Language of document :

Kawżi magħquda T-3/00 u T-337/04

Athanasios Pitsiorlas

vs

Il-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea u Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)

“Aċċess għal dokumenti — Ftehim Basle-Nyborg – Rikors għal annullament — Atti li jistgħu jiġu kkontestati — Motivazzjoni — Eċċezzjoni ta’ illegalità — Deċiżjoni 93/731/KE — Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew — Rikors għad-danni — Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità għal aġir illegali ta’ l-istituzzjonijiet tagħha — Dannu — Rabta kawżali”

Sommarju tas-sentenza

1.      Rikors għal annullament — Atti li jistgħu jiġu kkontestati — Kunċett – Atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti

(Artikolu 230 KE)

2.      Il-Kunsill — Dritt ta’ aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Kunsill — Deċiżjoni 93/731

(Deċiżjoni tal-Kunsill 93/731)

3.      Dritt Komunitarju — Prinċipji — Drittijiet fundamentali — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti

(Artikoli 110 KE u 255 KE)

4.      Atti ta’ l-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata

(Artikolu 253 KE)

5.      Rikors għad-danni — Awtonomija mir-rikors għal annullament

1.      Mhuwiex biżżejjed li ittra tkun intbagħtet minn istituzzjoni Komunitarja lid-destinatarju tagħha, b’risposta għal talba magħmula minnu, sabiex tali ittra tkun tista’ tiġi kkwalifikata bħala deċiżjoni fis-sens ta’ l-Artikolu 230 KE, u b’hekk tiftaħ it-triq għar-rikors għal annullament. Huma biss il-miżuri li jipproduċu effetti legali vinkolanti, ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jibdlu b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni ġuridika tiegħu, li jikkostitwixxu atti jew deċiżjonijiet li jistgħu jiġu kkontestati b’rikors għal annullament, skond l-Artikolu 230 KE.

Madankollu, meta, f’risposta għal talba ta’ aċċess għal dokumenti bbażata fuq l-Artikolu 23.3 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, id-deċiżjoni tal-Kunsill Regolatorju li tiċħad din it-talba għal aċċess kienet ġiet materjalment ifformalizzata fir-rigward tar-rikorrent biss permezz ta’ l-att ta’ notifika li bih huwa ġie informat, jeħtieġ li t-talbiet tar-rikorrent jiġu interpretati fis-sens li huma intiżi għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni, kif ġiet innotifikata lilu permezz ta’ l-imsemmija ittra.

(ara l-punti 58, 63, 65)

2.      Jirriżulta mill-kliem ta’ l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni 93/731, rigward l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Kunsill, li l-possibbiltà għall-Kunsill li jilqa’ talba għal aċċess tippreżumi, evidentement, mhux biss li d-dokumenti msemmija f’din it-talba jkunu jeżistu, iżda li jkunu miżmuma wkoll mill-istituzzjoni.

Skond il-preżunzjoni ta’ legalità marbuta mal-atti Komunitarji, l-ineżistenza ta’ dokument li l-aċċess tiegħu ntalab hija preżunta meta affermazzjoni f’dan is-sens issir mill-istituzzjoni kkonċernata. Din hija madankollu preżunzjoni sempliċi li r-rikorrent jista’ jirribatti bil-mezzi kollha, fuq il-bażi ta’ provi rilevanti u konkordanti.

(ara l-punti 131, 140)

3.      Id-drittijiet fundamentali ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala prerogattivi assoluti u huwa leġittimu li tiġi rriżervata fir-rigward ta’ dawn id-drittijiet l-applikazzjoni ta’ ċerti limiti ġġustifikati mill-għanijiet ta’ interess ġenerali segwiti mill-Komunità, sakemm ma tiġix ippreġudikata s-sustanza ta’ dawn id-drittijiet.

Fir-rigward tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti miżmuma mill-awtoritajiet pubbliċi Komunitarji, inkluż il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), jekk dan id-dritt jista’ jiġi kkunsidrat bħala dritt fundamentali protett mis-sistema ġuridika Komunitarja bħala prinċipju ġenerali tad-dritt, motivi marbuta mal-protezzjoni ta’ l-interess pubbliku jew ta’ interess privat jistgħu legalment jirrestrinġu dan id-dritt.

Ir-restrizzjonijiet ta’ aċċess għal dokumenti miżmuma mill-BĊE li jirriżultaw, fost l-oħrajn, mill-Artikolu 23.3 tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, li jipprevedi, b’mod partikolari, perijodu ta’ kunfidenzjalità ta’ 30 sena għad-dokumenti li jinżammu fl-arkivji tal-Kumitat tal-Gvernaturi, huma marbuta mal-ħidmiet fdati lill-BĊE mit-Trattat, li l-awturi tiegħu kellhom manifestament l-intenzjoni li huwa jkun jista’ jwettaqhom b’mod indipendenti. Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata permezz ta’ l-Artikolu 110 KE u l-Artikolu 255 KE li minnhom tirriżulta esklużjoni tal-BĊE mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni u, għalhekk anki, l-eżistenza ta’ trattament partikolari tal-BĊE meta mqabbel mal-Parlament Ewropew, mal-Kunsill u mal-Kummissjoni dwar l-aċċess għal dokumenti.

