Language of document : ECLI:EU:C:2023:1018

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

21 ta’ Diċembru 2023 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew – Regolament (UE) 2017/1939 – Artikolu 31 – Investigazzjonijiet transkonfinali – Awtorizzazzjoni ġudizzjarja – Portata tal-istħarriġ – Artikolu 32 – Infurzar ta’ miżuri assenjati”

Fil-Kawża C‑281/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Vjenna, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ April 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑25 ta’ April 2022, fil-proċeduri kriminali kontra

G. K.,

B. O. D. GmbH,

S. L.

fil-preżenza ta’:

Österreichischer Delegierter Europäischer Staatsanwalt,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen (Relatur), Viċi President, A. Arabadjiev, A. Prechal, K. Jürimäe, T. von Danwitz, F. Biltgen u O. Spineanu-Matei, Presidenti ta’ Awla, M. Ilešič, J.‑C. Bonichot, M. Safjan, S. Rodin, D. Gratsias, M. L. Arastey Sahún u M. Gavalec, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,

Reġistratur: M. Krausenböck, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑27 ta’ Frar 2023,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal G. K., B. O. D. GmbH u S. L., minn W. Gappmayer, Rechtsanwalt,

–        għall-Österreichischer Delegierter Europäischer Staatsanwalt, minn L. De Matteis, T. Gut, I. Maschl-Clausen u F.‑R. Radu, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn J. Schmoll, J. Herrnfeld u C. Leeb, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, P. Busche u M. Hellmann, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Franċiż, minn R. Bénard u A. Daniel, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn K. Bulterman, A. Hanje u J. M. Hoogveld, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Rumen, minn M. Chicu, E. Gane u A. Wellman, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Baquero Cruz u S. Grünheid, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑22 ta’ Ġunju 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 31(3) u tal-Artikolu 32 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat‑12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (ĠU 2017, L 283, p. 1).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra G. K., B. O. D. GmbH u S. L., li huma akkużati li importaw biodiesel fl-Unjoni Ewropea billi kisru, permezz ta’ dikjarazzjonijiet foloz, il-leġiżlazzjoni doganali.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt tal-Unjoni

 IdDeċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI

3        L-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45), jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Qafas.”

4        L-Artikolu 6(1) u (2) ta’ din id-deċiżjoni jipprovdi:

“1.      L-awtorità ġudizzjarja emittenti għandha tkun l-awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru emittenti li hi kompetenti biex toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew permezz tal-liġi ta’ dak l-Istat.

2.      L-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni għandha tkun l-awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni li hi kompetenti biex tesegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew permezz tal-liġi ta’ dak l-Istat.”

 Id‑Direttiva 2014/41/UE

5        L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2014/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑3 ta’ April 2014 dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew f’materji kriminali (ĠU 2014, L 130, p. 1, rettifika fil-ĠU 2014 L 130, p. 16).

“L-Istati Membri għandhom jeżegwixxu kwalunkwe OIE [Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew] abbażi tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u f’konformità ma’ din id-Direttiva.”

6        L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“1.      L-awtorità emittenti tista’ toħroġ OIE biss fejn tkun sodisfatta li ġew sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

a)      l-emissjoni tal-OIE tkun meħtieġa u proporzjonata għall-fini tal-proċedimenti msemmija fl-Artikolu 4 b’kont meħud tad-drittijiet tal-persuna suspettata jew akkużata; u

b)      il-miżura jew miżuri investigattivi indikati fl-OIE setgħu ġew ordnati taħt l-istess kondizzjonijiet f’każ domestiku simili.

2.      Il-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu vvalutati mill-awtorità emittenti f’kull każ.

3.      Fejn l-awtorità ta’ eżekuzzjoni jkollha raġuni għalxiex temmen li l-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ma ġewx sodisfatti, hija tista’ tikkonsulta lill-awtorità emittenti dwar l-importanza li l-OIE jiġi eżegwit. Wara dik il-konsultazzjoni, l-awtorità emittenti tista’ tiddeċiedi li tirtira l-OIE.”

7        L-Artikolu 9(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“L-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandha tirrikonoxxi OIE, mibgħut f’konformità ma’ din id-Direttiva, mingħajr il-ħtieġa ta’ kwalunkwe formalità ulterjuri, u tiżgura l-eżekuzzjoni tiegħu bl-istess mod u taħt l-istess modalitajiet bħallikieku l-miżura investigattiva konċernata ġiet ordnata minn awtorità tal-Istat ta’ eżekuzzjoni, sakemm dik l-awtorità ma tiddeċidix li tinvoka waħda mir-raġunijiet sabiex ma jingħatax ir-rikonoxximent jew ma ssirx l-eżekuzzjoni jew waħda mir-raġunijiet għal posponiment previsti f’din id-Direttiva.”

 IrRegolament 2017/1939

8        Il-premessi 12, 14, 20, 30, 32, 60, 72, 73, 80, 83 u 85 tar-Regolament 2017/1939 jipprovdu:

“(12)      Skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, il-ġlieda kontra reati kriminali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni tista’ ssir aħjar fil-livell tal-Unjoni minħabba l-iskala u l-effetti tagħha. Is-sitwazzjoni preżenti, fejn il-prosekuzzjoni kriminali ta’ reati kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni hija esklużivament f’idejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, mhux dejjem tilħaq dan l-objettiv b’mod suffiċjenti. Billi l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri, it-tisħiħ tal-ġlieda kontra reati li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-istabbiliment tal-UPPE, ma jistgħux jinkisbu suffiċjentement mill-Istati Membri tal-[Unjoni], minħabba l-frammentazzjoni tal-prosekuzzjonijiet nazzjonali fil-qasam tar-reati kommessi kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni iżda jistgħu pjuttost, minħabba li l-UPPE ser ikollu l-kompetenza għall-prosekuzzjoni ta’ tali reati, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 TUE. […]

[…]

(14)      Fid-dawl tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, kemm l-UPPE kif ukoll l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jappoġġaw u jinfurmaw lil xulxin bil-għan li jiġġieldu b’mod effiċjenti r-reati kriminali li jaqgħu fil-kompetenza tal-UPPE.

[…]

(20)      L-istruttura organizzattiva tal-UPPE għandha tippermetti teħid malajr u effiċjenti ta’ deċiżjonijiet fit-twettiq ta’ investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet kriminali, sew jekk jinvolvu Stat Membru wieħed u sew jekk jinvolvu diversi Stati Membri. […]

[…]

(30)      L-investigazzjonijiet tal-UPPE bħala regola għandhom jitwettqu minn Prosekuturi Delegati Ewropej fl-Istati Membri. Huma għandhom jagħmlu dan f’konformità ma’ dan ir-Regolament u, fir-rigward ta’ kwistjonijiet mhux koperti minn dan ir-Regolament, f’konformità mal-liġi nazzjonali. […]

[…]

(32)      Il-Prosekuturi Delegati Ewropej għandhom ikunu parti integrali mill-UPPE u bħala tali, meta jkunu qed jinvestigaw u jagħmlu prosekuzzjoni ta’ reati li jaqgħu fil-kompetenza tal-UPPE, huma għandhom jaġixxu esklużivament bħala rappreżentanti ta’ u f’isem l-UPPE fit-territorju tal-Istat Membru rispettiv tagħhom. […]

[…]

