumitati tal-persunal tal-korpi ta’ referenza fir-rigward tas-snin preċedenti. L-aġġustament tas-salarji għas-snin ta’ bejn l-2001 u l-2003 kien ukoll is-suġġett ta’ laqgħa teknika li nżammet fil-11 ta’ Mejju 2004. Is-sur Kelly, rappreżentant tal-BĊE, ipprovda ċifri fir-rigward ta’ xi wħud mill-banek ċentrali nazzjonali u spjega li huwa neċessarju li jkun hemm diskussjoni dwar it-tqassim tagħhom fuq kull sena fir-rigward tal-2001, l-2002 u l-2003 u speċifika li jekk miċ-ċifri tirriżulta differenza huwa probabbli li jkun hemm aġġustament. Inkwantu għall-mistoqsija tar-rappreżentanti tal-Kumitat tal-Persunal (fosthom O. Seigneur) dwar aġġustament retroattiv, ir-rappreżentant tal-BĊE espona li kien preferibbli li l-aġġustament jidħol fis-seħħ b’effett mill-2004. Laqgħat oħra ad hoc fir-rigward tal-aġġustament tas-salarji nżammew fl-1 ta’ Ġunju 2004, fejn kienu preżenti r-rappreżentant tal-BĊE, is-sur Kelly, il-kelliemi tal-Kumitat tal-persunal, is-sur van de Velde, u kif ukoll wieħed mill-kelliema aġġunti tal-imsemmi kumitat, is-sur van der Ark, u fid-9 ta’ Ġunju 2004, fejn kienu preżenti żewġ rappreżentanti tal-BĊE, is-sinjuri van Baak u Kelly, u ż-żewġ membri tal-Kumitat tal-Persunal preżenti għal-laqgħa tal-1 ta’ Ġunju 2004. In-natura, il-parteċipazzjoni u l-kontenut tal-laqgħat tal-1 u tad-9 ta’ Ġunju kif ukoll ta’ laqgħat oħra jibqgħu, minn diversi aspetti, kontroversjali.

25      Permezz ta’ nota tat-3 ta’ Ġunju 2004, il-Kumitat tal-Persunal wera x-xewqa li r-riżultat probabbli tal-aġġustament tas-salarji, insegwitu għall-proċedura ta’ konsultazzjoni għas-snin ta’ bejn l-2001 u l-2003, jidħol fis-seħħ fl-istess ħin bħall-aġġustament li għandu jsir abbażi tas-sena 2004 (jiġifieri b’effett mill-1 ta’ Lulju 2004, kif previst mill-Artikolu 13 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg).

26      Anki fir-rigward ta’ laqgħa li nżammet fl-14 ta’ Ġunju 2004 il-partijiet jagħtu deskrizzjoni differenti fir-rigward tal-preparazzjoni u l-iżvolġiment tagħha. Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kumitat tal-Persunal irċeva ċerta data statistika importanti biss waqt il-laqgħa filwaqt li, fl-ebda waqt tal-proċedura ta’ konsultazzjoni li nbdiet bin-nota tad-9 ta’ Jannar 2004, il-membri tal-Kumitat tal-Persunal ma kellhom aċċess għad-dokumenti kollha li permezz tagħhom il-korpi ta’ referenza pprovdew il-perċentwali ta’ aġġustament tas-salarji u ċ-ċifri tal-persuni impjegati (iktar ’il-quddiem id-“data ewlenija”). Min-naħa l-oħra l-BĊE jiddikjara li kien bagħat id-data statistika inkwistjoni fil-11 ta’ Ġunju 2004 u li, f’data li ma kienx f’pożizzjoni li jindika bi preċiżjoni, kien wera d-data ewlenija lill-kelliemi tal-kumitat tal-persunal, is-sur van de Velda, u lill wieħed mill-kelliema aġġunti tiegħu, is-sur van der Ark. Id-dikjarazzjoni li tgħid li kien il-Kumitat tal-Persunal li ppropona lill-BĊE li l-kelliemi tiegħu u wieħed mill-kelliema aġġunti jibbenefikaw minn tali aċċess għad-data ewlenija hija kkonfermata mill-ittra elettronika tal-1 ta’ Ġunju 2004 tal-kelliemi aġġunt, is-sur van der Ark. Barra minn dan ir-realtà ta’ tali aċċess hija kkonfermata minn dikjarazzjoni bil-miktub tat-13 ta’ Ġunju 2005 u ffirmata, fost l-oħrajn, miż-żewġ rappreżentanti tal-kumitat tal-persunal ikkonċernati.

27      Il-Kumitat tal-Persunal, irrappreżentat mill-kelliemi tiegħu u minn wieħed mill-kelliema aġġunti, bagħat ittra elettronika, tal-14 ta’ Ġunju 2004, lid-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Amministrazzjoni”, fejn kien jintqal li:

“Reċentement il-Kumitat tal-Persunal kien irċeva, mingħand id-Direttorat tar-Riżorsi Umani, iċ-ċifri riveduti fir-rigward tal-eżerċizzju ta’ aġġustament ġenerali tas-salarji 2001[/]2003.

Xtaqna nikkonkludu l-konsultazzjoni fuq l-eżerċizzju ta’ aġġustament ġenerali tas-salarji 2001[/]2003 fil-ħin għall-kalkolu tal-aġġustament ġenerali tas-salarji għall-eżerċizzju 2004. Filwaqt li aħna bgħatna r-riżultati tagħna fil-25 ta’ Marzu, kien biss reċentement li rċevejna tabella biċ-ċifri riveduti min-naħa tad-Direttorat tar-Riżorsi Umani. Aħna ltqajna mal-membri kkonċernati tad-Direttorat tar-Riżorsi Umani sabiex nifhmu u niċċaraw dawn iċ-ċifri. Għad fadal nuqqas ta’ ftehim fuq numru żgħir ta’ diverġenzi, li għadhom ma jistgħux jiġu spjegati, fir-rigward tal-Belġju (2001), tal-[Ġermanja] Bundesbank (2001 u 2002) u tal-Kummissjoni […] (2002). Wara l-ittra tagħna tal-25 ta’ Marzu 2004 saret disponibbli data ġdida fir-rigward tal-Irlanda u tal-BEI. L-informazzjoni addizzjonali pprovduta mill-Kumitat tal-Persunal tal-Banca d’Italia fiha elementi li ma humiex rilevanti fir-rigward tal-aġġustament ġenerali tas-salarji.

Ma huwiex possibbli li dawn id-diverġenzi jiġu solvuti qabel l-iskeda proposta sabiex il-Bord Eżekuttiv jikkonferma l-aġġustament għall-2004. Madankollu, id-Direttorat tar-Riżorsi Umani diġà kkonferma li mid-data riveduta mibgħuta lilu jirriżulta effett kumulattiv ta’ 0.9 % għall-eżerċizzju 2001[/]2003, li kien diġà ddaħħal fil-kontabbiltà sal-livell ta’ 0.6 % fil-kalkolu għall-eżerċizzju 2004.

Peress li d-diverġenza għadha hemm, jekk tiġi kkonfermata, din issaraf f’żieda ħafifa tar-riżultat finali, aħna nissuġġerixxu li d-differenza ta’ 0.3 % (0.9 % – 0.6 %) li diġà ġiet approvata miż-żewġ naħat tiġi miżjuda mar-riżultat tal-eżerċizzju ta’ aġġustament ġenerali tas-salarji għall-2004, u li kull diverġenza li jifdal tiġi kkumpensata fl-2005 ladarba ċ-ċifri definittivi jkunu ġew ikkonfermati bi ftehim bejnietna.”

28      Fil-15 ta’ Ġunju 2004, jiġifieri l-għada, il-Bord Eżekuttiv tal-BĊE approva l-proposta tal-President tiegħu intiża għal żieda ta’ 3.5 % komposta minn 3.2 % fir-rigward tas-sena 2004 kif ukoll aġġustament addizzjonali u uniku ta’ 0.3 % f’dak li jirrigwarda l-perijodu ta’ bejn l-2001 u l-2003 u ddeċieda li jressaq din il-proposta għall-adozzjoni quddiem il-Kunsill Regolatorju. Ir-rata ta’ 3.2 % kienet tinkludi 0.6 % abbażi tal-informazzjoni li kienet nieqsa fl-2003 iżda li saret disponibbli fl-2004.

29      Fl-istess jum, jiġifieri fil-15 ta’ Ġunju 2004, il-persunal tal-BĊE ħatar Kumitat tal-Persunal ġdid.

30      F’ittra elettronika tal-25 ta’ Ġunju 2004, indirizzata lill-Vici president tal-BĊE, il-Kumitat tal-Persunal ’il ġdid espona li kien jikkunsidra li l-proċedura ta’ konsultazzjoni fir-rigward tas-snin ta’ bejn l-2001 u l-2003 ma kinitx ingħalqet permezz tal-ittra tal-14 ta’ Ġunju 2004. Konsegwentement huwa talab risposta għall-ittra tal-Kumitat tal-Persunal preċedenti tal-25 ta’ Marzu 2004, sabiex tiġi segwita proċedura ta’ konsultazzjoni konformi mal-memorandu ta’ ftehim, inkluż it-tieni fażi ta’ konsultazzjoni.

31      Matul il-laqgħa tal-1 ta’ Lulju 2004, il-Kunsill Regolatorju adotta l-proposta tal-Bord Eżekuttiv tal-15 ta’ Ġunju 2004.

32      Permezz ta’ nota tal-1 ta’ Lulju 2004, id-Direttur tad-Direttorat tar-Riżorsi Umani tad-DĠ “Amministrazzjoni” informa lill-membri kollha tal-persunal li l-Kunsill Regolatorju kien adotta d-deċiżjoni li jżid is-salarji bi 3.5 % b’effett mill-1 ta’ Lulju 2004.

33      Permezz tal-ittra elettronika tiegħu tas-7 ta’ Lulju 2004, id-Direttur tad-Direttorat tar-Riżorsi Umani tad-DĠ “Amministrazzjoni” bagħat ir-risposta segwenti lill-Kumitat tal-Persunal il-ġdid fir-rigward tal-aġġustament tas-salarji għas-snin ta’ bejn l-2001 u l-2003 :

–        huwa rrefera għall-ittra tad-9 ta’ Jannar 2004 (li fetħet il-proċedura ta’ konsultazzjoni) u għall-ittri tal-Kumitat tal-Persunal tal-14 u tal-25 ta’ Ġunju 2004;

–        huwa enfasizza li l-“[i]nformazzjoni […] ipprovduta […] [kienet] ġiet ivverifikata u [kienet] tikkonferma l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ dħul ta’ 0.3 % matul il-perijodu fis-seħħ minħabba informazzjoni żbaljata li ġiet ipprovduta minn uħud mill-korpi ta’ referenza[; k]onsegwentement, il-Kunsill Regolatorju [kien] aċċetta li japplika żieda addizzjonali eċċezzjonali ta’ 0.3 % fuq il-perċentwali ta’ aġġustament ġenerali tas-salarji tal-2004, u dan wassal għal żieda totali ta’ 3.5 % b’effett mill-1 ta’ Lulju 2004”;

–        huwa kkonferma li l-proċedura ta’ konsultazzjoni kellha tkompli (“dan l-iskambju ma huwiex magħluq”) iżda b’effett miċ-ċiklu ta’ aġġustament li jmiss (“[g]ħalkemm huwa minnu li kull diverġenza li jifdal ser tiġi kkumpensata matul l-eżerċizzju ta’ aġġustament tas-salarji li jmiss, nissuġġerilkom, għad-diliġenza, li tibagħtu l-kummenti tagħkom qabel l-iskadenza tal-perijodu ta’ 20 jum tax-xogħol b’effett minn meta tirċevu din l-ittra”).

