Language of document :

Rikors ippreżentat fl-20 ta' Settembru 2011 - Ruse Industry vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-489/11)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Partijiet

Rikorrenti: Ruse Industry AD (Ruse, il-Bulgarija) (rappreżentanti: A. Angelov u S. Panov avutati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Suġġett

Talba għall-annullament tal-Artikoli 2, 3, 4 u 5 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-13 ta' Lulju 2011, dwar l-għajnuna mill-Istat C 12/2010 u N 389/2009 mogħtija mill-Bulgarija favur Ruse Industry.

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla l-Artikoli 2, 3, 4 u 5 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-13 ta' Lulju 2011, dwar l-għajnuna mill-Istat C 12/2010 u N 389/2009 mogħtija mill-Bulgarija favur Ruse Industry;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba' motivi.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE sa fejn, skont din id-dispożizzjoni, dak li l-Kummissjoni tikkunsidra bħala nuqqas tal-Istat li jiġbor l-ammonti dovuti lilu la jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat ġdida fis-sens tal-Artikolu 1(ċ) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta' Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE 1, u lanqas ma jikkostitwixxi bidla ta' għajnuna mill-Istat eżistenti. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tallega li dan ma jkabbarx ir-riskju totali għall-Istat filwaqt li, anki jekk dan ikun il-każ, il-fatti kontenzjużi xorta waħda ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat ġdida.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 263(2) TFUE, sa fejn il-Kummissjoni, mingħajr ma pproduċiet ebda prova u mingħajr ma indikat ebda raġuni, assumiet b'mod żbaljat li l-fatt li l-ammonti dovuti ma nġabrux mill-Istat jipprokura, għall-kumpannija inkwistjoni, vantaġġ li jmur kontra l-kompetizzjoni u li, għalhekk, huwa inkompatibbli mas-suq intern.

It-tielet motiv huwa bbażat fuq l-eżistenza ta' difett proċedurali sa fejn id-deċiżjoni tal-Kummissjoni ma tindikax il-motivi li wasslu għall-formulazzjoni tal-konklużjonijiet milħuqa.

Ir-raba' motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999, sa fejn fid-deċiżjoni kkontestata la huwa indikat l-ammont preċiż li għandu jiġi rkuprat u lanqas l-interessi korrispondenti adegwati stabbiliti mill-Kummissjoni.

____________

1 - ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339.