Language of document : ECLI:EU:T:2007:290

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (L-Ewwel Awla Estiża)

17 ta’ Settembru 2007(*)

“Komunità Ewropea ta’ l-Enerġija Atomika – Investimenti – Komunikazzjoni lill-Kummissjoni tal-proġetti ta’ investiment – Metodi ta’ eżekuzzjoni –Regolament (Euratom) Nru 1352/2003 – Nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni – Artikoli 41 KEEA sa 44 KEEA – Prinċipju ta’ ċertezza legali”

Fil-kawża T-240/04,

Ir-Repubblika Franċiża, inizjalment irrappreżentata minn F. Alabrune, G. de Bergues, C. Lemaire u E. Puisais, wara minn M. de Bergues u S. Gasri, bħala aġenti

rikorrenti

sostnuta minn

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn C.­D. Quassowski u Mme A. Tiemann, bħala aġenti,

u minn

Ir-Renju tal-Belġju, inizjalment irrappreżentat minn D. Haven, wara minn M. Wimmer, u fl-aħħar nett minn A. Hubert, bħala aġenti, assistiti minn MJ.‑F. De Bock, avukat,

intervenjenti

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn M. Patakia, bħala aġent,

konvenuta

li għandha bħala suġġett l-annullament tar-Regolament tal-Kummissjoni (Euratom) Nru 1352/2003 tat-23 ta’ Lulju 2003, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1209/2000 li jistabbilixxi l-proċeduri għall-effettwar tal-komunikazzjonijiet stipulati taħt l-Artikolu 41 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ta’ l-Enerġija Atomika (ĠU L 192, p. 15),

IL-QORTI TAL-PRIM’ ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (L-Ewwel Awla Estiża),

komposta minn J. D. Cooke, President, R. García-Valdecasas, I. Labucka, M. Prek u V. Ciucă, Imħallfin,

Reġistratur: K. Pocheć, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Mejju 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        L-Artikolu 41 KEEA jipprovdi :

“Persuni jew intrapriżi konnessi mal-friegħi ta’ l-industrija indikati fl-Anness II ta’ dan it-Trattat għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-proġetti ta’ investiment li għandhom x’jaqsmu ma’ faċilitajiet ġodda, tibdil jew konverżjoni li jikkorrispondu kwantu għal tip jew skop mal-kriterji stabbiliti mill-Kunsill, li jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni

Il-lista tal-friegħi ta’ l-industrija li hemm referenza għalihom hawn fuq tista’ tkun emendata mill-Kunsill, li jaġixxi permezz ta’ vot ta’ maġġoranza kkwalifikata fuq proposta tal-Kummissjoni, li qabel għandha titlob l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku w Soċjali.”

2        Skond l-Artikolu 42 KEEA :

“Il-proġetti li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 41 għandhom ikunu kkomunikati lill-Kummissjoni u, għall-iskopijiet ta’ l-informazzjoni, lill-Istat Membru kkonċernat, mhux iktar tard minn tlett xhur qabel il-konklużjoni ta’ l-ewwel kuntratti mal-fornituri jew, jekk ix-xogħol ikun ser jitwettaq mill-intrapriża nnifisha bil-mezzi tagħha, minn tlett xhur qabel jibda dak ix-xogħol.

Il-Kunsill li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni, jista’ jvarja dan it-terminu ta’ żmien.”

3        L-Artikolu 43 KEEA jipprovdi :

“Il-Kummissjoni għandha tiddiskuti ma’ persuni jew impriżi l-aspetti kollha ta’ xi proġetti ta’ investiment li għandhom x’jaqsmu ma’ l-iskopijiet ta’ dan it-Trattat.

Il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-opinjonijiet tagħha lill-Istati Membri kkonċernati.”

4        Skond l-Artikolu 44 KEEA : 

“Bil-ftehim ma’ l-Istati Membri, persuni jew impriżi kkonċernati, il-Kummissjoni tista’ tagħmel pubbliċi xi proġetti ta’ l-investiment ikkomunikati lilha.»

5        Skond l-Artikolu 124 KEEA :

“Bil-għan li tassigura l-funzjonament u l-iżvilupp tal-Komunita’, il-Kummissjoni għandha :

–        tassigura li sseħħ l-applikazzjoni tad-disposizzjonijiet ta’ dan it-Trattat u tal-miżuri adottati mill-istituzzjonijiet tal-Komunità bis-saħħa tiegħu,

–        tifformula rakkomandazzjonijiet jew opinjonijiet dwar kwistjonijiet trattati f’dan it-Trattat, f’każijiet fejn dan huwa preskritt espliċitament jew fejn il-Kummissjoni tikkunsidra meħtieġ;

–        ikollha kompetenza indipendenti ta’ deċiżjoni, u tieħu parti fil-preparazzjoni ta’ deċiżjonijiet mill-Kunsill u l-Parlament Ewropew, skond il-kondizzjonijiet imniżżla f’dan it-Trattat;

–        teżerċita s-setgħat mogħtija lilha mill-Kunsill bil-għan li tesegwixxi r-regoli preskritti minn dan tal-aħħar.”

6        Skond l-Artikolu 161 KEEA :

“Biex iwettqu l-kompiti tagħhom u skond il-kondizzjonijiet stipulati f’dan it-Trattat, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jagħmlu regolamenti, joħorġu direttivi, jieħdu deċiżjonijiet u jifformulaw rakkomandazzjonijiet jew jagħtu opinjonijiet.

Ir-regolamenti għandhom ikunu ġenerali fl-iskop tagħhom, jorbtu fl-intier tagħhom u direttament applikabbli f’kull Stat Membru.

