Language of document : ECLI:EU:C:2023:1028

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

21 ta’ Diċembru 2023 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport – Servizzi pubbliċi tat-trasport ta’ passiġġiera bil-ferrovija u bit-triq – Regolament (KE) Nru 1370/2007 – Artikolu 1(1) – Artikolu 2a(2) – Artikolu 3(1) – Artikolu 4(1) – Artikolu 6(1) – Kuntratt għal servizz pubbliku tat-trasport ta’ passiġġiera bix-xarabank – Proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku għal servizzi – Sejħa għall-offerti miftuħa, trasparenti u nondiskriminatorja – Speċifikazzjonijiet tal-kuntratt – Ammont tal-kumpens mogħti mill-awtorità nazzjonali kompetenti – Indiċjar limitat fiż-żmien u għal kategoriji speċifiċi ta’ spejjeż – Tqassim tar-riskji”

Fil-Kawża C‑421/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Augstākā tiesa (Senāts) (il-Qorti Suprema, il-Latvja), permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Ġunju 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Ġunju 2022, fil-proċedura

DOBELES AUTOBUSU PARKS” SIA,

CATA” AS,

VTU VALMIERA” SIA,

JELGAVAS AUTOBUSU PARKS” SIA,

Jēkabpils autobusu parks” SIA

vs

Iepirkumu uzraudzības birojs,

Autotransporta direkcija” VSIA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan (Relatur), President tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tal-Ħames Awla, Z. Csehi, M. Ilešič u D. Gratsias, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: R. Stefanova-Kamisheva, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Ġunju 2023,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal “DOBELES AUTOBUSU PARKS” SIA, “CATA” AS, “VTU VALMIERA” SIA, “JELGAVAS AUTOBUSU PARKS” SIA, u “Jēkabpils autobusu parks” SIA, minn S. Novicka, advokāte,

–        għal “Autotransporta direkcija” VSIA, minn S. Bērtaitis, advokāts,

–        għall-Gvern Latvjan, minn J. Davidoviča u K. Pommere, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċiprijott, minn I. Neophytou, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Messina, I. Rubene u F. Tomat, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-14 ta’ Settembru 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(1), tal-Artikolu 2a(2) u tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70 (ĠU 2007, L 315, p. 1), kif emendat bir-Regolament (UE) 2016/2338 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2016 (ĠU 2016, L 354, p. 22) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1370/2007”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, “DOBELES AUTOBUSU PARKS” SIA, “CATA” AS, “VTU VALMIERA” SIA, “JELGAVAS AUTOBUSU PARKS” SIA u “Jēkabpils autobusu parks” SIA, kumpanniji rregolati mid-dritt Latvjan attivi fil-qasam tat-trasport (iktar ’il quddiem, flimkien, “Dobeles et”), u, min-naħa l-oħra, l-Iepirkumu uzraudzības birojs (l-Uffiċċju ta’ Sorveljanza tal-Kuntratti Pubbliċi, il-Latvja) u l-“Autotransporta direkcija” VSIA (iktar ’il quddiem l-“awtorità kontraenti”), dwar il-modalitajiet tal-kalkolu tal-ammont tal-kumpens dovut għall-provvista ta’ servizz pubbliku ta’ trasport ta’ passiġġieri b’xarabank fin-netwerk ta’ rotot ta’ interess reġjonali.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Ir-Regolament Nru 1370/2007

3        Skont il-premessi 4, 7, 27, u 34 tar-Regolament Nru 1370/2007:

“(4)      L-objettivi ewlenin tal-White Paper tal-Kummissjoni [Ewropea] tat-12 ta’ Settembru 2001, ‘Il-politika Ewropea tat-trasport għal 2010: iż-żmien għad-deċiżjonijiet’, huma li jiġu garantiti servizzi tat-trasport tal-passiġġieri sikuri, effiċjenti u ta’ kwalità għolja permezz ta’ kompetizzjoni rregolata, li tiggarantixxi wkoll it-trasparenza u l-prestazzjoni ta’ servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri, wara li jiġu kkonsidrati fatturi soċjali, ambjentali u ta’ żvilupp reġjonali, jew biex jiġu offruti kondizzjonijiet speċifiċi ta’ tariffi lil ċerti kategoriji ta’ vjaġġaturi, bħall-pensjonanti, u biex jiġu eliminati d-disparitajiet bejn impriżi tat-trasport mill-Istati Membri differenti li jistgħu jwasslu għal distorsjoni sostanzjali tal-kompetizzjoni

[...]

