Language of document : ECLI:EU:T:2023:279

SENTENZA TAL‑QORTI ĠENERALI (L‑Għaxar Awla)

24 ta’ Mejju 2023 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Suq Taljan tat-trasport bl-ajru – Skema ta’ kumpens għall-kumpanniji tal-ajru detenturi ta’ liċenzja maħruġa mill-awtoritajiet Taljani – Deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet – Għajnuna intiża sabiex tirrimedja għad-danni kkawżati minn avveniment straordinarju – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑268/21,

Ryanair DAC, stabbilita fi Swords (l‑Irlanda), irrappreżentata minn E. Vahida, F.‑C. Laprévote, V. Blanc, S. Rating, I.‑G. Metaxas-Maranghidis u D. Pérez de Lamo, avukati,

rikorrenti,

vs

IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Flynn, C. Georgieva u F. Tomat, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Neos SpA, stabbilita f’Somma Lombardo (l‑Italja),

Blue panorama airlines SpA, stabbilita f’Somma Lombardo,

Air Dolomiti SpA – Linee aeree regionali Europee, stabbilita f’Villafranca di Verona (L‑Italja),

irrappreżentati minn M. Merola u A. Cogoni, avukati,

intervenjenti,

IL‑QORTI ĠENERALI (L‑Għaxar Awla),

komposta, waqt id-deliberazzjonijiet, minn A. Kornezov, President, E. Buttigieg u G. Hesse (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: S. Spyropoulos, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tal‑24 ta’ Novembru 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza (1)

1        Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Ryanair DAC, titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 9625 final tat‑22 ta’ Diċembru 2020 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.59029 (2020/N) – L‑Italja – COVID‑19: Skema ta’ kumpens għall-kumpanniji tal-ajru detenturi ta’ liċenzja maħruġa mill-awtoritajiet Taljani (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kkontestata”).

 Ilfatti li wasslu għallkawża

2        Permezz tad-decreto-legge n. 34 – Misure urgenti in materia di salute, sostegno al lavoro e all’economia, nonche’ di politiche sociali connesse all’emergenza epidemiologica da COVID‑19 (id-Digriet-Liġi Nru 34 li Jistabbilixxi Miżuri Urġenti fil-Qasam tas-Saħħa, Insostenn tax-Xogħol u tal-Ekonomija kif ukoll Politiki Soċjali Sussegwenti għas-Sitwazzjoni Epidemjoloġika Marbuta mal-COVID‑19) tad‑19 ta’ Mejju 2020 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 128, tad‑19 ta’ Mejju 2020, p. 1), kif emendat u li sar liġi bil-Liġi Nru 77 tas‑17 ta’ Lulju 2020 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 180, tat‑18 ta’ Lulju 2020, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“Digriet-Liġi Nru 34”), l-awtoritajiet Taljani ħolqu, b’mod partikolari, fond ta’ kumpens għad-danni sostnuti mis-settur tal-ajru fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID‑19 fl-ammont ta’ EUR 130 miljun.

3        Fl‑14 ta’ Awwissu 2020, l-awtoritajiet Taljani adottaw id-decreto-legge n. 104 – Misure urgenti per il sostegno e il rilancio dell’economia (id-Digriet-Liġi Nru 104 Li Jistabbilixxi Miżuri Urġenti Insostenn u għall-Irkupru tal-Ekonomija) (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 203, tal‑14 ta’ Awwissu 2020, p. 1). Dan id-digriet-liġi kien jawtorizza, fl-istennija tat-tmiem tal-proċedura prevista fl-Artikolu 108(3) TFUE, lill-Ministru għall-Infrastruttura u għat-Trasport tar-Repubblika Taljana sabiex jagħti, bil-quddiem, sussidji ffinanzjati mill-fond stabbilit bid-Digriet-Liġi Nru 34 ta’ ammont totali li ma jaqbiżx EUR 50 miljun lill-kumpanniji tal-ajru li kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 198 tad-Digriet-Liġi Nru 34.

