Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI
ĆAPETA
ippreżentati fil‑11 ta’ Lulju 2024 (1)
Kawża C‑369/23
Vivacom Bulgaria EAD
vs
Varhoven administrativen sad,
Natsionalna agentsia za prihodite
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Responsabbiltà ta’ Stat Membru għal danni kkawżati lil individwi bħala riżultat ta’ ksur tad-dritt tal‑Unjoni attribwibbli għal qorti nazzjonali li tiddeċiedi fl-aħħar istanza – Regoli nazzjonali li jipprevedu l-ġurisdizzjoni ta’ qorti tal-aħħar istanza biex tisma’ rikorsi bbażati fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni attribwibbli għal din il-qorti – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Qorti indipendenti u imparzjali – Eżami oġġettiv ta’ imparzjalità”
I. Introduzzjoni
1. L-imparzjalità hija karatteristika ta’ qorti. Sa mit‑399 Q.K.., Socrates qal: “Erba’ affarijiet jappartjenu lil imħallef: li jisma’ b’korteżija, li jwieġeb b’għerf, li jikkunsidra b’diliġenza u li jiddeċiedi b’imparzjalità (2)” [traduzzjoni libera].
2. Qorti li hija mitluba tiddeċiedi dwar il-ksur tagħha stess tad-dritt tal-Unjoni hija imparzjali?
3. Din il-kwistjoni tqum fil-kawża ineżami fil-kuntest ta’ rikors għad-danni mressaq minn kumpannija, liema rikors huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tad-dritt tal-Unjoni minn qorti nazzjonali tal-aħħar istanza.
II. Il-fatti tal-kawża prinċipali, id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
4. Vivacom Bulgaria EAD (iktar ’il quddiem “Vivacom”) hija kumpannija Bulgara li tipprovdi servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet.
5. Matul l‑2007 u l‑2008, hija bagħtet fatturi lil żewġ kumpanniji Rumeni fuq il-bażi ta’ kuntratti ta’ bejgħ ta’ kards imħallsa minn qabel u ta’ vawċers għal servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet, li juru t-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) bħala 0 %.
6. Waqt awditu fiskali, in-Natsionalna agentsia za prihodite (l-Aġenzija Nazzjonali tad-Dħul Pubbliku, il-Bulgarija; iktar ’il quddiem in-“NAP”) qieset li ma setax jiġi ppruvat li dawn il-kards u vawċers kienu ġew irċevuti minn persuni li jirrappreżentaw dawn il-kumpanniji Rumeni. Għalhekk, in-NAP ikkunsidrat it-tranżazzjonijiet bħala provvista ta’ servizzi li l-post tal-provvista tagħhom kien fil-Bulgarija, fejn Vivacom kienet teżerċita l-attività tagħha, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT” (3)).
7. Konsegwentement, fl‑20 ta’ Ġunju 2012, in-NAP bagħtet lil Vivacom avviż ta’ aġġustament , li stabbilixxa obbligi addizzjonali tal-VAT fl-ammont totali ta’ 760 183.15 lev Bulgaru (BGN) (madwar EUR 388 485).
8. Vivacom ħallset l-ammont dovut u bdiet proċeduri ta’ stħarriġ amministrattiv kontra dan l-avviż, li ma rnexxewx.
9. Għalhekk Vivacom ippreżentat rikors kontra dan l-avviż quddiem l-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofija, il-Bulgarija; iktar ’il quddiem l-“ASSG”), li ġie parzjalment miċħud. Skont dik il-qorti, Vivacom kienet responsabbli għall-ħlas tal-VAT peress li t-tranżazzjonijiet involuti kienu kkaratterizzati bħala kunsinna ta’ oġġetti, iżda, peress li l-kards u l-vawċers ma kinux telqu mill-maħżen ta’ Vivacom, il-post tal-kunsinna kien jinsab fit-territorju Bulgaru.
10. Vivacom ippreżentat appell minn din is-sentenza quddiem il-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija; iktar ’il quddiem il-“VAS”). Permezz ta’ sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2014, dik il-qorti kkonfermat is-sentenza tal-ewwel istanza. B’mod partikolari, il-VAS qablet mal-konstatazzjonijiet tal-ASSG li t-tranżazzjonijiet kienu kunsinna ta’ oġġetti, u sabet li r-regoli nazzjonali rilevanti kienu ġew applikati b’mod korrett. Peress li l-VAS hija l-qorti tal-aħħar istanza, is-sentenza tagħha hija definittiva.
11. Sussegwentement, fit‑12 ta’ Diċembru 2019, Vivacom ippreżentat rikors għad-danni fuq il-bażi tar-responsabbiltà tal-Istat kif żviluppata fid-dritt tal-Unjoni kontra n-NAP u l-VAS quddiem l-ASSG. Vivacom sostniet li n-NAP u l-VAS kienu applikaw b’mod żbaljat id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva dwar il-VAT, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha.
