Language of document : ECLI:EU:T:2023:279

Kawża T268/21

(Pubblikazzjoni ta’ estratti)

Ryanair DAC

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Għaxar Awla) tal24 ta’ Mejju 2023

“Għajnuna mill-Istat – Suq Taljan tat-trasport bl-ajru – Skema ta’ kumpens għall-kumpanniji tal-ajru detenturi ta’ liċenzja maħruġa mill-awtoritajiet Taljani – Deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet – Għajnuna intiża sabiex tirrimedja għad-danni kkawżati minn avveniment straordinarju – Obbligu ta’ motivazzjoni”

1.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern mingħajr ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali – Rikorsi tal-partijiet interessati fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE – Rikors intiż li jissalvagwardja d-drittijiet proċedurali tal-partijiet interessati – Ammissibbiltà

(Artikolu 108(2) u (3), u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Kunsill 2015/1589, Artikolu 1(h))

(ara l-punti 10 sa 15)

2.      Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat – Deċiżjoni li ma tinfetaħx il-proċedura ta' investigazzjoni formali – Espożizzjoni qasira tar-raġunijiet li wasslu lill-Kummissjoni tikkonkludi li ma kienx hemm diffikultajiet serji ta’ evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna kkonċernata mas-suq intern – Assenza – Motivazzjoni insuffiċjenti

(It-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE)

(ara l-punti 20 sa 38)

Sunt

Il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova miżura ta’ għajnuna li tikkonsisti f’sussidji mħallsa mill-Italja lil kumpanniji tal-ajru Taljani fil-kuntest tal-pandemija tal-Covid-19

Il-Kummissjoni ma mmotivatx il-konklużjoni tagħha li abbażi tagħha l-miżura inkwistjoni ma kinitx tmur kontra dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni minbarra dawk li jirrigwardaw l-għajnuna mill-Istat

F’Ottubru 2020, ir-Repubblika Taljana kkomunikat lill-Kummissjoni Ewropea miżura ta’ għajnuna li tikkonsisti f’sussidji mħallsa lil ċerti kumpanniji tal-ajru detenturi ta’ liċenzja Taljana permezz ta’ fond ta’ kumpens għad-danni ta’ EUR 130 miljun (iktar ’il quddiem il-“miżura inkwistjoni”). Din il-miżura kienet intiża biex tirrimedja għad-danni sostnuti mill-kumpanniji tal-ajru eliġibbli minħabba restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u miżuri oħra ta’ konfinament meħuda fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19.

Skont waħda mill-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà previsti mill-miżura inkwistjoni, sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw minnha, il-kumpanniji tal-ajru kellhom japplikaw għall-impjegati tagħhom li l-bażi ta’ residenza tagħhom kienet fl-Italja, kif ukoll għall-impjegati ta’ impriżi terzi li jipparteċipaw fl-attività tagħhom, remunerazzjoni ekwivalenti jew ogħla mir-remunerazzjoni minima stabbilita mill-ftehim kollettiv nazzjonali applikabbli għas-settur tat-trasport bl-ajru, konkluż mill-organizzazzjonijiet tas-sidien u tas-sindakati kkunsidrati bħala l-iktar rappreżentattivi fil-livell nazzjonali (iktar ’il quddiem ir-“rekwiżit ta’ remunerazzjoni minima”).

Mingħajr ma fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet fir-rigward tal-miżura inkwistjoni, minħabba li kienet kompatibbli mas-suq intern (1).

Adita b’rikors għal annullament ippreżentat mill-kumpannija tal-ajru Ryanair, il-Qorti Ġenerali annullat din id-deċiżjoni minħabba ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, kif previst fl-Artikolu 296 TFUE.

Ilkunsiderazzjonijiet talQorti Ġenerali

Skont ġurisprudenza stabbilita, deċiżjoni li ma tinfetaħx il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward ta’ għajnuna kkomunikata għandha tinkludi r-raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni tqis li ma hemmx diffikultajiet serji fl-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna kkonċernata mas-suq intern. Għalkemm motivazzjoni qasira hija suffiċjenti fir-rigward ta’ dan il-punt, hija għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni qieset li ma hemmx tali diffikultajiet.

Issa, il-Qorti Ġenerali qieset li dan ma kienx il-każ hawnhekk.

Minn naħa, hija rrilevat li, fid-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tafferma kemm li r-rekwiżit ta’ remunerazzjoni minima kien marbut b’mod inseparabbli mal-miżura inkwistjoni, u li dan ir-rekwiżit ma kienx inerenti għall-għan tal-imsemmija miżura, mingħajr madankollu ma turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament li wassalha għal din l-affermazzjoni doppja.

Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-konklużjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, li abbażi tagħha r-rekwiżit ta’ remunerazzjoni minima ma kienx imur kontra “dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni” minbarra l-Artikoli 107 u 108 TFUE, kienet ukoll ivvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni.

F’dak li jirrigwarda dan il-punt, hija osservat li l-unika dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, minbarra l-Artikoli 107 u 108 TFUE, li fir-rigward tagħha l-Kummissjoni eżaminat dan ir-rekwiżit hija l-Artikolu 8 tar-Regolament Ruma I (2), li jistabbilixxi regoli speċjali ta’ kunflitti tal-liġijiet dwar il-kuntratt individwali ta’ xogħol. Madankollu, il-Kummissjoni naqset milli tispjega, fid-Deċiżjoni kkontestata, ir-raġunijiet li jippermettulha tikkunsidra li dan l-artikolu kien l-unika dispożizzjoni rilevanti, minbarra l-Artikoli 107 u 108 TFUE, li fir-rigward tagħha hija kellha teżamina l-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tar-rekwiżit ta’ remunerazzjoni minima. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma indikatx b’mod ċar u inekwivoku l-motivi għalfejn hija kienet qieset li l-imsemmi rekwiżit ma kienx jikkostitwixxi ksur ta’ “dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni”.

Dan in-nuqqas ta’ motivazzjoni jintwera mill-fatt li, matul l-eżami tagħha tar-rekwiżit ta’ remunerazzjoni minima, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni lment tal-Assoċjazzjoni Taljana tal-Kumpanniji tal-Ajru bi Prezz Baxx li jikkontesta l-kompatibbiltà mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-sens tal-Artikolu 56 TFUE ta’ leġiżlazzjoni Taljana li fiha rekwiżit ta’ remunerazzjoni minima simili għal dak inkluż fil-miżura inkwistjoni. Fid-dawl ta’ dan il-kuntest, il-Kummissjoni kellha a fortiori tiddeċiedi dwar ir-rilevanza tal-Artikolu 56 TFUE għall-finijiet tal-eżami tagħha tal-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mas-suq intern.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuqha permezz tal-Artikolu 296 TFUE u annullat, konsegwentement, id-Deċiżjoni kkontestata.


1 Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 9625 final tat‑22 ta’ Diċembru 2020 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.59029 (2020/N) – L‑Italja – COVID‑19: Skema ta’ kumpens għall-kumpanniji tal-ajru detenturi ta’ liċenzja maħruġa mill-awtoritajiet Taljani.


2      Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU 2008, L 177, p. 6, rettifika fil-ĠU 2009, L 309, p. 87).