34      Id-dikjarazzjonijiet tas-salarju li kienu jinkludu kemm iż-żieda ta’ 0.3 % għas-snin ta’ bejn l-2001 u l-2003 kif ukoll iż-żieda ta’ 3.2 % għas-sena 2004 intbagħtu lir-rikorrenti lejn nofs Lulju 2004.

35      Fl-4 ta’ Awwissu 2004, il-Kumitat tal-Persunal irrisponda għall-ittra elettronika tal-BĊE tas-7 ta’ Lulju 2004. Billi bbaża ruħu parzjalment fuq data differenti minn dik ipprovduta mill-Kumitat tal-Persunal preċedenti, il-Kumitat tal-Persunal il-ġdid iddikjara li ma setax jifhem kif kienet inkisbet iċ-ċifra ta’ 0.3 %. Fl-opinjoni tal-Kumitat tal-Persunal il-ġdid, id-diverġenzi li huwa kkonstata huma, x’aktarx, attribwibbli għal “interpretazzjoni żbaljata tad-data min-naħa tal-[Kumitat tal-Persunal preċedenti] u tal-amministrazzjoni”.

36      B’risposta għan-nota tal-kumitat tal-persunal tal-4 ta’ Awwissu 2004, id-Direttur tad-Direttorat tar-Riżorsi Umani tad-DĠ “Amministrazzjoni” ipprovda, permezz ta’ nota tat-23 ta’ Settembru 2004, informazzjoni u preċiżazzjonijiet fuq it-tliet elementi li, skont l-ittra elettronika tal-Kumitat tal-Persunal tal-14 ta’ Ġunju 2004, kien għad fadal li jiġu ċċarati f’dak li jirrigwarda l-aġġustamenti tas-salarji għas-snin ta’ bejn l-2001 u l-2003, jiġifieri d-data tal-Banque nationale de Belgique, tal-Deutsche Bundesbank u tal-Kummissjoni. Huwa kkunsidra li l-proċedura ta’ konsultazzjoni kienet kompluta.

37      Permezz tan-nota tas-6 ta’ Ottubru 2004, indirizzata lid-Direttur tad-Direttorat tar-Riżorsi Umani tad-DĠ “Amministrazzjoni”, il-Kumitat tal-Persunal b’mod partikolari talab lil dan tal-aħħar jirtira n-nota tiegħu tat-23 ta’ Settembru 2004 u jibgħat ittra ġdida li tirrispondi għall-mistoqsijiet li huwa qajjem fl-ittri tiegħu tal-25 ta’ Marzu, tal-25 ta’ Ġunju u tal-4 ta’ Awwissu 2004, mistoqsijiet li ma kinux ingħataw risposta suffiċjenti. Fin-nuqqas ta’ dan, il-Kumitat tal-Persunal jikkunsidra li l-konsultazzjoni fuq l-eżerċizzju ta’ aġġustament ġenerali tas-salarji għas-snin ta’ bejn l-2001 u l-2003 ma kinitx twettqet.

38      Il-BĊE rrisponda n-nota tal-Kumitat tal-Persunal tas-6 ta’ Ottubru 2004 permezz ta’ ittra elettronika tat-23 ta’ Frar 2005. Il-Kumitat irreaġixxa għal din l-aħħar ittra elettronika permezz ta’ nota tat-28 ta’ Frar 2005. Huwa prinċipalment abbażi ta’ dawn iż-żewġ ittri elettroniċi u tal-proposti rispettivi tagħhom li l-BĊE u l-Kumitat tal-Persunal ippruvaw itemmu l-kontroversja tagħhom permezz ta’ ftehim bonarju. Il-prinċipju wara l-ftehim bonarju kien li n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tad-diverġenzi esposti mill-Kumitat tal-Persunal, għall-kalkolu tal-aġġustament tas-salarji għas-snin ta’ bejn l-2001 u l-2003, jiġi kkumpensat bl-għoti ta’ ġranet leave addizzjonali. Peress li ma wasalx għal ftehim mal-Kumitat tal-Persunal, il-BĊE kkonferma, fin-nota tas-7 ta’ Marzu 2005, l-opinjoni li tgħid li l-konsultazzjoni kienet intemmet.

39      Uħud mill-membri tal-persunal tal-BĊE, fosthom ir-rikorrenti, kienu ressqu, bejn l-10 ta’ Settembru u l-14 ta’ Settembru 2004, domandi għal eżami mill-ġdid (“administrative reviews”) tad-dikjarazzjonijiet tas-salarju tagħhom ta’ Lulju 2004. F’dawn id-domandi, imsejsa fuq mudell komuni, ir-rikorrenti talbu, b’mod partikolari:

–        ir-reviżjoni tad-dikjarazzjonijiet tas-salarju tagħhom ta’ Lulju 2004 b’tali mod li fl-ammont imħallas f’Lulju 2004 dawn ikunu jinkludu, b’mod retroattiv, ir-riżultati tar-reviżjoni tal-aġġustament tas-salarji għas-snin ta’ bejn l-2001 u l-2003;

–        ir-reviżjoni tad-dikjarazzjonijiet tas-salarju tagħhom ta’ Lulju 2004 b’tali mod li dawn ikunu jinkludu l-ammont, kif ikkalkulat mill-Kumitat tal-Persunal, li jirriżulta mir-reviżjoni tal-implementazzjoni tal-eżerċizzju ta’ aġġustament tal-pagi għall-2001, l-2002 u l-2003 (jiġifieri 2.67 %), fejn il-ħlasijiet kellhom iseħħu fuq bażi retroattiva;

–        Fil-każ fejn il-BĊE jiċħad it-talba li l-Kumitat tal-Persunal għamel f’dan ir-rigward, il-komunikazzjoni tad-data ewlenija li l-korpi ta’ referenza bagħtu lill-BĊE sabiex ikun jista’ jiġi pprovat li l-kalkoli magħmula mill-BĊE huma kooerenti mad-data ewlenija pprovduta.

40      Fid-9 ta’ Diċembru 2004, il-BĊE rrisponda għad-domandi ta’ eżami mill-ġdid. Ir-risposti tiegħu kienu wkoll imsejsa fuq mudell komuni minbarra dik mibgħuta lil P. Poloni, li kienet differenti minħabba l-allegata tardività tad-domanda ta’ eżami mill-ġdid li dan l-aħħar ressaq.

41      Ir-rikorrenti ressqu lmenti interni (“greivance procedures”) permezz tal-ittri tad-9, tal-10 u tat-13 ta’ Diċembru 2004.

42      L-ilmenti interni ġew miċħuda permezz tal-ittri tas-6 ta’ Jannar 2005, innotifikati lir-rikorrenti fl-10 ta’ Jannar 2005.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

43      Dan ir-rikors ġie rreġistrat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza bin-numru T‑131/05.

44      Permezz tad-digriet tal-15 ta’ Diċembru 2005, il-Qorti tal-Prim’Istanza, skont l-Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/752/KE, Euratom, tat-2 ta’ Novembru 2004, li tistabbilixxi t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 333, p. 7), bagħat din il-kawża quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Ir-rikors ġie rreġistrat fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku bin-numru F‑15/05.

45      Wara li kkonsulta mal-partijiet, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda li jibgħat il-kawża quddiem l-Assemblea Plenarja.

46      Ir-rikorrenti jitolbu sabiex it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jiddikjara l-preżenti rikors ammissibbli u fondat; u konsegwentement;

–        jannulla d-dikjarazzjonijiet tas-salarju tagħhom ta’ Lulju 2004;

–        sa fejn ikun meħtieġ, jannulla d-deċiżjonijiet ta’ rifjut tad-domandi ta’ eżami mill-ġdid u tal-ilmenti interni li huma ressqu, rispettivament, fid-9 ta’ Diċembru 2004 u fis-6 ta’ Jannar 2005;

–        jordna lill-BĊE jippreżenta l-“fajl amministrattiv” tiegħu;

–        jikkundanna lill-BĊE jħallas id-danni u l-interessi sabiex jagħmel tajjeb għall-ħsara subita minnhom, u dawn id-danni u l-interessi jikkonsistu, minn naħa, fil-ħlas tas-somma ta’ EUR 5 000 lill-kull rikorrent minħabba t-telf fil-kapaċità ta’ nfiq tagħhom li huma subew b’effett mill-1 ta’ Lulju 2001 u, min-naħa l-oħra, f’arretrati tar-remunerazzjoni li jikkorrispondu għal żieda ta’ 1.86 % fuq is-salarji tagħhom għal-perijodu ta’ bejn l-1 ta’ Lulju 2001 u t-30 ta’ Ġunju 2002, żieda ta’ 2.09 % għal perijodu ta’ bejn l-1 ta’ Lulju 2003 u t-30 ta’ Ġunju 2004, miżjuda b’rata ta’ interessi b’effett mill-iskadenzi rispettivi tagħhom sal-ġurnata ta’ meta effettivament isir il-ħlas u kkalkolati abbażi tar-rata stabbilita mill-BĊE għall-operazzjonijiet prinċipali ta’ rifinanzjament, applikabbli għal perjodu kkonċernat, miżjuda b’żewġ punti;

–        Tikkundanna lill-BĊE għall-ispejjeż.

47      Il-BĊE jitlob sabiex it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jiddikjara r-rikors inammissibbli sa fejn dan jirrigwarda lil P. Poloni;

–        jiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        jiddeċiedi fuq l-ispejjeż skont il-liġi.

48      Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, skont l-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza li kien japplika mutatis mutandis għat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku bis-saħħa tal-Artikolu 3(4) tad-Deċiżjoni 2004/752, sad-dħul fis-seħħ tar-Regoli tal-Proċedura ta’ dan l-aħħar tribunal, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għamel mistoqsijiet bil-miktub liż-żewġ partijiet u talab li jitressqu d-dokumenti, inkluż il-fajl tad-data ewlenija. Il-partijiet irrispondew għal dawn il-miżuri fit-terminu mogħti.

49      Inkwantu għat-talba tar-rikorrenti intiża sabiex il-BĊE jippreżenta l-“fajl amministrattiv”, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti kellhom aċċess għal-fajl tad-data ewlenija. Għaldaqstant ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq it-talba tagħhom sa fejn huma ma indikawx liema setgħu jkunu d-dokumenti l-oħra rilevanti.

50      Tentattiv, fuq inizjattiva tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, sabiex jintlaħaq ftehim bonarju ma rnexxiex.

 Id-dritt

1.     Fuq it-talbiet għal annullament

51      Anki jekk it-talbiet għal annullament huma diretti wkoll b’mod formali kontra d-deċiżjonijiet li jiċħdu d-domandi ta’ eżami mill-ġdid u kontra d-deċiżjonijiet tas-6 ta’ Jannar 2005 li jiċħdu l-ilmenti interni li r-rikorrenti ppreżentaw fid-9, fl-10 u fit-13 ta’ Diċembru 2004, dawn għandhom jiġu kkunsidrati, abbażi ta’ ġurisprudenza stabbilita li tapplika mutatis mutandis għall-BĊE, bħala diretti kontra d-deċiżjonijiet li permezz tagħhom il-BĊE ffissa r-remunerazzjoni tar-rikorrenti, jiġifieri, id-deċiżjonijiet li kienu riflessi fid-dikjarazzjonijiet tas-salarju ta’ Lulju 2004 (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Jannar 1989, Vainker vs Il‑Parlament, 293/87, Ġabra p. 23, punt 8).