4        Fil‑15 ta’ Ottubru 2020, konformement mal-Artikolu 108(3) TFUE, ir-Repubblika Taljana kkomunikat lill-Kummissjoni Ewropea b’miżura ta’ għajnuna li tikkonsisti f’sussidji mħallsa permezz tal-fond stabbilit bid-Digriet-Liġi Nru 34 (iktar ’il quddiem il-“miżura inkwistjoni”). Din il-miżura, li l-bażi legali tagħha hija l-Artikolu 198 tad-Digriet-Liġi Nru 34, hija intiża sabiex tirrimedja d-danni sostnuti mill-kumpanniji tal-ajru eliġibbli minħabba restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u miżuri oħra ta’ konfinament meħuda sabiex tiġi limitata l-firxa tal-pandemija tal-COVID‑19.

5        Il-kundizzjonijiet għall-eliġibbiltà, kif jirriżultaw mill-Artikolu 198 tad-Digriet Liġi Nru 34, huma dawn li ġejjin. L-ewwel, il-kumpannija tal-ajru ma għandhiex tkun il-benefiċjarja ta’ fond maħluq minn digriet-liġi ieħor li kien jipprevedi kumpens għad-danni kkawżati mill-pandemija tal-COVID‑19 għall-kumpanniji tal-ajru detenturi ta’ liċenzja maħruġa mill-awtoritajiet Taljani u inkarigati mill-eżekuzzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-imsemmi digriet-liġi. It-tieni, il-kumpannija tal-ajru għandu jkollha ċertifikat ta’ trasportatur tal-ajru validu u għandha tkun detentriċi ta’ liċenzja Taljana. It-tielet, il-kapaċità tal-ajruplani tal-kumpannija tal-ajru għandha tkun ogħla minn 19‑il post. Ir-raba’, il-kumpannija tal-ajru għandha tapplika għall-impjegati tagħha li l-bażi ta’ residenza tagħhom hija fl-Italja kif ukoll għall-impjegati ta’ impriżi terzi li jipparteċipaw fl-attività tagħha remunerazzjoni li ma tistax tkun inqas mir-remunerazzjoni minima stabbilita mill-ftehim kollettiv nazzjonali applikabbli għas-settur tat-trasport bl-ajru, konkluż mill-organizzazzjonijiet tas-sidien u tas-sindakati kkunsidrati bħala l-iktar rappreżentattivi fil-livell nazzjonali (iktar ’il quddiem ir-“rekwiżit ta’ remunerazzjoni minima”).

6        Fit‑22 ta’ Diċembru 2020, permezz tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet fir-rigward tal-miżura inkwistjoni, minħabba li din il-miżura, inklużi l-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà, kienet kompatibbli mas-suq intern.

 Ittalbiet talpartijiet

7        Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-Deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni u lill-intervenjenti, Neos SpA, Blue panorama airlines SpA u Air Dolomiti SpA – Linee aeree regionali Europee, għall-ispejjeż.

8        Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

9        L-intervenjenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Iddritt

[omissis]

 Fuq irraba’ motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

18      Fil-kuntest tar-raba’ motiv, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li d-Deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’diversi nuqqasijiet ta’ motivazzjoni. B’mod partikolari, ir-rikorrenti ssostni li d-Deċiżjoni kkontestata ma tippermettilhiex tifhem ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni eżaminat il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tar-raba’ kundizzjoni ta’ eliġibbiltà tal-għajnuna, jiġifieri r-rekwiżit ta’ remunerazzjoni minima, biss fir-rigward tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU 2008, L 177, p. 6, rettifika fil-ĠU 2009, L 309, p. 87, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Ruma I”), u mhux fid-dawl tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi.

19      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tikkontesta dan l-argument.