(7)      Studji li saru u l-esperjenza ta’ l-Istati Membri fejn ilha teżisti kompetizzjoni fis-settur tat-trasport pubbliku għal numru ta’ snin juru li, b’salvagwardji xierqa, l-introduzzjoni ta’ kompetizzjoni rregolata bejn operaturi twassal għal servizzi aktar attraenti u innovattivi bi prezz orħos u li x’aktarx ma tostakolax il-prestazzjoni tax-xogħlijiet speċifiċi li jkunu ngħataw lill-operaturi ta’ servizz pubbliku.” Dan l-approċċ ġie approvat mill-Kunsill Ewropew taħt 'l hekk imsejjaħ Proċess ta’ Liżbona tat-28 ta’ Marzu 2000 li stieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea] u lill-Istati Membri, kull wieħed skond il-poteri rispettivi tiegħu, biex ‘jaċċelleraw l-liberalizzazzjoni f’oqsma bħalma huma … t-trasport’.

[...]

(27)      Il-kumpens mogħti mill-awtoritajiet kompetenti biex ikopri l-ispejjeż magħmula fit-twettiq ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku għandu jiġi kkalkolat b’mod li jiġi evitat il-kumpens żejjed. Meta awtorità kompetenti tippjana li tagħti kuntratt għal servizz pubbliku mingħajr sejħa kompetittiva għall-offerti, jeħtiġilha wkoll tirrispetta r-regoli dettaljati li jiżguraw li l-ammont tal-kumpens ikun xieraq u jirrifletti xewqa għall-effiċjenza u l-kwalità ta’ servizzi

[...]

(34)      Kumpens għal servizz pubbliku jista’ jkun meħtieġ fis-settur tat-trasport ta’ passiġġieri fuq l-art sabiex l-impriżi responsabbli għas-servizzi pubbliċi joperaw abbażi ta’ prinċipji u taħt kondizzjonjiet li jippermettulhom iwettqu l-kompiti tagħhom. Tali kumpens jista’ jkun kompatibbli mat-Trattat [CE] skond l-Artikolu 73 taħt ċerti kondizzjonijiet. L-ewwelnett, dan għandu jingħata biex jiġi żgurat il-forniment ta’ servizzi li huma servizzi ta’ interess ġenerali fis-sens tat-tifsira tat-Trattat. It-tieninett, sabiex jiġu evitati distorsjonijiet mhux ġustifikati tal-kompetizzjoni ma jistax jeċċedi dak li hu meħtieġ biex ikunu koperti l-ispejjeż netti kkawżati mit-twettiq ta’ l-obbligi ta’ servizz pubbliku, meta jittieħed kont tad-dħul iġġenerat minnu kif ukoll ta’ qligħ raġonevoli.”

4        L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1370/2007, intitolat “Skop u kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-iskop ta’ dan ir-Regolament huwa li jiddefinixxi il-mod kif, skond ir-regoli tal-liġi Komunitarja, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jaġixxu fil-qasam tat-trasport pubbliku ta’ passiġġieri biex jiggarantixxu l-forniment ta’ servizzi ta’ interess ġenerali li huma fost l-affarijiet l-oħra iktar numerużi, iktar sikuri, ta’ kwalità għola jew ta’ prezz orħos minn dawk li l-forza tas-suq waħedha tista’ tippermetti.

Għal dan il-għan, dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kondizzjonijiet li taħthom l-awtoritajiet kompetenti, meta jimponu obbligi ta’ servizz pubbliku jew jikkonkludu kuntratti għal servizz pubbliku, jikkumpensaw lill-operaturi ta’ servizz pubbliku għall-ispejjeż li jkunu għamlu u/jew jagħtu drittijiet esklussivi bi tpattija għall-operat ta’ obbligi tat-trasport pubbliku.”

5        L-Artikolu 2a ta’ dan ir-regolament, intitolat “Speċifikazzjoni tal-obbligi ta’ servizz pubbliku”, jipprevedi:

“1.       L-awtorità kompetenti għandha tistipula l-ispeċifikazzjonijiet għall-obbligi ta’ servizz pubbliku fl-għoti tas-servizzi tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri u l-ambitu tal-applikazzjoni tagħhom f’konformità mal-Artikolu 2(e). Dan jinkludi l-possibbiltà li s-servizzi li jkopru l-ispejjeż jiġu raggruppati ma’ servizzi li ma jkoprux spejjeż.

Meta tistipula dawk l-ispeċifikazzjonijiet u l-ambitu tal-applikazzjoni tagħhom, l-awtorità kompetenti għandha tirrispetta kif xieraq il-prinċipju tal-proporzjonalità, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni.

[...]

