Language of document : ECLI:EU:T:2011:90

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

15 ta’ Marzu 2011(*)

“Trade mark Komunitarja – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja figurattiva Dada & Co. kids – Trade mark nazzjonali verbali preċedenti DADA – Raġuni relattiva għal rifjut – Nuqqas ta’ użu ġenwin mit-trade mark preċedenti – Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009]”

Fil-Kawża T‑50/09,

Ifemy’s Holding GmbH, stabbilita f’München (il-Ġermanja), irrappreżentata minn H.‑G. Augustinowski, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn A. Folliard-Monguiral, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI kienet

Dada & Co. Kids Srl, stabbilita fi Prato (l-Italja),

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI tas-27 ta’ Novembru 2008 (Każ R 911/2008‑4), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Ifemy’s Holding GmbH et Dada & Co. Kids Srl,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn N. J. Forwood (Relatur), President, J. Schwarcz u A. Popescu, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-3 ta’ Frar 2009,

wara li rat ir-risposta tal-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Mejju 2009,

wara li rat id-deċiżjoni tas-26 ta’ Ġunju 2009 li tirrifjuta l-awtorizzazzjoni sabiex tiġi ddepożitata replika,

wara li rat in-nuqqas ta’ talba għall-iffissar ta’ seduta mressqa mill-partijiet f’termini ta’ xahar li jibda jiddekorri min-notifika lill-parti tal-egħluq tal-proċedura bil-miktub u peress li ddeċidiet, fuq rapport tal-Imħallef relatur u skont l-Artikolu 135a tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tiddeċiedi mingħajr fażi orali tal-proċedura,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fl-24 ta’ Mejju 2006, Dada & Co. Kids Srl (iktar ’il quddiem l-“applikanta”) ippreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat [issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas- 26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)].

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija t-trade mark figurattiva Dada & Co. kids.

3        Il-prodotti li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassi 25 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta’ Prodotti u ta’ Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni tat-Trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja: “Ħwejjeġ, żraben, xedd ir-ras”.

4        L-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja ġiet ippubblikata fil-Bulletin tat-trade marks Komunitarji Nru 2006/043, tat-23 ta’ Ottubru 2006.

5        Fl-1 ta’ Diċembru 2006, ir-rikorrenti, Ifemy’s Holding GmbH, ressqet oppożizzjoni skont l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009), kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, għall-prodotti kollha msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq.

6        L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq it-trade mark Ġermaniża verbali DADA, irreġistrata fl-10 ta’ April 2001 taħt in-numru 30114449, li jindika b’mod partikolari l-prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 25 u li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti “Ħwejjeġ, żraben, xedd ir-ras”.

7        Il-motiv invokat insostenn tal-oppożizzjoni kien probabbiltà ta’ konfużjoni skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009]”.

8        Fl-24 ta’ Lulju 2007, l-applikanta talbet li r-rikorrenti tipproduċi l-prova ta’ użu ġenwin mit-trade mark preċedenti skont l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009).

9        Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Awwissu 2007, l-UASI stieden lir-rikorrenti tipproduċi l-imsemmija prova f’terminu ta’ xahrejn, jiġifieri mhux iktar tard mill-31 ta’ Ottubru 2007.

10      Fil-31 ta’ Ottubru 2007, ir-rikorrenti bagħtet permezz ta’ fakx ittra lill-UASI fejn b’mod partikolari elenkat id-dokumenti li jipprovaw l-użu ġenwin mit-trade mark preċedenti. Id-dokumenti inkwistjoni madankollu ma ġewx annessi ma’ dan il-faks.

11      Fid-9 ta’ Novembru 2007, l-UASI rċieva bil-posta l-verżjoni oriġinali ta’ din l-ittra kif ukoll il-202 paġni korrispondenti għad-dokumenti li din tirreferi għalihom.

12      Permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Novembru 2007, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni indikat lir-rikorrenti li d-dokumenti mibgħuta fid-9 ta’ Novembru 2007 ma kinux se jittieħdu inkunsiderazzjoni, peress li ma ġewx iddepożitati fit-terminu previst.

13      Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Diċembru 2007, ir-rikorrenti sostniet mal-UASI li, f’każ ta’ trażmissjoni mhux sħiħa, dan kellu jinforma lill-emittent u jistiednu jerġa’ jibgħat mill-ġdid. Hija indikat ukoll li hija kienet qed tistenna tali stedina, u sostniet li l-komunikazzjoni tagħha permezz ta’ faks kienet “manifestament mhux sħiħa”.

14      Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Marzu 2008, ir-rikorrenti insistiet mal-UASI sabiex il-provi tal-użu tat-trade mark preċedenti jittieħdu inkunsiderazzjoni, billi invokat b’mod partikolari r-Regola 80(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1996, li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189).

15      Permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ April 2008, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjoni minħabba li r-rikorrenti ma kinitx pproduċiet il-prova ta’ użu ġenwin mit-trade mark preċedenti fit-terminu previst.