20      Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha tindika b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, li tkun l-awtriċi tal-att, b’mod li jippermetti lill-persuni interessati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u li jippermetti lill-qorti kompetenti twettaq l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari skont il-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji jew persuni oħra li huma direttament u individwalment ikkonċernati mill-att jista’ jkollhom sabiex jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti rilevanti kollha ta’ fatt u ta’ liġi, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax r-rekwiżiti tal-imsemmi Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-formulazzjoni tiegħu, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2011, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l‑Baxxi, C‑279/08 P, EU:C:2011:551, punt 125 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21      F’dan il-kuntest, id-deċiżjoni li ma tinfetaħx il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE għandha tinkludi biss ir-raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni tqis li ma hijiex fil-preżenza ta’ diffikultajiet serji ta’ evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna kkonċernata mas-suq intern u anki motivazzjoni qasira ta’ din id-deċiżjoni għandha titqies li hija suffiċjenti fid-dawl tar-rekwiżit ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE jekk hija turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni qieset li ma hemmx tali diffikultajiet peress li l-kwistjoni tal-fondatezza ta’ din il-motivazzjoni ma taqax taħt dan ir-rekwiżit (sentenzi tas‑27 ta’ Ottubru 2011, L‑Awstrija vs Scheucher-Fleisch et, C‑47/10 P, EU:C:2011:698, punt 111; u tat‑12 ta’ Mejju 2016, Hamr – Sport vs Il‑Kummissjoni, T‑693/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:292, punt 54; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Régie Networks, C‑333/07, EU:C:2008:764, punti 65, 70 u 71).

22      F’dan il-każ, fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mas-suq intern, mid-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta, qabelxejn, li l-Kummissjoni semmiet is-sentenzi tat‑22 ta’ Marzu 1977, Iannelli & Volpi (74/76, EU:C:1977:51, punt 14), u tal‑15 ta’ Ġunju 1993, Matra vs Il‑Kummissjoni (C‑225/91, EU:C:1993:239, punt 41), li jipprovdu li modalitajiet ta’ għajnuna li jiksru dispożizzjonijiet partikolari tat-Trattat FUE, minbarra l-Artikoli 107 u 108 TFUE, jistgħu jkunu tant marbuta inseparabbilment mal-għan tal-għajnuna li ma jkunx possibbli li dawn jiġu evalwati b’mod iżolat, b’tali mod li l-effett tagħhom fuq il-kompatibbiltà jew l-inkompatibbiltà tal-għajnuna kollha kemm hi għandu għalhekk neċessarjament jiġi evalwat fil-kuntest tal-proċedura tal-Artikolu 108 TFUE (paragrafu 92 tad-Deċiżjoni kkontestata). F’dan ir-rigward, id-Deċiżjoni kkontestata tippreċiża li r-Repubblika Taljana stabbilixxiet erba’ kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà sabiex tagħżel il-benefiċjarji potenzjali tal-miżura inkwistjoni u li l-Kummissjoni qieset li dawn l-erba’ kundizzjonijiet kienu indissolubbilment marbuta mal-miżura inkwistjoni (punt 93 tad-Deċiżjoni kkontestata).

23      Sussegwentement, fil-paragrafu 95 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li kienet teżisti raġuni partikolari sabiex tiġi eżaminata r-raba’ kundizzjoni ta’ eliġibbiltà li timponi fuq il-benefiċjarji l-obbligu li jħallsu remunerazzjoni minima lill-impjegati tagħhom li l-bażi ta’ residenza tagħhom kienet fl-Italja. Il-Kummissjoni kkunsidrat li dan ir-rekwiżit ma kienx inerenti għall-għan tal-miżura inkwistjoni, peress li l-għan tagħha kien li jiġi żgurat li l-benefiċjarji jiggarantixxu l-protezzjoni ta’ remunerazzjoni minima lill-impjegati tagħhom li l-bażi ta’ residenza tagħhom kienet fl-Italja, konformement mad-dritt Taljan. Konsegwentement, fil-fehma tagħha, il-kompatibbiltà ta’ dan ir-rekwiżit kellha tiġi evalwata fid-dawl ta’ “dispożizzjonijiet rilevanti oħra tad-dritt tal-Unjoni”.