2.      L-ispeċifikazzjonijiet tal-obbligi ta’ servizz pubbliku u l-kumpens relatat tal-effett finanzjarju nett tal-obbligi ta’ servizz pubbliku għandhom:

(a)      jilħqu l-objettivi tal-politika tat-trasport pubbliku b’mod kosteffettiv; u

(b)      isostnu finanzjarjament il-forniment tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri, f’konformità mar-rekwiżiti stipulati fil-politika tat-trasport pubbliku fuq perijodu twil.”

6        L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, intitolat “Kuntratti għal servizz pubbliku u regoli ġenerali”, jipprovdi, fil-paragrafi (1) u (2) tiegħu:

“1.       Meta awtorità kompetenti tiddeċiedi li tagħti lill-operatur magħżul minnha dritt esklussiv u/jew kumpens, ta’ kwalunkwe tip, bi tpattija għat-twettiq ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku, għandha tagħmel dan fi ħdan il-qafas ta’ kuntratt għal servizz pubbliku.

2.       Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 1, l-obbligi ta’ servizz pubbliku li jimmiraw li jistabbilixxu tariffi massimi għall-passiġġieri kollha jew għal ċerti kategoriji ta’ passiġġieri jistgħu jkunu wkoll is-suġġett ta’ regoli ġenerali. F’konformità mal-prinċipji mniżżla fl-Artikoli 4 u 6 u fl-Anness, l-awtorità kompetenti għandha tikkumpensa lill-operaturi ta’ servizz pubbliku għall-effett finanzjarju nett, pożittiv jew negattiv, fuq l-infiq magħmul u d-dħul iġġenerat mill-konformità ma’ l-obbligi tat-tariffi stabbiliti permezz ta’ regoli ġenerali b’mod li jiġi evitat il-kumpens żejjed. Dan hekk għandu jkun minkejja d-dritt ta’ l-awtoritajiet kompetenti li jintegraw obbligi ta’ servizz pubbliku li jistabbilixxu tariffi massimi f’kuntratti għal servizz pubbliku.”

7        L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1370/2007, intitolat “Kontenut mandatorju tal-kuntratti għal servizz pubbliku u tar-regoli ġenerali”), jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-kuntratti għal servizz pubbliku u r-regoli ġenerali għandhom:

(a)       jistabbilixxu biċ-ċar l-obbligi ta’ servizz pubbliku, definiti f’dan ir-Regolament u speċifikati skont l-Artikolu 2a tiegħu, li l-operatur ta’ servizz pubbliku għandu jikkonforma magħhom, u ż-żoni ġeografiċi kkonċernati;

(b)      jistabbilixxu minn qabel, b’mod oġġettiv u trasparenti:

(i)       il-parametri li abbażi tagħhom il-pagament ta’ kumpens, jekk ikun hemm, għandu jiġi kkalkolat; u

(ii)       in-natura u l-firxa ta’ kwalunkwe drittijiet esklussivi mogħtija b’mod li jevita l-kumpens żejjed.

Fil-każ ta’ kuntratti għal servizz pubbliku li ma jingħatawx f’konformità mal-Artikolu 5(1), (3) jew (3b), dawn il-parametri għandhom jiġu determinati b’mod li l-ebda ħlas ta’ kumpens ma jista’ jeċċedi l-ammont meħtieġ biex ikopri l-effetti finanzjarji netti fuq l-infiq u d-dħul li jirriżultaw mit-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku, filwaqt li jittieħed kont tad-dħul relatat miegħu miżmum mill-operatur ta’ servizz pubbliku u qligħ raġonevoli;

(ċ)       jiddeterminaw l-arranġamenti għall-allokazzjoni ta’ l-ispejjeż konnessi mal-forniment tas-servizzi. Dawn l-ispejjeż jistgħu jinkludu b’mod partikolari l-ispejjeż tal-persunal, l-enerġija, il-ħlasijiet ta’ infrastruttura, il-manutenzjoni u t-tiswija ta’ vetturi tat-trasport pubbliku, rolling stock u installazzjonijiet meħtieġa għat-tħaddim tas-servizzi tat-trasport ta’ passiġġieri, spejjeż fissi u dħul adegwat fuq il-kapital.”

8        L-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kumpens għas-servizz pubbliku”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-kumpens kollu marbut ma’ regola ġenerali jew ma’ kuntratt għal servizz pubbliku għandu jikkonforma mal-Artikolu 4, irrispettivament minn kif ikun ingħata l-kuntratt. Kull kumpens, irrispettivament min-natura tiegħu, li jkun marbut ma’ kuntratt għal servizz pubbliku li ma jkunx ingħata skont l-Artikolu 5(1), (3) jew (3b) jew marbut ma’ regola ġenerali, għandu jikkonforma wkoll mad-dispożizzjonijiet stipulati fl-Anness.”