16      Fid-16 ta’ Ġunju 2008, ir-rikorrenti ppreżentat appell quddiem l-UASI, skont l-Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94 (li saru l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009), mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni. Minn naħa hija takkuża lid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni li, fid-deċiżjoni tagħha, identifikat b’mod żbaljat l-applikant tat-trade mark Komunitarja u, min-naħa l-oħra, invokat b’mod partikolari, ksur tar-Regola 80(2) tar-Regolament Nru 2868/95 u tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

17      Permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Novembru 2008 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), ir-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad dan l-appell. B’mod partikolari, il-Bord tal-Appell irrileva, fil-punt 15 tad-deċiżjoni tiegħu, li kien irrelevanti li d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ssemmi lil “DADA & CO. MEN SRL” minflok “DADA & CO. KIDS SRL” bħala applikanta. Dan kien żball żgħir tal-kitba u din id-deċiżjoni kienet effettivament innotifikata lir-rappreżentati tal-applikanta u lir-rikorrenti, skont ir-Regola 77 tar-Regolament Nru 2868/95. Dan indika wkoll, fil-punt 21 ta’ din id-deċiżjoni, li l-UASI sempliċement applika f’dan il-każ ir-Regola 22 tar-Regolament Nru 2868/95 u, fil-punti 23 sa 25 tal-imsemmija deċiżjoni, li l-prattika tal-UASI ma kinitx diskriminatorja peress li kienet konformi mad-dispożizzjonijiet legali u li kienu jeżistu mezzi oħra ta’ rikors. Fl-aħħar nett hija indikat, fil-punt 26 tad-deċiżjoni kkontestata, li t-trażmissjoni permezz ta’ faks ma kinitx mhux sħiħa skont ir-Regola 80(2) tar-Regolament Nru 2868/95, peress li, fil-31 ta’ Ottubru 2007, ir-rikorrenti ma kellhiex l-intenzjoni li tibgħat u ma kinitx ipprovat tibgħat il-202 paġni korrispondenti għall-provi tal-użu tat-trade mark preċedenti msemmija fl-ittra tagħha.

 It-talbiet tal-partijiet

18      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata kif ukoll id-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

19      L-UASI jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

20      Insostenn tar-rikors tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti tinvoka, essenzjalment tliet motivi. L-ewwel wieħed huwa bbażat fuq il-ksur tar-“rekwiżiti formali”, tal-Artikolu 77a(1) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 80(1) tar-Regolament Nru 207/2009), tar-Regola 50(2) tar-Regolament Nru 2868/95 u tal-prinċipju tal-istat tad-dritt. It-tieni wieħed huwa bbażat fuq il-ksur tar-Regola 80(2) tar-Regolament Nru 2868/95. It-tielet wieħed huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ kompetizzjoni leali, hekk kif ddefiniti mill-Artikolu 2 KE u 3 KE u mill-Artikolu 43 tar-Regolament Nru 40/94.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tar-“rekwiżiti formali”, tal-Artikolu 77a(1) tar-Regolament Nru 40/94, tar-Regola 50(2) tar-Regolament Nru 2868/95 u tal-prinċipju tal-istat tad-dritt

 L-argumenti tal-partijiet

21      Ir-rikorrenti tilmenta kontra l-Bord tal-Appell peress li ma annullatx id-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, meta din identifikat, b’mod żbaljat, terza persuna, jiġifieri Dada & Co. Men Srl, proprjetarja ta’ trade mark Komunitarja oħra, bħala l-applikanta għal trade mark Komunitarja.

22      Fin-nuqqas ta’ tali annullament, bħal issa jeżistu simultanjament, żewġ deċiżjonijiet mogħtija favur żewġ persuni distinti u kull waħda minnhom tagħti titolu enforzabbli kontra r-rikorrenti, f’dak li jikkonċerna l-ispejjeż, jiġifieri d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u d-deċiżjoni kkontestata.

23      L-UASI jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

24      Skont ir-Regola 50(2) tar-Regolament Nru 2868/95, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fid-data tal-fatti inkwistjoni, id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell għandha tinkludi, b’mod partikolari, l-ismijiet tal-partijiet u tar-rappreżentanti tagħhom.

25      F’dan il-każ, ir-rikorrenti manifestament ma tistax tinvoka l-ksur ta’ din id-dispożizzjoni, peress li l-Bord tal-Appell identifika korrettament l-ismijiet tal-partijiet u tar-rappreżentanti tagħhom.

26      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 77a(1) tar-Regolament Nru 40/94, meta l-UASI jdaħħal fir-reġistru jew jieħu deċiżjoni li jkun fiha żball proċedurali manifest attribwibbli lilu, għandu jiżgura li jikkanċella tali reġistrazzjoni jew li d-deċiżjoni tiġi revokata.

27      Skont l-Artikolu 77a(3) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 80(3) tar-Regolament Nru 207/2009), l-imsemmi artikolu ma jimminax id-dritt li għandhom il-partijiet li jippreżentaw rikors skont l-Artikoli 57 u 63 (li saru l-Artikoli 58 u 65 tar-Regolament Nru 207/2009) u lanqas il-possibbiltà, skont il-metodi u l-kundizzjonijiet stabbiliti mir-Regolament Nru 2868/95, li jiġu korretti żbalji lingwistiċi ovvji li jinsabu fid-deċiżjonijiet tal-UASI.

28      Skont ir-Regola 53 tar-Regolament Nru 2868/95, meta l-UASI jikkonstata, ex officio jew fuq talba ta’ waħda mill-partijiet ikkonċernati, żball lingwistiku, żball ta’ traskrizzjoni jew żball manifest f’deċiżjoni, għandu jiżgura li dan l-iżball jiġi rettifikat mid-dipartiment jew mid-diviżjoni kompetenti.

