Language of document : ECLI:EU:T:2021:92

Kawża T259/20

Ryanair DAC

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Għaxar Awla Estiża) tas17 ta’ Frar 2021

“Għajnuna mill-Istat – Suq Franċiż tat-trasport bl-ajru – Moratorju fuq il-ħlas tat-taxxa tal-avjazzjoni ċivili u tat-taxxa ta’ solidarjetà fuq il-biljetti tal-ajru dovuti fuq bażi mensili matul il-perijodu bejn Marzu u Diċembru 2020 fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 – Deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet – Għajnuna intiża li tirrimedja d-danni kkawżati minn avveniment straordinarju – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Ugwaljanza fit-trattament – Kriterju taż-żamma ta’ liċenzja maħruġa mill-awtoritajiet Franċiżi – Proporzjonalità – Artikolu 107 (2)(b) TFUE – Obbligu ta’ motivazzjoni”

1.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Projbizzjoni – Derogi – Għajnuna kompatibbli mas-suq intern – Għajnuna intiża li tirrimedja għad-danni kkawżati minn diżastri naturali jew avvenimenti straordinarji oħra – Kriterji – Avveniment straordinarju – Kunċett – Pandemija tal-COVID-19 u miżuri Statali meħuda sabiex tiġi indirizzata – Inklużjoni

(Artikolu 107(2)(b) TFUE)

(ara l-punti 23 sa 27)

2.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Projbizzjoni – Derogi – Għajnuna kompatibbli mas-suq intern – Għajnuna intiża li tirrimedja għad-danni kkawżati minn diżastri naturali jew avvenimenti straordinarji oħra – Moratorju fuq il-ħlas ta’ taxxi ajrunawtiċi favur kumpanniji tal-ajru fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 – Moratorju rriżervat għall-kumpanniji tal-ajru li għandhom liċenzja nazzjonali – Għajnuna kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(2)(b) TFUE – Ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità – Assenza

(l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 u Artikolu 107(2)(b) TFUE)

(ara l-punti 30 sa 32, 49)

3.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Projbizzjoni – Derogi – Għajnuna kompatibbli mas-suq intern – Għajnuna intiża li tirrimedja għad-danni kkawżati minn diżastri naturali jew minn avvenimenti straordinarji oħra – Moratorju fuq il-ħlas ta’ taxxi ajrunawtiċi favur kumpanniji tal-ajru fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 – Moratorju rriżervat għall-kumpanniji tal-ajru li għandhom liċenzja nazzjonali – Evalwazzjoni – Kriterji – Għan tal-iskema ta’ għajnuna – Proporzjonalità tal-għajnuna

(Artikolu 107(2)(b) TFUE)

(ara l-punti 33 sa 48, 50)

4.      Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Dispożizzjonijiet tat-Trattat – Kamp ta’ applikazzjoni – Servizzi fil-qasam tat-trasport fis-sens tal-Artikolu 58(1) TFUE – Servizzi tat-trasport bl-ajru – Sistema legali partikolari

(Artikoli 56, 58(1) TFUE u 100(2) TFUE)

(ara l-punti 55, 56)

5.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet fir-rigward ta’ skema ta’ għajnuna – Obbligu ta’ motivazzjoni – Portata – Teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam

(Artikoli 107(3)(b) TFUE u 296 TFUE)

(ara l-punti 79 sa 84)

6.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern mingħajr ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali – Rikors tal-partijiet interessati fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE – Identifikazzjoni tas-suġġett tar-rikors – Rikors intiż li jipproteġi d-drittijiet proċedurali tal-partijiet interessati – Motivi li jistgħu jiġu invokati – Assenza ta’ kontenut awtonomu ta’ tali motiv f’dan il-każ

(Artikoli 108(2)  u 267(4) TFUE)

(ara l-punt 87)

Sunt

Il-moratorju fuq il-ħlas ta’ taxxi stabbilit minn Franza bħala sostenn għall-kumpanniji tal-ajru, li għandhom liċenzja Franċiża, fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 huwa konformi mad-dritt tal-Unjoni