[…]”

7        Skond l-Artikolu 203 KEEA :

“Jekk ikun jidher meħtieġ li l-Komunità tieħu azzjoni biex jintlaħaq xi wieħed mill-għanijiet tal-Komunità, u jekk dan it-Trattat ma jkunx ipprovda għal xi setgħa t’azzjoni hekk meħtieġa għal dan il-għan, il-Kunsill, b’vot unanimu fuq proposta mill-Kummissjoni, u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, għandu jieħu l-passi xierqa.”

8        Ir-Regolament tal-Kummissjoni (Euratom) Nru 1352/2003 tat-23 ta’ Lulju 2003 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1209/2000 li jistabbilixxi l-proċeduri għall-effettwar tal-komunikazzjonijiet stipulati taħt l-Artikolu 41 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ta’ l-Enerġija Atomika (ĠU L 192, p. 15, iktar’il quddiem ir-“Regolament ikkontestat”), ipprovdi fil-premessa 1 tiegħu li bil-ħsieb li tiżdied it-trasparenza u ċ-ċertezza legali, huwa neċessarju li jiġu msaħħa r-regoli eżistenti u li jiġu formalizzati l-użanzi pprattikati mill-Kummissjoni biex tmexxi d-diskussjonijiet u biex teżamina l-proġetti ta’ investiment li jirreferu għall-għanijiet tat-Trattat KEEA. Dan jirreferi, minn naħa, għall-Artikoli 41 KEEA u 44 KEEA u, min-naħa l-oħra, għar-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 2587/1999 tat-2 ta’ Diċembru 1999, li jiddefinixxi l-proġetti ta’ l-investiment li għandhom jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 41 KEEA (ĠU L 315, p. 1).

9        L-Artikolu 1(3) tar-Regolament ikkontestat introduċa fir-Regoalment tal-Kummissjoni (KE) Nru 1209/2000 tat-8 ta’ Ġunju 2000, li jistabbilixxi l-proċeduri għall-effettwar tal-komunikazzjonijiet stipulati taħt l-Artikolu 41 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ta’ l-Enerġija Atomika (ĠU L 138, p. 12), b’mod partikolari, l-Artikoli 3a, 3b, 3c, 3d, 38, li jipprovdi :

“L-Artikolu 3a

“1. Il-Kummissjoni għandha teżamina l-komunikazzjoni malli tirċeviha. Hija għandha tesprimi l-veduti tagħha f’rakkomandazzjoni.

2. Fejn il-Kummissjoni, wara li jkun sar eżami, issib li l-proġett ta’ investiment li jkun ġie kkomunikat, ma jqajjem l-ebda dubji rigward l-għanijiet u l-osservanza tat-Trattat [KEEA], hija tirreġistra dik is-sejba u tesprimi l-veduti tagħha permezz ta’ rakkomandazzjoni kkomunikata lill-persuni, lill-impriżi u lill-Istat Membru konċernati.

3. Fejn il-Kummissjoni, wara li jkun sar eżami, issib li l-proġett ta’ investiment li jkun ġie kkomunikat, iqajjem dubji rigward l-għanijiet u l-osservanza tat-Trattat [KEEA], hija għandha tagħti bidu għal proċedura dettaljata ta’ eżami biex jiġu diskussi iktar fil-fond l-aspetti kollha tal-proġett ta’ investiment li jirrigwardaw l-għanijiet ta’ dak it-Trattat [KEEA].

4. Għandha tiġi magħmula rakkomandazzjoni fi żmien xahrejn skond it-tieni paragrafu u skond il-ftuħ tal-proċedura dettaljata ta’ eżami, li hemm riferenza għaliha fit-tielet paragrafu. Dak il-perjodu għandu jibda jgħodd ġurnata wara li tkun waslet komunikazzjoni sħiħa konformi mad-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u tar-Regolament […] Nru 2587/1999. Il-komunikazzjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala sħiħa jekk fi żmien xahrejn mill-wasla tagħha, jew mill-wasla ta’ kull tagħrif ieħor mitlub, il-Kummissjoni ma titlobx iktar tagħrif.

5. Fejn il-Kummissjoni ma tkunx ħarġet rakkomandazzjoni skond it-tieni paragrafu u lanqas ma tkun aġixxiet fiż-żmien tal-perjodu stabbilit fir-raba’ paragrafu, il-proġett ta’ investiment jitqies li huwa skond l-għanijiet u d-disposizzjonijiet tat-Trattat [KEEA].

Artikolu 3b

1. Fejn il-Kummissjoni jidhrilha li t-tagħrif mogħti mill-persuna jew mill-impriża konċernata fir-rigward ta’ proġett ta’ investiment ikkomunikat lilha, mhux komplut, hija għandha titlob it-tagħrif kollu meħtieġ. Fejn il-persuna jew l-impriża konċernata twieġeb għal talba bħal din, il-Kummissjoni għandha tavża lil dik il-persuna jew dik l-impriża li hija tkun irċeviet it-tweġiba.

2. Fejn il-persuna jew l-impriża konċernata ma tfornix it-tagħrif mitlub fiż-żmien stipulat mill-Kummissjoni jew tagħti tagħrif mhux komplut, il-Kummissjoni għandha tibgħat nota ta’ tfakkir, fejn tagħti perjodu addizzjonali xieraq li fih għandhu jingħata t-tagħrif.

Artikolu 3c

1. Meta l-Kummissjoni tiftaħ il-proċedura dettaljata ta’ l-eżami, għandha tiġbor fil-qosor l-argumenti rilevanti tal-fatti u l-liġi u tinkludi valutazzjoni preliminarja tal-proġett ta’ investiment b’relazzjoni għad-disposizzjonijiet u l-għanijiet tat-Trattat tal-Euratom u r-Regolament (Euratom) Nru 2587/1999. Il-Kummissjoni għandha ssejjaħ lill-persuni jew impriżi konċernati sabiex jibagħtu l-kummenti tagħhom u sabiex jiddiskutu iktar fil-fond mal-Kummissjoni f’perjodu stabbilit li normalment m’għandux jeċċedi x-xahrejn.