29      F’dan il-każ, mill-fajl tal-UASI jirriżulta li, fid-deċiżjoni tagħha, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni identifikat l-isem tal-kumpannija applikanta għal trade mark Komunitarja b’mod żbaljat bħala “DADA & CO. MEN SRL”. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija deċiżjoni identifikat b’mod korrett l-indirizz u r-rappreżentant legali tal-applikanta, kif ukoll ir-referenza mogħtija għall-każ. L-att ta’ notifika ta’ din id-deċiżjoni jidentifika korrettament l-applikanta u din in-notifika saret lir-rappreżentant legali debitament magħżul minnha. L-appell ippreżentat mir-rikorrenti kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ġie ukoll innotifikat mill-UASI lill-imsemmi rappreżentant legali.

30      Minn dan isegwi li kuntrarjament għal dak li jsostni l-UASI, l-iżball allegat jivvizzja d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni stess, u mhux in-notifika tagħha, b’mod li l-ġurisprudenza li tgħid li l-irregolaritajiet li jivvizzjaw il-proċedura ta’ notifika ta’ deċiżjoni huma esterjuri għall-att u għalhekk ma jistgħux jivvizzjaw id-deċiżjoni hija irrelevanti [sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Lulju 1972, Imperial Chemical Industries vs Il-Kummissjoni, 48/69, Ġabra p. 619, punt 39; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Mejju 1998, W vs Il-Kummissjoni, T‑78/96 u T‑170/96, ĠabraSP p. I‑A‑239 u II‑745, punt 183, u tat-2 ta’ Lulju 2002, SAT.1 vs UASI (SAT.2), T‑323/00, Ġabra p. II‑2839, punt 12].

31      Xorta jibqa’ l-fatt li l-iżball ta’ identifikazzjoni li sar mid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ma għandu l-ebda konsegwenza proċedurali u ma jistax jiġi kkwalifikat bħala żball proċedurali, fis-sens tal-Artikolu 77a(1) tar-Regolament Nru 40/94. Konsegwentement, l-imsemmija dispożizzjoni hija inapplikabbli għall-fatti inkwistjoni.

32      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta pjuttost, b’mod partikolari fil-punt 29 iktar ’il fuq, li l-iżball ta’ identifikazzjoni li sar mid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni għandu jiġi kkwalifikat bħala żball ta’ traskrizzjoni jew żball manifest, fis-sens tal-Artikolu 77a(3) tar-Regolament Nru 40/94 u tar-Regola 53 tar-Regolament Nru 2868/95. Konsegwentement, tali żball seta’ skont dawn id-dispożizzjonijiet, jiġi rranġat, ex officio jew fuq talba ta’ waħda mill-partijiet interessati, mid-dipartiment jew mid-diviżjoni kompetenti tal-UASI, mingħajr ma jkun hemm bżonn li dan jinvalida jew jirrevoka d-deċiżjoni li kienet ivvizzjata bih.

33      Issa, mill-Artikolu 62(1) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 64(1) tar-Regoalament Nru 207/2009) jirriżulta li meta l-Bord tal-Appell jiddeċiedi fuq il-mertu tal-appell, dan jista’ b’mod partikolari, jeżerċita l-kompetenzi tal-istanza li tkun ħadet id-deċiżjoni appellata.

34      Għalhekk, il-Bord tal-Appell ma għamilx żball u ma kisirx id-dispożizzjonijiet invokati fil-kuntest ta’ dan il-motiv meta filwaqt li eżerċita l-kompetenza tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, ikkonstata l-iżball ta’ traskrizzjoni jew l-iżball manifest imwettaq minn din u ordna r-rettifika tagħha skont l-Artikolu 77a(3) tar-Regolament Nru 40/94 u r-Regola 53 tar-Regolament Nru 2868/95. Il-konstatazzjoni u r-rettifika ta’ dawn l-iżbalji li saru fil-punti 9 u 15 tad-deċiżjoni kkontestata ma jimplikawx, fil-fatt, l-annullament jew ir-revoka tad-deċiżjoni mid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

35      Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti mqassar fil-punt 22 iktar ’il fuq, ġustament l-UASI rrifjutah filwaqt li osserva li din ma tbati l-ebda danni minħabba l-eżistenza ta’ żewġ deċiżjonijiet li joħolqu titolu fil-konfronti tagħha. Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata ssostitwiet id-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, għal dak li jikkonċerna l-kundanna għall-ispejjeż, kif jirriżulta mill-punt 3 tad-dispożittiv tagħha u skont id-dispożizzjonijiet msemmija fil-punt 32 tal-motivi tagħha. Għalhekk, il-kumpannija Dada & Co. Men Srl, imsemmija bi żball fid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, ma tista’ teżiġi l-ebda titolu kontra r-rikorrenti.

36      F’dak li jikkonċerna l-bqija, ir-rikorrenti ma żviluppat l-ebda lment jew argument ieħor f’relazzjoni mal-ksur allegat tar-“rekwiżiti formali” u tal-prinċipju tal-istat tad-dritt. Għalhekk, dan jidher li ma ġiex stabbilit.

37      Minn dak kollu li jippreċedi jirriżulta li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tar-Regola 80(2) tar-Regolament Nru 2868/95

–       L-argumenti tal-partijiet

38      Ir-rikorrenti ssostni li komunikazzjoni permezz ta’ faks li tibda bil-kliem “nixtiequ nipproduċu l-provi segwenti”, imma li ma tinkludi l-ebda waħda mill-provi inkwistjoni, hija manifestament mhux sħiħa, fis-sens tar-Regola 80(2) tar-Regolament Nru 2868/95. Għaldaqstant, hija tqis li l-UASI kellu jinfurmaha u jistedinha tittrażmetti mill-ġdid il-komunikazzjoni tagħha, skont din l-istess dispożizzjoni.