F’Marzu 2020, ir-Repubblika Franċiża kkomunikat lill-Kummissjoni Ewropea miżura ta’ għajnuna fil-forma ta’ moratorju fuq il-ħlas tat-taxxa tal-avjazzjoni ċivili u tat-taxxa ta’ solidarjetà fuq il-biljetti tal-ajru dovuti fuq bażi mensili matul il-perijodu bejn Marzu u Diċembru 2020 (iktar ’il quddiem il-“moratorju fuq il-ħlas tat-taxxi”). Dan il-moratorju, li jibbenefika lill-kumpanniji tal-ajru li għandhom liċenzja Franċiża (1), tikkonsisti fil-posponiment tal-ħlas ta’ dawn it-taxxi għall‑1 ta’ Jannar 2021 u fit-tqassim sussegwentement tal-pagamenti fuq perijodu ta’ 24 xahar, jiġifieri sal‑31 ta’ Diċembru 2022 L-ammont preċiż tat-taxxi jiġi ddeterminat skont in-numru ta’ passiġġieri ttrasportati u n-numru ta’ titjiriet imwettqa minn ajruport Franċiż.

Permezz tad-deċiżjoni tagħha tal‑31 ta’ Marzu 2020 (2), il-Kummissjoni kklassifikat il-moratorju fuq il-ħlas tat-taxxi bħala għajnuna mill-Istat (3) kompatibbli mas-suq intern, konformement mal-Artikolu 107(2)(b) TFUE. Skont din id-dispożizzjoni, hija kompatibbli mas-suq intern l-għajnuna intiża li tirrimedja għall-ħsara kkawżata minn diżastri naturali jew avvenimenti straordinarji oħra.

Il-kumpannija tal-ajru Ryanair ippreżentat rikors intiż għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni, li ġie miċħud mill-Għaxar Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali. F’dan il-kuntest, din teżamina, għall-ewwel darba, il-legalità ta’ skema ta’ għajnuna mill-Istat adottata sabiex tindirizza l-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID-19 fid-dawl tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE (4). Il-Qorti Ġenerali tispeċifika, barra minn hekk, ir-rabta bejn ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat u l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, fuq il-bażi tan-nazzjonalità, stabbilit fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE, minn naħa, kif ukoll il-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi, min-naħa l-oħra

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Il-Qorti Ġenerali twettaq, fl-ewwel lok, stħarriġ tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni fid-dawl tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE, li jipprojbixxi kwalunkwe diskriminazzjoni mwettqa fuq il-bażi tan-nazzjonalità fil-qasam tal-applikazzjoni tat-Trattati, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet partikolari li huma jipprevedu. Issa, peress li l-Artikolu 107(2)(b) TFUE, li jinsab, skont il-Qorti Ġenerali, fost dawn id-dispożizzjonijiet partikolari, din tal-aħħar teżamina jekk il-moratorju fuq il-ħlas tat-taxxi setax jiġi ddikjarat li huwa kompatibbli mas-suq intern abbażi ta’ din id-dispożizzjoni.

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tikkonferma, minn naħa, li l-pandemija tal-COVID-19 u l-miżuri restrittivi ta’ trasport u ta’ konfinament adottati mir-Repubblika ta’ Franza bħala rispons għaliha jikkostitwixxu, flimkien, avveniment straordinarju fis-sens tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE li kkawża danni ekonomiċi lill-kumpanniji tal-ajru li joperaw fi Franza. Skont il-Qorti Ġenerali, ma jistax jiġi kkontestat li l-għan tal-moratorju fuq il-ħlas tat-taxxi huwa effettivament dak li jiġu rrimedjati l-imsemmija danni.

Il-Qorti Ġenerali tikkonstata, min-naħa l-oħra, li l-limitazzjoni tal-moratorju fuq il-ħlas tat-taxxi għall-kumpanniji tal-ajru li għandhom liċenzja Franċiża hija xierqa sabiex jintlaħaq l-għan li jiġu rrimedjati d-danni kkawżati mill-imsemmi avveniment straordinarju. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tenfasizza li skont ir-regolament li jistabbilixxi regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità, iż-żamma ta’ liċenzja Franċiża hija riflessa, fil-prattika, fil-preżenza tal-post prinċipali tan-negozju tal-kumpanniji tal-ajru fit-territorju Franċiż u fil-fatt li jkunu suġġetti għas-sorveljanza finanzjarja u ta’ rispettabblità tal-awtoritajiet Franċiżi. Skont il-Qorti Ġenerali, id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament jistabbilixxu obbligi reċiproċi bejn il-kumpanniji tal-ajru li għandhom liċenzja Franċiża u l-awtoritajiet Franċiżi u, għalhekk, rabta speċifika u stabbli bejniethom li tissodisfa b’mod xieraq il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 107(2)(b) TFUE.