24      F’dan l-istadju, għandu jiġi kkonstatat li d-Deċiżjoni kkontestata ma turix b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament li wassal lill-Kummissjoni tafferma kemm li r-rekwiżit ta’ remunerazzjoni minima kien marbut b’mod inseparabbli mal-miżura inkwistjoni, fil-paragrafu 93 tal-imsemmija deċiżjoni, u li dan ir-rekwiżit ma kienx inerenti għall-għan tal-imsemmija miżura, fil-paragrafu 95 ta’ din id-deċiżjoni.

25      Barra minn hekk, fil-paragrafi 96 sa 98 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat li r-rekwiżit ta’ remunerazzjoni minima japplika biss għall-impjegati li l-bażi ta’ residenza tagħhom kienet fl-Italja. Hija għalhekk evalwat dan ir-rekwiżit fid-dawl tal-Artikolu 8 tar-Regolament Ruma I, li jistabbilixxi regoli speċjali ta’ kunflitti tal-liġijiet dwar il-kuntratt individwali ta’ xogħol. Hija kkonstatat li, konformement ma’ din id-dispożizzjoni, it-trasportaturi kollha li kellhom impjegati bbażati fit-territorju Taljan kienu obbligati josservaw il-protezzjoni minima mogħtija mid-dritt Taljan, irrispettivament min-nazzjonalità tat-trasportatur jew mil-liġi applikabbli għall-kuntratt individwali ta’ xogħol. Fuq din il-bażi, hija kkonkludiet, fil-paragrafu 99 tad-Deċiżjoni kkontestata, li r-rekwiżit ta’ remunerazzjoni minima kien josserva prima facie l-protezzjoni li r-Regolament Ruma I kien jagħti lill-impjegati u ma kienx jikkostitwixxi ksur “ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni”.

26      Peress li rraġunat b’dan il-mod, il-Kummissjoni ma esponietx ir-raġunijiet li jippermettulha tikkunsidra li l-unika dispożizzjoni rilevanti, minbarra l-Artikoli 107 u 108 TFUE, li fir-rigward tagħha hija kellha teżamina l-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tar-rekwiżit ta’ remunerazzjoni minima kien l-Artikolu 8 tar-Regolament Ruma I.

27      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-konklużjoni, li waslet għaliha l-Kummissjoni fil-paragrafu 99 tad-Deċiżjoni kkontestata, li r-rekwiżit ta’ remunerazzjoni minima ma kienx imur kontra “dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni” ma hijiex motivata. Fil-fatt, minbarra l-Artikolu 8 tar-Regolament Ruma I, il-Kummissjoni ma semmiet ebda dispożizzjoni oħra tad-dritt tal-Unjoni li fir-rigward tagħha hija eżaminat dan ir-rekwiżit. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma esponietx b’mod ċar u trasparenti l-motivi li għalihom hija kienet qieset li l-imsemmi rekwiżit ma kienx jikkostitwixxi ksur “ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni”.

28      Dan in-nuqqas ta’ motivazzjoni huwa, barra minn hekk, muri mill-fatt, espost fil-paragrafi 94 u 95 tad-Deċiżjoni kkontestata, li, waqt l-eżami tar-rekwiżit ta’ remunerazzjoni minima, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-“kuntest”, jiġifieri l-ilment tal-Assoċjazzjoni Taljana tal-Kumpanniji tal-Ajru bi Prezz Baxx (Aicalf), li kien jikkonċerna l-Artikolu 203 tad-Digriet-Liġi Nru 34, li l-formulazzjoni tiegħu kienet simili għall-Artikolu 198 tal-imsemmi digriet-liġi, jiġifieri l-bażi legali tal-miżura inkwistjoni. Il-kontenut ta’ dan l-ilment ġie ppreżentat bħala anness mar-rikors.