39      L-affermazzjoni tal-Bord tal-Appell li tgħid li r-rikorrenti qatt ma kellha l-intenzjoni li tibgħat komunikazzjoni sħiħa permezz ta’ faks hija sempliċi spekulazzjoni dwar l-intenzjonijiet tagħha. Ir-rikorrenti llimitat ruħha sabiex issostni, insostenn tar-rikors tagħha, li, peress li kien hemm iktar minn 200 paġna li ntbagħtu permezz ta’ faks, kien impossibbli li tali komunikazzjoni ssir mingħajr problemi.

40      L-affermazzjoni tal-Bord tal-Appell bbażata fuq il-letterhead tal-faks tal-31 ta’ Ottubru 2007 hija wkoll spekulattiva u infondata.

41      L-UASI jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

42      Skont it-termini tal-Artikolu 80(2) tar-Regolament Nru 2868/95:

“Meta komunikazzjoni li tasal b’telecopier ma tkunx sħiħa jew tkun ma tinqarax, jew fejn l-[UASI] għandu dubji raġonevoli dwar il-preċiżjoni tat-trasmissjoni, l-Uffiċċju għandu jinforma lil min bagħtha b’dan u għandu jistiednu, f’perjodu ta’ żmien li għandu jkun speċifikat mill-Uffiċċju, sabiex jerġa’ jittrasmetti l-oriġinal permezz ta’ telecopy jew li jagħti l-oriġinal skond ir-Regola 79(a). Fejn din it-talba tiġi mħarsa fil-perjodu ta’ żmien speċifikat, id-data meta tasal it-trasmissjoni l-ġdida jew l-oriġinal għandha titqies li hija d-data ta’ meta waslet il-komunikazzjoni oriġinali [...]. Fejn it-talba ma tiġix imħarsa fiż-żmien speċifikat, il-komunikazzjoni għandha titqies li ma tkunx waslet.”

43      Għandu jitfakkar li l-għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa li tingħata l-possibbiltà lil min jibgħat il-komunikazzjonijiet permezz ta’ faks lill-UASI li jibgħat mill-ġdid id-dokumenti tiegħu jew li jipprovdi l-oriġinali lill-UASI wara li jiskadi t-terminu għall-oppożizzjoni, meta tkun teżisti waħda mis-sitwazzjonijiet msemmija fl-imsemmija regola, sabiex ikunu jistgħu jirrimedjaw għall-irregolaritajiet li jirriżultaw mill-imsemmija sitwazzjonijiet [sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Mejju 2007, Black & Decker vs UASI – Atlas Copco (Rappreżentazzjoni tridimensjonali ta’ għodda bl-elettriku safra u sewda et), T‑239/05, T‑240/05, T-245/07 sa T‑247/05, T‑255/05, T‑274/05 sa T‑280/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 60].

44      Kif irrileva ġustament l-UASI, l-imsemmija dispożizzjoni hija intiża għalhekk għall-każijiet fejn element oġġettiv dwar ċirkustanzi tekniċi partikolari jew anomali, indipendenti mill-volontà tal-parti inkwistjoni, ifixkel lil din milli tikkomunika d-dokumenti permezz ta’ faks b’mod sodisfaċenti.

45      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi ppreċiżat li r-Regola 80(2) tar-Regolament Nru 2868/95 ma ssemmix il-każ fejn in-natura mhux sħiħa jew l-illeġġibbiltà tal-komunikazzjoni permezz ta’ faks tirriżulta biss mill-volontà ta’ min jibgħat, li jagħżel deliberatament li ma jagħmilx komunikazzjoni sħiħa u leġġibbli, meta teknikament kien f’pożizzjoni li jagħmel dan.

46      Minn dan isegwi wkoll, kif jikkonferma r-rikors għal “jerġa’ jittrasmetti”, li r-Regola 80(2) tar-Regolament Nru 2868/95 tipprevedi l-identità bejn id-dokumenti li l-komunikazzjoni tagħhom permezz ta’ faks ma kinitx sħiħa jew ma kinitx tinqara u d-dokumenti trażmessi sussegwentement fil-forma oriġinali jew permezz ta’ faks, fuq stedina tal-UASI, u tipprekludi għalhekk kwalunkwe korrezzjoni, tibdil jew żieda ta’ provi ġodda f’din l-okkażjoni. Kwalunkwe interpretazzjoni oħra tippermetti lill-partijiet għal proċedura quddiem il-UASI li jaqbżu t-termini li jkunu ngħatawlhom, li manifestament ma huwiex l-għan intiż mir-Regola 80(2) tar-Regolament Nru 2868/95.

47      Huwa konformament għal dawn il-prinċipji li għandu jiġi vverifikat jekk, f’dan il-każ, il-komunikazzjoni rċevuta permezz ta’ faks fil-31 ta’ Ottubru 2007 għandhiex tiġi kkunsidrata bħala mhux sħiħa, fis-sens tar-Regola 80(2) tar-Regolament Nru 2868/95.