(60)      Fejn l-UPPE ma jistax jeżerċita l-kompetenza tiegħu f’każ partikolari minħabba li jkun hemm raġuni biex wieħed jassumi li l-ħsara kkawżata, jew li x’aktarx tiġi kkawżata, lill-interessi finanzjarji tal-Unjoni ma teċċedix il-ħsara kkawżata, jew li x’aktarx tiġi kkawżata, lil vittma oħra, l-UPPE għandu xorta waħda jkun jista’ jeżerċita l-kompetenza tiegħu sakemm huwa jkun f’pożizzjoni aħjar biex iwettaq investigazzjoni jew prosekuzzjoni mill-awtoritajiet tal-Istat Membru jew l-Istati Membri rispettivi. L-UPPE jista’ jidher li huwa f’pożizzjoni aħjar, fost l-oħrajn, fejn ikun aktar effikaċi li l-UPPE jitħalla jwettaq investigazzjoni u prosekuzzjoni fir-rigward tar-reat kriminali rispettiv minħabba n-natura u l-iskala transnazzjonali tiegħu, fejn ir-reat jinvolvi organizzazzjoni kriminali, jew fejn tip speċifiku ta’ reat jista’ jkun ta’ theddida serja għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni jew għall-kreditu tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-fiduċja taċ-ċittadini tal-Unjoni. […]

[…]

(72)      F’każijiet transkonfinali, il-Prosekutur Delegat Ewropew li jittratta l-każ għandu jkun jista’ joqgħod fuq Prosekuturi Delegati Ewropej li jkunu qed jassistuh meta jkun meħtieġ li jittieħdu miżuri fi Stati Membri oħrajn. Fejn tkun meħtieġa awtorizzazzjoni ġudizzjarja għal tali miżura, għandu jiġi speċifikat b’mod ċar f’liema Stat Membru għandha tinkiseb l-awtorizzazzjoni, iżda fi kwalunkwe każ għandu jkun hemm biss awtorizzazzjoni waħda. Jekk miżura ta’ investigazzjoni tiġi finalment irrifjutata mill-awtoritajiet ġudizzjarji, jiġifieri wara li jkunu ġew eżawriti r-rimedji legali kollha, il-Prosekutur Delegat Ewropew li jittratta l-każ għandu jirtira t-talba jew l-ordni.

(73)      Il-possibbiltà prevista f’dan ir-Regolament li jsir rikors għal strumenti legali dwar ir-rikonoxximent reċiproku jew il-kooperazzjoni transkonfinali ma għandhiex tieħu post ir-regoli speċifiċi dwar investigazzjonijiet transkonfinali taħt dan ir-Regolament. Hija pjuttost għandha tissupplimentahom biex jiġi żgurat li, fejn miżura tkun meħtieġa f’investigazzjoni transkonfinali iżda ma tkunx disponibbli fil-liġi nazzjonali għal sitwazzjoni purament domestika, din tista’ tintuża skont il-liġi nazzjonali li timplimenta l-istrument rilevanti, meta ssir l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni.

[…]

(80)      Ma għandhiex tiġi miċħuda l-ammissjoni tal-evidenza ppreżentata mill-UPPE fil-qorti għas-sempliċi raġuni li l-evidenza tkun inġabret fi Stat Membru ieħor jew skont il-liġi ta’ Stat Membru ieħor, dment li l-qorti tal-proċess tqis li l-ammissjoni tagħha tirrispetta l-imparzjalità tal-proċedura u d-drittijiet tad-difiża tal-persuna suspettata jew akkużata taħt il-Karta [tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”)]. Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Artikolu 6 TUE u fil-Karta, b’mod partikolari t-Titolu VI tagħha, mid-dritt internazzjonali u mill-ftehimiet internazzjonali li għalihom l-Unjoni jew l-Istati Membri kollha huma Partijiet, inkluża l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali[, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950] u mill-kostituzzjonijiet tal-Istati Membri fl-oqsma ta’ applikazzjoni rispettivi tagħhom […]

[…]

(83)      Dan ir-Regolament jirrikjedi li l-UPPE jirrispetta, b’mod partikolari, id-dritt għal proċess ġust, id-drittijiet tad-difiża u l-preżunzjoni ta’ innoċenza, kif minquxa fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta. L-Artikolu 50 tal-Karta, li jħares id-dritt li persuna ma tiġix ipproċessata jew ikkastigata darbtejn fi proċedimenti kriminali għall-istess reat (ne bis in idem), jassigura li ma jkun hemm l-ebda riskju ta’ kundanna doppja b’riżultat tal-prosekuzzjonijiet imressqa mill-UPPE. L-attivitajiet tal-UPPE għandhom b’hekk ikunu eżerċitati f’konformità sħiħa ma’ dawk id-drittijiet u dan ir-Regolament għandu jiġi applikat u interpretat kif meħtieġ f’dan is-sens.

[…]

(85)      Id-drittijiet tad-difiża previsti fil-leġislazzjoni rilevanti tal-Unjoni, bħad-Direttivi [2010/64/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ottubru 2010 dwar id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali (ĠU 2010, L 280, p. 1), 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2012 dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali (ĠU 2012, L 142, p. 1), 2013/48/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2013 dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, u dwar id-dritt li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma’ partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà (ĠU 2013, L 294, p. 1), (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali (ĠU 2016, L 65, p. 1)], u (UE) 2016/1919 Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ottubru 2016 kif implimentati mil-liġi nazzjonali, għandhom japplikaw għall-attivitajiet tal-UPPE. Kwalunkwe persuna suspettata jew akkużata li fir-rigward tagħha l-UPPE jagħti bidu għal investigazzjoni għandha tibbenefika minn dawk id-drittijiet, kif ukoll mid-drittijiet previsti fil-liġi nazzjonali li titlob li jinħatru esperti jew li jinstemgħu xhieda, jew li l-evidenza f’isem id-difiża tiġi prodotta b’xi mod ieħor mill-UPPE.”

9        Skont l-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) u jistabbilixxi regoli dwar il-funzjonament tiegħu.”

10      Il-punti 5 u 6 tal-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament huwa fformulat kif ġej:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

5)      ‘Prosekutur Delegat Ewropew li jittratta l-każ’ tfisser Prosekutur Delegat Ewropew responsabbli għall-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet, li huwa jkun beda, li ġew allokati lilu jew li huwa ħa f’idejh billi uża d-dritt ta’ evokazzjoni taħt l-Artikolu 27;

6)      ‘assistent Prosekutur Delegat Ewropew’ tfisser Prosekutur Delegat Ewropew li jinsab fi Stat Membru, li ma jkunx l-Istat Membru tal-Prosekutur Delegat Ewropew li jittratta l-każ, fejn għandha titwettaq investigazzjoni jew miżura oħra assenjata lilu.”

11      L-Artikolu 4 tal-istess regolament jipprovdi:

“L-UPPE għandu jkun responsabbli għall-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u t-tressiq għall-ġustizzja fir-rigward ta’ awturi u kompliċi ta’ reati kriminali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni […]. F’dak ir-rigward l-UPPE għandu jagħmel l-investigazzjonijiet, u jwettaq atti ta’ prosekuzzjoni u jeżerċita l-funzjonijiet ta’ prosekutur fil-qrati kompetenti tal-Istati Membri, sa meta l-każ ikun finalment konkluż.”

12      L-Artikolu 5(1) tar-Regolament 2017/1939 jipprovdi:

“L-UPPE għandu jiżgura li l-attivitajiet tiegħu jirrispettaw id-drittijiet stabbiliti fil-Karta.”

13      L-Artikolu 8(1) sa (4) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“1.      L-UPPE għandu jkun korp indiviżibbli tal-Unjoni li jopera bħala Uffiċċju uniku bi struttura deċentralizzata.