2. Il-persuni jew impriżi konċernati huma mħeġġa sabiex ma jġibux fis-seħħ il-proġett ta’ investiment qabel ma l-Kummissjoni tkun ħarġet ir-rakkomandazzjoni tagħha dwar dak il-proġett jew qabel ma jkun meqjus li huwa skond l-għanijiet u d-disposizzjonijiet tat-Trattat [KEEA] kif previst fl-Artikolu 3a(5).

Artikolu 3d

1. Fejn il-Kummissjoni ssib, wara diskussjoni u/jew bdil mill-persuna jew impriża konċernata, li l-proġett ta’ investiment huwa skond l-għanijiet u d-disposizzjonijiet tat-Trattat [KEEA], hija għandha tirreġistra l-veduti tagħha permezz ta’ rakkomandazzjoni kkomunikata lill-persuni, impriżi u Stat Membru konċernati.

2. Fejn il-Kummissjoni ssib, wara diskussjoni u/jew bdil mill-persuna jew impriża konċernata, li l-proġett ikkomunikat mhux konformi ma’ l-għanijiet u d-disposizzjonijiet tat-Trattat [KEEA], hija għandha tesprimi l-veduti tagħha permezz ta’ rakkomandazzjoni kkomunikata lill-persuni, impriżi u Stat Membru konċernati.

3. Il-veduti meħuda skond l-ewwel u t-tieni paragrafi għandhom jittieħdu malli d-dubji msemmija fl-Artikolu 3a(3) jitneħħew. Il-Kummissjoni għandha, sakemm hu possibbli, tagħmel ħilitha biex tadotta rakkomandazzjoni f’perjodu ta’ sitt xhur mill-ftuħ tal-proċedura dettaljata ta’ l-eżami.

4. Ġaladarba l-perjodu li hemm referenza għalih fit-tielet paragrafu jkun skada, u jekk il-persuna jew l-impriża konċernata titlob dan, il-Kummissjoni għandha, fi żmien xahrejn, toħroġ ir-rakkomandazzjoni tagħha fuq il-bażi tat-tagħrif li jkollha għad-disposizzjoni tagħha.

Artikolu 3e

Wara li tkun ħarġet ir-rakkomandazzjoni tagħha dwar il-proġett ta’ investiment imsemmi, il-Kummissjoni għandha timmonitorja, u fejn xieraq, tiddiskuti mal-persuni u impriżi konċernati, il-miżuri speċifiċi meħuda jew li huma intiżi li jittieħdu skond ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni.”

10      L-Artikolu 1(4) tar-Regolament ikkontestat introduċa fir-Regolament Nru 1209/2000 l-Artikoli 4a u 4b li jipprovdu :

“Article 4a

Il-Kummissjoni għandha tikkomunika lill-persuni jew impriżi li jkunu kkomunikaw proġett ta’ investiment kull kumment/i jew opinjonijiet minn terzi persuni dwar il-proġett li jistgħu jinfluwenzaw ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni.

Artikolu 4b

1. Il-Kummissjoni għandha, bil-kunsens ta’ l-Istati Membri, il-persuni u l-impriżi konċernati, tippubblika kull proġett ta’ investiment li jkun ġie kkomunikat lilha kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet maħruġa skond dan ir-Regolament.

2. Ta’ kull sena, il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport li jirreġistra l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet magħmula kif ukoll il-miżuri speċifiċi meħuda mill-persuni jew impriżi konċernati bi tweġiba għall-veduti tal-Kummissjoni.

Dan ir-rapport għandu jirrispetta, fejn meħtieġ, ir-regoli dwar is-segretezza professjonali jekk il-kunsens li hemm referenza għalih fl-Artikolu 44 tat-Trattat [KEEA] ma jkunx finalment mogħti.”

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

11      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Ottubru 2003, ir-Repubblika Franċiża ressqet ir-rikors preżenti. B’digriet tat-8 ta’ Ġunju 2004, il-Qorti tal-Ġustizzja rrinvijat il-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

12      Fit-2 ta’ Jannar 2004, ir-Repubblika Federali tal-Ġemranzja ressqet talba ta’ intervent in sostenn tat-talbiet tar-rikorrenti. B’digriet ta’ l-24 ta’ Marzu 2004, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja laqa’ dan l-intervent. Fit-8 ta’ Ġunju 2004, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ippreżentat in-nota ta’ intervent tagħha.

13      Fid-9 ta’ Ġunju 2004, ir-Renju tal-Belġju ressaq talba għal intervent in sostenn tat-talbiet tar-rikorrenti. B’digriet tat-8 ta’ Novembru 2004, il-President ta’ l-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza laqa’ dan l-intervent u awtorizza lir-Renju tal-Belġju sabiex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu matul il-proċedura orali, skond l-Artikolu 116(6) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

14      Fil-kuntest tal-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti tal-Prim’Istanza stiedent lill-Kummissjoni sabiex tissottometti ċerti dokumenti u sabiex tirrispondi għal ċerti mistoqsijiet. Il-Kummissjoni rrispettat dawn it-talbiet.

15      Fuq Rapport ta’ l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (L-Ewwel Awla Estiża) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

16      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza instemgħu matul is-seduta tas-16 ta’ Mejju 2007.

17      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        tannulla r-Regolament ikkontestat;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

18      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li tintervjeni in sostenn tar-rikorrenti, titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha :

–        tannulla r-Regolament ikkontestat;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

19      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors għal annullament bħala infondat ;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Fuq il-mertu

20      In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tissolleva erba’ motivi, ibbażati fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tadotta r-Regolament ikkontestat, il-ksur ta’ l-Artikoli 42 KEEA sa 44 KEEA kif ukoll l-Artikolu 194(1) KEEA u, fl-aħħar nett, il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tadotta r-Regolament ikkontestat.