48      F’dan ir-rigward, għandu jiġi miċħud mill-ewwel l-argument tar-rikorrenti li jgħid li komunikazzjoni permezz ta’ faks li tibda bil-kliem “nixtiequ nipproduċu l-provi segwenti”, imma li ma tinkludi l-ebda waħda mill-provi inkwistjoni, hija manifestament mhux sħiħa, fis-sens tar-Regola 80(2) tar-Regolament Nru 2868/95. Fil-fatt, tali komunikazzjoni tista’ tiġi kkunsidrata mhux sħiħa, skont il-prinċipji msemmija fil-punti 44 u 45 iktar ’il fuq, biss jekk min jibgħatha effettivament kellu l-intenzjoni u pprova jikkomunika permezz ta’ faks il-provi inkwistjoni. Jekk, min-naħa l-oħra, min jibgħat kellu l-intenzjoni li jibgħat permezz ta’ faks sempliċi ittra li telenka l-provi kollha li ried jinvoka, u sussegwentement bagħthom annessi mal-oriġinali ta’ din l-ittra mibgħuta bil-posta, ma jistax jinvoka favur tiegħu r-Regola 80(2) tar-Regolament Nru 2868/95, skont il-prinċipju mfakkar fil-punt 46 iktar ’il fuq.

49      F’dan il-każ, mill-fajl tal-UASI jirriżulta li l-ittra kkomunikata permezz ta’ faks fl-aħħar ġurnata tat-terminu mogħti mid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, jiġifieri l-31 ta’ Ottubru 2007, kienet tinkludi ħames paġni, li kienet dokument sħiħ u koerenti, debitament iffirmat mill-awtur tiegħu, u li ma kellha l-ebda referenza għal xi anness jew dokument anness. Mill-fajl jirriżulta wkoll li kull waħda mill-ħames paġni ta’ din l-ittra mibgħuta b’faks lill-UASI wara li dan irċeviha, kellha miktub: “Seite: [ċifra li tvarja bejn 001 sa 005] von 005”.

50      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma kkontestatx formalment, quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u wara quddiem il-Bord tal-Appell, li hija kienet bagħtet biss din l-ittra permezz ta’ faks, fil-31 ta’ Ottubru 2007, u li l-provi tal-użu ġenwin, mibgħuta bil-posta fl-istess ħin bħall-oriġinali tal-imsemmija ittra, waslu għand l-UASI fid-9 ta’ Novembru 2007, jiġifieri disat ijiem wara li skada t-terminu mogħti. Mingħajr ma lanqas biss allegat li kienet ukoll ipprovat tibgħat dawn il-provi permezz ta’ faks, u mingħajr ma tat l-iċken spjegazzjoni rigward iċ-ċirkustanzi eżatti li ntbagħtet fihom il-komunikazzjoni permezz ta’ faks, fil-31 ta’ Ottubru 2007, hija limitat ruħha sabiex tgħid li, peress li din il-komunikazzjoni kienet tikkonsisti f’200 paġna mibgħuta permezz ta’ faks, kien impossibbli li tasal mingħajr problemi. Ir-rikorrenti naqset ukoll milli tipproduċi r-rapport ta’ trażmissjoni tal-faks tal-31 ta’ Ottubru 2007, jew kwalunkwe rapport ieħor jew riċevuta li tista’ tistabbilixxi, skont il-każ, li kienet ipprovat tintbagħat komunikazzjoni permezz ta’ faks tal-provi, fil-31 ta’ Ottubru 2007, imma falliet.

51      F’dan il-każ tali indiċi suffiċjentement preċiżi u konkordanti, u fin-nuqqas ta’ kwalunkwe spjegazzjoni kuntrarja plawsibbli mogħtija mir-rikorrenti, il-Bord tal-Appell kellu raġun jikkonkludi mhux biss li l-ittra ta’ ħames paġni kienet intbagħtet permezz ta’ faks u li l-202 paġni l-oħra kienu ntbagħtu sussegwentement, f’data mhux determinata, unikament bil-posta, imma wkoll li r-rikorrenti qatt ma kellha l-intenzjoni li tibgħat dawn il-202 paġni permezz ta’ faks.

52      Fil-preżenza ta’ dawn l-istess indikazzjonijiet, ir-rikorrenti ma setetx tillimita ruħha sabiex issostni, quddiem il-Qorti Ġenerali, li din il-konklużjoni tal-Bord tal-Appell hija sempliċi spekulazzjoni dwar l-intenzjonijiet tagħha. Sabiex tippermetti lill-Qorti Ġenerali tifforma l-konvinzjoni tagħha, hija għandha tforni spjegazzjoni jew ġustifikazzjoni ta’ natura li tikkontesta l-possibbiltà tal-fatt allegat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punt 79).

53      F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti baqgħet ma stabbilietx li kienet ipprovat tittrażmetti permezz ta’ faks, fil-31 ta’ Ottubru 2007, il-provi ta’ użu ġenwin mit-trade mark preċedenti.

54      Minn dan isegwi li l-komunikazzjoni rċevuta mill-UASI permezz ta’ faks fil-31 ta’ Ottubru 2007 ma tistax tikkwalifika bħala mhux sħiħa, fis-sens tar-Regola 80(2) tar-Regolament Nru 2868/95, b’mod li l-imsemmija dispożizzoni hija fi kwalunkwe każ inapplikabbli għall-fatti tal-każ inkwistjoni.

55      Għalhekk, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ kompetizzjoni leali, hekk kif ddefiniti mill-Artikoli 2 KE u 3 KE u l-Artikolu 43 tar-Regolament Nru 40/94.