12. Permezz ta’ sentenza tat‑18 ta’ April 2022, l-ASSG ċaħdet ir-rikors ta’ Vivacom. B’mod partikolari, dik il-qorti ddeċidiet li ma kienx hemm ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni min-NAP jew mill-VAS.
13. F’dan ir-rigward, l-ASSG iddeċidiet li n-NAP kienet applikat korrettament id-dritt applikabbli. Dik il-qorti qieset ukoll li, minkejja li l-VAS kienet ikklassifikat b’mod żbaljat it-tranżazzjonijiet bħala kunsinni ta’ oġġetti u mhux bħala servizzi, it-trattament ġuridiku korrett ta’ dawn il-kunsinni ma kienx iwassal għal riżultat differenti, peress li l-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni mill-VAT ma kinux issodisfatti, u li l-VAS kienet korrettament ikkonkludiet li ma kien hemm l-ebda bażi għall-applikazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja invokata minn Vivacom.
14. Vivacom appellat minn din is-sentenza quddiem il-VAS, il-qorti tar-rinviju fil-kawża ineżami. Vivacom issostni, inter alia, li r-rwol simultanju tal-VAS bħala l-qorti tal-aħħar istanza u parti fit-tilwima ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ smigħ xieraq minn qorti indipendenti u imparzjali skont id-dritt tal-Unjoni, anki jekk l-awla hija differenti minn dik li tat id-deċiżjoni definittiva fit-tilwima fiskali.
15. Il-qorti tar-rinviju tqis li l-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni tagħha għandha titressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja qabel ma jiġi eżaminat il-mertu tal-kawża.
16. Il-qorti tar-rinviju tispjega li, skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt Bulgaru (4), ir-rikorsi għad-danni bbażati fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni attribwibbli lill-VAS jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati amministrattivi. Bħala regola ġenerali, il-proċeduri amministrattivi jiġu deċiżi mill-qrati f’żewġ istanzi. Il-VAS hija l-qorti tal-aħħar istanza, u għalhekk tali rikorsi għad-danni għandhom jiġu eżaminati mill-VAS fl-aħħar istanza.
17. Dik il-qorti għalhekk tistaqsi jekk ir-regoli nazzjonali li jippermettu lill-istess qorti tkun kemm imħallef u konvenuta fl-istess kawża jissodisfawx ir-rekwiżiti tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) għal qorti indipendenti u imparzjali.
18. Il-qorti tar-rinviju tirrileva li Vivacom ma tipprovdi ebda prova konkreta ta’ ċirkustanzi li jqajmu mistoqsijiet dwar l-imparzjalità suġġettiva tal-imħallfin tal-awla tal-VAS, iżda tqis li l-VAS hija parzjali minħabba l-kwalità tagħha ta’ konvenuta, u li s-sempliċi fatt li r-rikors kontra l-VAS qiegħed jinstema’ fl-aħħar istanza quddiem l-istess qorti, minkejja li quddiem awla totalment differenti, huwa biżżejjed sabiex jitqajmu dubji serji dwar l-indipendenza u l-imparzjalità ta’ kull awla ta’ dik il-qorti. L-istess qorti tirrileva wkoll li l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”) dwar l-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) ma tipprovdix tweġiba definittiva għall-mistoqsija jekk qorti partikolari tistax tieħu konjizzjoni ta’ rikors li fiha hija konvenuta (5).
19. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jippermettu dispożizzjoni legali nazzjonali, bħal dik prevista fil-punt 1 tal-Artikolu 2в(1) taż-Zakon za otgovornostta na darzhavata i obshtinite za vredi (il-Liġi dwar ir-Responsabbiltà tal-Istat u tal-Muniċipalitajiet għad-Danni), ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 203(3) u mal-punt 6 tal-Artikolu 128(1) tal-Administrativnoprotsesualen kodeks (il-Kodiċi tal-Proċedura Amministrattiva), li tipprovdi li kawża għall-kumpens tad-danni kkawżati minn ksur tad-dritt tal-Unjoni mwettaq mill-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija), li fiha l-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema) tkun il-konvenuta, għandha tinstema’ fl-aħħar istanza minn din l-istess qorti?”
20. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minn Vivacom Bugaria, mill-VAS, mill-Gvern Bulgaru u mill-Kummissjoni Ewropea. Ma nżammet l-ebda seduta.
III. Analiżi
A. Il-kwistjoni mqajma minn din il-kawża
21. Fis-sentenza prinċipali Köbler (6), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-prinċipju tar-responsabbiltà ta’ Stat Membru għal danni kkawżati lill-individwi minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni japplika wkoll meta dan il-ksur jirriżulta minn deċiżjoni ta’ qorti tal-aħħar istanza (iktar ’il quddiem ir-“responsabbiltà Köbler”) (7).