52      Insostenn tar-rikors tagħhom ir-rikorrenti jqajmu tliet motivi bbażati, essenzjalment, fuq il-ksur tal-obbligu ta’ konsultazzjoni mal-Kumitat tal-Persunal fir-rigward tal-bdil li sar fir-regoli applikabbli għall-persunal sa fejn dawn jirrigwardaw l-aġġustament tas-salarji għas-snin ta’ bejn l-2001 u l-2003, fuq il-ksur tal-metodu tal-kalkolu u fuq in-nuqqas ta’ applikazzjoni retroattiva tal-korrezzjonijiet li kellhom isiru fuq l-aġġustament ġenerali tas-salarji.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ konsultazzjoni mal-Kumitat tal-persunal

 L-argumenti tal-partijiet

53      Permezz tal-ewwel motiv tagħhom, ir-rikorrenti essenzjalment jilmentaw li l-BĊE kiser il-proċedura ta’ konsultazzjoni tal-Kumitat tal-Persunal fil-kuntest tal-aġġustament tas-salarji għas-snin ta’ bejn l-2001 u l-2003. Dan il-motiv huwa magħmul minn erba’ partijiet li huma l-allegati ksur: tal-Artikoli 45 u 46 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, tal-Artikolu 9 tal-memorandum ta’ ftehim, tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tal-obbligu ta’ bona fide.

54      F’dan ir-rigward ir-rikorrenti jsostnu li d-data ewlenija li l-korpi ta’ referenza kellhom jikkomunikaw lill-BĊE u li abbażi tagħha dan tal-aħħar wettaq il-kalkoli tiegħu fil-kuntest tal-implementazzjoni tal-metodi tal-kalkolu għall-2001, l-2002 u l-2003, qatt ma ġiet ikkomunikata lill-Kumitat tal-Persunal. Barra minn dan, huma jqisu li l-BĊE ma rrispettax l-obbligu li huwa għandu li jikkonsulta lill-Kumitat tal-Persunal, kif jirriżulta mill-Artikoli 45 u 46 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg u mill-memorandum ta’ ftehim, u dan peress li huwa ma infurmax lill-imsemmi kumitat fi żmien utli, ma żammx korrettament il-laqgħat tekniċi u illegalment organizza laqgħat ad hoc, ma rrispondiex b’mod suffiċjenti l-mistoqsijiet tal-Kumitat tal-Persunal u peress li l-proċedura ta’ konsultazzjoni kienet għadha ma ngħalqitx meta nħarġu d-dikjarazzjonijiet tas-salarju ta’ Lulju 2004.

55      Billi jibbaża ruħu, fost l-oħrajn, fuq is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-10 ta’ April 2003, Robert vs Il‑Parlament (T‑186/01, ĠabraSP p. I‑A‑131 u II‑631, punt 64), il-BĊE jikkontesta l-ammissibbiltà tal-ewwel motiv. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma qajjmux dan il-motiv matul il-fażi prekontenzjuża.

56      Fuq il-mertu, apparti l-konstatazzjoni tal-“kunfidenzjalita stretta ħafna” tad-data ewlenija li tiġi kkomunikata lilu, il-BĊE jindika li d-Direttorat tar-Riżorsi Umani tad-DĠ “Amministrazzjoni” xorta waħda kien ta l-possibbiltà lill-membri tal-Kumitat tal-Persunal “permezz tal-kelliemi […] u tal-kelliemi aġġunt” li jiżguraw rwieħhom dwar in-natura rilevanti tat-tabelli pprovduti mill-BĊE u dan billi ppermettielhom jikkonsultaw dawn id-dokumenti fl-uffiċċji tiegħu, u b’dan il-mod iggarantixxa t-trasparenza rikjesta fil-kuntest tal-konsultazzjoni mingħajr ma żvela dawn id-dokumenti bil-miktub. Dan il-fatt huwa kkonfermat mid-dikjarazzjoni tal-ħames membri tal-Kumitat tal-Persunal preċedenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

57      L-erba’ partijiet tal-ewwel motiv, peress li huma konnessi ma xulxin u peress li insostenn tagħhom ir-rikorrenti żviluppaw biss argument uniku, għandhom jiġu eżaminati flimkien.

58      Skont l-Artikolu 46 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, il-Kumitat tal-Persunal għandu jiġi kkonsultat qabel “kull tibdil li jista’ jsir [f’dawn] il-Kondizzjonijiet tal-impjieg, fir-regoli applikabbli għall-persunal jew fir-rigward ta’ kull kwistjoni li tista’ tkun konnessa magħhom, kif ipprovdut fl-Artikolu 45 [ta’ dawn il-Kondizzjonijiet tal-impjieg]”. Fost dawn il-kwistjonijiet hemm dawk li jirrigwardaw ir-remunerazzjoni.

59      Billi jibbaża ruħu fuq dawn id-dispożizzjonijiet, il-memorandum ta’ ftehim jikkonkretizza d-dritt li l-Kumitat tal-Persunal għandu li jiġi kkonsultat u b’mod partikolari jipprovdi l-proċedura li għandha tiġi segwita billi jibda mill-obbligu li l-BĊE jipprovdi informazzjoni kompleta (ara punti 10 u 11 ta’ din is-sentenza).

60      Għandu jiġi mfakkar li d-dritt għall-informazzjoni u għall-konsultazzjoni tal-ħaddiema jikkostitwixxi “prinċipju ġenerali tad-dritt tax-xogħol” (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Marzu 2001, Dunnett et vs BEI, T–192, Ġabra. p. II‑813, punt 105), u huwa fid-dawl ta’ dan il-prinċipju ġenerali li għandhom jiġu interpretati d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-memorandum ta’ ftehim.

61      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jqajmu diversi lmenti sabiex juru li l-BĊE ma kienx segwa korrettement il-proċedura ta’ konsultazzjoni rikjesta mid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg u tal-memorandum ta’ ftehim.

–       Fuq l-ilment ibbażat fuq in-natura inkompleta tal-informazzjoni kkomunikata mill-BĊE.

62      Ir-rikorrenti jikkritikaw lill-BĊE li ma pprovdiex “informazzjoni kompluta” u dan sa fejn, bl-iskuża l-allegata kunfidenzjalità tad-data ewlenija, l-aċċess għaliha ma kienx ġie żgurat lill-membri kollha tal-Kumitat tal-Persunal.

63      F’dan ir-rigwarda għandu jiġi mfakkar li, skont l-Artikolu 6 tal-memorandum ta’ ftehim, it-talba ta’ konsultazzjoni għandha ssir “flimkien ma informazzjoni kompleta” li tippermetti lill-Kumitat tal-Persunal li “jsir jaf dwar il-kwistjoni li hija s-suġġett tal-konsultazzjoni u li jkun jista’ jeżaminha, sa fejn ma jkunx hemm raġunijiet imperattivi oħra li jirrikjedu mod ieħor”.

64      Fil-kawża preżenti, il-portata ta’ dan l-obbligu ta’ informazzjoni għandha tiġi evalwata skont in-natura tal-informazzjoni ewlenija li, għalkemm hija fil-pussess tal-BĊE madankollu ma toriġinax minnu. Għandu jingħad li mill-proċess jirriżulta li, fiż-żmien ta’ meta ġraw il-fatti, ġeneralment il-korpi ta’ referenza kienu jikkomunikaw d-data ewlenija biss abbażi tal-garanzija li dawn ma kellhomx jiġu żvelati b’mod wiesgħa iżda kellhom jintużaw biss għall-bżonnijiet tal-aġġustament ta’ kull sena tas-salarji tal-BĊE.

65      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-BĊE ma jistax jiġi kkritikat talli kkonforma ruħu mar-regola tal-awtur, ipprovduta fl-Artikolu 4(4) tad-Deċiżjoni BCE/2004/3, billi ma kkomunikax id-data ewlenija lill-membri kollha tal-Kumitat tal-Persunal.

66      L-argument li jgħid li, b’effett mill-2006, il-BĊE jpoġġi d-data ewlenija għad-dispożizzjoni tal-membri kollha tal-Kumitat tal-Persunal fl-istess ħin flimkien mal-kalkolu taċ-ċifri tal-aġġustament tas-salarji ma jikkonfutax din il-konklużjoni. Fil-fatt kien biss fis-snin ta’ wara l-fatti inkwistjoni, u fuq inizjattiva f’dan ir-rigward min-naħa tal-BĊE, li l-korpi ta’ referenza aċċettaw żvelar usa tad-data tagħhom.

67      Minn-naħa l-oħra mill-proċess jirriżulta, minn naħa, li kemm il-kelliemi tal-Kumitat tal-Persunal u kif ukoll kelliemi aġġunt tal-imsemmi kumitat kellhom, tabilħaqq, aċċess għad-data ewlenija. Huwa l-Kumitat tal-Persunal innifsu li ppropona li dawn iż-żewġ kelliema jingħataw tali aċċess. Dan il-fatt huwa kkonfermat minn ittra elettronika tal-1 ta’ Ġunju 2004 mibgħuta mill-kelliemi aġġunt, is-sur van der Ark.

68      Barra minn dan, il-kelliema kienu eletti u debitament mogħtija mandat mill-Kumitat tal-Persunal innifsu, u mhux “magħżula” mill-amministrazzjoni tal-BĊE bħala interlokuturi privileġġati. Ir-riżultati tal-elezzjoni, fi ħdan il-Kumitat tal-Persunal, tal-kelliemi tiegħu, is-sur van de Velde, kif ukoll taż-żewġ kelliema aġġunti, is-sinjuri Van Damme u van der Ark, kienu ġew ikkomunikati lill-amministrazzjoni permezz ta’ nota tas-17 ta’ Frar 2003. Għaldaqstant, il-kelliema għandhom jiġu meqjusa bħala li kienu r-rappreżentanti li kienu ġew debitament mogħtija mandat mill-Kumitat tal-Persunal innifsu għall-finijiet tal-konsultazzjoni fuq l-aġġustament tas-salarji għall-2001, l-2002 u l-2003.

69      Għalhekk għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tar-rappreżentanti tiegħu, il-Kumitat tal-Persunal tal-BĊE, bħala korp, kien ingħata aċċess għad-data ewlenija (ara, f’dan is-sens, id-Digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-24 ta’ Ottubru 2000, Kumitat tal-Persunal tal-BĊE et vs BĊE, T‑27/00, ĠabraSP p. I‑A‑217 u II‑987, punt 25).

70      Barra minn hekk, l-informazzjoni kkomunikata lill-Kumitat tal-Persunal kienet essenzjalment suffiċjenti sa fejn il-kumitat kellu l-possibbiltà li jikkontrolla, fir-rigward ta’ kull korp ta’ referenza, d-data kollha rilevanti u jqabbilha mad-data li kienet intbagħtet lilu mir-rappreżentanti tal-persunal tal-korpi ta’ referenza.

71      Mill-bqija, matul il-proċedura ta’ konsultazzjoni l-Kumitat tal-Persunal ma esprima l-ebda kritika jew riżerva fir-rigward tal-komunikazzjoni tad-data ewlenija. B’mod partikolari n-nota tal-14 ta’ Ġunju 2004 ma tinkludi l-ebda referenza għal nuqqas ta’ aċċess għad-data ewlenija.

72      Minn dan isegwi li l-ilment ibbażat fuq in-natura inkompleta tal-informazzjoni kkomunikata mill-BĊE għandu jiġi miċħud.