29      Skont dan l-ilment, il-leġiżlazzjoni Taljana inkwistjoni kienet illegali sa fejn kienet tipprevedi li t-trasportaturi bl-ajru kellhom jagħtu lill-impjegati tagħhom li l-bażi ta’ residenza tagħhom kienet fl-Italja remunerazzjoni li ma setgħetx tkun inqas mir-remunerazzjoni minima prevista mill-ftehim kollettiv nazzjonali rilevanti għas-settur tat-trasport bl-ajru, konkluż mill-organizzazzjonijiet sindakali u mill-persuni li jimpjegaw l-iktar rappreżentattivi fuq livell nazzjonali. L-Aicalf sostniet li l-ftehim kollettiv nazzjonali msemmi f’din il-leġiżlazzjoni kien ġie nnegozjat minn assoċjazzjoni professjonali li ma kinitx rappreżentattiva, peress li l-membri tiegħu kienu jirrappreżentaw biss 11.3 % tat-traffiku tal-ajru Taljan totali. Skont l-Aicalf, din il-leġiżlazzjoni kienet tikkostitwixxi restrizzjoni indirettament diskriminatorja għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-sens tal-Artikolu 56 TFUE.

30      L-ilment kien ibbażat, b’mod partikolari, fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari s-sentenzi tal‑11 ta’ Diċembru 2007, International Transport Workers’ Federation u Finnish Seamen’s Union (C‑438/05, EU:C:2007:772); tat‑18 ta’ Diċembru 2007, Laval un Partneri (C‑341/05, EU:C:2007:809); tat‑3 ta’ April 2008, Rüffert (C‑346/06, EU:C:2008:189); u tat‑18 ta’ Settembru 2014, Bundesdruckerei (C‑549/13, EU:C:2014:2235). F’dan ir-rigward, l-Aicalf sostniet li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà eżaminat miżuri nazzjonali li jobbligaw lill-operaturi barranin josservaw il-kundizzjonijiet dwar il-pagi stabbiliti fil-ftehimiet kollettivi nazzjonali u kienet iddikjarathom inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

31      Qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, kienet inġibdet l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-Artikolu 203 tad-Digriet-Liġi Nru 34, li l-formulazzjoni tiegħu kienet simili għar-rekwiżit ta’ remunerazzjoni minima prevista mill-miżura inkwistjoni u dwar il-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mas-suq intern, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-Artikolu 56 TFUE. Barra minn hekk, hija kellha informazzjoni rilevanti f’dan ir-rigward.

32      Fid-dawl ta’ dan il-kuntest, il-Kummissjoni kienet a fortiori f’sitwazzjoni fejn hija kellha tiddeċiedi dwar ir-rilevanza tal-Artikolu 56 TFUE bħala “dispożizzjon[i] oħra tad-dritt tal-Unjoni” li fir-rigward tagħha hija kellha eventwalment teżamina l-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mas-suq intern.

33      Għalhekk, ir-rikorrenti ssostni ġustament li d-Deċiżjoni kkontestata ma tippermettilhiex tifhem ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni eżaminat il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tar-rekwiżit ta’ remunerazzjoni minima biss fir-rigward tal-Artikolu 8 tar-Regolament Ruma I, u mhux fid-dawl, b’mod partikolari, tal-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi, stabbilit fl-Artikolu 56 TFUE.

34      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-Kummissjoni naqset milli tispjega għaliex, fil-fehma tagħha, l-unika dispożizzjoni rilevanti, minbarra l-Artikoli 107 u 108 TFUE, li fir-rigward tagħha hija kellha teżamina l-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tar-rekwiżit ta’ remunerazzjoni minima kien l-Artikolu 8 tar-Regolament Ruma I, bl-esklużjoni “ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni” u, b’mod partikolari, tal-Artikolu 56 TFUE li jistabbilixxi l-libertà li jiġu pprovduti servizzi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ma hijiex f’pożizzjoni li tistħarreġ jekk ir-rekwiżit ta’ remunerazzjoni minima kienx kompatibbli ma’ “dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni” u, għalhekk, jekk il-miżura inkwistjoni kollha kemm hi kinitx kompatibbli mas-suq intern.