 L-argumenti tal-partijiet

21      Ir-rikorrenti ssostni li la l-Artikoli 41 KEEA sa 44 KEEA u lanqas ir-Regolament Nru 2587/1999 ma jikkostitwixxu bażi ġuridika li tippermetti lill-Kummissjoni li tadotta r-Regolament ikkontestat, peress li dawn ma jagħtuhiex la setgħa ta’ eżekuzzjoni u lanqas awtorizzazzjoni sabiex tadotta regolamenti. Mandankollu, skond il-prinċipju ta’ attribuzzjoni tal-kompetenzi, il-Kummissjoni ma setgħetx tadotta r-Regolament ikkontestat ħlief jekk tali kompetenza kienet ġiet espressament prevista.

22      Il-fatt li r-Regolament ikkontestat mhuwiex l-ewwel regolament adottat mill-Kummissjoni sabiex tiddefinixxi l-metodi ta’ eżekuzzjoni tal-komunikazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 41 KEEA huwa mingħajr effett, minħabba li jirriżulta mill-ġurisprudenza li l-adozzjoni tar-regolamenti inkwantu sempliċi prassi ma tistax tieħu prijorità fuq ir-regoli tat-Trattat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Awwissu 1994, Franza vs Il-Kummissjoni, C-327/91, Ġabra p. I-3641).

23      Minbarra dan, ir-rikorrenti, filwaqt li ma tikkontestax l-eżistenza tas-setgħa ta’ awto-organizzazzjoni tal-Kummissjoni skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 131 KEEA, issostni li l-adozzjoni ta’ regolament tissupera din is-setgħa ta’ awto-organizzazzjoni, minħabba li, peress li għandu portata ġenerali u obbligatorja fl-intier tiegħu, ir-regolament ma jistax jiġi utilizzat bħala stument ta’ l-attività interna ta’ istituzzjoni. Il-prinċipju ta’ awtonomija amministrattiva jippermetti lill-Kummissjoni li tistabbilixxi istruzzjonijiet jew dispożizzjonijiet ta’ eżekuzzjoni indirizzati lill-impjegati tagħha, sabiex tirregola l-funzjonament ammnistrattiv intern ta’ l-istituzzjoni, iżda mhux li tindirizza ruħha lil persuni u impriżi li huma esterni għall-istruttura amministattiva, hekk kif huwa għaldaqstant il-każ tar-Regolament ikkontestat.

24      Ir-rikorrenti tikkontesta wkoll l-argument tal-Kummissjoni skond liema r-Regolament ikkontestat mhuwiex regolament kif previst mill-Artikolu 161 KEEA, iżda regolament sui generis, li jimponi obbligi biss fuq il-Kummissjoni u ma jimponix obbligi fuq terzi lejn din l-istituzzjoni, minħabba li din il-kategorija ta’ regolament, differenti minn dik tar-regolamenti previsti mill-Artikolu 161 KEEA, bl-ebda mod ma hija prevista mit-Trattat KEEA. F’kull każ, ir-rikorrenti tqis li d-dispożizzjonijiet finali tar-Regolament ikkontestat, filwaqt li ssemmi espressament li regolament jorbot fl-intier tiegħu u huwa direttament applikabbli f’kull Stat Membru, għandhom l-istess karatteristiċi tar-regolament kif definit mill-Artikolu 161 KEEA.

25      Fl-aħħar nett, l-argument tal-Kummissjoni, skond liema strument legalment restrittiv wieħed, bħal regolament, huwa fil-pożizzjoni li jagħti ċ-ċertezza legali u t-trasparenza li huma neċessarji għal terzi persuni fir-rigward tar-rispett ta’ l-obbligi proċedurali li hija timponi għandu jiġu miċħud. Fil-fatt, jekk il-Kummisjsoni kienet ikkunsidrat li dan ir-regolament kien neċessarju, hija kellha tressaq proposta f’dan is-sens lill-Kunsill, minħabba li, anki jekk ma kinitx teżisti bażi ġuridika speċifika fit-Trattat KEEA, ir-rikors għall-Artikolu 203 KEEA baqa’ possibbli. Minbarra dan, filwaqt li l-adozzjoni tal-linji gwida kellu jkun biżżejjed sabiex jippermetti lill-Kummissjoni li tilħaq dan l-għan ta’ ċertezza legali, hija ma tistax, konformement mal-ġurisprudenza, titbiegħed mir-regoli li hija kienet imponiet fuqha nfisha.

26      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Renju tal-Belġju jsostnu l-argument tar-rikorrenti u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tosserva minbarra dan, minn naħa, li r-Regolament ikkontestat ma japplikax il-prinċipju skond liema r-responsabbiltà tas-sigurtà ta’ l-installazzjonijiet nukleari hija ta’ l-Istati Membri u, min-naħa l-oħra, li l-kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tadotta r-Regolament ikkontestat ma tistax tibbaża fuq il-prinċipju ta’ l-awtonomija amministrattiva li ma tippermettix lill-Kummissjoni li tistabbilixxi dispożizzjonijiet ta’ eżekuzzjoni indirizzati lejn peruni u lejn impriżi li huma esterni għall-istruttura amministrattiva tagħha.