9        Skont il-punt 7 tal-anness tal-imsemmi regolament, intitolat “Regoli applikabbli għall-kumpens fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 6(1)”:

“Il-metodu ta’ kumpens għandu jippromwovi ż-żamma jew l-iżvilupp ta’:

–        ġestjoni effettiva min-naħa ta’ l-operatur ta’ servizz pubbliku, li tista’ tkun is-suġġett ta’ valutazzjoni oġġettiva, u

–        il-forniment ta’ servizzi tat-trasport tal-passiġġieri ta’ standard għoli biżżejjed.”

 Il-linji gwida

10      It-Taqsima 1 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-linji gwida interpretattivi li jikkonċernaw ir-Regolament Nru 1370/2007 (ĠU 2014, C 92, p. 1) (iktar ’il quddiem il-“linji gwida”), intitolata “Introduzzjoni”, tipprovdi, fil-ħames paragrafu tagħha:

“F’din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni titfa’ dawl fuq il-fehim tagħha ta’ għadd ta’ dispożizzjonijiet tar-Regolament, mnebbħa mill-aqwa prattiki sabiex tgħin lill-Istati Membri jgawdu mill-benefiċċji kollha tas-suq intern. Din il-Komunikazzjoni ma għandhiex l-aspirazzjoni li tkopri d-dispożizzjonijiet kollha b’mod eżawrjenti, u lanqas ma toħloq regoli leġiżlattivi ġodda. Fi kwalunkwe każ għandu jiġi nnotat li l-interpretazzjoni tal-liġi tal-Unjoni fl-aħħar mill-aħħar hija r-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.”

11      It-Taqsima 2.4 tal-Linji Gwida tirrigwarda, skont it-titolu rispettiv tagħha, il-kumpens għal servizz pubbliku.

12      Il-punt 2.4.3. ta’ dawn il-linji gwida huwa fformulat kif ġej:

“[...]

L-Anness jiddikjara li ‘qligħ raġonevoli’ għandu jiġi mifhum bħala rata ta’ dħul fuq il-kapital li hija normali għas-settur fi Stat Membru partikolari u li tieħu kont tar-riskju, jew in-nuqqas ta’ riskju, li jkun għamel l-operatur ta’ servizz pubbliku permezz tal-intervent tal-awtorità pubblika. Madankollu, mhumiex offruti aktar linji gwida dwar il-livell korrett ta’ ‘dħul fuq il-kapital’ jew ‘qligħ raġonevoli’.

[...]

Fi kwalunkwe każ, skont iċ-ċirkostanzi partikolari ta’ kull kuntratt għal servizz pubbliku, hija meħtieġa valutazzjoni każ b’każ mill-awtorità kompetenti biex jiġi stabbilit il-livell adegwat ta’ qligħ raġonevoli. Fost affarijiet oħra, din għandha tqis il-karatteristiċi speċifiċi tal-impriża inkwistjoni, ir-remunerazzjoni normali tas-suq għal servizzi simili u l-livell ta’ riskju involut f’kull kuntratt għal servizz pubbliku. Pereżempju, kuntratt għal servizz pubbliku li jinkludi dispożizzjonijiet speċifiċi li jipproteġu l-livell ta’ kumpens f’każ ta’ spejjeż mhux previsti huwa anqas riskjuż minn kuntratt għal servizz pubbliku li ma jkunx jinkludi dawn il-garanziji. Għaldaqstant, sakemm il-fatturi l-oħra jibqgħu l-istess, il-qligħ raġonevoli fil-kuntratt ta’ qabel għandu jkun anqas milli fit-tieni kuntratt.

Ġeneralment, irid jitħeġġeġ l-użu tal-inċentivi fl-effiċjenza fil-mekkaniżmu ta’ kumpens [...]. Għandu jiġi enfasizzat li skemi ta’ kumpens li sempliċiment ikopru l-ispejjeż attwali kif iseħħu jipprovdu ftit inċentivi għal kumpanija ta’ trasport biex trażżan l-ispejjeż jew biex issir aktar effiċjenti maż-żmien. Għalhekk, l-użu tagħhom għandu jiġi limitat għal każijiet fejn ikun hemm nuqqas ta’ ċertezza kbira dwar l-ispejjeż u l-fornitur tat-trasport jeħtieġ grad għoli ta’ protezzjoni kontra n-nuqqas ta’ ċertezza.”

13      Skont il-punt 2.4.5. tal-imsemmija linji gwida:

“Il-premessa 27 tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tiddikjara li fil-każ ta’ għoti dirett jew regoli ġenerali, il-parametri għall-kumpens għandhom jiġu stabbiliti b’tali mod li l-kumpens ikun xieraq u jirrifletti ‘xewqa għall-effiċjenza u l-kwalità ta’ servizz’. Dan ifisser li l-awtoritajiet kompetenti għandhom, permezz tal-mekkaniżmu ta’ kumpens, jħeġġu l-fornituri tas-servizz biex isiru aktar effiċjenti, billi jipprovdu l-livell u l-kwalità ta’ servizz meħtieġa bl-anqas riżorsi possibbli.