22. F’dik is-sentenza, b’risposta għall-argumenti ta’ ċerti Stati Membri li l-applikazzjoni tal-prinċipju tar-responsabbiltà tal-Istat għad-deċiżjonijiet tal-qrati nazzjonali tal-aħħar istanza kienet prekluża minħabba diffikultajiet sabiex tiġi indikata l-qorti kompetenti (8), il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li l-“implementazzjoni ta’ l-imsemmi prinċipju ma tistax tiġi kompromessa min-nuqqas ta’ qorti kompetenti” (9).
23. Il-Qorti tal-Ġustizzja ħalliet lill-Istati Membri, fl-osservanza tal-prinċipju tal-awtonomija proċedurali, il-kompitu li jipprevedu l-modalitajiet proċedurali li skonthom l-individwi jistgħu jressqu quddiem il-qrati talbiet għar-responsabbiltà Köbler, filwaqt li fakkret li dawn ir-regoli għandhom jissodisfaw ir-rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (10).
24. Il-kawża ineżami tikkontesta tali regoli stabbiliti minn Stat Membru sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà Köbler minħabba l-kompatibbiltà tagħhom mal-ħtieġa ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva.
25. Dan ir-rekwiżit, li huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal‑Unjoni (11) llum jinsab stabbilit kemm fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE kif ukoll l-Artikolu 47 tal-Karta, li l-qorti tar-rinviju talbet interpretazzjoni tiegħu.
26. Il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva għandu l-istess kontenut matul l-applikazzjoni tiegħu fid-dritt tal-Unjoni (12). Huwa jeżiġi b’mod partikolari li l-qorti adita bit-talba li tallega ksur ta’ dritt ibbażat fl-Unjoni Ewropea, bħal fil-kawża ineżami, tkun indipendenti u imparzjali (13).
27. Skont il-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ żewġ aspetti tal-indipendenza ġudizzjarja: dak estern u dak intern. L-aspett estern jeżiġi li l-qorti teżerċita l-funzjonijiet tagħha b’awtonomija sħiħa, mingħajr ma tkun suġġetta għal ebda restrizzjoni ġerarkika jew issubordinata għal xi korp ieħor u mingħajr ma tirċievi ordnijiet jew struzzjonijiet minn kwalunkwe sors li jkun, u b’hekk tkun protetta kontra interventi jew pressjonijiet esterni li jistgħu jippreġudikaw il-ġudizzju indipendenti tal-membri tagħha u jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tagħhom. L-aspett intern, ukoll ikklassifikat bħala imparzjalità ġudizzjarja, huwa intiż li jiżgura li l-imħallfin li jiddeċiedu jżommu distanza ugwali fil-konfront tal-partijiet fil-proċeduri u l-interessi rispettivi tagħhom fir-rigward tas-suġġett tagħhom. Dan jeżiġi l-oġġettività u l-assenza ta’ kull interess fl-eżitu tal-proċeduri lil hinn mill-applikazzjoni stretta tal-Istat tad-dritt (14).
28. Id-domanda magħmula fil-kawża ineżami tikkonċerna r-rekwiżit ta’ imparzjalità, peress li l-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-regoli Bulgari applikabbli jiżgurawx li l-VAS, fid-dawl tal-pożizzjoni tagħha bħala konvenuta, ma għandha ebda interess fl-eżitu tal-azzjoni għad-danni minbarra l-applikazzjoni tal-liġi. Fil-qosor, tali sitwazzjoni tista’ tkun f’kunflitt mal-massima nemo judex in causa sua, li skontha ħadd ma għandu jkun imħallef fil-kawża tiegħu stess.
29. La Köbler u lanqas ġurisprudenza sussegwenti (15) ma ttrattaw din il-kwistjoni.
30. Il-problema potenzjali bl-imparzjalità ġiet irrikonoxxuta mill-istudjużi (16). Madankollu, bi ftit eċċezzjonijiet (17), huma ma ddiskutewhiex iktar.
31. Qabel ma nispjega l-pożizzjoni tiegħi dwar il-kwistjoni ta’ imparzjalità mqajma fil-kawża ineżami, ser nerġa’ nirreferi għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u dik tal-Qorti EDB li jistgħu jkunu ta’ ċerta rilevanza.
B. Ħarsa mill‑ġdid lejn il-ġurisprudenza
1. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja
32. Fil-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat, filwaqt li rreferiet għall-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, li l-osservanza tal-imparzjalità tista’ tiġi eżaminata b’żewġ modi. L-eżami suġġettiv jieħu inkunsiderazzjoni l-konvinzjonijiet personali u l-aġir ta’ mħallef partikolari, filwaqt li l-eżami oġġettiv jistaqsi jekk jeżistux, lil hinn mill-aġir tal-imħallef, fatti verifikabbli li jistgħu jqajmu dubji dwar l-imparzjalità tiegħu jew tagħha. Fl-evalwazzjoni tal-imparzjalità fir-rigward tal-eżami oġġettiv, anki l-apparenzi jistgħu jkunu ta’ ċerta importanza (18).