Fir-rigward tan-natura proporzjonata tal-moratorju fuq il-ħlas tat-taxxi, il-Qorti Ġenerali tenfasizza, barra minn hekk, li l-kumpanniji tal-ajru eliġibbli għall-iskema ta’ għajnuna huma dawk l-iktar milquta mill-miżuri restrittivi ta’ trasport u ta’ konfinament adottati minn Franza. L-estensjoni tal-imsemmi moratorju għal kumpanniji mhux stabbiliti fi Franza ma kinitx, għall-kuntrarju, tippermetti li jintlaħaq b’mod daqstant preċiż u mingħajr riskju ta’ kumpens żejjed l-għan li jiġu rrimedjati d-danni ekonomiċi mġarrba mill-kumpanniji tal-ajru li joperaw fi Franza.

Fid-dawl ta’ dawn il-konstatazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali tikkonferma li l-għan tal-moratorju fuq il-ħlas tat-taxxi kien jissodisfa r-rekwiżiti tad-deroga prevista mill-Artikolu 107(2)(b) TFUE u li l-modalitajiet tal-għoti ta’ din l-għajnuna ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan il-għan. Għalhekk, l-imsemmija skema ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni pprojbita mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE.

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali teżamina d-deċiżjoni tal-Kummissjoni fid-dawl tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi stabbilita fl-Artikolu 56 TFUE. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tfakkar li din il-libertà fundamentali ma tapplikax bħala tali għall-qasam tat-trasport, li huwa suġġett għal sistema legali partikolari, li taħtha jaqa’ r-regolament iċċitat li jistabbilixxi regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità. Issa, dan ir-regolament għandu preċiżament l-għan li jiddefinixxi l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni, fis-settur tat-trasport bl-ajru, tal-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi. Madankollu, Ryanair ma kienet allegat l-ebda ksur tal-imsemmi regolament.

Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali tiċħad il-motiv li abbażi tiegħu l-Kummissjoni wettqet żball manifest fl-evalwazzjoni tal-valur tal-vantaġġ mogħti lill-kumpanniji tal-ajru li jibbenefikaw mill-moratorju fuq il-ħlas tat-taxxi. Il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-ammont tad-danni mġarrba mill-benefiċjarji tal-moratorju huwa, probabbilment, ogħla, f’termini nominali, mill-ammont totali, f’termini nominali, tal-moratorju, b’tali mod li l-possibbiltà ta’ kumpens żejjed għandu b’mod ċar jiġi miċħud. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tenfasizza li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-impenji tar-Repubblika Franċiża li tipprovdilha metodoloġija ddettaljata tal-mod li bih dan l-Istat Membru kellu l-intenzjoni li jikkwantifika, a posteriori u għal kull benefiċjarju, l-ammont tad-danni marbuta mal-kriżi kkawżata mill-pandemija, li tikkostitwixxi garanzija addizzjonali li jiġi evitat kwalunkwe riskju ta’ kumpens żejjed.

Il-Qorti Ġenerali tiċħad, fl-aħħar nett, bħala infondat il-motiv ibbażat fuq allegat ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tikkonstata li ma huwiex neċessarju li tiġi eżaminata l-fondatezza tal-motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet proċedurali dderivati mill-Artikolu 108(2) TFUE.


1      Liċenzja maħruġa skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropea u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi ta’ l-ajru fil-Komunità (ĠU 2008, L 293, p. 3).


2      Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 2097 finali, tal‑31 ta’ Marzu 2020, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.56765 (2020/N) – Franza – COVID-19 – Moratorju fuq il-ħlas ta’ taxxi ajrunawtiċi favur impriżi tat-trasport pubbliku bl-ajru


3      Fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE


4      Fis-sentenza tagħha tas‑17 ta’ Frar 2021, Ryanair vs Il-Kummissjoni (T‑238/20), il-Qorti Ġenerali eżaminat il-legalità fid-dawl tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE ta’ skema ta’ għajnuna mill-Istat adottata mir-Renju tal-Isvezja sabiex tindirizza l-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID-19 fis-suq Svediż tat-trasport bl-ajru.