Ir-regoli dwar il-kumpens fir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 iħallu ċerta libertà lill-awtoritajiet kompetenti biex ifasslu skemi ta’ inċentivi għall-fornitur tas-servizz pubbliku. Fi kwalunkwe każ, l-awtoritajiet kompetenti huma obbligati ‘jippromwovu ż-żamma jew l-iżvilupp ta’ ġestjoni effettiva min-naħa tal-operatur ta’ servizz pubbliku, li tista’ tkun is-suġġett ta’ valutazzjoni oġġettiva’ (punt 7 tal-Anness). Dan jimplika li s-sistema ta’ kumpens għandha titfassal biex tiżgura mill-anqas li maż-żmien isir ċertu titjib fl-effiċjenza.

Madankollu, l-inċentivi fl-effiċjenza għandhom ikunu proporzjonati u jibqgħu f’livell raġonevoli, billi jieħdu kont tad-diffikultà biex jinkisbu l-objettivi ta’ effiċjenza. Pereżempju, dan jista’ jiġi żgurat permezz ta’ qsim ibbilanċjat ta’ kwalunkwe inċentiv marbut mat-titjib fl-effiċjenza bejn l-operatur, l-awtoritajiet pubbliċi u/jew l-utenti. Fi kwalunkwe każ, jeħtieġ li titwaqqaf sistema biex tiżgura li l-impriża ma tkunx awtorizzata żżomm benefiċċji ta’ effiċjenza sproporzjonati. Barra minn hekk, il-parametri ta’ dawn l-iskemi ta’ inċentiva iridu jkunu ddefiniti bis-sħiħ u eżattament fil-kuntratt għal servizz pubbliku.

Madankollu, l-inċentivi biex jiġu pprovduti servizzi pubbliċi aktar effiċjenti ma għandhomx jipprevjenu l-forniment ta’ servizzi ta’ kwalità għolja. Fil-kuntest tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007, l-effiċjenza għandha tinftiehem bħala r-relazzjoni bejn il-kwalità jew il-livell tas-servizzi pubbliċi u r-riżorsi użati biex jiġu pprovduti dawk is-servizzi. Għaldaqstant, l-inċentivi fl-effiċjenza għandhom jiffokaw fuq it-tnaqqis tal-ispejjeż u/jew fuq iż-żieda tal-kwalità jew tal-livell ta’ servizz.”

14      Il-punt 2.4.8. tal-istess linji gwida jippreċiża, fit-tieni u fit-tielet paragrafi tiegħu:

“[...] [I]r-regoli tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 mhux biss għandhom l-għan li jipprevjenu kwalunkwe kumpens żejjed għall-obbligi ta’ servizz pubbliku, iżda għandhom l-għan li jiżguraw li l-offerta ta’ servizzi pubbliċi ddefinita fil-kuntratt għal servizz pubbliku hija finanzjarjament sostenibbli biex jintlaħaq u jinżamm livell għoli ta’ kwalità ta’ servizz. Għaldaqstant, l-obbligu ta’ servizz pubbliku għandu jiġi kkumpensat b’mod xieraq sabiex il-fondi proprji tal-operatur taħt kuntratt għal servizz pubbliku ma jonqsux fuq medda twila ta’ żmien, u b’hekk ikun possibbli li jiġu sodisfatti b’mod effiċjenti l-obbligi tiegħu taħt il-kuntratt u ż-żamma tal-forniment ta’ servizzi tat-trasport tal-passiġġieri ta’ standard għoli kif imsemmi fil-punt 7 tal-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007.

Fi kwalunkwe każ, jekk l-awtorità kompetenti ma tħallasx kumpens xieraq, tkun f’riskju li tnaqqas l-għadd ta’ offerti sottomessi bħala rispons għal proċedura ta’ sejħa kompetittiva għall-offerti għall-għoti ta’ kuntratt għal servizz pubbliku, toħloq diffikultajiet finanzjarji serji għall-operatur jekk il-kuntratt għal servizz pubbliku jingħata direttament u/jew tnaqqas il-livell u l-kwalità inġenerali tas-servizzi pubbliċi provduti matul it-tul ta’ ħajja tal-kuntratt.”