27      Il-Kummissjoni tirrispondi li hija aġixxiet fil-kuntest tal-kompiti u kompetenzi li ġew assenjati lilha mit-Trattat KEEA. Fil-fatt, l-Artikoli 41 KEEA sa 44 KEEA jinkludu regoli ta’ proċedura intiżi sabiex jassiguraw il-komunikazzjoni, l-eżami u d-diskussjoni tal-proġetti ta’ investiment u b’hekk jagħtu kompetenza lill-Kummissjoni sabiex tiddjaloga direttament ma’ l-impriżi. Skond din ta’ l-aħħar, jekk it-Trattat KEEA ma jagħtix dettalji tal-proċeduri preċiżi li għandhom jiġu segwiti, dan madankollu jħallilha l-ispazju neċessarju kollu sabiex tieħu inizjattivi f’dan il-qasam. Konsegwentement, meta adottat ir-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni ma qabżitx il-kompetenza li kienet ġiet mogħtija lilha mit-Trattat KEEA. B’hekk huwa d-dmir ta’ awto-organizzazzjoni tagħha li tieħu l-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura ta’ eżami tal-proġetti ta’ investiment li jinsabu fir-Regolament ikkontestat. Il-forma leġiżlattiva adottata tippermetti, billi tagħti saħħa legali kbira għall-obbligi li l-Kummissjoni timponi fuqha nfisha, li tassigura livell għoli ta’ ċertezza legali lejn terzi persuni.

28      Ir-Regolament ikkontestat jimponi obbligi biss lil Kummissjoni u mhux lejn terzi persuni, u barra minn hekk mhuwiex regolament skond l-Artikolu 161 KEEA, iżda regolament sui generis. Fil-fatt, skond is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Diċembru 1989, Grimaldi (C-322/88, Ġabra p. 4407), mhuwiex it-titolu jew il-forma tar-regolament ikkontestat li jiddeffinixxi n-natura tiegħu, iżda l-kontenut tad-dispożizzjonijiet tiegħu. Madankollu, jekk jieħu l-forma ta’ regolament sabiex isaħħaħ l-obbligi li l-Kummissjoni timponi fuqha nfisha, billi jiffissa l-proċeduri li jippermettu li d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 41 KEEA sa 44 KEEA u tar-Regolament Nru 2587/1999 jiġu applikati b’mod iktar effettiv, ir-regolament ikkontestat ma jimponix obbligi lil terzi persuni u b’hekk mhuwiex regolament skond l-Artikolu 161 KEEA. Konsegwentement, il-Kummissjoni tqis li l-fatt li d-dispożizzjonijiet jidhru fost iċ-ċitazzjonijiet tar-regolament ikkontestat ma jipprevedux l-adozzjoni minnha ta’ regolamenti skond l-Artikolu 161 KEEA huwa mingħar rilevanza fir-rigward tal-kompetenza tagħha biex tadotta r-Regolament ikkontestat.

29      Minbarra dan, l-għażla tal-forma leġiżlattiva sabiex jiġu adottati dispożizzjonijiet li jinsabu fir-Regolament ikkontestat twassal fl-aħħar nett li jiġi rrispettat il-paralleliżmu tal-forom, peress li r-Regolament ikkontestat jemenda Regolament preċedenti, ir-Regolament Nru 1209/2000.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

30      L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 146 KEEA, il-qorti Komunitarja teżamina l-legalità ta’ l-atti tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, barra r-rakkomandazzjonijiet u l-opinjonijiet. Dan l-Artikolu jixbah l-Artikolu 230 KE u għandu jiġi interpretat b’mod analogu (konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Jacobs fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-10 ta’ Diċembru 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-29/99, Ġabra p. I-11221, I-11225 ; ara wkoll, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-22 ta’ Diċembru 1995, Danielsson et vs Il-Kummissjoni, T-219/95 R, Ġabra p. II-3051, punti 61 sa 76, u, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-25 ta’ Frar 1997, Kernkraftwerke Lippe-Ems vs Il-Kummissjoni, T-149/94 u T-181/94, Ġabra p. II-161, punti 46 u 47). Għal dak li jikkonċerna l-eżami tal-legalità ta’ regolament fil-kuntest tat-Trattat KEEA, għandha tiġi applikata l-ġurisprudenza żviluppata fil-kuntest tat-Trattat KE, sakemm m’hemmx f’dan il-qasam dispożizzjonijiet speċjali jew dispożizzjonijiet fejn l-istruttura hija differenti mill-istruttura ġenerali u l-ispirtu tat-Trattat KE.

31      Skond l-Artikolu 3A, konformement mal-prinċipju ta’ attribuzzjoni tal-kompetenzi, kull istituzzjoni għandha taġixxi fil-limiti tas-setgħat mogħtija lilha mit-Trattat KEEA. Fil-fatt, ir-rispett tal-prinċipju ta’ ċertezza legali jimponi li kull att intiż li joħloq effetti legali għandu jieħu s-saħħa obbligatorja tiegħu minn dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju li għandha espressament tiġi msemmija bħala bażi ġuridika u li tistabbilixxi l-forma ġurdika li dan l-att għandu jkollu (ara, fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat KE, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Ġunju 1993, Franza vs Il-Kummissjoni, C-325/91, Ġabra p. I-3283, punt 26). Id-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet li taħthom tista’ ssir l-adozzjoni ta’ att teħtieġ li għandha tittieħed kunsiderazzjoni tat-tqassim tal-kompetenzi u ta’ l-ekwilibriju stabbilit mit-Trattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Marzu 2004, Franza vs Il-Kummissjoni, C-233/02, Ġabra p. I-2759, punt 40).

32       Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li ma jirriżultax la mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 41 KEEA sa 44 KEEA u lanqas minn dawk tar-Regolament Nru 2587/1999, li huma l-bażijiet ġuridiċi msemmija mir-Regolament ikkontestat, li l-Kummissjoni għandha kompetenza espliċita sabiex tadotta tali regolament.