2.      L-UPPE għandu jkun organizzat f’livell ċentrali u f’livell deċentralizzat.

3.      Il-livell ċentrali għandu jikkonsisti minn Uffiċċju Ċentrali fis-sede tal-UPPE. L-Uffiċċju Ċentrali għandu jikkonsisti mill-Kulleġġ, l-Awli Permanenti, il-Kap Prosekutur Ewropew, il-Viċi Kapijiet Prosekuturi Ewropej, il-Prosekuturi Ewropej u d-Direttur Amministrattiv.

4.      Il-livell deċentralizzat għandu jikkonsisti mill-Prosekuturi Delegati Ewropej li għandhom ikunu fl-Istati Membri.”

14      L-Artikolu 13(1) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“Il-Prosekuturi Delegati Ewropej għandhom jaġixxu f’isem l-UPPE fl-Istati Membri rispettivi tagħhom u għandu jkollhom l-istess setgħat bħall-prosekuturi nazzjonali fir-rigward ta’ investigazzjonijiet, prosekuzzjonijiet u tressiq ta’ każijiet għall-ġustizzja, addizzjonalment u soġġett għas-setgħat speċifiċi u l-istatus mogħtija lilhom, u taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament.

Il-Prosekuturi Delegati Ewropej għandhom ikunu responsabbli għal dawk l-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet li huma jkunu bdew, li ġew allokati lilhom jew li huma ħadu billi użaw id-dritt tagħhom ta’ evokazzjoni. Il-Prosekuturi Delegati Ewropej għandhom isegwu d-direzzjoni u l-istruzzjonijiet tal-Awla Permanenti inkarigata b’każ kif ukoll l-istruzzjonijiet mill-Prosekutur Ewropew superviżur.

[…]”

15      L-Artikolu 28(1) tal-istess regolament jipprovdi:

“Il-Prosekutur Delegat Ewropew li jittratta każ jista’, f’konformità ma’ dan ir-Regolament u mal-liġi nazzjonali, jew iwettaq il-miżuri ta’ investigazzjoni u miżuri oħra waħdu jew jagħti istruzzjonijiet lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru tiegħu. […]”

16      L-Artikolu 30(1) tar-Regolament 2017/1939 jipprovdi:

“Mill-inqas f’każijiet fejn ir-reat soġġett għall-investigazzjoni jkun punibbli b’piena massima ta’ mill-inqas erba’ snin ta’ priġunerija, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-Prosekuturi Delegati Ewropej ikunu intitolati li jordnaw jew jitolbu l-miżuri ta’ investigazzjoni li ġejjin:

a)      ifittxu fi kwalunkwe bini, art, mezz tat-trasport, dar privata, ħwejjeġ u kwalunkwe proprjetà personali oħra jew sistema tal-kompjuter, u jieħdu kwalunkwe miżura konservatorja meħtieġa biex jippreservaw l-integrità tagħhom jew biex jevitaw it-telf jew il-kontaminazzjoni tal-evidenza;

[…]

d)      jiffriżaw mezzi strumentali jew rikavat ta’ attivitajiet kriminali, inkluż assi, li jkunu mistennija jiġu soġġetti għall-konfiska mill-qorti tal-proċess, fejn ikun hemm raġuni biex wieħed jemmen li s-sid, il-pussessur jew il-kontrollur ta’ dawk il-mezzi strumentali jew rikavat ser ifittex li jxejjen is-sentenza li tordna l-konfiska.

[…]”

17      Skont l-Artikolu 31 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Investigazzjonijiet transkonfinali”:

“1.      Il-Prosekuturi Delegati Ewropej għandhom jaġixxu f’kooperazzjoni mill-qrib billi jassistu u jikkonsultaw b’mod regolari ma’ xulxin f’każijiet transkonfinali. Fejn miżura teħtieġ li ssir fi Stat Membru ieħor barra mill-Istat Membru tal-Prosekutur Delegat Ewropew li jittratta l-każ, dan il-Prosekutur Delegat Ewropew tal-aħħar għandu jiddeċiedi dwar l-adozzjoni tal-miżura meħtieġa u jassenjaha lil Prosekutur Delegat Ewropew li jinsab fl-Istat Membru fejn il-miżura jkun meħtieġ li titwettaq.

2.      Il-Prosekutur Delegat Ewropew li jittratta l-każ jista’ jassenja kwalunkwe miżura, li tkun disponibbli għalih f’konformità mal-Artikolu 30. Il-ġustifikazzjoni u l-adozzjoni ta’ tali miżuri għandhom ikunu regolati mil-liġi tal-Istati Membri tal-Prosekutur Delegat Ewropew li jittratta l-każ. Fejn il-Prosekutur Delegat Ewropew li jittratta l-każ jassenja miżura ta’ investigazzjoni lil Prosekutur Delegat Ewropew wieħed jew lil diversi minnhom minn Stat Membru ieħor, hu għandu fl-istess ħin jinforma lill-Prosekutur Ewropew superviżur tiegħu.

3.      Jekk awtorizzazzjoni ġudizzjarja għall-miżura tkun meħtieġa taħt il-liġi tal-Istat Membru tal-Prosekutur Delegat Ewropew assistenti, il-Prosekutur Delegat Ewropew assistenti għandu jikseb dik l-awtorizzazzjoni f’konformità mal-liġi ta’ dak l-Istat Membru.

Jekk l-awtorizzazzjoni ġudizzjarja għall-miżura assenjata tiġi rifjutata, il-Prosekutur Delegat Ewropew li jittratta l-każ għandu jirtira l-assenjazzjoni.

Madankollu, fejn il-liġi tal-Istat Membru tal-Prosekutur Delegat Ewropew assistenti ma tesiġix tali awtorizzazzjoni ġudizzjarja, iżda l-liġi tal-Istat Membru tal-Prosekutur Delegat Ewropew li jittratta l-każ tesiġiha, l-awtorizzazzjoni għandha tinkiseb minn dan il-Prosekutur Delegat Ewropew tal-aħħar u tiġi ppreżentata flimkien mal-assenjazzjoni.

4.      Il-Prosekutur Delegat Ewropew assistenti għandu jwettaq il-miżura assenjata, jew jagħti istruzzjonijiet lill-awtorità nazzjonali kompetenti biex tagħmel dan.

5.      Fejn il-Prosekutur Delegat Ewropew assistenti jqis li:

[…]

c)      miżura alternattiva iżda inqas intrużiva tkun tikseb l-istess riżultati bħall-miżura assenjata; […]

[…]

hu għandu jinforma lill-Prosekutur Ewropew superviżur tiegħu u jikkonsulta mal-Prosekutur Delegat Ewropew li jittratta l-każ sabiex isolvu l-kwistjoni b’mod bilaterali.

6.      Jekk il-miżura assenjata ma tkunx teżisti f’sitwazzjoni purament domestika, iżda tkun disponibbli f’sitwazzjoni transkonfinali koperta minn strumenti legali dwar ir-rikonoxximent reċiproku jew il-kooperazzjoni transkonfinali, il-Prosekuturi Delegati Ewropej ikkonċernati jistgħu, bi ftehim mal-Prosekuturi Ewropej superviżuri kkonċernati, jirrikorru għal tali strumenti.

7.      Jekk il-Prosekuturi Delegati Ewropej ma jkunux jistgħu jsolvu l-kwistjoni fi żmien sebat ijiem ta’ xogħol u l-assenjazzjoni tinżamm, il-kwistjoni għandha tiġi rinvijata lill-Awla Permanenti kompetenti. L-istess japplika meta l-miżura assenjata ma ssirx fil-limitu ta’ żmien stabbilit fl-assenjazzjoni jew fi żmien raġonevoli.