 Id-dritt Latvjan

15      L-Artikolu 10 tas-Sabiedriskā transporta pakalpojumu likums (il-Liġi dwar is-Servizzi ta’ Trasport Pubbliku) tal-14 ta’ Ġunju 2007 (Latvijas Vēstnesis, 2007, Nru 106), jipprovdi:

“1.      Għandu jingħata kumpens lit-trasportatur għat-telf u l-ispejjeż tiegħu marbuta mal-provvista tas-servizzi ta’ trasport pubbliku skont ir-rekwiżiti previsti fl-Artikoli 11 u 12 ta’ din il-liġi.

[...]

3.      Għall-finijiet ta’ din il-liġi, telf ifisser ukoll l-ispiża tas-servizz jekk l-awtorità kontraenti tkun organizzat l-ordni ta’ servizzi ta’ trasport pubbliku skont il-Publisko iepirkumu likums (il-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi)”.

16      L-Artikolu 11(1) tal-liġi dwar is-servizzi tat-trasport pubbliku jipprevedi:

“Għandu jingħata kumpens lit-trasportatur għat-telf marbut mal-provvista ta’ servizzi ta’ trasport pubbliku sal-ammont u konformement mal-modalitajiet stabbiliti mill-Kunsill tal-Ministri. [...]”

17      Il-Ministru kabineta noteikumi no435 Kārtība, kādā nosaka un kompensē ar sabiedriskā transporta pakalpojumu sniegšanu saistītos zaudējumus un izdevumus un nosaka sabiedriskā transporta pakalpojuma tarifu (Id-Digriet tal-Kunsill tal-Ministri Nru 435 dwar il-Proċedura għad-Determinazzjoni u l-Kumpens tat-Telf u Spejjeż relatati mal-Forniment ta’ Servizzi ta’ Trasport Pubbliku u għall-Ipprezzar ta’ tali Servizzi) tat-28 ta’ Lulju 2015 (Latvijas Vēstnesis, 2015, Nru 155), jinkludi d-dispożizzjonijiet li ġejjin:

“[...]

2.      Għandu jingħata kumpens lit-trasportatur għat-telf u l-ispejjeż relatati mal-eżekuzzjoni tal-kuntratt għal servizz ta’ trasport pubbliku:

2.1.       jekk l-awtorità kontraenti tkun iffissat it-tariffa tas-servizz ta’ trasport pubbliku, sal-ammont tat-telf subit jekk l-ispejjeż indispensabbli marbuta mal-eżekuzzjoni tal-kuntratt għal servizz ta’ trasport pubbliku jkunu jaqbżu d-dħul li jirriżulta minnu.

[...]

56.      Il-kuntratt għal servizzi ta’ trasport pubbliku jista’ jiddetermina l-ammont tal-kumpens (prezz kuntrattwali) jew il-proċedura għall-kalkolu ta’ dan il-kumpens (prezz kuntrattwali). Sabiex tiddetermina l-ammont tal-kumpens (prezz kuntrattwali) jew il-proċedura għall-kalkolu ta’ dan il-kumpens (prezz kuntrattwali) f’kuntratt għal servizz ta’ trasport pubbliku, l-awtorità kontraenti għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-ambitu tad-dritt li għandu jingħata, l-intensità, il-kosteffettività u r-rekwiżiti tal-kwalità tas-servizz tat-trasport pubbliku, kif ukoll ir-rekwiżiti relatati mat-tagħmir tekniku tal-vetturi u kriterji oġġettivi oħra li l-osservanza tagħhom tkun relatata direttament mal-ammont ta’ kumpens li għandu jitħallas.”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

18      L-awtorità kontraenti nediet proċedura ta’ sejħa għal offerti miftuħa għall-għoti tad-dritt li jiġu pprovduti servizzi ta’ servizz pubbliku ta’ trasport ta’ passiġġiera bix-xarabank fuq in-netwerk Latvjan ta’ linji ta’ interess reġjonali għal perijodu ta’ għaxar snin.

19      Dobeles et adixxew lill-Iepirkumu uzraudzības biroja Iesniegumu izskatīšanas komisija (il-Kummissjoni dwar l-Ilmenti tal-Uffiċċju ta’ Sorveljanza tal-Akkwist Pubbliku, il-Latvja) b’rikors li permezz tiegħu huma kkontestaw id-dispożizzjonijiet tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. Insostenn ta’ dan ir-rikors, huma sostnew li dan tal-aħħar u l-abbozz tal-kuntratt korrispondenti kienu jistabbilixxu flimkien mekkaniżmu illegali ta’ kumpens għas-servizz pubbliku ta’ trasport inkwistjoni, peress li, fl-offerta tagħhom, l-offerenti għandhom ikunu f’pożizzjoni li jipprevedu l-prezz tas-servizz propost għall-għaxar snin li ġejjin, li abbażi tiegħu jiġi ddeterminat il-kumpens li għandu jitħallas lill-operaturi matul it-tul tal-kuntratt, filwaqt li dan tal-aħħar ma jipprevedix proċedura kompleta ta’ reviżjoni tal-prezz tas-servizz fil-każ ta’ varjazzjoni tal-ispejjeż li għandhom effett fuq dan il-prezz.