Għalhekk il-protezzjoni ta’ l-interess pubbliku marbut mal-politika monetarja fil-Komunità tikkostitwixxi motiv leġittimu ta’ limitazzjoni tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti li jinżammu mill-awtoritajiet pubbliċi Komunitarji, ikkunsidrat bħala dritt fundamentali.

(ara l-punti 221-223, 228, 229, 231, 232)

4.      Il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 253 KE għandha tiġi adattata għan-natura ta’ l-att in kwistjoni u għandha tagħti b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament ta’ l-istituzzjoni, awtriċi ta’ l-att, b’mod li jippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu r-raġunijiet tal-miżura adottata u l-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha. Mhuwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha ta’ fatt u ta’ dritt rilevanti, in kwantu l-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ dan l-Artikolu għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-kliem tiegħu, iżda wkoll tal-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat.

L-istituzzjoni li tiġi ppreżentata b’talba ta’ aċċess għal dokumenti għandha turi fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni tagħha li hija pproċediet għal evalwazzjoni konkreta tad-dokumenti li qed jintalab l-aċċess għalihom. Deċiżjoni li ma tinvoka ebda bżonn jew motiv partikolari ta’ protezzjoni fir-rigward ta’ l-imsemmija dokumenti u lanqas ma tipprovdi, a fortiori, ebda spjegazzjoni, anki qasira, li tiġġustifika r-rifjut tagħha li tiżvela l-kontenut tad-dokumenti, li tippermetti li tiġi mifhuma u vverifikata r-realtà tal-bżonn ta’ protezzjoni, ma tissodisfax l-imsemmija kundizzjonijiet u għandha għalhekk tiġi annullata. Il-preċiżjoni biss tan-natura tad-dokumenti, li għalihom qed jintalab aċċess, ma tistax tiġi mqabbla ma’ evalwazzjoni ta’ elementi ta’ informazzjoni li jinsabu fl-imsemmija dokumenti.

Barra minn hekk, il-motivazzjoni għandha tidher fil-kontenut tad-deċiżjoni stess u, jekk din tikkostitwixxi bidu ta’ motivazzjoni, din ta’ l-aħħar ma tistax tiġi żviluppata u speċifikata għall-ewwel darba u a posteriori quddiem il-Qorti Komunitarja, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali li mhumiex sodisfatti fil-każ fejn mhemm ebda urġenza u meta l-att li għandu jiġi adottat mill-awtorità in kwistjoni huwa ta’ natura unika.

(ara l-punti 261, 263, 267, 269, 278, 279)

5.      Ir-rikors għal responsabbiltà huwa rimedju awtonomu, li għandu l-funzjoni partikolari tiegħu fil-kuntest tas-sistema tar-rimedji u huwa suġġett għal kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju maħsuba fid-dawl tal-għan speċifiku tiegħu. Filwaqt li r-rikorsi għal annullament u għal nuqqas li tittieħed azzjoni huma intiżi sabiex jissanzjonaw l-illegalità ta’ att legalment vinkolanti jew in-nuqqas ta’ tali att, ir-rikors għal responsabbiltà għandu bħala għan it-talba għal kumpens għad-danni li jirriżulta minn att jew minn aġir illegali imputabbli lil istituzzjoni jew lil korp Komunitarja.

Meta rikorrent isegwi rikors għal annullament b’rikors għad-danni, li minnu jirriżulta b’mod ċar li l-aġir illegali li bih huma akkużati l-istituzzjonijiet konvenuti huwa preċiżament ikkostitwit mill-adozzjoni tad-deċiżjonijiet li r-rikorrent jitlob l-annullament tagħhom, u, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors għad-danni u sabiex juri l-aġir illegali tal-konvenuti, jiżviluppa argumenti parzjalment identiċi għal dawk magħmula bil-għan li tinkiseb in-nullità ta’ l-atti in kwistjoni, il-prinċipju ta’ l-awtonomija tar-rimedji jipprojbixxi evalwazzjoni waħda biss tal-motivi kollha ta’ illegalità allegati fil-kuntest tar-rikorsi għal annullament u għad-danni, fid-dawl tal-konsegwenzi differenti tad-deċiżjonijiet li jilqgħu favorevolment l-imsemmija rikorsi. Għalhekk, il-fatt li rikors għal annullament jiġi milqugħ iwassal għat-tneħħija mis-sistema ġuridika Komunitarja ta’ l-att ikkontestat filwaqt li suċċess tar-rikors għad-danni jippermetti biss il-kumpens tad-dannu kkawżat permezz ta’ dan l-att, mingħajr eliminazzjoni awtomatika ta’ dan ta’ l-aħħar.

L-għaqda tal-kawżi għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza mhijiex tali li tinvalida din il-konklużjoni, billi d-deċiżjoni ta’ tagħqid ma taffettwax l-indipendenza u n-natura awtonoma tal-kawżi kkonċernati, deċiżjoni li ma tgħaqqadhomx hija dejjem possibbli.

(ara l-punti 280-281, 283-285)