33      Fil-fatt, l-Artikoli 41 KEEA sa 44 KEEA ma jipprovdux kompetenza leġiżlattiva tal-Kummissjoni dwar il-proċedura ta’ eżami tal-proġetti ta’ investiment. Bl-istess mod, ir-Regolament Nru 2587/1999, ikklassifikat mill-Kummissjoni bħala “Regolament ta’ bażi” tar-Regolament ikkontestat, ma fih ebda dispożizzjoni li tawtorizza espressament lill-Kummissjoni li tadotta regolamenti għall-eżekuzzjoni tiegħu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni stess ma tikkontestax li ebda mill-bażijiet ġuridiċi msemmija fil-Regolament imkontestat ma jawtorizzawha espressament sabiex tadotta dan ir-Regolament.

34      Kif issostni b’mod korrett ir-rikorrenti, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni speċifika li tawtorizza l-Kummissjoni li tadotta regolament, din kellha, kieku l-adozzjoni ta’ tali att tirriżulta neċessarja, ssegwi l-proċedura prevista mill-Artikolu 203 KEEA, jiġifieri li tressaq proposta lill-Kunsill, li seta’ jadotta dan ir-Regolament, b’vot unanimu, wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew.

35      Billi targumenta li hija ma qabżitx il-kompetenzi li ġew mogħtija lilha mill-Artikoli 41 KEEA sa 44 KEEA meta adottat ir-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni ssostni li l-Artikoli 41 KEEA sa 44 KEEA fir-realtà jagħtuha kompetenza sabiex tadotta l-miżuri in kwistjoni. F’dan ir-rigward, peress li fl-ebda waħda mill-bażijiet ġuridiċi msemmija fir-Regolament ikkontestat ma jirriżulta li l-Kummissjoni kienet espressament awtorizzata sabiex tadotta dan ir-Regolament, għandu jiġi eżaminat jekk hija kellhiex il-kompetenza impliċita biex tadotta dan ir-Regolament u b’hekk jekk dan ta’ l-aħħar kienx effettivament neċessarju sabiex jagħti effett utli lill-Artikoli 41 KEEA sa 44 KEEA u lir-Regolament Nru 2587/1999.

36      Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet li setgħat mhux espressament previsti mid-dispożizzjonijiet tat-Trattati setgħu jiġu użati jekk huma kienu neċessarji sabiex jintlaħqu l-għanijiet iffissati minn dawn ta’ l-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta’ Marzu 1971, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, 22/70, Ġabra p. 263, punt 28). Meta Artikolu tat-Trattat KEEA jagħti lill-Kummissjoni kompitu speċifiku u preċiż, għandu jiġi aċċettat, taħt piena li jitneħħa kull effett utli għal din id-dispożizzjoni tat-Trattat KEEA, li dan jagħtiha impliċitatment, permezz ta’ l-istess, is-setgħat indispensabbli sabiex twettaq din il-missjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Lulju 1987, Il-Ġermanja et vs Il-Kummissjoni, 281/85, 283/85 sa 285/85 u 287/85, Ġabra p. 3203, punt 28). B’hekk hekk lok li jiġi rrikonoxxut li r-regoli stabbiliti minn Trattat jimplikaw li jistgħu jiġu adottati n-normi li mingħajrhom dawn ir-regoli ma jistgħux jiġu applikati utliment jew raġonevolment. Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KEEA dwar is-setgħat normattivi ta’ l-istituzzjonijiet għandhom jiġu interpretati fid-dawl ta’ l-istruttura ġenerali ta’ dan it-Trattat (ara, fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat KEFA, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 1960, L-Olanda vs L-Awtorità Għolja, 25/59, Ġabra p. 723, 757 sa 760).

37      Madankollu, l-eżistenza ta’ setgħa leġiżlattiva impliċita, li tikkostitwixxi deroga għall-prinċipju ta’ attribuzzjoni mogħti mill-Artikolu 3(1) KEEA għandha tiġi kkunsidrata b’mod strett. Huwa biss eċċezzjonalment li tali setgħat impliċiti jiġu rrikonoxxuti mill-ġurisprudenza u, sabiex dan iseħħ, għandhom ikunu neċessarji sabiex jassiguraw l-effett utli tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat jew tar-Regolament ta’ bażi kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, iċċitata iktar’il fuq, punt 28 ; Il-Ġermanja et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq, punt 28, u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Ottubru 1995, ir-Renju ta’ l-Olanda vs Il-Kummissjoni, C-478/93, Ġabra p. I-3081, punt 32).

38      Din il-kundizzjoni ta’ neċessità għandha tiġi sodisfatta mhux biss f’dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet sostanzjali tar-Regolament, iżda wkoll f’dak li jikkonċerna l-forma tagħha u n-natura vinkolanti tagħha.

39      Sabiex jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni kienet impliċitament awtorizzata li tadotta r-Regolament ikkontestat, mhux biss l-implementazzjoni korretta ta’ l-Artikoli 41 KEEA sa 44 KEEA u tar-Regolament Nru 2587/1999 jeħtieġu li l-Kummissjoni tkun tista’ tadotta miżuri li jorganizzaw id-dettalji tal-proċedura ta’ eżami tal-proġetti ta’ investiment li jiġu kkomunikati lilha bħal dawk previsti mir-Regolament ikkontestat, iżda wkoll li hija teħtieġ l-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri taħt il-forma ta’ Regolament, li huwa obbligatorju fl-intier tiegħu u huwa direttament applikabbli f’kull Stat Membru.

40      Madankollu, l-argumenti mressqa mill-Kummissjoni fir-rigward tal-ħtieġa li jittieħdu l-miżuri adottati, f’dak li jikkonċerna kemm is-sustanza kif ukoll il-forma tagħhom, ma jistgħux ikunu konvinċenti.