20      Permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Novembru 2019, dik il-qorti ċaħdet ir-rikors tagħhom.

21      Għalhekk, Dobeles et adixxew lill-Administratīvā rajona tiesa (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali, il-Latvja), b’rikors intiż għall-annullament ta’ dik id-deċiżjoni. Insostenn ta’ dawn ir-rikorsi, huma jilmentaw li l-proċedura ta’ reviżjoni tal-prezz kuntrattwali tal-provvista ta’ servizzi ta’ trasport, inkluża fl-anness tal-abbozz ta’ kuntratt pubbliku, teskludi mill-indiċjar tal-prezz kuntrattwali previst biss għall-ispejjeż tal-fjuwil u tas-salarji kif ukoll għall-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, minn naħa, il-varjazzjonijiet fl-ispejjeż tal-fjuwil u tas-salarji li ma jaqbżux, rispettivament, 5 % u 8 %, kif ukoll, min-naħa l-oħra, l-ewwel erbgħa u l-aħħar tliet snin tal-provvista ta’ servizzi. Dobeles et jikkontestaw ukoll id-dispożizzjonijiet tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt dwar ir-regoli ta’ reviżjoni tal-prezz kuntrattwali għal kull kilometru, li jipprovdu li dan il-prezz jista’ jiġi rivedut biss jekk il-volum tas-servizzi li għandhom jiġu pprovduti jitnaqqas mill-awtorità kontraenti b’iktar minn 30 %, sa fejn tali dispożizzjonijiet ma jipprevedux kriterji oġġettivi u trasparenti rilevanti għar-reviżjoni tal-prezz kuntrattwali.

22      Permezz ta’ sentenza tad-29 ta’ Mejju 2019, dik il-qorti ċaħdet dawn ir-rikorsi, għar-raġuni, essenzjalment, li l-Istat ma huwiex obbligat ikopri l-ispejjeż kollha tal-operaturi ta’ servizz pubbliku ta’ trasport, tkun xi tkun l-effiċjenza operattiva ta’ dawn tal-aħħar, u li l-proċedura ta’ indiċjar tal-prezz kuntrattwali prevista fl-abbozz ta’ kuntratt pubbliku ma tmurx kontra r-rekwiżiti imposti mir-Regolament Nru 1370/2007.

23      Dobeles et adixxew lill-Augstākā tiesa (Senāts) (il-Qorti Suprema, il-Latvja), jiġifieri l-qorti tar-rinviju, b’appell fil-kassazzjoni intiż għall-annullament ta’ dik is-sentenza. Insostenn tal-appell tagħhom, Dobeles et isostnu li l-mudell finanzjarju li jinsab fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt ma jiggarantixxix lit-trasportaturi kkonċernati “kumpens xieraq”, fis-sens tar-Regolament Nru 1370/2007, peress li l-kumpens mogħti ma jkoprix l-ispejjeż kollha oġġettivament iġġustifikati sabiex jiġi żgurat is-servizz meħtieġ mill-awtorità kontraenti. B’mod partikolari, l-indiċjar previst fl-abbozz ta’ kuntratt pubbliku huwa eċċessivament restrittiv u ma huwiex oġġettivament possibbli li tiġi prevista ż-żieda tal-ispejjeż li tista’ sseħħ fil-perijodu ta’ għaxar snin koperti minn dan il-kuntratt. Il-mudell finanzjarju magħżul għalhekk ma huwiex intiż sabiex jiżgura l-effikaċja operattiva tat-trasportatur, iżda sabiex jittrasferixxi r-riskju ta’ żieda fl-ispejjeż mill-Istat lejn dan tal-aħħar.

24      Min-naħa tagħha, l-awtorità kontraenti tenfasizza li r-Regolament Nru 1370/2007 huwa intiż li jevita kull riskju ta’ kumpens żejjed billi jħalli, barra minn hekk, lill-Istati Membri l-possibbiltà li jiddeċiedu jekk jagħtux jew le kumpens lit-trasportaturi tal-passiġġiera, li s-sistema ta’ kumpens għandha tintuża sabiex tinkoraġġixxi lill-fornituri ta’ servizzi jsiru iktar effikaċi billi jiżguraw servizzi tal-livell u tal-kwalità meħtieġa bl-inqas riżorsi possibbli u li r-regoli dwar il-kumpens li jinsabu f’dan ir-regolament, li jħallu marġni ta’ manuvra lill-awtoritajiet kompetenti, ma jippermettux li jiġi konkluż li l-Istat huwa obbligat ikopri l-ispejjeż kollha tal-fornituri ta’ servizzi ta’ servizz pubbliku ta’ trasport, tkun xi tkun l-effiċjenza operattiva tagħhom.