 L-argumenti tal-partijiet

56      Ir-rikorrenti ssostni li l-prattika tal-UASI tiddiskrimina, kuntrarjament għat-Trattat, kontra persuni stabbiliti fir-“reġjuni ’l bogħod mill-Ewropa”, li għandhom nettament inqas ħin minn dawn stabbiliti fi Spanja sabiex jibagħtulu l-komunikazzjonijiet tagħhom fit-termini, normalment ta’ xahrejn, li jingħataw. Sabiex ikun ċert li ittra tasal fil-ħin u utilment, fil-każ kuntrarju, tar-restitutio in integrum, persuna li ma toqgħodx viċin is-sede tal-UASI fil-fatt għandha tibgħatha bejn wieħed u ieħor ġimgħatejn qabel ma jistkadi t-terminu, meta r-residenti fi Spanja jistgħu jibbenefikaw mit-terminu fit-totalità tiegħu. Barra minn hekk, din il-prattika tista’ tħajjar lill-persuni interessati jersqu viċin is-sede tal-UASI jew li jużaw uffiċji ta’ avukati iktar viċini tiegħu, li jikkostitwixxi ostaklu għal-libertà ta’ stabbiliment.

57      L-argument tal-UASI li jgħid li kullħadd huwa liberu li jibgħat il-komunikazzjonijiet tiegħu permezz ta’ faks huwa żbaljat. Minn naħa, ċerti dokumenti, b’mod partikolari dawk bil-kulur, ma jistgħux jiġu trażmessi permezz ta’ faks. Min-naħa l-oħra, bħal f’dan il-każ, ċerti komunikazzjonijiet huma kbar wisq sabiex jintbagħtu mingħajr problemi permezz ta’ faks.

58      Ir-rikorrenti tenfasizza li jeżistu numru ta’ alternattivi, ibbażati fuq kriterji oġġettivi u nondiskriminatorji, għall-prattika tal-UASI. Pereżempju, l-UASI jista’ bħall-Qorti Ġenerali, jawtorizza l-komunikazzjonijiet bil-posta, jew inkella jieħu inkunsiderazzjoni tad-data ta’ meta jintbagħat il-faks u jaċċetta l-provi ta’ użu ġenwin mibgħuta fit-terminu previst, imma li jiġu rċevuti wara li dan jiskadi.

59      Bħala risposta għall-argument tal-Bord tal-Appell li jgħid li r-rikorrenti kellha mezzi ta’ rikors li ma użatx, din issostni, l-ewwel nett, li, skont il-prattika tal-UASI, talba għal proroga tat-terminu skont ir-Regola 71(1) tar-Regolament Nru 2868/95 mhux neċessarjament kienet se tintlaqa’. It-tieni nett, is-segwitu tal-proċedimenti; permezz tal-ħlas ta’ taxxa, skont l-Artikolu 78a tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 82 tar-Regolament Nru 207/2009), kien ikun impossibbli, peress li l-imsemmi artikolu ma huwiex applikabbli għat-terminu previst fl-Artikolu 43 ta’ dan l-istess regolament. It-tielet nett, ir-restitutio in integrum skont l-Artikolu 78 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 81 tar-Regolament Nru 207/2009) jista’ jingħata biss f’numru limitat ħafna ta’ ipoteżi u għalhekk ma jistax jikkostitwixxi alternattiva valida. Barra minn hekk, ma teżisti l-ebda raġuni sabiex rikorrent jirrinunzja għad-drittijiet tiegħu u jħallas taxxa addizzjonali minħabba “prattika diskriminatorja” tal-UASI.

60      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li r-Regola 22(2) tar-Regolament Nru 2868/95 tipprovdi li minn jagħmel oppożizzjoni għandu jipproduċi l-prova ta’ użu ġenwin qabel ma jiddekorri t-terminu mogħti, imma mhux li dawn il-provi għandhom jaslu għand l-UASI qabel din id-data. Hija tenfasizza li din ir-Regola għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, u li għandha tkun konformi ma’ dawn il-prinċipji.

61      L-UASI jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

62      Skont it-termini tar-Regola 22(2) tar-Regolament Nru 2868/95:

“Fejn il-parti li qed topponi trid tipprovdi l-prova ta’ l-użu jew turi li hemm raġunijiet tajba għal non-użu, l-[UASI] għandu jistiednu biex jipprovdi l-provi meħtieġa fi żmien perjodu speċifikat minnu. Jekk il-parti li qed topponi ma tipprovdix tali provi qabel jiskadi l-limitu ta' żmien, l-[UASI] għandu jirrifjuta l-oppożizzjoni.”

63      Mill-formulazzjoni stess ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li t-terminu li tipprovdi huwa ta’ natura imperattiva, li teskludi t-teħid inkunsiderazzjoni mill-UASI ta’ kwalunkwe prova prodotta tardivament [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Ottubru 2002, Institut für Lernsysteme vs UASI – Educational Services (ELS), T‑388/00, Ġabra p. II‑4301, punt 28].

64      L-istess bħat-termini ta’ lment u ta’ appell, tali terminu huwa ta’ ordni pubbliku u ma jistax jitħalla għad-dispożizzjoni tal-partijiet u tal-imħallef li għandu jivverfika, anki ex officio, jekk ġiex osservat. Dan it-terminu għandu jirrispondi għall-eżiġenza ta’ ċertezza legali u għall-bżonn li tiġi evitata kwalunkwe diskriminazzjoni jew trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Lulju 1971, Müllers vs CES, 79/70, Ġabra p. 689, punt 18; tal-4 ta’ Frar 1987, Cladakis vs Il-Kummissjoni, 276/85, Ġabra p. 495, punt 11, u tad-29 ta’ Ġunju 2000, Politi vs Fondation européenne pour la formation, C‑154/99 P, Ġabra p. I‑5019, punt 15).