33. Il-Qorti tal-Ġustizzja indirizzat ir-rekwiżit tal-imparzjalità fir-rigward tal-qrati u ta’ korpi oħra (19). Jeżistu tliet linji prinċipali ta’ ġurisprudenza li jistgħu jkunu ta’ interess fil-kawża ineżami. Madankollu, l-ebda waħda minn dawn il-kawżi ma ttrattat is-sitwazzjoni partikolari tal-kawża ineżami.
34. L-ewwel, teżisti ġurisprudenza dwar il-kunċett ta’ “qorti jew tribunal ta’ xi Stat Membru” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja evalwat jekk il-korp tar-rinviju kienx qiegħed jaġixxi bħala terz fir-rigward tal-interessi inkwistjoni. Madankollu, din l-evalwazzjoni tal-imparzjalità saret sabiex issir distinzjoni bejn il-funzjonijiet ġudizzjarji u amministrattivi (20), li ma huwiex il-każ fil-kawża ineżami. Ma hemm l-ebda dubju li l-VAS hija qorti; l-unika kwistjoni hija jekk, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni, dik il-qorti tistax titqies li hija suffiċjentement imparzjali.
35. It-tieni, teżisti ġurisprudenza dwar l-imparzjalità kemm tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll tal-Qorti Ġenerali fil-kuntest ta’ rikorsi għad-danni li jirriżultaw mill-allegat ksur mill-Qorti Ġenerali tar-rekwiżit li tagħti ġudizzju fi żmien raġonevoli skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta (21). Madankollu, fil-fehma tiegħi, din il-ġurisprudenza ma tidhirx li tista’ tiġi trasposta għall-kawża ineżami għal żewġ raġunijiet. L-ewwel, hija relatata ma’ rikorsi għad-danni attribwibbli lill-Qorti Ġenerali u għalhekk ma tikkonċernax sitwazzjoni fejn il-Qorti tal-Ġustizzja bħala qorti tal-aħħar istanza tkun qiegħda tiddeċiedi dwar allegat ksur tad-dritt tal‑Unjoni attribwibbli lilha (22). It-tieni, din il-ġurisprudenza hija relatata mal-ksur tar-rekwiżit taż-żmien raġonevoli, jiġifieri ma hijiex relatata mal-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji u allegati żbalji fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dritt tal‑Unjoni, kif huwa l-każ bir-responsabbiltà Köbler.
36. It-tielet, teżisti ġurisprudenza li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dwar l-imparzjalità tal-Qorti Ġenerali minħabba l-kompożizzjoni tal-awla li tiddeċiedi. Grupp ta’ kawżi jikkonċerna sitwazzjonijiet li fihom uħud mill-istess imħallfin kienu sedenti f’kulleġġi suċċessivi qabel u wara r-rinviju mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-appell (23). Grupp ieħor jikkonċerna l-istess imħallfin sedenti f’kawżi relatati (24). Barra minn hekk, qamet il-kwistjoni dwar allegat kunflitt ta’ interessi fuq il-bażi tal-impjieg preċedenti ta’ mħallef (25). Il-Qorti tal-Ġustizzja ma sabet l-ebda problema ta’ imparzjalità fl-ebda waħda minn dawn il-kawżi. Madankollu, dawn il-kawżi huma differenti mill-kawża ineżami peress li ma jikkonċernawx sitwazzjoni fejn l-imħallfin iddeċidew dwar il-ksur tagħhom stess tad-dritt tal-Unjoni.
2. Il‑ġurisprudenza tal‑Qorti EDB
37. Bħalma l-Qorti EDB irrikonoxxiet fil-ġurisprudenza tagħha dwar l-Artikolu 6(1) KEDB, fil-parti l-kbira ħafna ta’ kawżi li jirriżultaw minn kwistjonijiet ta’ imparzjalità, hija ffukat fuq l-eżami oġġettiv (26).
38. Il-Qorti EDB għadha ma ddeċidietx dwar kawża relatata ma’ sitwazzjoni komparabbli li tinvolvi qorti tal-aħħar istanza (27). Madankollu, hemm kawżi li jistgħu jkunu ta’ ċerta rilevanza għall-kawża ineżami.
39. Pereżempju, ċerti kawżi qajmu l-kwistjoni tal-imparzjalità tal-mħallfin li jiddeċiedu jekk kinux wettqu żbalji ta’ interpretazzjoni ġuridika jew ta’ applikazzjoni legali fid-deċiżjoni preċedenti tagħhom. Il-Qorti EDB qieset li dan seta’ jqajjem tħassib iġġustifikat ta’ imparzjalità. Madankollu, f’dawn il-kawżi, huma l-istess imħallfin li ġew mitluba jiddeċiedu jekk wettqux huma stess dawn l-iżbalji, u għalhekk il-Qorti EDB ikkonstatat ksur tal-Artikolu 6(1) KEDB (28). Għall-kuntrarju, fil-kawża ineżami, huma mħallfin differenti li għandhom jiddeċiedu dwar it-talba għar-responsabbiltà, minkejja li din hija l-istess qorti.