[…]”

18      L-Artikolu 32 tal-imsemmi regolament, intitolat “Infurzar ta’ miżuri assenjati”, jipprovdi:

“Il-miżuri assenjati għandhom jitwettqu f’konformità ma’ dan ir-Regolament u l-liġi tal-Istat Membru tal-Prosekutur Delegat Ewropew li jassisti. Il-formalitajiet u l-proċeduri espressament indikati mill-Prosekutur Delegat Ewropew li jittratta l-każ għandhom jiġu segwiti dment li tali formalitajiet u proċeduri ma jmorrux kontra l-prinċipji fundamentali tal-liġi tal-Istat Membru tal-Prosekutur Delegat Ewropew li jassisti.”

19      L-Artikolu 41(1) u (2) tal-istess regolament jipprovdi:

“1.      L-attivitajiet tal-UPPE għandhom jitwettqu f’konformità sħiħa mad-drittijiet tal-persuni suspettati u akkużati kif minquxa fil-Karta, inkluż id-dritt ta’ proċess ġust u d-drittijiet tad-difiża.

2.      Kwalunkwe persuna suspettata jew akkużata fil-proċedimenti kriminali tal-UPPE għandha, bħala minimu, ikollha d-drittijiet proċedurali previsti fil-liġi tal-Unjoni, inklużi direttivi li jikkonċernaw id-drittijiet ta’ persuni suspettati u akkużati fi proċeduri kriminali, kif implimentati mil-liġi nazzjonali, bħal:

a)      id-dritt għall-interpretazzjoni u t-traduzzjoni, kif previst fid-Direttiva [2010/64];

b)      id-dritt għall-informazzjoni u l-aċċess għall-materjali tal-każ, kif previsti fid-Direttiva [2012/13];

c)      id-dritt ta’ aċċess għal avukat u d-dritt ta’ komunikazzjoni ma’ persuni terzi u li dawn jiġu infurmati f’każ ta’ detenzjoni, kif previsti fid-Direttiva [2013/48];

d)      id-dritt li wieħed jibqa’ sieket u d-dritt li wieħed ikun preżunt innoċenti, kif previsti fid-Direttiva [2016/343];

e)      id-dritt għal għajnuna legali kif previst fid-Direttiva [2016/1919].”

 Iddritt Awstrijak

20      L-Artikolu 11(2) tal-Bundesgesetz zur Durchführung der Europäischen Staatsanwaltschaft (il-Liġi Federali dwar l-Implimentazzjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew) jipprovdi li, fl-investigazzjonijiet transkonfinali tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, fil-każ ta’ implimentazzjoni ta’ miżura ta’ investigazzjoni fit-territorju Awstrijak, ir-responsabbiltà tal-awtorizzazzjoni ġudizzjarja msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tar-Regolament 2017/1939 hija tal-Landesgericht (il-Qorti Reġjonali, l-Awstrija) li fiha jkun jinsab is-sede tal-Uffiċċju tal-Prosekutur kompetenti.

21      L-Artikolu 119(1) tal-iStrafprozessordnung (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali) jistabbilixxi l-kundizzjonijiet sabiex jitwettqu tfittxijiet.

22      L-Artikolu 120(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali jipprovdi li t-tfittxijiet għandhom jiġu ordnati mill-Uffiċċju tal-Prosekutur abbażi ta’ awtorizzazzjoni ġudizzjarja u li l-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi huma awtorizzati provviżorjament li jwettqu tfittxijiet, mingħajr digriet jew awtorizzazzjoni, biss fil-każ ta’ perikolu imminenti.

 Iddritt Ġermaniż

23      L-Artikolu 102 tal-iStrafprozessordnung (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, iktar ’il quddiem is-”StPO”) jipprovdi:

“Kull min huwa ssuspettat li wettaq jew li pparteċipa fit-twettiq ta’ reat, jew li rċieva data misruqa, li kien kompliċi, li ostakola prosekuzzjoni kriminali jew li rċieva proprjetà misruqa jista’ jkun is-suġġett ta’ tfittxija fid-dar tiegħu u f’bini ieħor, kif ukoll ta’ tfittxija fuq il-persuna tiegħu u tal-affarijiet personali tiegħu, kemm għall-finijiet tal-arrest tiegħu kif ukoll meta jkun hemm lok li jiġi preżunt li t-tfittxija ser twassal għall-iskoperta ta’ provi.”

24      Skont l-Artikolu 105(1) tas-StPO:

“It-tfittxijiet jistgħu jiġu ordnati biss mill-qorti u, fil-każ ta’ perikolu imminenti, ukoll mill-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku u mill-persunal awżiljarju tiegħu (Artikolu 152 tal-Gerichtsverfassungsgesetz (il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni Ġudizzjarja)] […]”

25      L-Artikolu 3(2) tal-Gesetz zur Ausführung der EU-Verordnung zur Errichtung der Europäischen Staatsanwaltschaft (il-Liġi ta’ Implimentazzjoni tar-Regolament tal-Unjoni Ewropea li jistabbilixxi l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew) jipprovdi:

“Meta d-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali jkunu jipprevedu d-digriet jew il-konferma ta’ mħallef għal dover ta’ investigazzjoni, tali digriet jew konferma għandom jinkisbu mingħand imħallef Ġermaniż fir-rigward ta’ miżuri transkonfinali li għandhom jiġu eżegwiti fi Stat Membru ieħor parteċipanti fl-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, skont l-Artikolu 31(3) tar-[Regolament 2017/1939], biss jekk id-dritt tal-Istat Membru l-ieħor ma jeżiġix tali digriet jew konferma minn imħallef.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

26      Prosekutur Delegat Ewropew Ġermaniż, li qiegħed jaġixxi f’isem l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, fetaħ investigazzjoni dwar frodi fiskali fuq skala kbira u appartenenza ma’ organizzazzjoni kriminali stabbilita bil-għan li jitwettqu reati fiskali.

27      Fil-kuntest ta’ din l-investigazzjoni, B. O. D., kif ukoll id-diretturi tagħha, G. K. u S. L., huma akkużati li importaw biodiesel fl-Unjoni li joriġina mill-Istati Uniti billi kisru, permezz ta’ dikjarazzjonijiet foloz, il-leġiżlazzjoni doganali u b’hekk ikkawżaw dannu li jammonta għas-somma ta’ EUR 1 295 000.

28      Fid‑9 ta’ Novembru 2021, assistent Prosekutur Delegat Ewropew Awstrijak, fil-kuntest tal-assistenza pprovduta f’din l-investigazzjoni skont l-Artikolu 31 tar-Regolament 2017/1939, minn naħa, ordna tfittxijiet u qbid, kemm fil-bini kummerċjali ta’ B. O. D. u tal-kumpannija omm tagħha kif ukoll fid-djar ta’ G. K. u ta’ S. L., li kollha jinsabu fl-Awstrija, u, min-naħa l-oħra, talab lill-qrati Awstrijaċi kompetenti jawtorizzaw dawn il-miżuri.

29      Wara li kiseb l-awtorizzazzjonijiet mitluba, dan l-assistent Prosekutur Delegat Ewropew Awstrijak ordna lill-awtorità finanzjarja kompetenti l-eżekuzzjoni effettiva tal-imsemmija miżuri, li din l-awtorità eżegwixxiet.

30      Fl‑1 ta’ Diċembru 2021, G. K., B. O. D. u S. L. ippreżentaw rikorsi kontra d-deċiżjonijiet tal-qrati Awstrijaċi li awtorizzaw il-miżuri inkwistjoni quddiem l-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Vjenna, l-Awstrija), il-qorti tar-rinviju.

31      Quddiem din il-qorti, G. K., B. O. D. u S. L. isostnu, b’mod partikolari, li ebda ksur ma twettaq fl-Awstrija, li s-suspetti fil-konfront tagħhom huma insuffiċjenti, li dawn id-deċiżjonijiet tal-qrati Awstrijaċi ma humiex motivati suffiċjentement, li t-tfittxijiet ordnati la kienu neċessarji u lanqas proporzjonati u li d-dritt tagħhom għal relazzjoni ta’ fiduċja mal-avukat tagħhom inkiser.