65      Għall-finijiet tal-verifika tal-osservanza ta’ dan it-terminu, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra, bħall-UASI, li r-Regola 22(2) tar-Regolament Nru 2868/95 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-prova hija “[pprovduta]” mhux meta tintbagħat lill-UASI, imma meta tasal għandu.

66      L-ewwel nett, fil-fatt, din l-interpretazzjoni hija kkonfermata, fis-sens litterali, permezz tal-użu tal-verb “jipprovdi” il-prova lill-UASI, fil-formulazzjoni tar-Regola 22(2) tar-Regolament Nru 2868/95. Dan il-verb fil-fatt jagħti l-idea ta’ spostament jew ta’ trasferiment tal-prova sal-post fejn huwa stabbilit l-UASI, u għalhekk l-enfasi huwa fuq ir-riżultat tal-azzjoni pjuttost milli fuq l-oriġini tagħha.

67      It-tieni nett, minkejja li la r-Regolament Nru 40/94 u lanqas ir-Regolament Nru 2868/95 ma jinkludu dispożizzjoni ekwivalenti għall-Artikolu 43(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li jipprovdi li hija biss id-data tal-preżentata fir-reġistru li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fir-rigward tat-termini ta’ proċedura, din l-interpretazzjoni hija konformi mal-istruttura ta’ dawn iż-żewġ regolamenti, fejn ħafna dispożizzjonijiet partikolari tagħhom jipprovdu li, fir-rigward tat-termini ta’ proċedura, id-data li għandha tiġi attribwita lil att hija dik ta’ meta ġie rċevut, u mhux dik ta’ meta jkun intbagħat. L-istess jgħodd, pereżempju, għar-Regola 70(2) tar-Regolament Nru 2868/95, li tgħid li, f’każ ta’ notifika ta’ att ta’ proċedura li jibda jiddekorri terminu, ir-“riċeviment” tad-dokument nnotifikat jibda jiddekorri t-terminu. L-istess jgħodd għar-Regola 72 tar-Regolament Nru 2868/95, li tgħid li, jekk terminu jiskadi f’ġurnata meta l-UASI ma jkunx jista’ “jirċievi” dokumenti, it-terminu huwa pprorogat sal-ewwel ġurnata meta l-UASI jkun jista’ “jirċieivi”, u r-Regola 80(2) tar-Regolament Nru 2868/95, li tgħid li d-data ta’ meta “tasal” it-trażmissjoni l-ġdida jew l-oriġinali ta’ dokument hija kkunsidrata bħala d-data ta’ meta “tasal [tkun waslet]” il-komunikazzjoni oriġinali, meta din tkun mhux sħiħa.

68      It-tielet nett, l-UASI josserva ġustament li nstabet soluzzjoni analoga, fil-qasam tal-kawżi tas-servizz pubbliku Komunitarju, permezz ta’ ġurisprudenza stabbilita li interpretat l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej fis-sens li l-ilment huwa “ippreżentat” mhux meta jintbagħat lill-istituzzjoni, imma meta “jasal” għand din tal-aħħar (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Novembru 1981, Michel vs Il-Parlament, 195/80, Ġabra p. 2861, punti 8 u 13; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Settembru 1991, Lacroix vs Il-Kummissjoni, T‑54/90, Ġabra p. II‑749, punti 28 u 29; digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-15 ta’ Mejju 2006, Schmit vs Il-Kummissjoni, F‑3/05, Ġabra SP p. I‑A‑1‑9 u II‑A‑1‑33, punt 28).

69      Ir-raba’ nett, din l-interpretazzjoni hija l-iktar waħda li tista’ tissodisfa l-eżiġenza ta’ ċertezza legali. Hija tiggarantixxi fil-fatt determinazzjoni ċara u osservanza stretta tal-bidu tad-dekorrenza u tat-tmiem tat-terminu msemmi fir-Regola 22(2) tar-Regolament Nru 2868/95.

70      Il-ħames nett, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, din l-interpretazzjoni tissodisfa wkoll il-ħtieġa li tiġi evitata kwalunkwe diskriminazzjoni jew trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja, sa fejn tippermetti metodi identiċi tal-kalkolu tat-termini għall-partijiet kollha, tkun xi tkun ir-residenza jew in-nazzjonalità tagħhom.

71      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jew ta’ nondiskriminazzjoni jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Lulju 2008, Campoli vs Il-Kummissjoni, C‑71/07 P, Ġabra p. I‑5887, punt 50).

72      F’dan il-każ, ċertament huwa minnu, kif jammetti l-UASI, li l-partijiet stabbiliti jew residenti f’distanza kbira minn Alicante (Spanja) jistgħu jkunu żvantaġġati meta mqabbla ma’ oħra, stabbiliti jew residenti viċin din il-belt, meta jikkomunikaw miegħu bil-posta.

73      Madankollu, il-fatt biss li ż-żmien sakemm tasal ittra permezz tal-posta jvarja skont il-pajjiż minn fejn intbagħtet l-ittra ma jippermettix li jiġi kkunsidrat li l-kunsiderazzjoni tad-data meta ġew rċevuti l-provi prodotti skont ir-Regola 22(2) tar-Regolament Nru 2868/95 toħloq diskriminazzjoni bejn il-persuni kkonċernati, skont il-pajjiż fejn jinsabu meta jibagħtu dawn il-provi (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Diċembru 2008, Lofaro vs Il-Kummissjoni, T‑293/07 P, Ġabra p. II‑0000, punt 49).