40. Barra minn hekk, il-kawżi ta’ Mihalkov vs Il‑Bulgarija (29), u Boyan Gospodinov vs Il‑Bulgarija (30), invokati mill-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, kienu jinvolvu talbiet għad-danni minħabba l-kundanna żbaljata tar-rikorrenti. Minbarra x-xejriet fattwali kumplessi f’dawn iż-żewġ kawżi, il-kwistjoni tal-imparzjalità kienet teżisti fil-livell tal-qrati inferjuri li d-deċiżjonijiet tagħhom setgħu jkunu s-suġġett ta’ appell. Il-Qorti EDB ikkonstatat ksur tal-Artikolu 6(1) KEDB peress li, minn naħa, ċerti elementi kienu jqajmu dubji leġittimi dwar l-imparzjalità fir-rigward tal-qrati ta’ livell inferjuri u, min-naħa l-oħra, il-qrati ta’ livell għoli ma neħħewx dawn id-dubji. Dak li jista’ jkun rilevanti għall-kawża ineżami huwa li l-elementi li wasslu lill-Qorti EDB sabiex tqis bħala fondati d-dubji leġittimi ta’ imparzjalità kienu li l-qrati inferjuri inkwistjoni kienu konvenuti fil-kawżi għad-danni li huma kienu qegħdin jiddeċiedu u li l-kumpens kellu jitħallas mill-baġit ta’ dawn il-qrati.
41. Fil-qosor, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti EDB ma tagħtix tweġiba ċara fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-eżami oġġettiv ta’ imparzjalità jwassalx għall-konklużjoni li qorti tal-aħħar istanza li tiddeċiedi fil-kawża tagħha stess għandhiex dejjem tinftiehem bħala parzjali.
42. Għaldaqstant, sabiex jiġi applikat l-eżami oġġettiv ta’ imparzjalità fil-kawża ineżami, huwa importanti li l-ewwelnett jinftiehem fiex jikkonsisti dan l-eżami.
C. Fiex jikkonsisti l‑eżami oġġettiv ta’ imparzjalità
43. Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-osservazzjonijiet tal-partijiet, l-imparzjalità suġġettiva tal-imħallfin fil-kulleġġ ġudikanti u li jifformaw il-VAS fil-kawża ineżami ma ġietx ikkontestata.
44. Din il-kawża pjuttost tirrigwarda l-eżami oġġettiv ta’ imparzjalità. Hija tistaqsi jekk, mill-perspettiva esterna, il-fatt li l-istess qorti tal-aħħar istanza hija kemm imħallef kif ukoll parti fil-kawża joħloqx il-perċezzjoni ta’ parzjalità.
45. Għaliex huwa importanti dan?
46. Fi kliem il-Qorti tal-Ġustizzja, “[d]an [...] huwa marbut mal-fiduċja li l-qrati ta’ soċjetà demokratika għandhom jispiraw fl-individwi” (31).
47. L-eżami oġġettiv ta’ imparzjalità jikkonċerna għalhekk il-funzjoni pubblika tal-prinċipju ta’ imparzjalità ġudizzjarja, minbarra l-garanzija tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq tal-partijiet f’tilwima (32). F’dan is-sens, dan l-eżami jirrigwarda l-apparenzi, jiġifieri jekk dubji raġonevoli dwar l-imparzjalità ġewx eliminati biżżejjed f’għajnejn il-pubbliku (33).
48. Is-sitwazzjoni bħal dik fil-kawża ineżami, li fiha qorti tal-aħħar istanza tiddeċiedi dwar rikors ibbażat fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni attribwibbli lil dik l-istess qorti, tidher, prima facie, li tista’ tqajjem dubji leġittimi dwar l-imparzjalità ta’ dik il-qorti. Jidher li l-VAS hija judex in causa sua.
49. Madankollu, mill-pożizzjoni tal-partijiet fil-kawża ineżami jirriżulta li ċerti elementi li jirriżultaw mir-regoli applikabbli għall-VAS fis-sitwazzjoni inkwistjoni jimmitigaw jew isaħħu din l-apparenza ta’ parzjalità.
50. Għalhekk jidhirli li jeżistu gradi ta’ probabbiltà li l-imħallfin li jiddeċiedu kawża jkunu parzjali fir-rigward tal-pożizzjoni ta’ waħda mill-partijiet.
51. Pereżempju, ir-riskju ta’ parzjalità huwa ogħla jekk l-istess imħallfin jiddeċiedu dwar talba għad-danni li jirriżultaw mid-deċiżjoni tagħhom stess milli jekk din it-talba tiġi deċiża minn awla ta’ mħallfin differenti tal-istess qorti. Ir-riskju ta’ parzjalità huwa saħansitra iktar baxx jekk din it-talba tiġi deċiża minn qorti totalment differenti. Biex nagħmlu pass ieħor, il-probabbiltà ta’ parzjalità hija saħansitra iktar baxxa jekk tkun parti oħra tal-gvern li tiddeċiedi. B’xi mod, kull wieħed minn dawn l-istadji jagħmel it-talba inqas causa sua tal-imħallfin li jiddeċiedu f’għajnejn il-pubbliku.