32      Quddiem l-imsemmija qorti, l-assistent Prosekutur Delegat Ewropew Awstrijak ikkonċernat isostni li, konformement mal-qafas legali stabbilit mir-Regolament 2017/1939 għall-investigazzjonijiet transkonfinali tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, il-ġustifikazzjonijiet tal-miżuri ta’ investigazzjoni assenjati huma rregolati mid-dritt tal-Istat Membru tal-Prosekutur Delegat Ewropew inkarigat mill-każ u jistgħu, b’analoġija mas-sistema stabbilita mid-Direttiva 2014/41, jiġu eżaminati biss mill-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru. Ir-reati inkwistjoni diġà ġew eżaminati mill-qorti istruttorja kompetenti quddiem l-Amtsgericht München (il-Qorti Distrettwali ta’ München, il-Ġermanja). L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-assistent Prosekutur Delegat Ewropew jistgħu, min-naħa tagħhom, jeżaminaw biss il-formalitajiet relatati mal-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri ta’ investigazzjoni assenjati.

33      Il-qorti tar-rinviju tirrileva, minn naħa, li, abbażi tal-formolazzjoni tal-Artikolu 31(3) u tal-Artikolu 32 tar-Regolament 2017/1939, huwa possibbli li dawn id-dispożizzjonijiet jiġu interpretati fis-sens li, meta miżura ta’ investigazzjoni assenjata teħtieġ il-kisba ta’ awtorizzazzjoni ġudizzjarja fl-Istat Membru tal-assistent Prosekutur Delegat Ewropew, din il-miżura għandha tiġi eżaminata minn qorti ta’ dan l-Istat Membru fid-dawl tar-regoli proċedurali u sostantivi kollha previsti mill-imsemmi Stat Membru.

34      Madankollu, hija tenfasizza li l-konsegwenza ta’ tali interpretazzjoni tkun li tali miżura jkollha, jekk ikun il-każ, tkun is-suġġett ta’ eżami komplet f’żewġ Stati Membri u skont id-dritt nazzjonali rispettiv tagħhom, li jimplika li d-dokumenti kollha neċessarji sabiex jitwettqu tali eżamijiet għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-qorti kompetenti fi ħdan l-Istat Membru tal-assistent Prosekutur Delegat Ewropew u, skont il-każ, tradotti. Tali sistema tkun tikkostitwixxi rigressjoni meta mqabbla ma’ dik stabbilita mid-Direttiva 2014/41, li fil-kuntest tagħha l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jista’ biss jivverifika ċerti aspetti formali.

35      Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tqis li interpretazzjoni tar-Regolament 2017/1939 fid-dawl tal-għan tal-effettività tal-prosekuzzjonijiet tista’ timplika, fi kwalunkwe każ fis-sitwazzjoni fejn ikun diġà twettaq stħarriġ ġudizzjarju fl-Istat Membru tal-Prosekutur Delegat Ewropew inkarigat mill-każ, li l-istħarriġ imwettaq fil-kuntest tal-awtorizzazzjoni ġudizzjarja meħtieġa fl-Istat Membru tal-assistent Prosekutur Delegat Ewropew jirrigwarda biss ċerti aspetti formali.

36      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Vjenna) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 31(3) u l-Artikolu 32 tar-[Regolament 2017/1939], għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ investigazzjonijiet transkonfinali fejn għandha tingħata awtorizzazzjoni ġudizzjarja ta’ miżura li għandha tiġi implimentata fl-Istat Membru tal-assistent Prosekutur Delegat Ewropew, għandhom jiġu eżaminati l-elementi kollha sostantivi, bħar-responsabbiltà kriminali, is-suspett ta’ reat kriminali, in-neċessità u l-proporzjonalità?

2.      L-eżami għandu jieħu inkunsiderazzjoni jekk l-ammissibbiltà tal-miżura diġà ġietx eżaminata minn qorti fl-Istat Membru tal-Prosekutur Delegat Ewropew inkarigat mill-ipproċessar tal-każ skont id-dritt ta’ dan l-Istat Membru?

3.      Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda u/jew tingħata risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda, sa fejn għandu l-istħarriġ ġudizzjarju jseħħ fl-Istat Membru tal-assistent Prosekutur Delegat Ewropew?”

37      Permezz ta’ ittra tal‑10 ta’ Jannar 2023, ir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja bagħat lill-qorti tar-rinviju talba għal kjarifiki. Bi tweġiba għal din it-talba, il-qorti tar-rinviju indikat li G. K., B. O. D. u S. L. jissemmew fid-digriet tal-Amtsgericht München (il-Qorti Distrettwali ta’ München) tat‑2 ta’ Settembru 2021 li jawtorizza tfittxijiet fil-Ġermanja, mingħajr ma ġiet eżaminata l-ġustifikazzjoni ta’ eventwali tfittxijiet fil-bini kummerċjali ta’ B. O. D. u fid-djar ta’ G. K. u ta’ S. L. fl-Awstrija.

 Fuq id-domandi preliminari

38      Permezz tat-tliet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 31 u 32 tar-Regolament 2017/1939 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-istħarriġ imwettaq fi ħdan l-Istat Membru tal-assistent Prosekutur Delegat Ewropew, meta miżura ta’ investigazzjoni assenjata tkun teħtieġ awtorizzazzjoni ġudizzjarja skont id-dritt ta’ dan l-Istat Membru, jista’ jirrigwarda kemm il-provi dwar il-ġustifikazzjoni u l-adozzjoni ta’ din il-miżura kif ukoll dawk relatati mal-eżekuzzjoni tagħha. Hija tistaqsi, f’dan il-kuntest, dwar l-effett tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-imsemmija miżura li kien twettaq preċedentement fl-Istat Membru tal-Prosekutur Delegat Ewropew inkarigat mill-każ fuq il-portata tal-istħarriġ tal-istess miżura, abbażi ta’ din l-awtorizzazzjoni ġudizzjarja, fl-Istat Membru tal-assistent Prosekutur Delegat Ewropew.

39      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament 2017/1939 għandu l-għan, konformement mal-Artikolu 1 tiegħu, li jistabbilixxi l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u li jiffissa l-modalitajiet ta’ funzjonament tiegħu.

40      L-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament jispeċifika li l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew għandu jkun kompetenti sabiex jinvestiga, iqiegħed taħt akkuża u jressaq il-qorti l-awturi u l-kompliċi ta’ reati kriminali li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew għandu jwettaq investigazzjonijiet, jimplimenta atti ta’ prosekuzzjoni u jeżerċita l-funzjonijiet ta’ prosekutur fil-qrati kompetenti tal-Istati Membri, sakemm il-kawża tinqata’ definittivament.

41      L-Artikolu 8(1) tal-imsemmi regolament jipprovdi li l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew għandu jkun korp indiviżibbli tal-Unjoni li jopera bħala uffiċċju tal-prosekutur pubbliku uniku bi struttura deċentralizzata. Il-paragrafi 2 sa 4 ta’ dan l-artikolu jistabbilixxu li l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew għandu jiġi organizzat fuq livell doppju, jiġifieri, minn naħa, livell ċentrali, li jikkonsisti fl-Uffiċċju Ċentrali, li jinsab fis-sede tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, u, min-naħa l-oħra, livell deċentralizzat, li huwa kkostitwit mill-Prosekuturi Delegati Ewropej assenjati fl-Istati Membri.