–       Fuq l-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ informazzjoni fi żmien utli

73      Ir-rikorrenti jikkritikaw lill-BĊE talli ma pprovdiex l-informazzjoni neċessarja fi żmien utli. B’mod partikolari, l-informazzjoni mogħtija nhar il-Ġimgħa 11 ta’ Ġunju u t-Tnejn 14 ta’ Ġunju 2004, kienet ingħatat tardivament.

74      F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li l-preambolu tal-memorandum ta’ ftehim jeżiġi li l-informazzjoni kollha rilevanti għandha tiġi kkomunikata mill-iktar fis possibbli. Huwa ċertament minnu li t-tabelli kkonsolidati ppreżentati, nhar il-Ġimgħa 11 ta’ Ġunju u t-Tnejn 14 ta’ Ġunju2004, minn rappreżentant tal-BĊE lill-Kumitat tal-Persunal, ma ġewx ikkomunikati f’kundizzjonijiet li jippermettu analiżi fil-fond tad-data statistika kollha kkonċernata. Fil-fatt, sabiex il-Kumitat tal-Persunal jadotta deċiżjoni sal-14 ta’Ġunju 2004, li kien l-aħħar jum tax-xogħol (qabel il-laqgħa tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE fil-15 ta’ Ġunju 2004) li seta’ jippermetti li eventwali aġġustament “speċjali” tas-salarji għas-snin ta’ bejn l-2001 u l-2003 jibda japplika b’effett mill-1 ta’ Lulju 2004, fl-istess ħin bħall-aġġustament normali għall-2004, ma kienx fadal biżżejjed żmien sabiex jitwettaq il-kontroll neċessarju ta’ ċerta data li fir-rigward tagħha kien għad fadal diverġenzi u li wara tiddiskuti dwarha mal-BĊE.

75      Madankollu, għandu jiġi osservat, minn naħa, li fit-3 ta’ Ġunju 2004 il-Kumitat tal-Persunal innifsu kien wera bil-miktub ix-xewqa li l-eventwali aġġustament “speċjali” tas-salarji fir-rigward tas-snin ta’ bejn l-2001 u l-2003 jiġi implementat fil-kuntest tal-eżerċizzju normali ta’ aġġustament tal-2004 u għaldaqstant kien aċċettat, b’konoxxenza sħiħa tal-fatti, tali limitazzjoni ta’ żmien, peress li l-Artikolu 13 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg kien jorbot lill-BĊE li jwettaq l-aġġustament tas-salarji għall-2004 b’effett mill-1 ta’ Lulju, u, min-naħa l-oħra, li parti kbira mill-informazzjoni rilevanti kienet ġiet diskussa bejn il-BĊE u l-Kumitat tal-Persunal bejn Jannar u Ġunju 2004, kull meta din l-informazzjoni kienet disponibbli, kemm matul il-laqgħat tekniċi regolari u kif ukoll matul dawk ad hoc. It-tabella sommarja li l-BĊE ppreżenta fil-11 ta’ Ġunju 2004 ma kinitx tikkostitwixxi l-ewwel preżentazzjoni iżda r-riżultat ta’ xogħol kontinwu mwettaq flimkien bejn ir-rappreżentanti tal-BĊE, b’mod partikolari s-sur Kelly, u r-rappreżentanti magħżula mill-Kumitat tal-Persunal. Skont il-kliem tan-nota tal-14 ta’ Ġunju 2004, wara li rċeva din it-tabella sommarja, il-Kumitat tal-Persunal iltaqa mar-rappreżentatnti tad-Direttorat tar-Riżorsi Umani sabiex jifhem u jiċċara dawn iċ-ċifri riveduti u kkonkluda li kien għad hemm nuqqas ta’ ftehim biss fir-rigward ta’ numru żgħir ta’ diverġenzi (tlieta), li x’aktarx ma kellhomx jinfluwenzaw wisq ir-riżultat finali. Għal din ir-raġuni kien il-Kumitat tal-Persunal li fl-imsemmija nota “ssuġġerixxa” lill-BĊE li “d-differenza ta’ 0.3 % […] li diġà [kienet] ġiet approvata miż-żewġ naħat tiġi miżjuda mar-riżultat tal-eżerċizzju ta’ aġġustament ġenerali tas-salarji għall-2004, u li kull diverġenza li jifdal tiġi kkumpensata fl-2005 ladarba ċ-ċifri definittivi jkunu ġew ikkonfermati bi ftehim bejnietna”.

76      Minn dan isegwi li l-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ informazzjoni fi żmien utli għandu jiġi miċħud.

–       Fuq l-ilment ibbażat fuq iż-żamma illegali tal-laqgħat

77      Ir-rikorrenti jikkritikaw il-fatt li kienu ġew organizzati, barra mill-kuntest tal-proċedura uffiċjali prevista mill-memorandum ta’ ftehim, laqgħat “mhux uffiċjali” ta’ konsultazzjoni mal-kelliema tal-Kumitat tal-Persunal, u mhux mal-Kumitat tal-Persunal fil-formazzjoni plenarja tiegħu, u li l-imsemmi kumitat ma kienx mgħarraf b’dan.

78      Madankollu, il-kelliema kienu r-rappreżentanti li kienu debitament ingħataw mandat mill-Kumitat tal-Persunal innifsu għall-finijiet tal-konsultazzjoni (ara punt 68 ta’ din is-sentenza).

79      Barra minn dan il-memorandum ta’ ftehim jipprovdi kemm għal-laqgħat tekniċi kif ukoll għal proċedura semplifikata ta’ konsultazzjoni. Fir-rigward tal-laqgħat ad hoc, il-memorandum ta’ ftehim bl-ebda mod ma jipprekludi milli jinżammu tali laqgħat peress li l-Artikolu 15 tiegħu jipprovdi espliċitament għal proċedura semplifikata ta’ konsultazzjoni. Fil-fatt, dan l-artikolu jawtorizza lill-partijiet li jnaqqsu n-numru ta’ skambji u li jidderogaw ukoll mit-termini previsti mill-imsemmi memorandum, billi jiftehmu kif meħtieġ dwar termini aqsar. Ir-regoli applikabbli għall-persunal tal-BĊE kienu jipprovdu li għandhom jittieħdu l-minuti biss fil-każ ta’ laqgħat mal-presidenti.

80      Barra minn dan mill-proċess jirriżulta li r-relazzjonijiet bejn il-Kumitat tal-Persunal preċedenti (li l-mandat tiegħu kien ikopri l-perijodu ta’ bejn l-2002 u l-2004) u l-BĊE kienu bbażati fuq livell għoli ta’ fiduċja reċiproka u fuq komunikazzjoni miftuħa, u dan seta’ jiġġustifika l-karattru relattivament informali ta’ ċerti laqgħat.

81      Fl-aħħar nett għandu jingħad ukoll li l-proċedura ta’ konsultazzjoni “speċjali” segwita għall-aġġustament tas-salarji għas-snin ta’ bejn l-2001 u l-2003 kienet ġiet miftehma bejn il-BĊE u l-Kumitat tal-Persunal b’mod partikolari wara li dan tal-aħħar kien wera tali xewqa fin-nota tiegħu tat-3 ta’ Ġunju 2004. L-imsemmi kumitat kien jinżamm informat bir-riżultati tal-laqgħat bejn il-kelliema tiegħu u r-rappreżentatnti tal-BĊE u dan huwa kkonfermat min-noti interni u mill-ittri elettroniċi tal-Kumitat tal-Persunal annessi mal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-partijiet. Barra minn dan għandha ssir referenza għan-nota tal-Kumitat tal-Persunal tal-14 ta’ Ġunju 2004, li billi tirreferi għal elementi tal-proċedura mingħajr ma tqajjem l-ebda kritika f’dan ir-rigward u billi tikkonkludi, bħala prinċipju, li l-proċedura ta’ konsultazzjoni kienet ingħalqet (ħlief fir-rigward tat-tliet punti li kien għad fadal jiġu solvuti, ara punt 27 ta’ din is-sentenza), għandha tiġi analizzata bħala li tinkludi l-approvazzjoni tal-legalità tal-proċedura ta’ konsultazzjoni segwita fil-każ inkwistjoni.

82      Konsegwentement, l-ilment ibbażat fuq iż-żamma illegali ta’ laqgħat għandu jiġi miċħud.

–       Fuq l-ilment ibbażat fuq risposti insuffiċjenti għall-mistoqsijiet tal-Kumitat tal-Persunal

83      Ir-rikorrenti jikkritikaw lill-BĊE talli ma rrispondiex formalment bil-miktub għall-ittra tal-Kumitat tal-Persunal tal-25 ta’ Marzu 2004.

84      F’dan ir-rigward għandu jiġi kkonstatat li l-punti mqajma mill-Kumitat tal-Persunal fl-ittra tiegħu tal-25 ta’ Marzu 2004 kienu ġew eżaminati matul laqgħat ta’ konsultazzjoni li nżammew bejn April u Ġunju 2004. Għalhekk, l-ilment invokat ma huwiex ibbażat fuq il-fatti.

–       Fuq l-ilment ibbażat fuq l-użu abbużiv tal-urġenza

85      Matul is-seduta, ir-rikorrenti kkritikaw lill-BĊE talli kien impona sitwazzjoni ta’ urġenza fuq il-Kumitat tal-Persunal u li kien poġġa lill-dan tal-aħħar quddiem fait accompli.

86      Indipendentement mill-kwistjoni tal-ammissibbiltà tagħha, din il-kritika, li titħallat ħafna mal-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ informazzjoni fi żmien utli (ara l-punti 73 sa 76 ta’ din is-sentenza), ma hijiex iġġustifikata u dan sa fejn kien il-Kumitat tal-Persunal innifsu li fit-3 ta’ Ġunju 2004, jiġifieri inqas minn ġimagħtejn qabel il-laqgħa tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE li kien ser jiltaqa sabiex jiddeċiedi dwar l-aġġustament obbligatorju ta’ kull sena għall-2004, kien talab lill-BĊE sabiex ma dawn l-aġġustamenti jdaħħal ukoll ir-riżultati tal-konsultazzjoni “speċjali” fir-rigward tas-snin ta’ bejn l-2001 u l-2003. Għandu jingħad li fin-nota tiegħu tal-14 ta’ Ġunju 2004, il-Kumitat tal-Persunal jindika li huwa kien effettivament konsapevoli tal-iskeda prevista għall-konfermazzjoni tal-aġġustament tas-salarji għall-2004 min-naħa tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE.

87      Mill-bqija, fir-rigward tal-preżenti lment huwa biżżejjed li ssir referenza għall-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 74 sa 76 ta’ din is-sentenza.

88      Konsegwentement, l-iment ibbażat fuq użu abbużiv tal-urġenza għandu jiġi miċħud.

–       Fuq l-ilment ibbażat fuq il-fatt li l-proċedura ta’ konsultazzjoni kienet għadha ma ntemmitx meta ntbagħtu d-dikjarazzjonijiet tas-salarju ta’ Lulju 2004

89      Ir-rikorrenti jikkritikaw lill-BĊE talli ma għalaqx il-proċedura ta’ konsultazzjoni dwar is-snin ta’ bejn l-2001 u l-2003 qabel ma adotta d-deċiżjoni ta’ aġġustament tas-salarji fir-rigward tal-imsemmi perijodu.

90      F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li, permezz tan-nota tal-14 ta’ Ġunju 2004, il-Kumitat tal-Persunal innifsu kien impliċitament ippropona lill-amministrazzjoni tal-BĊE li tagħlaq il-proċedura ta’ konsultazzjoni, bla ħsara għall-eżami ta’ tliet punti speċifiċi li kien għadhom ma ġewx solvuti fir-rigward tad-data li kienet ġejja mill-Banque nationale de Belgique, mid-Deutsche Bundesbank u mill-Kummissjoni, fejn kien paċifiku li l-imsemmi eżami kellu jiġi ddifferit sabiex ir-riżultati tiegħu jkunu jistagħu jiġu inklużi fil-proċedura ta’ konsultazzjoni tas-sena segwenti (2005).