35      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-fatt, irrilevat fil-paragrafu 94 tad-Deċiżjoni kkontestata, li, fid-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, ebda proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE ma kienet inbdiet kontra r-Repubblika Taljana minħabba l-leġiżlazzjoni msemmija fl-ilment. Fil-fatt, mill-istruttura tal-Artikolu 258 TFUE jirriżulta li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata tibda tali proċedura. F’dan ir-rigward hija għandha setgħa diskrezzjonali (sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni, C‑280/08 P, EU:C:2010:603, punt 47). Għaldaqstant, il-fatt li l-Kummissjoni ma bdietx proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma jfissirx li l-leġiżlazzjoni Taljana inkwistjoni hija kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, din il-preċiżazzjoni ma għandhiex effett fuq in-natura insuffiċjenti tal-motivazzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata.

36      Fir-rigward tad-dikjarazzjoni li tinsab fil-paragrafu 99 tad-Deċiżjoni kkontestata li “[h]uwa għall-awtoritajiet Taljani kompetenti u, jekk ikun il-każ, il-qrati Taljani, li jiżguraw li [r-rekwiżit ta’ remunerazzjoni minima] jiġi implimentat u eżegwit b’mod kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali], għandu jitfakkar li l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni, taħt l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2012, Mitteldeutsche Flughafen u Flughafen Leipzig-Halle vs Il‑Kummissjoni, C‑288/11 P, EU:C:2012:821, punt 79). Għaldaqstant, il-fatt li l-awtoritajiet jew il-qrati Taljani jistgħu jiżguraw li dan ir-rekwiżit jiġi implimentat u eżegwit b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni ma jeżentax lill-Kummissjoni mill-obbligu tagħha li tevalwa l-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern, inkluż, jekk ikun il-każ, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni minbarra l-Artikoli 107 u 108 TFUE. Għaldaqstant, l-affermazzjoni li tinsab fil-paragrafu 99 tad-Deċiżjoni kkontestata hija wkoll mingħajr effett fuq in-natura insuffiċjenti tal-motivazzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata.

37      Fl-aħħar, hija ġurisprudenza stabbilita li l-motivazzjoni ma tistax tkun espressa għall-ewwel darba u a posteriori quddiem il-qorti, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2011, Evropaïki Dynamiki vs BEI, T‑461/08, EU:T:2011:494, punt 109 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, l-ispjegazzjonijiet ippreżentati mill-Kummissjoni fir-risposta u waqt is-seduta, li jgħidu li l-miżura inkwistjoni ma tiksirx il-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-eżami “ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni” ma kinitx neċessarja, ma jistgħux jikkompletaw il-motivazzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata fil-mori tal-kawża.

38      Għaldaqstant, id-Deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata sa fejn il-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuqha mill-Artikolu 296 KE.

[omissis]

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL‑QORTI ĠENERALI (L‑Għaxar Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 9625 final tat22 ta’ Diċembru 2020 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.59029 (2020/N) – LItalja – COVID19: Skema ta’ kumpens għall-kumpanniji tal-ajru detenturi ta’ liċenzja maħruġa mill-awtoritajiet Taljani hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni hija kkundannata tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll dawk sostnuti minn Ryanair DAC.

3)      Neos SpA, Blue panorama airlines SpA u Air Dolomiti SpA – Linee aeree regionali Europee għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Kornezov

Buttigieg

Hesse

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑24 ta’ Mejju 2023.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


1      Qed jiġu rriprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis li l-pubblikazzjoni tagħhom hija utli.