42      Skont l-Artikolu 13(1) tal-istess regolament, moqri fid-dawl tal-premessi 30 u 32 tiegħu, l-investigazzjonijiet tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew għandhom, bħala prinċipju, jitwettqu mill-Prosekuturi Delegati Ewropej, li jaġixxu f’isem l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew fl-Istati Membri rispettivi tagħhom.

43      Minn qari flimkien ta’ dan l-Artikolu 13(1) u tal-Artikolu 28(1) tar-Regolament 2017/1939 jirriżulta li l-Prosekutur Delegat Ewropew inkarigat mill-każ, jiġifieri l-Prosekutur Delegat Ewropew responsabbli mill-investigazzjonijiet u mill-prosekuzzjonijiet mibdija minnu, li ġew fdati lilu jew li ġie adit bihom bl-eżerċizzju tad-dritt ta’ evokazzjoni tiegħu, jista’, konformement ma’ dan ir-regolament u mad-dritt tal-Istat Membru tiegħu, jieħu miżuri ta’ investigazzjoni u miżuri oħra fuq inizjattiva tiegħu stess, jew jinkariga lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tiegħu sabiex jieħdu dawn il-miżuri.

44      Fil-kuntest tal-investigazzjonijiet imwettqa mill-Prosekutur Delegat Ewropew inkarigat mill-każ fi ħdan l-Istat Membru tiegħu, meta dan jiddeċiedi li jieħu miżura ta’ investigazzjoni li teħtieġ awtorizzazzjoni ġudizzjarja konformement mad-dritt ta’ dan l-Istat Membru, huma l-qrati ta’ dak l-Istat Membru li għandhom jistħarrġu l-osservanza tal-kundizzjonijiet kollha stabbiliti għal dan il-għan. B’kuntrast, fil-kawżi transkonfinali, meta miżura ta’ investigazzjoni għandha tiġi eżegwita fi Stat Membru differenti minn dak tal-Prosekutur Delegat Ewropew inkarigat mill-każ, dan tal-aħħar għandu jkun jista’ jibbaża ruħu, kif jirriżulta mill-punt 6 tal-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament, moqri fid-dawl tal-premessa 72 tiegħu, fuq assistent Prosekutur Delegat Ewropew fl-Istat Membru fejn għandha tiġi eżegwita tali miżura.

45      Is-sistema applikabbli għall-adozzjoni u għall-eżekuzzjoni ta’ tali miżura fil-kuntest ta’ investigazzjoni transkonfinali hija ddefinita mill-Artikoli 31 u 32 tal-istess regolament, li l-qorti tar-rinviju titlob l-interpretazzjoni tagħhom. Għaldaqstant, hemm lok li jsir riferiment għalihom sabiex tiġi ddeterminata l-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju li jista’ jitwettaq fi ħdan l-Istat Membru tal-assistent Prosekutur Delegat Ewropew, meta tali miżura tkun teħtieġ awtorizzazzjoni ġudizzjarja konformement mad-dritt ta’ dan l-Istat Membru.

46      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, hemm lok, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss it-termini tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha (sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2022, Generalstaatsanwaltschaft München (Estradizzjoni u ne bis in idem), C‑435/22 PPU, EU:C:2022:852, punt 67 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

47      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-formolazzjoni tal-Artikoli 31 u 32 tar-Regolament 2017/1939, mill-Artikolu 31(1) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li l-iżvolġiment tal-investigazzjonijiet transkonfinali tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew huwa bbażat fuq kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Prosekuturi Delegati Ewropej. Fil-kuntest ta’ din il-kooperazzjoni, fejn miżura teħtieġ li tiġi implimentata fi Stat Membru ieħor għajr l-Istat Membru tal-Prosekutur Delegat Ewropew inkarigat mill-każ, dan tal-aħħar għandu jiddeċiedi dwar l-adozzjoni tal-miżura meħtieġa u jassenjaha lil assistent Prosekutur Delegat Ewropew li jinsab fl-Istat Membru fejn għandha tiġi eżegwita l-miżura.

48      L-Artikolu 31(2) tal-imsemmi regolament jippreċiża, f’dan ir-rigward, li l-ġustifikazzjoni u l-adozzjoni ta’ tali miżura għandhom ikunu rregolati mid-dritt tal-Istat Membru tal-Prosekutur Delegat Ewropew inkarigat mill-każ.

49      Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tal-imsemmi regolament, jekk il-miżura assenjata tkun teħtieġ awtorizzazzjoni ġudizzjarja skont id-dritt tal-Istat Membru tal-assistent Prosekutur Delegat Ewropew, dan tal-aħħar għandu jikseb din l-awtorizzazzjoni konformement mad-dritt ta’ dan l-Istat Membru.

50      Madankollu, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tar-Regolament 2017/1939, fejn id-dritt tal-Istat Membru tal-assistent Prosekutur Delegat Ewropew ma jeżiġix tali awtorizzazzjoni ġudizzjarja, iżda din hija madankollu meħtieġa mid-dritt tal-Istat Membru tal-Prosekutur Delegat Ewropew inkarigat mill-każ, l-awtorizzazzjoni għandha tinkiseb mill-Prosekutur Delegat Ewropew inkarigat mill-każ u għandha tiġi ppreżentata flimkien mal-assenjazzjoni.

51      L-Artikolu 31(4) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li l-assistent Prosekutur Delegat Ewropew għandu jeżegwixxi l-miżura assenjata jew jinkariga lill-awtorità nazzjonali kompetenti sabiex tagħmel dan.

52      L-Artikolu 32 tal-imsemmi regolament jipprovdi li tali miżura għandha tiġi implimentata konformement mal-istess regolament u mad-dritt tal-Istat Membru tal-assistent Prosekutur Delegat Ewropew.

53      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tar-Regolament 2017/1939 jipprevedi l-kisba ta’ awtorizzazzjoni ġudizzjarja skont id-dritt tal-Istat Membru tal-assistent Prosekutur Delegat Ewropew meta miżura ta’ investigazzjoni assenjata tkun teħtieġ tali awtorizzazzjoni skont id-dritt ta’ dan l-Istat Membru, l-Artikoli 31 u 32 ta’ dan ir-regolament madankollu ma jispeċifikawx il-portata tal-istħarriġ li jista’ jitwettaq għall-finijiet ta’ din l-awtorizzazzjoni ġudizzjarja mill-awtoritajiet kompetenti tal-imsemmi Stat Membru.

54      Dan premess, mill-formolazzjoni tal-Artikolu 31(1) u (2) u mill-Artikolu 32 tal-imsemmi regolament jirriżulta li l-Prosekutur Delegat Ewropew inkarigat mill-każ għandu jiddeċiedi dwar l-adozzjoni ta’ miżura ta’ investigazzjoni assenjata u li din l-adozzjoni, kif ukoll il-ġustifikazzjoni ta’ din il-miżura, huma rregolati mid-dritt tal-Istat Membru tal-Prosekutur Delegat Ewropew inkarigat mill-każ, filwaqt li l-eżekuzzjoni ta’ tali miżura hija rregolata mid-dritt tal-Istat Membru tal-assistent Prosekutur Delegat Ewropew.

55      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kuntest li jagħmlu parti minnu l-Artikoli 31 u 32 tal-istess regolament, għandu jiġi rrilevat li d-distinzjoni stabbilita minn dawn l-artikoli bejn il-ġustifikazzjoni u l-adozzjoni ta’ miżura ta’ investigazzjoni assenjata, minn naħa, u l-eżekuzzjoni tagħha, min-naħa l-oħra, tirrifletti l-loġika sottostanti s-sistema ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali bejn l-Istati Membri, li hija bbażata fuq il-prinċipji ta’ fiduċja reċiproka u ta’ rikonoxximent reċiproku.