91      Fil-fatt, fl-istess nota, il-Kumitat tal-Persunal “issuġġerixxa” li mar-riżultat tal-eżerċizzju normali ta’ aġġustament tas-salarji għall-2004 tiżdied “id-differenza ta’ 0.3 % […] li diġà [kienet] ġiet approvata miż-żewġ naħat” fil-kuntest tal-konsultazzjoni “speċjali” fir-rigward tas-snin ta’ bejn l-2001 u l-2003, filwaqt li l-eżami ta’ tliet punti – speċifikament imsemmija – kellu jiġi ddifferit għal fuq l-eżerċizzju tal-aġġustament tas-salarji tal-2005. Anki jekk dawn il-punti kien għadhom ma ġewx solvuti meta ntemmet il-konsultazzjoni, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkonstata li dawn kienu ġew esklużi mill-konsultazzjoni fir-rigward tas-snin ta’ bejn l-2001 u l-2003 u li, f’kull każ, skont l-istess Kumitat tal-Persunal dawn seta’ jkollhom biss effett dgħajjef fuq ir-riżultat finali tal-aġġustament tas-salarji tas-snin ta’ bejn l-2001 u l-2003.

92      Aktar minn hekk, l-evalwazzjoni li tgħid li n-nota tal-Kumitat tal-Persunal tal-14 ta’ Ġunju 2004 kienet tistabbilixxi li kien intlaħaq ftehim bejn l-imsemmi kumitat u l-BĊE fuq il-fatt li kienu f’pożizzjoni li jiffinalizzaw ir-riżultati tal-konsultazzjoni “speċjali” (“id-differenza ta’ 0.3 % […] li diġà [kienet] ġiet approvata miż-żewġ naħat”), ħlief fir-riġward ta’ tliet punti li kien għadhom ma ġewx solvuti iżda li x’aktarx ma kellhomx jaffettwaw wisq ir-riżultat, hija espliċitament ikkonfermata minn uħud mill-membri tal-Kumitat tal-Persunal preċedenti, hekk kif jirriżulta minn dikjarazzjoni ta’ ħamsa minnhom tat-13 ta’ Ġunju 2005. Barra minn dan, dan il-ftehim huwa kkonfermat mid-dokumenti interni tal-Kumitat tal-Persunal li ġew ippreżentati mill-istess rikorrenti.

93      Skont l-Artikolu 15 tal-memorandum ta’ ftehim, il-Kumitat tal-Persunal kellu d-dritt li jesponi l-qbil tiegħu mal-istabbiliment ta’ konsultazzjoni semplifikata u dan jinkludi wkoll il-mument tat-tmiem tagħha (ara l-punt 81 ta’ din is-sentenza).

94      Inkwantu għar-rwol tal-kelliemi tal-Kumitat tal-Persunal, is-sur van de Velde, u tal-kelliemi aġġunt tal-imsemmi kumitat, is-sur van der Ark, li t-tnejn li huma ffirmaw n-nota tal-14 ta’ Ġunju 2004, għandu jiġi enfasizzat li l-Kumitat tal-Persunal kien debitament irrappreżentat mill-kelliema tiegħu sabiex jibagħtu, f’ismu, l-imsemmija nota lill-BĊE (ara l-punt 68 ta’ din is-sentenza). Barra minn dan, il-minuti tal-laqgħa tal-Kumitat tal-Persunal tal-14 ta’ Ġunju 2004, ippreżentati mir-rikorrenti stess, jikkonfermaw li din in-nota kienet tirrifletti l-pożizzjoni adottata mill-maġġoranza tal-membri tal-kumitat.

95      Fil-15 ta’ Ġunju 2004, il-Bord Eżekuttiv tal-BĊE approva l-proposta tal-President tal-BĊE intiża għal żieda ta’ 0.3 % abbażi tal-aġġustament speċjali tas-salarji għas-snin ta’ bejn l-2001 u l-2003 u li rriżultat mill-proċedura ta’ konsultazzjoni.

96      Minn dan isegwi li l-Kumitat tal-Persunal indika l-qbil tiegħu fuq l-għeluq tal-proċedura ta’ konsultazzjoni u fuq il-prinċipju li żieda ta’ 0.3 % tas-salarji għas-snin ta’ bejn l-2001 u l-2003 kellha tibda titħallas b’effet minn Lulju 2004.

97      Din il-konstatazzjoni ma hijiex ikkonfutata mill-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-ittra elettronika mibgħuta mill-Kumitat tal-Persunal il-ġdid fil-25 ta’ Ġunju 2004. Fil-fatt, din l-ittra elettronika għandha tiġi kkunsidrata bħala tentattiv unilaterali min-naħa tal-imsemmi kumitat sabiex terġa’ tinfetaħ il-konsultazzjoni li kienet ingħalqet. Madankollu l-BĊE ma aċċettax t-talba tal-Kumitat tal-Persunal il-ġdid sabiex imur lura fuq il-pożizzjoni espressa mill-Kumitat tal-Persunal preċedenti fir-rigward tal-għeluq tal-konsultazzjoni. Għalhekk, fl-1 ta’ Lulju 2004, il-Kunsill Regolatorju adotta l-proposta tal-President tal-BĊE, approvata mill-Bord Eżekuttiv fil-15 ta’ Ġunju 2004, ibbażata fuq ir-riżultat tal-konsultazzjoni, hekk kif jirriżulta min-nota tal-Kumitat tal-Persunal tal-14 ta’ Ġunju 2004.

98      F’dan ir-rigward, ir-risposta bil-miktub tas-7 ta’ Lulju 2004 li l-BĊE bagħat lill-Kumitat tal-Persunal kienet tgħid li “l-amministrazzjoni għadha tikkunsidra li dan l-iskambju għadu ma nagħlaqx” u li “kull diverġenza li għad fadal għandha tiġi kkumpensata matul l-eżerċizzju li jmiss ta’ aġġustament tas-salarji”, ma tikkostitwixxix konferma li, f’għajnejn il-BĊE, il-konsultazzjoni fir-rigward tal-aġġustmaneti tas-salarji għas-snin ta’ bejn l-2001 u l-2003 kienet għadha miftuħa, minkejja l-approvazzjoni, min-naħa tal-Kunsill Regolatorju, li tirrattifika żieda ta’ 0.3 % tas-salarji li kienet ġiet mifthema bejn iż-żewġ partijiet. Fil-kuntest tal-iskambju ta’ ittri elettroniċi bejn il-Kumitat tal-Persunal u l-BĊE fir-rigward tal-aġġustament “speċjali” għas-snin ta’ bejn l-2001 u l-2003, din ir-risposta għandha tinftiehem bħala li tirreferi għat-tliet punti, minuri, li l-Kumitat tal-Pesunal preċedenti kien speċifikament irriżerva fl-ittra elettronika tiegħu tal-14 ta’ Ġunju 2004, sabiex dawn jiġu eżaminati fil-kuntest tal-eżerċizzju segwenti ta’ aġġustament ta’ kull sena, jiġifieri l-2005.

99      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi kkunsidrat li l-elementi li r-rikorrenti ressqu insostenn tal-ilmenti tagħhom ma jippermettux, anki jekk jittieħdu inkunsiderazzjoni kollha f’daqqa, li jiġi konkluż li kien hemm ksur tar-rekwiżiti speċifiċi tal-proċedura ta’ konsultazzjoni tal-Kumitat tal-Persunal qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni li tadotta l-aġġustament tas-salarji għas-snin ta’ bejn l-2001 u l-2003. Għaldaqstant, u mingħajr ma hemm bżonn li tittieħed deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tiegħu, l-ewwel motiv, ikkunsidrat fil-partijiet differenti tiegħu, għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-metodi tal-kalkolu, żball manifest ta’ evalwazzjoni u ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

100    Permezz ta’ dan il-motiv ir-rikorrenti essenzjalment jikkritikaw il-fatt li l-BĊE bbaża ruħu fuq fatti manifestament żbaljati u b’dan il-mod kiser il-metodi tal-kalkolu u l-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-aġġustament tas-salarji għas-snin ta’ bejn l-2001 u l-2003.

101    Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, it-tabelli stabbiliti mill-BĊE fil-bidu tal-proċedura ta’ konsultazzjoni, jiġifieri fid-9 ta’ Jannar 2004, huma vvizzjati minn żbalji manifesti u minnhom tirriżulta applikazzjoni żbaljata tal-metodu tal-kalkolu. B’mod partikolari, l-fatt li l-vantaġġ rappreżentat mir-riduzzjoni tal-ħin tax-xogħol li ngħatat lill-persunal tal-Banque de France ttieħed inkunsiderazzjoni biss b’effett mill-2002, jikkostitwixxi żball manifest peress li b’effett minn Frar 2001 l-persunal tal-Banque de France kien ibbenefika mill-konsegwenzi pożittivi tal-Liġi Nru 2000‑37 tad-19 ta’ Jannar 2000, dwar it-tnaqqis innegozjat tal-ħinijiet tax-xogħol (iktar ’il quddiem “liġi dwar it-tnaqqis tal-ħinijiet tax-xogħol”). Il-fatt li l-BĊE ma ħax inkunsiderazzjoni d-data li tirrigwarda ż-żieda speċjali li d-Deutsche Bundesbank tat lill-impjegati li jaħdmu fl-ex Ġermanja tal-Lvant, ukoll jikkostitwixxi żball manifest.

102    Il-BĊE jenfasizza li huwa jiddependi kompletament fuq il-korpi ta’ referenza f’dak li jirrigwarda r-rilevanza u l-eżattezza tad-data ewlenija li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni u fir-rigward tar-rapidita li biha din id-data tinġabar u tintbagħat. Għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li d-data ewlenija ma hijiex limitata biss għal parametru wieħed iżda tkopri diversi fatturi, bħan-numru tal-impjegati, is-sigħat ta’ ħin tax-xogħol ta’ kull ġimgħa, in-numru ta’ ġranet ta’ vaganza, l-istatus tal-impjegati (settur pubbliku jew settur privat), etc. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-BĊE kull ma jista’ jagħmel hu li jafda fuq l-eżattezza u r-rilevanza tad-data li tiġi mibgħuta lilu b’dan il-mod. Huwa biss fil-każ ta’ żball manifest li huwa kellu l-obbligu li jikkuntattja l-korp ta’ referenza li jkun bagħat id-data żbaljata sabiex jivverifika l-eżattezza tagħha. Għandu jingħad li f’dan il-każ ma kien hemm l-ebda żball manifest fost id-data ewlenija mibgħuta mill-korpi ta’ referenza.