52. Jekk jiġi aċċettat li l-imparzjalità ma hijiex assoluta, iżda għandha intensità varjabbli , dan ifisser li l-kwistjoni dwar jekk tneħħewx dubji dwar l-imparzjalità hija wkoll waħda ta’ intensità varjabbli. Il-kwistjoni ssir li nistaqsu f’liema livell ta’ probabbiltà u f’liema kundizzjonijiet huwa possibbli li jiġi konkluż li l-apparenza ta’ imparzjalità f’għajnejn il-pubbliku ġiet issodisfatta b’mod suffiċjenti.
53. Din il-kwistjoni, kif issuġġerit mill-Kummissjoni, tiddependi fuq elementi differenti fl-ordinament ġuridiku partikolari. Għalhekk, fil-fehma tiegħi, din ma tistax tingħata risposta b’mod ġenerali għall-Istati Membri kollha. Pereżempju, xi Stati Membri jista’ jkollhom biss qorti waħda tal-aħħar istanza fil-ġerarkija ġudizzjarja, filwaqt li oħrajn jista’ jkollhom tnejn jew iktar (34). L-Istati Membri jista’ jkollhom raġunijiet differenti għalfejn jorganizzaw il-ġudikatura tagħhom b’ċertu mod.
54. Fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari ta’ kull ordinament ġuridiku, is-soluzzjoni aċċettabbli tiddependi minn eżerċizzju ta’ bbilanċjar li, sabiex iwieġeb jekk huwiex possibbli li jintlaħaq livell iktar baxx ta’ probabbiltà ta’ parzjalità, jieħu inkunsiderazzjoni interessi oħra ta’ dan l-ordinament (35). Fid-dawl tal-importanza tal-prinċipju ta’ imparzjalità ġudizzjarja, l-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali għandhom jagħtu piż kunsiderevoli lil dan il-prinċipju fl-eżerċizzju ta’ bbilanċjar.
55. Għaldaqstant, il-mistoqsija li għandha tiġi mwieġba f’kull każ hija jekk ir-regola kif applikata tissodisfax l-iktar livell baxx ta’ probabbiltà ta’ parzjalità possibbli fil-kuntest ta’ ordinament ġuridiku partikolari. Il-qorti li twieġeb din il-mistoqsija għandha tivverifika jekk in-nuqqas ta’ elementi addizzjonali li jippermettu li jiġi ssodisfatt livell ta’ probabbiltà ta’ parzjalità saħansitra iktar baxx huwiex iġġustifikat minn interessi oħra ta’ dan l-ordinament.
56. Tali rekwiżit ta’ bbilanċjar ma huwiex ġdid fid-dritt tal-Unjoni. Imsejjaħ mill-istudjużi bħala r-regola proċedurali tar-raġuni (36), tali rekwiżit ġie elaborat f’kawżi li jqajmu mistoqsijiet dwar l-effettività tar-regoli nazzjonali fil-kuntest tal-awtonomija proċedurali nazzjonali (37).
D. L‑eżami oġġettiv ta’ imparzjalità fil‑kawża ineżami
57. Isegwi li r-risposta għad-domanda magħmula hija, finalment, f’idejn il-qorti tar-rinviju. Hija dik il-qorti, pjuttost milli l-Qorti tal-Ġustizzja, li tista’ tieħu inkunsiderazzjoni interessi oħra tal-ordinament ġuridiku Bulgaru biex tevalwa jekk regola li tippermetti lill-VAS tiddeċiedi dwar ir-responsabbiltà tagħha hijiex fil-fatt l-iktar livell baxx ta’ probabbiltà ta’ parzjalità possibbli.
58. Xi jrid jiġi evalwat?
59. Fuq il-bażi tal-informazzjoni mqiegħda quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jidher li hemm diversi elementi li jistgħu jkunu kapaċi jneħħu dubji dwar l-imparzjalità tal-VAS fil-kawża preżenti. Dawn l-elementi jikkonċernaw ir-rikors quddiem awla differenti jew anki qorti differenti, l-identità tal-konvenut u r-regoli baġitarji rilevanti.
1. Il‑kawża hija deċiża minn awla differenti
60. L-ewwel, kif indikat mill-Gvern Bulgaru u mill-VAS, rikorsi għad-danni fuq il-bażi ta’ ksur tad-dritt tal‑Unjoni attribwibbli għall-VAS jinstemgħu minn awla differenti tal-VAS komposta minn imħallfin differenti minn dawk li taw id-deċiżjoni ġudizzjarja inkwistjoni (38).