56      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li kemm il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri kif ukoll il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li huwa, min-naħa tiegħu, ibbażat fuq il-fiduċja reċiproka bejn dawn tal-aħħar, għandhom, fid-dritt tal-Unjoni, importanza fundamentali, peress li dawn jippermettu li tinħoloq u tinżamm żona mingħajr fruntieri interni (sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2022, Generalstaatsanwaltschaft München (Estradizzjoni u ne bis in idem), C‑435/22 PPU, EU:C:2022:852, punt 92, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

57      Il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji jimplika l-eżistenza ta’ fiduċja reċiproka fir-rigward tal-fatt li kull wieħed mill-Istati Membri jaċċetta l-applikazzjoni tad-dritt kriminali fis-seħħ fl-Istati Membri oħra, minkejja li l-implimentazzjoni tad-dritt nazzjonali tiegħu stess tista’ twassal għal soluzzjoni differenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑23 ta’ Jannar 2018, Piotrowski, C‑367/16, EU:C:2018:27, punt 52, u tal‑10 ta’ Jannar 2019, ET, C‑97/18, EU:C:2019:7, punt 33).

58      Dan il-prinċipju huwa implimentat minn diversi strumenti li jaqgħu taħt il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali bejn l-Istati Membri.

59      Għalhekk, l-imsemmi prinċipju huwa b’mod partikolari espress fl-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li jistabbilixxi r-regola li tgħid li l-Istati Membri huma obbligati jeżegwixxu kull mandat ta’ arrest Ewropew fuq il-bażi tal-istess prinċipju u konformement mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Qafas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita mil-ligi fl-istat Membru emittenti), C‑562/21 PPU u C‑563/21 PPU, EU:C:2022:100, punt 43 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

60      Fil-kuntest tas-sistema ta’ konsenja stabbilita mill-imsemmija deċiżjoni qafas, l-awtoritajiet ġudizzjarji msemmija, rispettivament, fil-paragrafu 1 u fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 6 tal-istess deċiżjoni qafas, jeżerċitaw funzjonijiet distinti marbuta, minn naħa, mal-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew u, min-naħa l-oħra, mal-eżekuzzjoni ta’ tali mandat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2020, Openbaar Ministerie (Falsifikazzjoni ta’ dokumenti), C‑510/19, EU:C:2020:953, punt 47).

61      Għaldaqstant, hija l-awtorità ġudizzjarja ta’ emissjoni li għandha tistħarreġ l-osservanza tal-kundizzjonijiet neċessarji għall-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, mingħajr ma din l-evalwazzjoni tista’, konformement mal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, tiġi sussegwentement mistħarrġa mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑23 ta’ Jannar 2018, Piotrowski, C‑367/16, EU:C:2018:27, punt 52, kif ukoll tal‑31 ta’ Jannar 2023, Puig Gordi et., C‑158/21, EU:C:2023:57, punti 87 u 88).

62      Il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku huwa wkoll espress fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2014/41, li jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jeżegwixxu ordni ta’ investigazzjoni Ewropea abbażi ta’ dan il-prinċipju u konformement mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva.

63      Minn qari flimkien tal-Artikoli 6 u 9 tal-imsemmija direttiva jirriżulta li s-sistema ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja prevista minnha hija bbażata, bħal dik stabbilita mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584, fuq tqassim tal-kompetenzi bejn l-awtorità ġudizzjarja ta’ emissjoni u l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, li fil-kuntest tagħha hija l-awtorità ġudizzjarja ta’ emissjoni li għandha tistħarreġ l-osservanza tal-kundizzjonijiet sostantivi neċessarji għall-ħruġ ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea, mingħajr ma din l-evalwazzjoni tista’, konformement mal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, tiġi sussegwentement ivverifikata mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2021, Spetsializirana prokuratura (Data dwar it-traffiku u dwar il-lokalizzazzjoni), C‑724/19, EU:C:2021:1020, punt 53).

64      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li, fil-kuntest tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali bejn l-Istati Membri bbażata fuq il-prinċipji ta’ fiduċja reċiproka u ta’ rikonoxximent reċiproku, l-awtorità ta’ eżekuzzjoni ma hijiex mistennija tistħarreġ l-osservanza, mill-awtorità ta’ emissjoni, tal-kundizzjonijiet għall-ħruġ tad-deċiżjoni ġudizzjarja li hija għandha teżegwixxi.

65      Fit-tielet lok, mill-premessi 12, 14, 20 u 60 tar-Regolament 2017/1939 jirriżulta li dan ir-regolament, permezz tal-istabbiliment ta’ Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, għandu l-għan li jiġġieled b’mod iktar effikaċi r-reati li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

66      F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 31(6) tar-Regolament 2017/1939, moqri fid-dawl tal-premessa 73 tiegħu, jirriżulta li r-regoli speċifiċi previsti minn dan ir-regolament għall-finijiet tal-investigazzjonijiet transkonfinali għandhom ikunu jistgħu jiġu kkompletati mill-possibbiltà li jintużaw strumenti legali fil-qasam, b’mod partikolari, tar-rikonoxximent reċiproku, bħall-istrument stabbilit mid-Direttiva 2014/41, sabiex jiġi żgurat li, meta miżura tkun neċessarja f’tali investigazzjoni, iżda ma tkunx teżisti fid-dritt nazzjonali għal sitwazzjoni purament interna, din il-possibbiltà tkun tista’ tintuża konformement mad-dritt nazzjonali li jimplimenta l-istrument ikkonċernat.

67      Minn dan isegwi li, billi ddefinixxa l-proċeduri previsti mir-Regolament 2017/1939, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jistabbilixxi mekkaniżmu li jiggarantixxi grad ta’ effikaċja tal-investigazzjonijiet transkonfinali mwettqa mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew tal-inqas daqstant għoli daqs dak li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-proċeduri previsti fil-kuntest tas-sistema ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali bejn l-Istati Membri bbażat fuq il-prinċipji ta’ fiduċja reċiproka u ta’ rikonoxximent reċiproku.

68      Madankollu, interpretazzjoni tal-Artikoli 31 u 32 ta’ dan ir-regolament fis-sens li l-għoti tal-awtorizzazzjoni ġudizzjarja msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tal-imsemmi regolament jista’ jkun suġġett għal eżami, mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-assistent Prosekutur Delegat Ewropew, tal-elementi relatati mal-ġustifikazzjoni u mal-adozzjoni tal-miżura ta’ investigazzjoni assenjata kkonċernata, twassal, fil-prattika, għal sistema inqas effikaċi minn dik stabbilita minn tali strumenti legali u għalhekk tippreġudika l-għan imfittex mill-istess regolament.

69      Fil-fatt, minn naħa, sabiex tkun tista’ twettaq tali eżami, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-assistent Prosekutur Delegat Ewropew għandha, b’mod partikolari, teżamina fid-dettall il-fajl kollu, li għandu jintbagħat lilha mill-awtoritajiet tal-Istat Membru tal-Prosekutur Delegat Ewropew inkarigat mill-każ, u skont il-każ, tradott.

70      Min-naħa l-oħra, peress li l-ġustifikazzjoni u l-adozzjoni ta’ miżura ta’ investigazzjoni assenjata jaqgħu, minħabba għażla magħmula mil-leġiżlatur tal-Unjoni, taħt id-dritt tal-Istat Membru tal-Prosekutur Delegat Ewropew inkarigat mill-każ, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-assistent Prosekutur Delegat Ewropew għandha, għall-finijiet tal-eżami tal-osservanza ta’ dawn iż-żewġ elementi, tapplika d-dritt tal-ewwel Stat Membru. Din l-awtorità ma tistax titqies li hija f’pożizzjoni aħjar mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-Prosekutur Delegat Ewropew inkarigat mill-każ sabiex twettaq tali eżami fid-dawl tad-dritt ta’ dan l-aħħar Stat Membru.

