Language of document :

Rikors ippreżentat fil-31 ta’ Mejju 2017 – Cathay Pacific Airways vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-343/17)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Cathay Pacific Airways Ltd (Hong Kong, iċ-Ċina) (rappreżentanti: R. Kreisberger u N. Grubeck, barristers, M. Rees, solicitor u E. Estellon, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla kull konstatazzjoni ta’ ksur esposti fl-Artikolu 1(1) sa 1(4) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 1742 finali, tas-17 ta’ Marzu 2017, li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u l-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-Trasport bl-Ajru (Il-Każ AT.39258 - Trasport bl-ajru) sa fejn dawn japplikaw għar-rikorrenti;

tannulla l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn timponi multa ta’ EUR 57 120 000 fuq ir-rikorrenti jew sussidjarjament tnaqqas l-ammont ta’ din il-multa, u

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea tħallas l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka seba’ motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni ta’ żball ta’ liġi u/jew ta’ fatt min-naħa tal-Kummissjoni u/jew nuqqas tagħha li tipprovdi l-prova suffiċjenti skont il-liġi meta inkludiet lir-rikorrenti fl-Artikolu 1(1) u (4) tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata u kkonstatat li r-rikorrenti pparteċipat fl-allegat ksur uniku u kontinwu.

Ir-rikorrenti ssostni li ebda bażi legali ma tippermetti li hija tiġi inkluża fl-okkorrenzi ta’ ksur intra-Ewropej.

Ir-rikorrenti ssostni li ma hemm ebda bażi legali fattwali li tippermetti li hija tiġi inkluża fl-okkorrenzi ta’ ksur intra-Ewropej.

Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-fatt li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq raġunijiet ġodda jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet ta’ difiża tagħha.

Finalment, ir-rikorrenti ssostni li l-inklużjoni illegali tagħha min-naħa tal-Kummissjoni fl-Artikolu 1(1) u (4) iġġib fix-xejn l-attentat tagħha sabiex tistabbilixxi li hija pparteċipat fil-ksur uniku u kontinwu.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur min-naħa tal-Kummissjoni tal-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1/2003 kif ukoll tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ ġustizzja u ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja sa fejn il-Kummissjoni adottat it-tieni deċiżjoni kontra r-rikorrenti li timputaha b’aġir ġdid ta’ ksur.

It-tielet motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni naqset milli tipprova suffiċjentement skont il-liġi li r-rikorrenti tista’ tiġi ddikjarata responsabbli li pparteċipat fl-allegat ksur uniku u kontinwu.

Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma eżaminatx is-sitwazzjoni speċifika tar-rikorrenti u ma stabbilixxietx il-komponenti individwali tal-ksur uniku u kontinwu fir-rigward tagħha.

Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-Kummissjoni ma wrietx pjan globali sabiex jintlaħaq għan komuni.

Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-Kummissjoni naqset milli turi li hija pparteċipat fil-ksur uniku u kontinwu jew kellha l-intenzjoni meħtieġa sabiex tipparteċipa fih.

Finalment, ir-rikorrenti ssostni li ma hemm ebda konstatazzjoni fis-sens li hija kienet taf bil-ksur.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni ma mmotivatx suffiċjentement il-konstatazzjoni tagħha li r-rikorrenti pparteċipat fl-allegat ksur uniku u kontinwu.

Il-ħames motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni wettqet żball meta bbażat ruħha fuq l-attivitajiet tar-rikorrenti fil-ġurisdizzjonijiet irregolati minn pajjiżi terzi bħala prova tal-parteċipazzjoni tagħha fl-allegat ksur uniku u kontinwu u naqset milli timmotiva d-deċiżjoni tagħha f’dan ir-rigward.

Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma osservatx l-oneru tal-prova applikabbli fir-rigward tal-aġir tar-rikorrenti f’Hong Kong jew ma mmotivatx suffiċjentement id-deċiżjoni tagħha.

Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li l-aġir tagħha f’Hong-Kong kellu għan antikompetittiv.

Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-leġiżlazzjoni ta’ Hong Kong kienet tobbligaha tippreżenta applikazzjonijiet kollettivi.

Finalment, ir-rikorrenti ssostni ksur tal-prinċipji ta’ korteżija u ta’ nuqqas ta’ interferenza.

Is-sitt motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni ma kellhiex il-ġurisdizzjoni sabiex tapplika l-Artikolu 101 TFUE għal aġir relatat mat-titjiriet deħlin, jiġifieri s-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija bl-ajru minn pajjiżi terzi lejn l-Ewropa.

Is-seba’ motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi fil-kalkolu tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti.

____________