61. Dan l-element jidher li jista’ jimmitiga dubji leġittimi dwar l-imparzjalità ta’ din il-qorti sa ċertu punt.
62. F’dan ir-rigward, minn analiżi komparattiva sommarja jirriżulta li dan huwa konformi mal-prattika ta’ ċerti qrati oħra tal-Istati Membri. F’diversi sitwazzjonijiet fejn il-qrati tal-aħħar istanza ddeċidew dwar talbiet għar-responsabbiltà Köbler li jirriżultaw minn ksur tad-dritt tal-Unjoni attribwibbli lilhom, ma tqajmet l-ebda kwistjoni ta’ imparzjalità la mill-partijiet u lanqas mill-imħallfin stess (39). Ċerti qrati nazzjonali kkunsidraw li ma hemm l-ebda problema ta’ imparzjalità meta l-qorti tiddeċiedi f’kompożizzjoni differenti (40).
63. Kwistjoni relatata li tista’ tkun importanti, u li ġiet diskussa fl-osservazzjonijiet tal-partijiet, hija l-mod kif jiġu assenjati l-kawżi. Jekk l-awla li tiddeċiedi dwar ir-responsabbiltà fil-kawża partikolari tintgħażel b’mod każwali, dan jista’ jimmitiga d-dubji leġittimi dwar in-nuqqas ta’ imparzjalità tal-awla tal-VAS li tiddeċiedi l-kawża.
2. Il-kawża hija deċiża minn qorti oħra
64. Awla oħra diġà żżid id-distanza bejn il-qorti bħala mħallef u l-qorti bħala parti. Madankollu, jekk ir-rikors jiġi deċiż minn qorti oħra, kif issostni Vivacom, dan ikun jista’ jneħħi, iktar u iktar, id-dubji dwar parzjalità potenzjali.
65. Bi tweġiba għall-argument ta’ Vivacom, il-Gvern Bulgaru u l-VAS jispjegaw li ma hemm l-ebda mekkaniżmu previst mid-dritt Bulgaru li jippermetti lil qrati oħra jisimgħu rikorsi għad-danni fuq il-bażi ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni attribwibbli lill-VAS.
66. Fl-applikazzjoni tal-eżami oġġettiv ta’ imparzjalità, il-qorti tar-rinviju għandha tevalwa għalhekk jekk l-impossibbiltà, skont id-dritt nazzjonali, li tittrasferixxi l-kawża lil qorti oħra tistax tiġi ġġustifikata.
67. F’dan ir-rigward, il-Gvern Bulgaru u l-VAS isostnu li dan id-dritt nazzjonali jirrifletti l-għażla tal-leġiżlatur nazzjonali li jallinja r-regoli dwar il-ġurisdizzjoni tal-qrati amministrattivi u l-kompetenzi fil-qasam amministrattiv sabiex tiġi stabbilita sistema koerenti ta’ ġustizzja amministrattiva. Il-fatt li jkun hemm qrati differenti li jiddeċiedu rikorsi li jinvolvu kwistjonijiet amministrattivi ma jieħux inkunsiderazzjoni s-sistema ġudizzjarja kif stabbilita mill-Kostituzzjoni Bulgara u l-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti, li skonthom il-qrati amministrattivi għandhom il-ġurisdizzjoni tagħhom stess fi kwistjonijiet amministrattivi.
68. Naturalment, wieħed jista’ jimmaġina sistema ġudizzjarja differenti minn dik fil-Bulgarija. Madankollu, fil-fehma tiegħi, l-obbligu impost fuq il-qrati nazzjonali li jikkonstataw il-livell ta’ probabbiltà l-iktar baxx possibbli ta’ parzjalità ma jeħtieġx reviżjoni tas-sistemi ġudizzjarji eżistenti tal-Istati Membri. Dan huwa partikolarment il-każ meta tali sistema ġudizzjarja jkollha garanziji strutturali oħra ta’ imparzjalità. Fil-kawża ineżami, ma tqajmu l-ebda kwistjonijiet sistemiċi dwar l-indipendenza jew l-imparzjalità tal-qrati fil-Bulgarija.
69. Konsegwentement, jiena nqis li l-argumenti mressqa mill-Gvern Bulgaru u mill-VAS huma aċċettabbli sabiex jiġġustifikaw id-deċiżjoni li tinżamm il-ġurisdizzjoni fuq talbiet għar-responsabbiltà fi ħdan is-sistema tal-qrati amministrattivi, anki jekk dan ifisser li l-istess qorti, f’każ ta’ appell, tiddeċiedi fuq ir-responsabbiltà tagħha stess.
3. Fuq l‑identità tal‑konvenut
70. Fis-sentenza Köbler, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet ir-responsabbiltà tal-Istat għal ksur imwettaq mill-qrati tal-aħħar istanza. Għaldaqstant, id-dritt tal-Unjoni jistabbilixxi li l-Istat huwa konvenut, u mhux neċessarjament il-qorti li l-allegat ksur tagħha tad-dritt tal-Unjoni huwa inkwistjoni.
71. Il-fatt li l-Istat ikun formalment il-konvenut, u mhux il-qorti stess, jidher li jtejjeb l-apparenza ta’ imparzjalità. Dan għaliex il-pubbliku x’aktarx jipperċepixxi bħala distint ir-rwol tal-Istat bħala parti minn dak tal-qorti li taġixxi bħala qorti f’din il-kawża.