71      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-Regolament 2017/1939 jistabbilixxi, għall-finijiet tal-kooperazzjoni bejn il-Prosekuturi Delegati Ewropej fil-kuntest tal-investigazzjonijiet transkonfinali tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, distinzjoni bejn ir-responsabbiltajiet marbuta mal-ġustifikazzjoni u mal-adozzjoni tal-miżura assenjata, li jaqgħu taħt il-Prosekutur Delegat Ewropew inkarigat mill-każ, u dawk relatati mal-eżekuzzjoni ta’ din il-miżura, li jaqgħu taħt l-assistent Prosekutur Delegat Ewropew.

72      Konformement ma’ dan it-tqassim tar-responsabbiltajiet, l-istħarriġ relatat mal-awtorizzazzjoni ġudizzjarja li tkun meħtieġa skont id-dritt tal-Istat Membru tal-assistent Prosekutur Delegat Ewropew jista’ jkopri biss l-elementi relatati ma’ din l-eżekuzzjoni.

73      F’dan ir-rigward, għandu madankollu jiġi enfasizzat li, konformement mal-Artikolu 31(2) tar-Regolament 2017/1939, huwa l-Istat Membru tal-Prosekutur Delegat Ewropew inkarigat mill-każ li għandu jipprevedi stħarriġ ġudizzjarju minn qabel tal-kundizzjonijiet dwar il-ġustifikazzjoni u l-adozzjoni ta’ miżura ta’ investigazzjoni assenjata, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Karta, li l-osservanza tagħha hija imposta fuq l-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta’ dan ir-regolament skont l-Artikolu 51(1) tal-Karta.

74      It-tqassim tar-responsabbiltajiet deskritt fil-punti 71 u 72 ta’ din is-sentenza huwa għalhekk bla ħsara għar-rekwiżiti relatati mar-rispett tad-drittijiet fundamentali waqt l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ investigazzjoni assenjati li, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jikkostitwixxu ndħil fid-dritt ta’ kull persuna għar-rispett tal-ħajja privata u familjari tagħha, ta’ darha u tal-komunikazzjonijiet tagħha, iggarantit fl-Artikolu 7 tal-Karta, kif ukoll fid-dritt għall-proprjetà stabbilit fl-Artikolu 17 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2021, Gavanozov II, C‑852/19, EU:C:2021:902, punt 31).

75      Fir-rigward ta’ miżuri ta’ investigazzjoni li jinvolvu ndħil serju f’dawn id-drittijiet fundamentali, bħalma huma t-tfittxijiet fi djar privati, il-miżuri kawtelatorji relatati ma’ beni personali u l-iffriżar tal-assi, imsemmija fl-Artikolu 30(1)(a) u (d) tar-Regolament 2017/1939, huwa l-Istat Membru tal-Prosekutur Delegat Ewropew inkarigat mill-każ li għandu jipprevedi, fid-dritt nazzjonali, salvagwardji adegwati u suffiċjenti, bħal stħarriġ ġudizzjarju minn qabel, sabiex tiġi żgurata l-legalità u n-neċessità ta’ tali miżuri.

76      Barra minn hekk, lil hinn mill-garanziji ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali marbuta mal-istrumenti legali tal-Unjoni li l-Prosekuturi Delegati Ewropej jistgħu jirrikorru għalihom skont l-Artikolu 31(6) tar-Regolament 2017/1939 fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet transkonfinali, għandu, minn naħa, jiġi rrilevat li, kemm skont il-premessi 80 u 83 kif ukoll l-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-regolament, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew għandu jiżgura li l-attivitajiet tiegħu jirrispettaw id-drittijiet fundamentali. Dan ir-rekwiżit ġenerali huwa kkonkretizzat fl-Artikolu 41(1) u (2) tal-imsemmi regolament, li minnu jirriżulta li l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew għandu b’mod partikolari jirrispetta d-dritt għal smigħ xieraq u d-drittijiet tad-difiża tal-persuni ssuspettati u tal-persuni akkużati, li għandhom igawdu mill-inqas, id-drittijiet proċedurali previsti fid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-istrumenti ta’ dan id-dritt identifikati f’din l-aħħar dispożizzjoni u fil-premessa 85 tal-istess regolament.

77      Min-naħa l-oħra, għalkemm l-awtoritajiet, b’mod partikolari dawk ġudizzjarji, tal-Istat Membru tal-assistent Prosekutur Delegat Ewropew ma humiex awtorizzati jeżaminaw il-ġustifikazzjoni u l-adozzjoni ta’ miżura ta’ investigazzjoni assenjata, għandu madankollu jiġi enfasizzat li, skont l-Artikolu 31(5)(c) tar-Regolament 2017/1939, meta l-assistent Prosekutur Delegat Ewropew iqis li miżura oħra inqas intrużiva tippermetti li jinkisbu l-istess riżultati bħall-miżura ta’ investigazzjoni assenjata inkwistjoni, huwa għandu jinforma lill-Prosekutur Pubbliku Ewropew tiegħu responsabbli mis-superviżjoni tal-kawża u għandu jikkonsulta mal-Prosekutur Delegat Ewropew inkarigat mill-każ sabiex isolvi l-kwistjoni fuq livell bilaterali. Skont l-Artikolu 31(7) ta’ dan ir-regolament, jekk il-Prosekuturi Delegati Ewropej ma jkunux jistgħu jsolvu l-kwistjoni f’terminu ta’ sebat ijiem ta’ xogħol u jekk l-assenjazzjoni tinżamm, il-kwistjoni għandha tiġi rrinvjata lill-Awla Permanenti kompetenti.

78      Konsegwentement, ir-risposta għat-tliet domandi għanda tkun li l-Artikoli 31 u 32 tar-Regolament 2017/1939 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-istħarriġ imwettaq fi ħdan l-Istat Membru tal-assistent Prosekutur Delegat Ewropew, meta miżura ta’ investigazzjoni assenjata tkun teħtieġ awtorizzazzjoni ġudizzjarja konformement mad-dritt ta’ dan l-Istat Membru, jista’ jirrigwarda biss l-elementi relatati mal-eżekuzzjoni ta’ din il-miżura, bl-esklużjoni ta’ elementi relatati mal-ġustifikazzjoni u mal-adozzjoni tal-imsemmija miżura; dawn l-elementi tal-aħħar għandhom ikunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju minn qabel fl-Istat Membru tal-Prosekutur Delegat Ewropew inkarigat mill-każ f’sitwazzjoni ta’ ndħil serju fid-drittijiet tal-persuna kkonċernata ggarantiti mill-Karta.

 Fuq l-ispejjeż

79      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikoli 31 u 32 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”)

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

l-istħarriġ imwettaq fi ħdan l-Istat Membru tal-assistent Prosekutur Delegat Ewropew, meta miżura ta’ investigazzjoni assenjata tkun teħtieġ awtorizzazzjoni ġudizzjarja konformement mad-dritt ta’ dan l-Istat Membru, jista’ jirrigwarda biss l-elementi relatati mal-eżekuzzjoni ta’ din il-miżura, bl-esklużjoni ta’ elementi relatati mal-ġustifikazzjoni u mal-adozzjoni tal-imsemmija miżura; dawn l-elementi tal-aħħar għandhom ikunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju minn qabel fl-Istat Membru tal-Prosekutur Delegat Ewropew inkarigat mill-każ f’sitwazzjoni ta’ ndħil serju fid-drittijiet tal-persuna kkonċernata ggarantiti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.