41      Fil-fatt, fir-rigward tas-sutsanza tagħhom, ir-Regolament Nru 2587/1999 sempliċement jiddefinixxi l-proġetti ta’ investiment li għandhom jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 41KEEA u ma jikkonċerna ebda wieħed mill-proċessi ta’ djalogu ulterjuri mal-Kummissjoni dwar dawn il-proġetti. B’hekk huwa ma jistax jagħti lill-Kummissjoni l-kompetenza impliċita sabiex tadotta r-Regolament ikkontestat. Bl-istess mod, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament ikkontestat ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala neċessarji sabiex jagħtu effett utli għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 41 KEEA sa 44 KEEA. Żgur li, il-Kummissjoni għandha, bħal ma hija ssostni, torganizza l-proċedura ta’ komunikazzjoni, ta’ eżami u ta’ diskussjoni tal-proġetti ta’ investiment prevista mill-Artikoli 41 KEEA sa 44 KEEA. Madankollu, il-Qorti tal-Prim’Istanza jikkunsidra li ma kienx neċessarju, sabiex jingħata effett utli għal dawn l-Artikoli tat-Trattat KEEA, li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tirrakkomanda s-sospensjoni tal-proġetti ta’ investiment qabel ma hija tkun spiċċat l-eżami taħhom, kif jipprovdi l-Artikolu 3(ċ)(2) tar-Regolament Nru 1209/2000 kif introdott mir-Regolament ikkontestat, peress li din is-sospensjoni ma kienet bl-ebda mod maħsuba mit-Trattat KEEA. Bl-istess mod, il-fatt li l-Kummissjoni timponi li ssir, skond l-Artikolu 4b tar-Regolament Nru 1209/2000, kif previst mir-Regolament ikkontestat, il-pubblikazzjoni tal-proġetti ta’ investiment li huma kkonunikati lilha ma jistax jiġi kkunsidrat bħala neċessarju għall-implementazzjoni ġusta ta’ l-Artikolu 44 KEEA, li diġà jipprovdi huwa stess din il-possibbiltà ta’ pubblikazzjoni, mingħajr ma din tkun obbligatorja.

42      Minbarra dan u fuq kollox, għandu jiġi kkunsidrat li l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet li jipprovdu d-dettalji tal-proċedura ta’ eżami mill-Kummissjoni tal-proġetti ta’ investiment, bħal dawk tar-Regolament ikkontestat, ma jeħtieġx li jsir rikors għal forma leġiżlattiva. Fil-fatt, sempliċi miżuri ta’ organizzazzjoni interna kienu jkunu biżżejjed sabiex jintlaħqu l-għanijiet li l-Kummissjoni xtaqet tilħaq, skond it-termini tagħha stess. L-argument tal-Kummissjoni skond liema l-forma leġiżlattiva tippermetti li tiġi ggarantita trasparenza akbar u ċertezza legali akbar għal terzi persuni, fir-rigward tar-rispett minnha tar-regoli li hija timponi fuqha nfisha, għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, kif il-Kummissjoni tammetti hija stess, hija għandha l-obbligu li tikkonforma mar-regoli li hija timponi fuqha innifisha (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Lulju 2003, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, T-224/00, Ġabra p. II-2597, punt 182). B’hekk, sempliċi linji gwida jew simpliċi komunikazzjoni, fejn ir-rispett mill-istituzzjoni li hija l-awtriċi jista’ jiġi eżaminat minn qrati Komunitarji, kellhom ikunu biżżejjed sabiex jiggarantixxu t-trasparenza u ċ-ċertezza legali neċessarji fir-rigward tar-rispett mill-Kummissjoni ta’ l-obbligi li hija kellha l-intenzjoni li timponi fuqha nfisha.

43      Ir-Regolament ikkontestat ma jistax jiġi kkunsidrat bħala xorta ta’ regolament intern jew regolament sui generis, peress li jmiss biss l-organizzazzjoni interna tax-xogħlijiet tal-Kummissjoni. Dawn l-atti ma jistgħux jipproduċu effetti legali fil-konfront ta’ terzi persuni. Taħt din il-kategorjia jaqgħu l-atti tal-Kummissjoni li ma jipproduċux effetti legali, u lanqas effetti legali ħlief ġewwa l-Kummissjoni f’dak li jikkonċerna l-oganizzazzjoni tax-xogħlijiet tagħha u huma soġġetti għall-proċeduri ta’ verifika ffissati mir-regolament intern tagħha (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Jannar 2001, Stauner et vs Il-Parlament u Il-Kummissjoni, T-236/00 R, Ġabra p. II-15, punt 43).

44      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, f’kull każ, ir-Regolament ikkontestat jintroduċi dispożizzjonijiet li mhux biss jikkonċernaw l-awtoorganizzazzjoni tal-Kummissjoni, iżda wkoll għandhom effett fuq terzi persuni (ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 3c(2), jew ukoll l-Artikolu 4b tar-Regolament Nru 1209/2000 introdotti mir-Regolament ikkontestat). Madankollu, kif il-Kummissjoni stess tirrikonoxxi, dawn id-dispożizzjonijiet mhumiex intiżi li joħolqu obbligi għal terzi persuni. Barra minn hekk, meta hija ssostni li r-Regolament ikkontestat mhuwiex regolament skond l-Artikolu 161 KEEA, iżda regolament sui generis, li mhuwiex intiż li joħloq obbligi fir-rigward tagħha, il-Kummissjoni tammetti hija stess li l-forma ta’ regolament hekk kif previst mill-Artikolu 161 KEEA ma kinitx neċessarja sabiex jiġu adottati id-dispożizzjonijiet tar-Regolament ikkontestat. Għaldaqstant, l-adozzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet taħt forma leġiżlattiva ma tistax tiġi kkunsidrata bħala neċessarja għall-implementazzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 41 KEEA sa 44 KEEA u tar-Regolament Nru 2587/1999.