103    Il-BĊE jammetti li l-kwistjoni tat-teħid inkunsiderazzjoni tat-tnaqqis tal-ħinijiet tax-xogħol tal-persunal tal-Banque de France kienet issemmiet fl-ittra tal-Kumitat tal-Persunal tal-25 ta’ Marzu 2004, iżda jiddikjara li, bi qbil mal-Kumitat tal-Persunal, din il-kwistjoni ġiet solvuta matul il-konsultazzjoni tant li ma tissemmiex “fil-ftehim tal-14 ta’ Lulju 2004”. F’dak li jirrigwarda d-Deutsche Bundesbank, il-BĊE jqajjem il-kwistjoni ta’ jekk l-ilment li jirrigwarda dan l-allegat żball manifest huwiex ammissibli fid-dawl tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza kif ukoll jekk dan l-ilment huwiex fondat, billi jirreferi għall-“ftehim tal-14 ta’ Ġunju 2004” li jipprovdi għal diskussjoni ulterjuri fuq din id-data. Fl-aħħar nett, huwa ma jarax kif dan l-element jista’ jaffettwa l-aġġustament tas-salarji għas-snin ta’ bejn l-2001 u l-2003.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

104    Minkejja li insostenn tat-tieni motiv tagħhom ir-rikorrenti jinvokaw “ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni”, l-argument tagħhom jirrigwarda esklużivament il-legalità sostantiva, u mhux dik formali, tad-deċiżjoni kkontestata.

105    Fir-rikorsi tagħhom, effettivament ir-rikorrenti jilmentaw biss fuq l-eżistenza ta’ “żball manifest” li wassal għal ksur tal-metodu tal-kalkolu, u dan għal żewġ raġunijiet:

–        minn naħa, fil-metodu tal-kalkolu l-BĊE ma ħax korrettament inkunsiderazzjoni l-effetti fuq il-paga li r-riduzzjoni tal-ħinijiet tax-xogħol tal-membri tal-persunal tal-Banque de France seta’ kellha,

–        min-naħa l-oħra, il-BĊE naqas milli jgħaddi għal fuq is-salarji tal-membri tal-persunal tiegħu l-effetti ta’ żieda speċjali mogħtija lill-membri tal-persunal tad-Deutsche Bundesbank li kienu jaħdmu fl-ex Ġermanja tal-Lvant.

106    Sabiex tkun tista’ tingħata risposta għal dawn iż-żewġ uniċi lmenti mqajma mir-rikorrenti, għandu jiġi eżaminat jekk il-BĊE wettaqx żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni billi bbaża ruħu, sabiex jistabbilixxi t-tabelli meħtieġa sabiex jiġi ddeterminat l-iżvilupp medju tas-salarji nominali hekk kif ipprovdut mill-metodu tal-kalkolu, fuq id-data ewlenija msemmija iktar ’il fuq tal-Banque de France u tad-Deutsche Bundesbank.

107    F’dak li jirrigwarda l-Banque de France, ir-rikorrenti ma jipprovdux biżżejjed elementi li huma ta’ natura tali li jistgħu jippruvaw li l-BĊE kellu jieħu inkunsiderazzjoni l-effetti tal-applikazzjoni tal-liġi fuq it-tnaqqis tal-ħinijiet tax-xogħol fir-rigward tal-persunal kollu ta’ dak il-bank b’effett mill-2001. Min-naħa l-oħra huma ressqu tliet dokumenti, intitolati “noti ta’ applikazzjoni”, maħruġa mill-imsemmi bank u li jikkonċernaw “ftehim ta’ impriża fuq it-tul, l-organizzazzjoni u l-adattament tal-ħinijiet tax-xogħol għall-impjegati maniġerjali”, tat-13 ta’ Frar, tas-6 ta’ April u tas-6 ta’ Ġunju 2001, li jikkonċernaw biss din il-kategorija ta’ membri tal-persunal. L-informazzjoni li tinsab f’dawn in-noti tikkoinċidi ma dik mibgħuta mill-Banque de France, sa fejn dan tal-aħħar kien informa lill-BĊE li din il-kategorija ta’ membri tal-persunal kienet tirrappreżenta biss bejn l-1000 u l-1100 persuna, filwaqt li l-ftehim ta’ impriża li kien applikabbli għall-persunal kollu (madwar 15 000 persuna), kien daħal fis-seħħ biss fl-1 ta’ Jannar 2002. Għandu jingħad li skont is-simulazzjonijiet magħmula mill-BĊE quddiem ir-rappreżentatnti tal-Kumitat tal-Persunal, li ma ġewx ikkontestati b’mod serju mir-rikorrenti, iż-żidiet fis-salarji tal-impjegati maniġerjali tal-Banque de France, li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-liġi fuq it-tnaqqis tal-ħinijiet tax-xogħol, ma kellhomx effett pożittiv sinjifikattiv fuq ir-riżultat finali tal-aġġustament tas-salarji tal-persunal tal-BĊE għall-2001.

108    Fir-rigward tas-sitwazzjoni tad-Deutsche Bundesbank, għandha ssir distinzjoni bejn żewġ aspetti tagħha. L-ewwel nett, fir-rigward taż-żieda speċjali mogħtija lill-impjegati tiegħu li jaħdmu fl-ex Ġermanja tal-Lvant, id-Deutsche Bundesbank kien informa lill-BĊE li l-opinjoni li l-Kumitat tal-Persunal kien inizjalment esprima fuq l-effett ta’ din iż-żieda speċjali kienet żbaljata. Għandu jingħad li sussegwentement il-Kumitat tal-Persunal aċċetta din l-ispjegazzjoni u konsegwentement, fl-ittra elettronika tiegħu tal-14 ta’ Ġunju 2004, ma inkludiex il-kwistjoni tas-salarji tal-impjegati tad-Deutsche Bundesbank li jaħdmu fl-ex Ġermanja tal-Lvant fost il-punti li kien għad fadal li jiġu solvuti. Għaldaqstant, din il-problema kienet ġiet solvuta matul il-proċedura ta’ konsultazzjoni qabel ma din ingħalqet fl-14 ta’ Ġunju 2004. It-tieni nett, ir-riżerva fir-rigward tad-Deutsche Bundesbank, elenkata fin-nota tal-Kumitat tal-Persunal tal-14 ta’ Ġunju 2004 bħala waħda mit-tliet punti li kien għad fadal jiġu solvuti, tirrigwarda kwistjoni differenti, jiġifieri dik dwar il-perċentwali ta’ żieda tas-salarji ġenerali għall-2001 u l-2002. Din ir-riżerva ġiet analizzata f’Settembru 2004 u sussegwentement ġiet imqajma fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ aġġustament tas-salarji tal-2005, kif kien ġie miftiehem bejn il-Kumitat tal-Persunal u l-BĊE.

109    Barra minn dan, jekk fl-14 ta’ Ġunju 2004 iż-żewġ partijiet fin-negozjati, wara li vverifikaw id-data li kienet ġejja mingħand il-Banque de France u d-Deutsche Bundesbank, kienu qablu li jikkunsidraw li l-aġġustament tas-salarji ppjanat kien korrettement jieħu inkunsiderazzjoni dawn il-kwistjonijiet, huwa diffiċli li jiġi identifikat l-iżball manifest li l-BĊE allegatament wettaq f’dan ir-rigward u dan minħabba n-nuqqas ta’ preċiżjoni tal-ilmenti li r-rikorrenti invokaw fuq dan il-punt u minħabba li ma tressqux provi biżżejjed insostenn tagħhom.

110    Minn dan isegwi li r-rikorrenti la wrew li kien hemm ksur tal-metodu tal-kalkolu u lanqas ma wrew li, fl-analiżi tad-data ewlenija li kienet toriġina mill-Banque de France u mid-Deutsche Bundesbank, il-BĊE kien wettaq żball manifest.

111    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, anki t-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ applikazzjoni retroattiva tal-korrezzjonijiet li kellhom isiru fuq l-aġġustament ġenerali tas-salarji

 L-argumenti tal-partijiet

112    It-tielet motiv huwa magħmul minn tliet partijiet ibbażati fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ legalità, fuq il-ksur tal-prinċipji tal-metodi tal-kalkolu u fuq il-ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Permezz ta’ dawn it-tliet partijiet tal-motiv, ir-rikorrenti essenzjalment jikkritikaw il-fatt li l-BĊE ma applikax retroattivament il-metodu tal-kalkolu filwaqt li tali applikazzjoni retroattiva kellha ssir.

113    Sabiex jispjegaw għaliex ir-retroattività taż-żieda tas-salarji hija fondata, ir-rikorrenti jirreferu prinċipalment għall-prinċipju tal-legalità li jirrikjedi, fl-opinjoni tagħhom, li l-awtorità amministrattiva tiddefinixxi l-azzjonijiet u d-deċiżjonijiet tagħha skont id-dritt li jkun applikabbli għaliha u terġa’ tistabbilixxi l-istat tad-dritt meta dan ikun inkiser. Fir-rigward ta’ data żbaljata hija l-awtorità li għandha terġa’ tistabbilixxi l-istat tad-dritt ad initio, jiġifieri retroattivament.

114    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti josservaw li fejn ikun meħtieġ il-korpi ta’ referenza jwettqu korrezzjonijiet retroattivi. Huma jiċċitaw l-eżempju tal-leġiżlatur Komunitarju li adotta r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2148/2003 tal-5 ta’ Diċembru 2003 li jikkoreġi b’effett mill-1 ta’Lulju 2002 ir-remunerazzjoni u pensjonijiet ta’ uffiċjali u impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej, kif ukoll l-eżempju tal-impjegati tal-Banca d’Italia li wara deċiżjoni adottata f’Ottubru 2004, kienu bbenefikaw minn żieda addizzjonali fil-paga tagħhom għall-perijodu 2002-2003. Il-BĊE kellu japplika l-istess prinċipju u jagħti effett retroattiv lid-deċiżjonijiet ta’ rettifika tiegħu.

115    Barra minn dan, ir-rikorrenti jilmentaw li l-BĊE ma rrispettax l-impenn li huwa kien daħal għalih fil-memorandum tas-16 ta’ Diċembru 2003 li kien intbagħat lill-membri kollha tal-persunal tiegħu. Dan l-impenn għandu jiġi analizzat fid-dawl ta’ dikjarazzjonijiet oħrajn tal-BĊE u b’mod partikolari fid-dawl ta’ dawk li jinsabu fin-nota tas-“7 ta’ Lulju 1999” (fil-verità r-rikorrenti jirreferu għan-nota tas-7 ta’ Mejju 1999) li kienet tipprovdi li l-għan tal-metodu tal-kalkolu kellu jkun dak li jippermetti li l-BĊE jibqa’ allineat mal-livell tar-remunerazzjoni tas-sorsi ta’ reklutaġġ prinċipali tiegħu, jiġifieri l-korpi ta’ referenza.

116    Il-BĊE jenfasizza li ż-żidiet tas-salarji inkwistjoni jirriżultaw minn sempliċi “impenn volontarju” min-naħa tiegħu, kwalifika li huwa jsostni hija aċċettata mir-rikorrenti nfishom. L-implementazzjoni ta’ tali impenn ma tistax, għaldaqstant, twassal għall-ħolqien ta’ obbligi legali. Huwa jirreferi għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li, fid-digriet tagħha tat-3 ta’ Marzu 1999, Echauz Brigaldi et vs Il‑Kummissjoni (C‑315/97 P, Ġabra p. I‑1287, punt 11), kienet ikkonfermat is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Lulju 1997, Echauz Brigaldi et vs Il‑Kummissjoni (T‑156/95, ĠabraSP p. I‑A‑171 u II‑509), fejn din il-qorti kienet iddeċidiet li vantaġġ mogħti, ex gratia u mhux abbażi ta’ obbligu legali li jirriżulta mill-istatut, minn istituzzjoni lill-uffiċjali tagħha ma jobbligax istituzzjoni oħra li tagħti trattament identiku lill-funzjonarji tagħha. Il-Qorti tal-Prim’Istanza, konsegwentement, kienet ikkonstatat li l-prinċipju ta’ trattament ugwali ma kienx ġie miksur.

