Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tal-1 ta’ Ottubru 2020 (talba għal deċiżjoni preliminari ta’ Hof van Cassatie – il-Belġju) – Vos Aannemingen BVBA vs L-Istat Belġjan

(Kawża C-405/19) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Sitt Direttiva 77/388/KEE – Artikolu 17(2)(a) — Dritt għat-tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa – Servizzi li minnhom ibbenefikaw ukoll terzi – Eżistenza ta’ rabta diretta u immedjata mal-attività ekonomika tal-persuna taxxabbli – Eżistenza ta’ rabta diretta u immedjata ma’ tranżazzjoni waħda jew iktar tal-output)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Hof van Cassatie

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent(i): Vos Aannemingen BVBA

Konvenut: L-Istat Belġjan

Dispożittiv

L-Artikolu 17(2)(a) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 95/7/KE tal-10 ta’ April 1995, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li l-ispejjeż magħmula minn persuna taxxabbli, kuntrattur ta’ proprjetà immobbli, bħala spejjeż ta’ reklamar, ta’ spejjeż amministrattivi u ta’ kummissjonijiet ta’ aġenti ta’ proprjetà immobbli li hija sostniet fil-kuntest tal-bejgħ ta’ appartamenti, li minnhom jibbenefika wkoll terz, ma jipprekludix li din il-persuna taxxabbli tkun tista’ tnaqqas integralment il-VAT tal-input imħallsa relatata ma’ dawn l-ispejjeż meta, minn naħa, hemm rabta diretta u immedjata bejn l-ispejjeż imsemmija u l-attività ekonomika tal-persuna taxxabbli u, min-naħa l-oħra, il-vantaġġ għall-parti terza jkun inċidentali għall-bżonnijiet tan-negozju tal-persuna taxxabbli.

L-Artikolu 17(2)(a) tas-Sitt Direttiva 77/388, kif emendat bid-Direttiva 95/7, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li l-ispejjeż sostnuti mill-persuna taxxabbli li minnhom jibbenefika wkoll terz ma jipprekludix lil din il-persuna taxxabbli milli tnaqqas integralment il-VAT tal-input imħallsa relatata ma’ dawn l-ispejjeż, fil-każ fejn dawn ma jaqgħux taħt l-ispejjeż ġenerali tal-persuna taxxabbli iżda jikkostitwixxu spejjeż imputabbli għal tranżazzjonijiet tal-output iddeterminati, sakemm l-imsemmija spejjeż ikollhom rabta diretta u immedjata mat-tranżazzjonijiet taxxabbli tal-persuna taxxabbli, li huwa fatt li għandu jiġi evalwat mill-qorti tar-rinviju fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha li fihom seħħew dawn it-tranżazzjonijiet.

L-Artikolu 17(2)(a) tas-Sitt Direttiva 77/388, kif emendat bid-Direttiva 95/7, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ fejn terz jieħu vantaġġ mill-ispejjeż magħmula mill-persuna taxxabbli, il-fatt li din il-persuna għandha l-possibbiltà li tittrasferixxi lil dan it-terz parti mill-ispejjeż hekk sostnuti, jikkostitwixxi wieħed mill-elementi, flimkien mal-fatti l-oħra kollha, li fihom seħħew it-tranżazzjonijiet ikkonċernati, fatt li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mill-qorti tar-rinviju, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-portata tad-dritt għat-tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud li għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-persuna taxxabbli.

____________

1     ĠU C 288, 26.08.2019.