74      Fl-ewwel lok, fil-fatt, skont il-punt 1.2 tal-Linji Ġwida dwar il-proċedimenti quddiem l-UASI, adottati f’Novembru 2005, it-termini stabbiliti mill-UASI huma, bħala regola, ta’ xahrejn. Fir-rigward tal-produzzjoni tal-prova ta’ użu ġenwin mit-trade mark preċedenti, dan it-terminu huwa normalment biżżejjed sabiex jippermetti lill-parti li topponi turi d-diliġenza kollha meħtieġa minn persuna normalment informata, tkun fejn tkun fuq it-territorju tal-Unjoni li tiġbor u tikkomunika l-provi, speċjalment peress li l-persuna interessata għandha tistenna li tintalab tali komunikazzjoni mill-parti l-oħra, skont l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94.

75      Fit-tieni lok, il-fatt li ż-żmien sabiex ittra tasal Alicante bil-posta jvarja skont il-pajjiż minn fejn intbagħtet huwa sa ċertu punt ikkumpensat bil-possibbiltà għal kull parti kkonċernata, meta l-fatti jkunu jiġġustifikaw dan, li titlob proroga tat-terminu, skont ir-Regola 71(1) tar-Regolament Nru 2868/95. Barra minn hekk, ir-Regola 72(4) tal-imsemmi regolament tipprovdi li, jekk, każijiet eċċezzjonali, bħal katastrofi naturali jew strajk, jinterrompu jew ifixklu l-komunikazzjonijiet bejn il-partijiet fil-proċedimenti u l-UASI, il-president ta’ dan jista’ jiddeċiedi li għall-partijiet għall-proċedimenti li għandhom ir-residenza tagħhom jew l-uffiċju rreġistrat f’dan l-Istat Membru jew li għażlu rappreżentanti li għandhom l-uffiċju rreġistrat tagħhom f’dan l-Istat Membru kkonċernat, it-termini kollha li, normalment, jiskadu fil-ġurnata meta seħħew dawn il-fatti, jew wara, skont kif jiddetermina, huma prorogati sad-data li jagħżel.

76      Fit-tielet lok, id-diskriminazzjoni allegata hija fi kwalunkwe każ innewtralizzata bil-possibbiltà offerta lill-persuni kollha li jikkomunikaw mal-UASI permezz ta’ faks, skont ir-Regola 80 tar-Regolament Nru 2868/95. Peress li b’dan il-mod il-komunikazzjoni hija immedjata, it-teħid inkunsiderazzjoni tad-data ta’ meta ġew rċevuti l-provi ma huwiex ta’ natura li tiżvantaġġa lill-persuni skont il-pajjiż fejn jinsabu meta ssir il-komunikazzjoni ta’ dawn il-provi (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Lofaro vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50).

77      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma tistax tillimita ruħha sabiex tippretendi li l-komunikazzjonijiet voluminużi ma jistgħux jintbagħtu mingħajr problemi permezz ta’ faks. Mhux biss din l-affermazzjoni ma ġiet bl-ebda mod sostnuta, iżda hija kontradetta, fil-fatt, bid-data mibgħuta mill-UASI, b’mod partikolari dawk relatati mal-każ li wassal għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Marzu 2009 Anheuser-Busch/OHMI – Budějovický Budvar (BUDWEISER) (T‑191/07, Ġabra p. II‑691).

78      Barra minn hekk, l-eventwalità ta’ problema matul komunikazzjoni permezz ta’ faks, li għandha l-konsegwenza li dak li jiġi riċevut permezz ta’ faks ma huwiex sħiħ jew ma jinqarax, hija preċiżament prevista mir-Regola 80(2) tar-Regolament Nru 2868/95, li tippermetti f’dan il-każ lill-parti vittma ta’ din il-problema li tikseb terminu ġdid. Barra minn hekk fis-sentenza Rappreżentazzjoni tridimensjonali ta’ għodda bl-elettriku safra u sewda, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni huwa estiż għall-komunikazzjonijiet permezz ta’ faks ta’ dokumenti bil-kulur.

79      Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma tistax issostni li l-Bord tal-Appell kiser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament billi qies id-data meta rċeviet il-komunikazzjoni tagħha sabiex jivverifika l-osservanza tat-terminu mogħti, skont ir-Regola 22(2) tar-Regolament Nru 2868/95.

80      Peress li l-ksur allegat tal-prinċipju ta’ kompetizzjoni leali huwa bbażat fuq il-premessa ta’ tali ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, dan ma ġiex stabbilit.

81      Għall-bqija, ir-rikorrenti ma żviluppat l-ebda lment jew argument ieħor relatat mal-ksur allegat tal-Artikolu 43 tar-Regolament Nru 40/94. Għalhekk, dan ma ġiex stabbilit.

82      Minn dak kollu li jippreċedi jirriżulta li t-tielet motiv għandu jiġi miċħud u, miegħu, ir-rikors fl-intier tiegħu, mingħajr ma hemm bżonn li jiġi deċiż dwar l-ammissibbiltà tar-rikors għall-annullament tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

 Fuq l-ispejjeż

83      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

84      Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż skont it-talba tal-UASI.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ifemy’s Holding GmbH hija kkundannata għall-ispejjeż.

Forwood

Schwarcz

Popescu

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-15 ta’ Marzu 2011.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.