117    Barra minn dan, il-BĊE jiċħad li fi ħdan ir-rikorrenti setgħu nħolqu xi “aspettattivi leġittimi” u dan peress li konsultazzjoni mal-Kumitat tal-Persunal ma tfissirx li l-opinjoni tiegħu hija vinkolanti. Barra minn dan, il-BĊE jenfasizza li ż-żieda tas-salarji deċiża f’Lulju 2004 hija att volontarju u bħala tali ma tistax toħloq l-obbligu li l-aġġustament tas-salarji li jirriżulta mill-konsultazzjoni jingħata effett retroattiv.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

118    Permezz ta’ dan il-motiv ir-rikorrenti jsostnu li l-BĊE kien żbaljat li ma żiedx retroattivament is-salarji tagħhom tas-snin ta’ bejn l-2001 u l-2003, snin li kienu kkonċernati mill-konsultazzjoni li nbdiet wara l-memorandum tas-16 ta’ Diċembru 2003.

119    F’dan ir-rigward, peress li huma konnessi ma xulxin u peress li insostenn tagħhom ir-rikorrenti żviluppaw biss argument uniku, it-tliet partijiet tat-tielet motiv għandhom jiġu eżaminati flimkien.

120    Konsegwentement, għandu jiġi ddeterminat jekk il-konsultazzjoni tal-Kumitat tal-Persunal, mibdija wara l-memorandum tas-16 ta’ Diċembru 2003, li kienet segwita mill-applikazzjoni tal-metodu tal-kalkolu fis-seħħ matul is-snin ta’ bejn l-2001 u l-2003 għar-riżultati ta’ din il-konsultazzjoni, kellux ikollha, kif isostnu r-rikorrenti, bħala konsegwenza l-ħlas retroattiv, għal kull waħda mis-snin ikkonċernati, taż-żieda tas-salarji li kienet ir-riżultat tal-konsultazzjoni.

121    Għandu l-ewwel nett jiġi enfasizzat li, sabiex jimplementa s-sentenza Cerafogli u Poloni vs BĊE, iċċitata iktar ’il fuq, li kienet iddikjarat li l-aġġustament tas-salarji tal-persunal tal-BĊE għall-2001 kien illegali, il-BĊE kien obbligat, sabiex jirrimedja d-difett ikkundannat mill-Qorti tal-Prim’Istanza, li jikkonsulta regolarment u b’mod xieraq lill-Kumitat tal-Persunal fir-rigward tal-aġġustament tas-salarji għal dik l-istess sena. Minnha nfisha, miżura bħall din, li ma setgħetx tiġi kkunsidrata bħala li tirrigwarda biss is-sitwazzjoni ta’ M. C. Cerafogli u ta’ P. Poloni, kellha natura neċessarjament ġenerali.

122    Għandu jingħad ukoll li l-BĊE estenda l-konsultazzjoni għall-2002 u l-2003, skont l-impenn li huwa kien ħa mal-persunal kollu tiegħu, permezz tal-memorandum tas-16 ta’ Diċembru 2003 intitolat “Sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza dwar l-aġġustament tas-salarji tal-2001”. Kif il-BĊE ammetta matul it-trattazzjoni u bil-kontra ta’ dak li kien sostna fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, dan l-impenn kien jimplika l-obbligu li l-metodu tal-kalkolu fis-seħħ jiġi applikat għar-riżultati tal-konsultazzjoni estiża.

123    Madankollu l-partijiet ma jaqblux fuq il-konsegwenzi finanzjarji ta’ din il-konsultazzjoni u fuq l-obbligu li l-metodu tal-kalkolu jiġi applikat għar-riżultat ta’ din il-konsultazzjoni. Fil-fatt, filwaqt li, minn naħa, ir-rikorrenti jsostnu li, sabiex jikkonforma ruħu mas-sentenza Cerafogli u Poloni vs BĊE, iċċitata iktar ’il fuq, il-BĊE kellu jestendi l-benefiċċju tal-eventwali żidiet tas-salarji li jirriżultaw mill-konsultazzjoni għall-persunal kollu, min-naħa l-oħra, l-BĊE jiċħad li s-sentenza inkwistjoni għandha tali effett.

124    Fil-kawża preżenti ma huwiex meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar jekk, skont l-Artikolu 233 KE, il-BĊE kellux jestendi l-benefiċċju taż-żidiet tas-salarji li jirriżultaw mill-konsultazzjoni, inkluż għal-perijodu ta’ qabel is-sentenza Cerafogli u Poloni vs BĊE, iċċitata iktar ’il fuq, għall-persunal kollu tal-BĊE, u dan minħabba n-natura tal-irregolarità kkonstatata. Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-BĊE nnifsu qies li kellu jpoġġi f’kuntest obbligatorju li japplika għall-persunal kollu - u mhux biss għal M. C. Cerafogli u għal P. Polani – u li jirrigwarda t-tliet snin inkwistjoni, kemm il-konsultazzjoni, li hija l-istadju preparatorju tal-proċedura ta’ aġġustament tas-salarji, kif ukoll l-istadji segwenti ta’ din il-proċedura, inkluż l-istadju finali li jikkonsisti fl-aġġustament tas-salarju ta’ kull membru tal-persunal.

125    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi vverifikat il-mod ta’ kif il-metodu tal-kalkolu għall-aġġustament tas-salarji ġie applikat għall-perijodu kollu ta’ bejn l-2001 u l-2003.

126    L-ewwel nett, għandhom jiġu mfakkra l-elementi prinċipali tal-metodu tal-kalkolu kif ukoll id-diverġenzi bejn, minn naħa, il-GSA 1999/2001 u, min-naħa l-oħra, il-GSA 2002/2004 (ara l-punti 13 sa 17 ta’ din is-sentenza).

127    Il-metodu tal-kalkolu kien essenzjalment jikkonsisti fl-użu, fuq il-fiduċja, tad-data ewlenija mibgħuta mill-korpi ta’referenza, mingħajr ma l-BĊE kien f’pożizzjoni li jivverifikha fil-fond.

128    Barra minn dan, il-GSA 1999/2001 ma kienu jipprovdu l-ebda possibbiltà ta’ korrezzjoni tar-riżultati tal-metodu tal-kalkolu u, għalkemm il-GSA 2002/2004 ipprovdew il-possibbiltà ta’ tali korrezzjonijiet, madankollu din il-possibbiltà kienet limitata b’żewġ modi. Minn naħa, dawn il-GSA kienu jippermettu korrezzjonijiet biss minħabba data nieqsa fil-ġurnata normali tal-aġġustament tas-salarji, jiġifieri korrezzjonijiet imwettqa skont data li tkun intbagħtet tardivament mill-korpi ta’ referenza u mhux korrezzjonijiet minħabba li iktar tard jiġi skopert li kien hemm żbalji fid-data ewlenija mibgħuta u meħuda inkunsiderazzjoni għall-aġġustament. Min-naħa l-oħra, il-korrezzjonijiet effettwati f’dan il-kuntest ma kellhomx ikunu retroattivi. Konsegwentement, huma biss dawk il-korrezzjonijiet li jirriżultaw minn data li kienet inizjalment nieqsa iżda li saret disponibbli bejn l-aħħar aġġustament u l-aġġustament tas-sena segwenti li għandhom jiġu implementati f’din l-aħħar skadenza; għaldaqstant l-ewwel applikazzjoni ta’ din il-possibbiltà ta’ korrezzjoni setgħet isseħħ biss f’Lulju 2003 u dan fir-rigward ta’ data li tirrigwarda l-2002 u li minħabba li ntbagħtet tardivament ma setgħetx tittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-aġġustament deċiż fl-1 ta’ Lulju 2002.

129    Barra minn dan għandu jiġi ammess li kien ikun tabilħaqq artifiċjali li kieku konsultazzjoni ġdida kellha tinfetaħ abbażi tal-elementi li kienu disponibbli matul il-konsultazzjoni inizjali filwaqt li jiġu injorati kompletament l-elementi li saru disponibbli sussegwentement, jiġifieri d-data kkoreġuta.

130    Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda l-2002 għandha wkoll tittieħed inkunsiderazzjoni d-difikulta li jiġi applikat, abbażi tad-data relatata ma din is-sena u li ntbagħtet fl-2004, tnaqqis tas-salarju ta’ 0.4 % li jirriżulta mill-kalkolu mwettaq abbażi tad-data kkoreġuta u inkluża fit-tabelli stabbiliti mill-BĊE matul il-proċedura ta’ konsultazzjoni.

131    Barra minn hekk, anki jekk jiġi meqjus li dawn l-operazzjonijiet setgħu kienu possibbli, xorta jibqa l-fatt li s-sistema tal-ħruġ tad-dikjarazzjonijiet tas-salarju tal-BĊE ma kinitx, skont kif isostni dan tal-aħħar, kapaċi li twettaq retroattivament kalkolu ġdid tas-salarji b’effett mill-2001, fatt li ġie rikonoxxut ukoll mill-Kumitat tal-Persunal fin-nota tiegħu tal-4 ta’ Awwissu 2004.

132    Mill-ġurisprudenza jirriżulta li meta jkun hemm diffikultajiet partikolari għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ annullament, l-istituzzjoni kkonċernata tista’ tieħu kull deċiżjoni li tkun ta’ natura tali li tikkumpensa b’mod ekwu l-iżvantaġġi li jkunu esposti għalihom il-persuni kkonċernati mid-deċiżjoni annullata. F’dan il-kuntest, l-amministrazzjoni tista’ tibda diskussjonijiet mal-persuni kkonċernati sabiex tipprova tasal għal ftehim li joffrilhom kumpens ekwu għall-illegalita li tagħha huma kienu vittmi (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-26 ta’ Ġunju 1996, De Nil u Impens vs Il‑Kunsill, T‑91/95, ĠabraSP p. I‑A‑327 u II‑959, punt 34; tal-10 ta’ Lulju 1997, Apostolidis et vs Il‑Kummissjoni, T‑81/96, ĠabraSP p. I‑A‑207 u II‑607, punt 42, u tal-10 ta’ Mejju 2000, Simon vs Il‑Kummissjoni, T‑177/97, ĠabraSP p. I‑A‑75 u II‑319, punt 23).

133    Fil-kawża preżenti, fid-dawl tal-elementi kollha msemmija fil-punti 126 sa 131 ta’ din is-sentenza, il-BĊE għażel li jadotta approċċ semplifikat, jiġifieri dak li jħallas ir-riżultat kumulattiv tal-aġġustament tas-salarji għas-snin ta’ bejn l-2001 u l-2003, li jkun ġie stabbilit wara proċedura ta’ konsultazzjoni, fid-data ta’ meta jidħol fis-seħħ l-aġġustament tas-salarji għall-2004, jiġifieri fl-1 ta’ Lulju 2004. Il-Kumitat tal-Persunal impliċitament aċċetta din is-soluzzjoni permezz tan-nota tal-14 ta’ Ġunju 2004 fejn ma tenniex id-domanda għall-ħlas retroattiv li huwa kien għamel fin-nota tal-25 ta’ Marzu 2004 u reġa’ semma matul diversi laqgħat tekniċi.