72. Fil-kawża ineżami, dan l-element ma huwiex kompletament ċar. Skont l-argumenti ta’ Vivacom, il-VAS hija l-konvenuta fil-kawża prinċipali, li fiha hija diġà esprimiet il-pożizzjoni tagħha (41). Għall-kuntrarju, skont l-argumenti tal-VAS, skont id-dritt Bulgaru, f’rikorsi għad-danni li jirriżultaw minn ksur tad-dritt tal-Unjoni, ir-responsabbiltà taqa’ fuq l-Istat, u mhux fuq il-qorti li kkawżat id-dannu lil individwu permezz tad-deċiżjoni tagħha. Konsegwentement, il-VAS issostni wkoll li, fil-kawża ineżami, il-VAS bħala entità ġuridika indikata bħala konvenuta mil-liġi applikabbli hija s-sostitut proċedurali tal-Istat (42).
73. Fil-fehma tiegħi, anki jekk sempliċi kwistjoni formali, l-indikazzjoni tal-Istat Bulgaru bħala konvenut minflok il-VAS tkun iktar probabbli li tneħħi d-dubji dwar il-parzjalità tal-VAS f’din it-tilwima. L-importanza li għandha tingħata lil din ir-regola partikolari fl-eżerċizzju tal-ibbilanċjar taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali.
4. Regoli baġitarji
74. Kwistjoni marbuta mill-qrib mal-identità tal-konvenut hija l-kwistjoni tal-finanzi. Il-kwistjoni hawnhekk hija dwar min iħallas id-danni jekk tiġi stabbilita r-responsabbiltà Köbler. Ir-regoli baġitarji applikabbli għalhekk jistgħu jimmitigaw jew isaħħu d-dubji dwar l-imparzjalità.
75. Il-ħlas tad-danni mill-baġit tal-Istat minflok mill-baġit tal-qorti kkonċernata jista’ iktar ineħħi d-dubji dwar l-imparzjalità ta’ din il-qorti.
76. Madankollu, fil-kawża ineżami, jidher li, jekk ir-rikors għad-danni jintlaqa’, l-ammonti li jingħataw jitnaqqsu mill-baġit tal-VAS.
77. Dan ma għandux, fih innifsu, iwassal għall-konklużjoni tal-eżistenza ta’ problema ta’ imparzjalità. Kif indikat mill-VAS u l-Gvern Bulgaru, u mhux kontradett minn Vivacom, l-għoti tad-danni ma jaffettwax ir-remunerazzjoni jew il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-imħallfin. L-eżistenza ta’ linja distinta fil-baġit tal-qorti kienet fattur meħud inkunsiderazzjoni mill-Qorti EDB sabiex tiddistingwi s-sentenza tagħha f’Mihalkov vs Il‑Bulgarija u tikkonkludi f’kawża differenti li ma kienx hemm problema ta’ imparzjalità (43).
78. Id-dikjarazzjoni li l-Istat huwa l-vera konvenut hija diffiċilment konċiljabbli mal-fatt li d-danni jitħallsu mill-baġit tal-VAS. Madankollu, għalkemm din l-aħħar regola baġitarja għandha ġustifikazzjoni, pereżempju, fl-organizzazzjoni tal-finanzi pubbliċi fil-Bulgarija, ir-regola inkwistjoni tista’ xorta waħda tgħaddi mill-eżami oġġettiv ta’ imparzjalità. Din hija kwistjoni għall-qorti nazzjonali.
79. Fil-qosor, id-deċiżjoni dwar l-imparzjalità f’kawża konkreta tiddependi fuq elementi differenti tal-ordinament ġuridiku nazzjonali meħuda flimkien u fuq il-mod kif dawn jirrelataw ma’ xulxin.
80. Jidhirli li l-elementi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża ineżami, dwar l-eżistenza ta’ awla differenti, l-identità tal-konvenut u r-regoli baġitarji rilevanti, ineħħu b’mod suffiċjenti d-dubji leġittimi dwar in-nuqqas ta’ imparzjalità tal-VAS fid-deċiżjoni dwar rikors għad-danni minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni attribwibbli lilha.
IV. Konklużjoni
81. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domanda preliminari magħmula mill-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija):
It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea
ma jipprekludux regoli nazzjonali li skonthom rikors għad-danni bbażat fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni attribwibbli lil qorti tal-aħħar istanza għandu jiġi eżaminat minn dik il-qorti, u li fih dik l-istess qorti hija konvenuta, meta dawn ir-regoli jissodisfaw l-iktar livell baxx ta’ probabbiltà ta’ parzjalità possibbli fil-kuntest ta’ ordinament ġuridiku partikolari.
Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina din il-kwistjoni, billi tieħu inkunsiderazzjoni d-diversi interessi mfittxija fis-sistema ta’ organizzazzjoni ġudizzjarja tal-Istat Membru inkwistjoni.