Language of document :

Rikors ippreżentat fid-9 ta' Settembru 2011 - Banco Privado Português, S.A. - u Il-massa insolventi tal-Banco Privado Português vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-487/11)

Lingwa tal-kawża: il-Portugiż

Partijiet

Rikorrenti: Banco Privado Português, S.A. - fi stralċ ("BPP") u l-massa insolventi tal-Banco Privado Português, S.A. - fi stralċ ("massa insolventi") (Lisbona, il-Portugall) (rappreżentanti: C. Fernandez, F. Pereira Coutinho, M. Esperança Pina, T. Mafalda Santos, R. Leandro Vasconcelos u A. Kéri, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitlobu lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2011/346/UE, tal-20 ta' Lulju 2010, dwar l-għajnuna mill-Istat C 33/09 (ex NN 57/09, CP 191/09) implementata mill-Portugall fil-forma ta' garanzija tal-Istat lil BPP 1;

sussidjarjament, fil-każ li din it-talba ma tintlaqgħax, tannulla d-deċiżjoni kkontestata fil-parti li fiha ddikjarat l-għajnuna mill-Istat fir-rigward tal-Garanzija illegali u inkompatibbli matul il-perijodu inkluż bejn il-5 ta' Diċembru 2008 u l-5 ta' Ġunju 2009;

sussidjarjament, tannulla d-deċiżjoni kkontestata fil-parti li fiha ordnat l-irkupru tal-(allegata) għajnuna, skont l-Artikoli 2 sa 4.

sussegwentement, fil-każ li din it-talba ma tintlaqgħax, tannulla d-deċiżjoni kkontestata, fil-parti li fiha ordnat l-irkupru bejn il-5 ta' Diċembru 2008 u l-5 ta' Ġunju 2009;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw il-motivi li ġejjin.

1.    L-ewwel motiv: nuqqas ta' motivazzjoni

Il-Kummissjoni ma spjegatx sa fejn l-għoti tal-garanzija setgħet taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u konsegwentement toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni. Il-metodu ta' kalkolu tal-ammont tal-allegata għajnuna ma huwiex spjegat. Il-Kummissjoni ma spjegatx, jew mill-inqas tat spjegazzjoni mhux ċara u/jew kontradizzjoni li ma tistax tiġi rettifikata, fir-rigward tat-tul ta' żmien tal-allegata għajnuna u, konsegwentement, fir-rigward tal-kalkolu tal-ammont.

2.    It-tieni motiv: ksur tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE:

Il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-garanzija tal-Istat mogħtija lil BPP kienet ibbażata fuq l-Artikolu 107(3)(b) TFUE fir-rigward tal-għajnuna intiża sabiex "tirrimedja taħwid serju fl-ekonomija ta' Stat Membru".

3.    It-tielet motiv: żball manifest ta' evalwazzjoni tal-fatti u ksur konsegwenti tal- Artikolu 107(1) TFUE

Il-Kummissjoni wettqet preżunzjoni żbaljata tal-fatti fid-dritt u ma ħaditx inkunsiderazzjoni, b'mod partikolari, il-fatt li BPP ma kinitx iżjed attiva kif ukoll li s-suġġett tal-garanzija kien jikkonsisti esklużivament fil-finanzjament intiż sabiex jindirizza responsabbiltajiet speċifiċi tal-passiv, li jippreċedu d-data tal-għoti tal-garanzija. Il-garanzija mogħtija ma tatx vantaġġ lil BPP, ma affettwatx il-kummerċ bejn l-Istati Membri, la kienet ta' distorsjoni fuq il-kompetizzjoni, u lanqas ma kienet tali li tipproduċi dawn l-effetti, u għalhekk ma tistax tiġi kkunsidrata inkompatibbli mas-suq intern.

4.    Ir-raba' motiv: ksur tal-Artikolu 108(2) TFUE

Id-deċiżjoni kkontestata ordnat l-irkupru tal-allegata għajnuna li ma hijiex inkompatibbli mas-suq intern minħabba raġunijiet sempliċement ta' natura proċesswali. Il-metodu ta' kalkolu tal-ammont li għandu jiġi rkuprat li ntuża ma osservax il-prinċipji stabbiliti mil-Linji Gwida tal-Kummissjoni.

5.    Il-ħames motiv: ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba

Il-Kummissjoni timponi kundizzjoni eżaġerata u nieqsa minn bażi legali, inkwantu tirreferi għall-obbligu tal-Portugall li tinnotifika l-estensjoni tal-garanzija b'termini identiċi għal dawk tan-notifiki formali mitluba għal għajnuna ġdida.

6.    Is-sitt motiv: ksur tal-prinċipji ta' ċertezza legali u ta' aspettattivi leġittimi

Id-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipji ta' ċertezza legali u ta' aspettattivi leġittimi fil-parti fejn tordna l-irkupru tal-għajnuna allegata.

7.    Is-seba' motiv: ksur tad-dritt għal trattament ugwali

Id-deċiżjoni kkontestata tikser id-dritt għal trattament ugwali, inkwantu l-każ sub judice ngħata trattament differenti meta mqabbel ma' sitwazzjonijiet paragunabbli.

____________

1 - ĠU L 159, 17.06.2011, p. 95