134    Ir-riżultat kumulattiv li wasal għalih il-BĊE huwa l-frott ta’ soluzzjoni ta’ kompromess li nstabet bejnu u bejn il-Kumitat tal-Persunal li ppermettiet li l-metodu tal-kalkolu jiġi adattat u alimentat b’mod issemplifikat. Din is-soluzzjoni ta’ kompromess kienet komposta minn diversi elementi:

–        l-ewwel nett, fir-rigward tal-2001, il-possibbiltà li, ladarba ssir disponibbli, tittieħed inkunsiderazzjoni data kkoreġuta, ħaġa la ma kinitx prevista mill-GSA 1999/2001 iżda biss mill-GSA 2002/2004;

–        it-tieni nett, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi kollha rilevanti fir-rigward tas-sena li għaliha kellhom jiġu aġġustati s-salarji u mhux biss fir-rigward tas-sena li matula din id-data kienet saret disponibbli kif ipprovdut fil-GSA 2002/2004;

–        it-tielet nett, il-possibbiltà li t-teħid inkunsiderazzjoni tad-data “kkoreġuta”, jiġifieri dik li ma kinitx disponibbli jew li kienet inkompleta fir-rigward tas-sena li għaliha kellhom jiġu aġġustati s-salarji, ma jiġix limitat għall-ħlas tas-sena segwenti;

–        ir-raba’ nett, il-ħlas, b’effett mill-1 ta’ Luilju 2004, ta’ żieda ta’ 0.3 % li kienet tirrappreżenta r-riżultat kumulattiv tal-varjazzjonijiet ikkalkolati għas-snin ta’ bejn l-2001 u l-2003 abbażi tad-data eżatta li fuqha kienu ftehmu l-Kumitat tal-Persunal u l-BĊE ( 0.3 % għall-2001, - 0.4 % għall-2002, + 0.4 % għall-2003, jiġifieri 0.3 %).

135    Minn dan jirriżulta li għalkemm il-BĊE ma kkonċediex li ż-żieda tas-salarji li rriżultat mill-konsultazzjoni tingħata l-effett retroattiv mitlub mir-rikorrenti, huwa għamel tajjeb għal dan billi, minn naħa, uża data kkoreġuta (għola) għall-2001, ħaġa li dak iż-żmien ma kellhiex tkun possibbli skont ir-regoli fis-seħħ u, min-naħa l-oħra, estenda l-konsultazzjoni sabiex tkopri kemm l-2002 u l-2003 u kif ukoll il-membri kollha tal-persunal, b’kuntrast mal-pożizzjoni li kienet tipprovdi li kienu biss ir-rikorrenti tas-sentenza Cerafogli u Poloni vs BĊE li kellhom jibbenefikaw minnha. Għaldaqstant il-BĊE għażel soluzzjoni li mhux biss talli kienet ibbilanċjata iżda talli kellha wkoll effett strutturali fuq l-iskali tas-salarji u tal-pensjonijiet.

136    Fid-dawl tad-diffikultajiet partikolari msemmija iktar ’il fuq sabiex tiġi eżegwita s-sentenza Cerafogli u Poloni vs BĊE, iċċitata iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni adottata abbażi tar-riżultati tal-proċedura ta’ konsultazzjoni fir-rigward tal-aġġustament tas-salarji għas-snin ta’ bejn l-2001 u l-2003 għandha tiġi kkunsidrata bħala soluzzjoni raġjonevoli u ekwa fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 132.

137    Din il-konstatazzjoni ma hijiex ikkonfutata mill-argumenti mressqa mir-rikorrenti.

138    L-ewwel nett, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-korrezzjonijiet retroattivi mwettqa minn uħud mill-korpi ta’ referenza, għandu jiġi kkonstatat li tali prattika hija perfettament konsistenti mal-mekkaniżmu pprovdut fil-GSA 2002/2004, jiġifieri li l-korrezzjoni tas-salarji, abbażi tad-data ewlenija reali, ssir matul is-sena ta’ wara dik tal-fatt li ġġenera s-salarji. F’kull każ, il-korrezzjonijiet rettroattivi effetwati minn uħud mill-korpi ta’ referenza bl-ebda mod ma jfissru li l-BĊE għandu l-obbligu li, retroattivament, jeffettwa aġġustamenti tas-salarji u dan peress li dawn il-prattiċi, anki jekk huma bbażati fuq liġijiet nazzjonali jew Komunitarji, jorbtu biss lill-dawn il-korpi ta’ referenza u mhux lill-BĊE.

139    It-tieni nett, bil-kontra ta’ dak li jallegaw ir-rikorrenti, il-BĊE, billi adotta soluzzjoni ekwa għall-persunal kollu tiegħu, ikkonforma ruħu mal-impenn li huwa kien ħa fil-memorandum tiegħu tas-16 ta’ Diċembru 2003, jiġifieri l-impenn li jeżegwixxi s-sentenza Cerafogli u Poloni vs BĊE, iċċitata iktar ’il fuq.

140    Konsegwentement, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud. Għaldaqstant it-talbiet għal annullament għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

2.     Fuq it-talbiet għad-danni

 L-argumenti tal-partijiet

141    Ir-rikorrenti jenfasizzaw li l-allegati nuqqasijiet ikkawżawlhom ħsara sa fejn huma ma setgħux jiddisponu, b’effett mill-1 ta’ Lulju 2001, 2002, 2003, mis-salarju li kien suppost imisshom, jiġifieri salarju stabbilit skont il-metodu tal-kalkolu u wara konsultazzjoni mmexxija b’mod regolari. Peress li ma humiex f’pożizzjoni li jikkalkolaw b’mod preċiż l-ammont tal-ħsara, huma jipproponu li dan l-ammont jiġi ffissat ex aequo et bono u provviżjonalment għal EUR 5 000 għal kull rikorrent.

142    Il-BĊE jsostni li wera b’mod suffiċjenti li huwa ma wettaq l-ebda illegalità. Għaldaqstant, it-talba għal kumpens ma hijiex fondata fil-liġi. Mil-lat finanzjarju r-rikorrenti bbenefikaw minn żieda ta’ 0.3 % li ngħatat mill-BĊE abbażi ta’ deċiżjoni ta’ politika tal-persunal u mhux abbażi ta’ xi obbligu legali.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

143    Skont ġurisprudenza stabbilita, talbiet intiżi għall-ksib ta’ kumpens għal dannu materjali jew morali għandhom jiġu miċħuda meta dawn ikunu strettament konnessi ma talbiet għal annullament li jkun, min-naħa tagħhom, ġew miċħuda bħala infondati (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-25 ta’ Ġunju 2003, Pyres vs Il‑Kummissjoni, T‑72/01, ĠabraSP p. I‑A‑169 u II‑861, punt 85, u l-ġurisprudenza ċċitata).

144    F’dan il-każ, peress li mill-eżami tal-motivi ppreżentati insostenn tat-talbiet għall-annullament tad-dikjarazzjonijiet tas-salarju ta’ Lulju 2004 ma rriżultat l-ebda illegalità mwettqa min-naħa tal-BĊE u għaldaqstant l-ebda nuqqas li jista’ jwassal sabiex jiġi kkunsidrat bħala responsabbli, it-talbiet għal kumpens tad-dannu li r-rikorrenti allegatament subew minħabba l-allegati illegalitajiet għandhom ukoll jiġu miċħuda bħala infondati.

3.     Konklużjonijiet ġenerali

145    Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li t-talbiet għal annullament u għal kumpens huma infondati u li ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni fuq it-talbiet intiżi sabiex jiġi ppreżentat il-fajl amministrattiv. Konsegwentement, ir-rikors għandu jiġi miċħud mingħajr ma jkun hemm bżonn li tittieħed deċiżjoni fuq l-ammissibbiltà tiegħu, peress li l-BĊE kien qajjem diversi eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà, b’mod partikolari fir-rigward tat-tardività tad-domandi għall-eżami mill-ġdid u fir-rigward tat-tardività tal-lamentela ta’ P. Poloni li waslet għand il-BĊE fl-14 ta’ Diċembru 2004, jiġifieri lilhinn mit-terminu ta’ xahrejn li kien skada, skont il-BĊE, fit-13 ta’ Diċembru 2004.

 Fuq l-ispejjeż

146    Skont l-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, id-dispożizzjonijiet tat-tmien Kapitolu tat-tielet Titolu ta’ dawn ir-regoli, dwar l-ispejjeż ġudizzjarji, huma applikabbli biss għall-kawżi mressqa quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku mid-dħul fis-seħħ dawn ir-Regoli tal-Proċedura, jiġifieri mill-1 ta’ Novembru 2007. Id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza jibqgħu japplikaw mutatis mutandis għall-kawżi pendenti quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku qabel dik id-data.

147    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Procedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-parti li titlef il-kawza ghandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Madankollu, bis-saħħa tal-Artikolu 88 ta’ dawn ir-regoli, fil-kawżi bejn il-Komunitajiet u l-impjegati tagħhom, l-istituzzjonijiet għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li jkun deċiż illi kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (Assemblea Plenarja)

jaqta’ u jiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Mahoney

Kreppel

Van Raepenbusch

Boruta

Kanninen      Tagaras

Gervasoni

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-24 ta’ Ġunju 2008.

W. Hakenberg

 

      P. Mahoney

Reġistratur

 

      President

It-testi tal-preżenti deċiżjoni, kif ukoll id-deċiżjonijiet tal-qrati Komunitarji ċċitati fiha u li għadhom ma ġewx ippubblikati fil-Ġabra, huma disponibbli fuq is-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja: www.curia.europa.eu

Anness

Maria Concetta Cerafogli, membru tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, residenti fi Frankfurt-am-Main (il-Ġermanja),

Marion Kotowski, membru tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, residenti fi Frankfurt-am-Main (il-Ġermanja),

Emmanuel Larue, membru tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, residenti fi Frankfurt-am-Main (il-Ġermanja),

Paolo Poloni, membru tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, residenti fi Frankfurt-am-Main (il-Ġermanja),

Olivier Seigneur, membru tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, residenti fi Frankfurt-am-Main (il-Ġermanja),

Ali Shikhane, membru tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, residenti fi Hünfelden-Nauheim (il-Ġermanja),

Luca Tagliaretti, membru tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, residenti fi Frankfurt-am-Main (il-Ġermanja),

Werrej


Il-kuntest ġuridikuII – 2

Il-fatti li taw lok għall-kawżaII – 6

Proċedura u t-talbiet tal-partijietII – 12

Id-drittII – 13

1.  Fuq it-talbiet għal annullamentII – 13

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ konsultazzjoni mal-Kumitat tal-persunalII – 14

L-argumenti tal-partijietII – 14

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’IstanzaII – 15

–  Fuq l-ilment ibbażat fuq in-natura inkompleta tal-informazzjoni kkomunikata mill-BĊE.II – 15

–  Fuq l-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ informazzjoni fi żmien utliII – 17

–  Fuq l-ilment ibbażat fuq iż-żamma illegali tal-laqgħatII – 18

–  Fuq l-ilment ibbażat fuq risposti insuffiċjenti għall-mistoqsijiet tal-Kumitat tal-PersunalII – 19

–  Fuq l-ilment ibbażat fuq l-użu abbużiv tal-urġenzaII – 19

–  Fuq l-ilment ibbażat fuq il-fatt li l-proċedura ta’ konsultazzjoni kienet għadha ma ntemmitx meta ntbagħtu d-dikjarazzjonijiet tas-salarju ta’ Lulju 2004II – 19

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-metodi tal-kalkolu, żball manifest ta’ evalwazzjoni u ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoniII – 22

L-argumenti tal-partijietII – 22

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’IstanzaII – 23

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ applikazzjoni retroattiva tal-korrezzjonijiet li kellhom isiru fuq l-aġġustament ġenerali tas-salarjiII – 24

L-argumenti tal-partijietII – 24

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’IstanzaII – 26

2.  Fuq it-talbiet għad-danniII – 30

L-argumenti tal-partijietII – 30

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’IstanzaII – 30

3.  Konklużjonijiet ġeneraliII – 30

Fuq l-ispejjeżII – 31



* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.