45      Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li għandu jiġi miċħud l-argument tal-Kummissjoni skond liema, permezz tal-prinċipju tal-paralleliżmu tal-forom, l-għażla tal-forma leġiżlattiva hija imposta sabiex jiġi emendat regolament li jeżisti fl-istess qasam. Fil-fatt, skond ġurisprudenza stabbilita, sempliċi prassi ma tista tibbaża fuq in-normi tat-Trattat u ma tistax tbiddel it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-istituzjonijiet (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Frar 1988, Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill, 68/86, Ġabra p. 885, punt 24, u tad-9 ta’ Awwissu 1994, Franza vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq, punt 36).

46      B’hekk, ma jirriżultax mill-kontenut tad-dispożizzjonijiet ikkontestati li l-adozzjoni tagħhom taħt il-forma ta’ regolament skond l-Artikolu 161 KEEA kienet neċessarja sabiex tiġi ggarantita l-implementazzjoni kkorretta ta’ l-Artikoli 41 KEEA sa 44 KEEA u tar-Regolament Nru 2587/1999.

47      Madankollu, ir-regoli dwar il-prinċipju ta’ attribuzzjoni tal-kompetenzi għandhom jiġu applikati b’mod strett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Lulju 1992, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C-295/90, Ġabra p. I-4193, punti 11 sa 20, u s-sentenza tad-9 ta’ Awwissu 1994, Franza vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq, punti 34 sa 42). Meta għażlet regolament, meta ebda dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju ma tagħtha espliċitament il-kompetenza, sabiex tadotta miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura ta’ eżami tal-proġetti ta’ investiment nukleari li ma kinux jinneċessitaw l-użu ta’ strument leġiżlattiv li għandu portata obbligatorja fl-intier tiegħu u li huwa direttament applikabbli f’kull Stat Membru, il-Kummissjoni kisret ir-regoli ta’ kompetenza li jirriżultaw mit-Trattat KEEA, u b’hekk ħolqot riskju ta’ konfużjoni dannuża għaċ-ċertezza legali fir-rigward tal-portata ġuridika ta’ dan l-att għal terzi persuni.

48      Minbarra dan, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju li jeħtieġ b’mod partikolari li leġiżlazzjoni tkun ċara u preċiża, sabiex il-persuni li huma soġġetti għaliha jkunu jistgħu isiru jafu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom mingħajr ambigwità u bħala konsegwenza jieħdu l-provvedimenti tagħhom (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Lulju 1981, Gondrand Frères u Garancini, 169/80, Ġabra p. 1931, u tat-13 ta’ Frar 1996, Van Es Douane Agenten, C-143/93, Ġabra p. I-431, punt 27).

49      B’hekk, peress li ċertu livell ta’ inċertezza fir-rigward tas-sens u l-portata ta’ regola ta’ dritt huwa inerenti għaliha, għandu jiġi eżaminat jekk l-att ġuridiku in kwistjoni għandux ambigwità li tipprekludi li l-Istat Membru rikorrent jew l-investituri jistgħux iqajmu eventwali dubji b’ċertezza suffiċjenti fuq il-portata jew is-sens ta’ l-att ikkontestat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-14 ta’ April 2005, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C-110/03, Ġabra p. I-2801, punt 31).

50      F’dan il-każ, il-forma leġiżlattiva, filwaqt li l-Kummissjoni tindika li ma tixtieqx timponi obbligi fuq terzi persuni, toħloq ambigwità ċerta fir-rgiward tal-portata tad-dispożizzjonijiet in kwistjoni. Madankollu, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jippreżupponi li l-portata ta’ att Komunitarju tista’ tipi evalwata b’ċertezza suffiċjenti u, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi, il-leġiżlazzjoni Komunitarja għandha tkun ċara u l-applikazzjoni tagħha prevedibbli għal dawk kollha li huma kkonċernati (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Ġunju 1993, Franza vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq, punt 26). F’dan il-każ, il-forma leġiżlattiva tippermetti li tiġi preżupposta l-preżenza ta’ effetti obbligatorji għal terzi persuni, u huwa kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali li l-operaturi għandhom jagħmlu analiżi ddettaljata tat-termini tad-dispożizzjonijiet in kwistjoni sabiex ikunu jistgħu jiddeterminaw il-portata reali tagħhom.

51      Att Komunitarju għandu jirrispetta mhux biss il-proċeduri neċessarji previsti għall-adozzjoni tiegħu, iżda wkoll l-eżiġenzi sostanzjali ta’ forma, safejn huwa intiż li jipproduċi effetti legali (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Tesauro fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-20 ta’ Marzu 1997, Franza vs Il-Kummissjoni, C-57/95, Ġabra p. I-1627, I-1629, punti 15 u 22).

52      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma kellhiex il-kompetenza, la espliċita u lanqas impliċita, sabiex tadotta r-Regolament ikkontestat.

53      B’hekk l-ewwel motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tadotta r-Regolament adottat, għandu jiġi milqugħ.

54      B’konsegwenza, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra invokati mir-rikorrenti, ir-Regolament ikkontestat għandu jiġi annullat.

 Fuq l-ispejjeż

55      Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż skond it-talbiet tar-rikorrenti.

56      Skond l-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Renju tal-Belġju li intervenew in sostenn tat-talbiet tar-rikorrenti, għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (L-Ewwel Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi :

1)      Ir-Regolament tal-Kummissjoni (Euratom) Nru 1352/2003 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1209/2000 li jistabbilixxi l-proċeduri għall-effettwar tal-komunikazzjonijiet stipulati taħt l-Artikolu 41 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ta’ l-Enerġija Atomika, huwa annullat.

2)      Il-Kummissjoni hija kkundannat għall-ispejjeż tar-Repubblika Franċiża.

3)      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Renju tal-Belġju għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Cooke

García-Valdecasas

Labucka

Prek

 

      Ciucă

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fis-17 ta’ Settembru 2007.

E. Coulon

 

      J. D. Cooke

Reġistratur                                                        President


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.