25      F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tirrileva li mill-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1370/2007 kif ukoll mil-linji gwida, b’mod partikolari mill-punt 2.4.8 tagħhom, jirriżulta li l-Istat għandu l-obbligu li jiggarantixxi sistema ta’ servizz pubbliku ta’ trasport intiża għall-provvista ta’ servizz ta’ kwalità aħjar billi jipprovdi lill-fornitur ta’ dan is-servizz għajnuna finanzjarja xierqa sabiex jilħaq dan l-għan.

26      Skont dik il-qorti, diversi argumenti huma intiżi li jinvalidaw l-argument ta’ Dobeles et li r-Regolament Nru 1370/2007 jimponi l-obbligu ta’ kumpens għat-telf kollu li l-fornitur ta’ servizz pubbliku ta’ trasport jista’ jġarrab.

27      B’mod partikolari, mill-premessa 27 u mill-punt 7 tal-Anness ta’ dan ir-regolament kif ukoll mill-punti 2.4.3. u 2.4.5. tal-Linji Gwida jsegwi li l-Istat ma għandux l-obbligu li jkopri l-ispejjeż kollha tal-operaturi ta’ servizz pubbliku ta’ trasport indipendentement mill-effiċjenza operattiva ta’ dawn tal-aħħar. F’dan ir-rigward, it-tnedija tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti miftuħa li tipprevedi d-dispożizzjonijiet kontenzjużi u l-mudell ta’ finanzjament tas-servizz pubbliku inkwistjoni taqa’ fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-kunċett nazzjonali tal-iżvilupp tas-servizzi pubbliċi fil-qasam tat-trasport. Fil-fatt, sabiex jiġi żgurat użu iktar effikaċi tal-baġit tal-Istat, il-kumpens mogħti għall-provvista ta’ tali servizzi, ma għadux iżjed ibbażat, sa mis-sena 2021, fuq is-sistema li fil-kuntest tagħha l-Istat jassumi, essenzjalment, ir-riskji kollha billi jkopri l-ispejjeż kollha tal-fornitur ta’ servizzi ta’ trasport marbuta mal-offerta u mat-talba, iżda huwa bbażat fuq mudell kuntrattwali bbażat fuq id-differenza bejn il-prezz kuntrattwali offrut minn dan il-fornitur fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti miftuħa u d-dħul mis-servizz pubbliku ta’ trasport.

28      Dan ingħad, l-imsemmija qorti tqis li għandu jiġi vverifikat jekk, bħalma jsostnu Dobeles et, dan il-mudell ġdid u l-istrumenti li jimplimentawh jimponux fuq l-offerenti l-obbligu li jieħdu riskji eċċessivi meta jiddeterminaw il-prezz tas-servizz u jekk tali riskji jilħqux limitu tali li jkun iġġustifikat li jitqies li l-Istat ma jissodisfax l-obbligu tiegħu li jagħti kumpens xieraq għall-ispejjeż marbuta mas-servizz pubbliku ta’ trasport. Fil-fatt, b’mod ġenerali, ma huwiex possibbli li jiġi previst b’mod preċiż la l-prezz tar-riżorsi tal-enerġija sa għaxar snin oħra u lanqas is-salarji medji fis-settur ikkonċernat jew l-ammont tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali. Fil-każ ta’ sistema ta’ kumpens li tippermetti li l-prezzijiet jiġu kkalkolati mill-ġdid biss f’intervall ta’ diversi snin u biss għal parti mill-ispejjeż, jista’ jkun hemm ukoll, fil-preżenza ta’ attività ekonomika effikaċi, riskju li, minħabba previżjonijiet mhux preċiżi biżżejjed, iż-żidiet fl-ispejjeż iwasslu għal telf għall-operatur.

29      Ċertament, xejn ma jipprojbixxi lill-offerenti milli jinkludu fil-kalkolu tal-prezz tal-offerta tagħhom l-ispiża marbuta mar-riskju impost fuqhom billi jiffissaw prezz għal perijodu determinat li jieħu inkunsiderazzjoni n-natura varjabbli tal-kundizzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali rilevanti.

30      Madankollu, dan ma jeliminax kompletament il-possibbiltà li l-iskema ta’ kumpens proposta ma tkoprix it-telf kollu li jirriżulta, għall-operatur, mill-eżekuzzjoni tal-kuntratt. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ sejħa għal offerti, l-offerenti jistgħu, bit-tama li jirbħu, jastjenu milli jipproponu prezz kuntrattwali li jelimina dan ir-riskju, filwaqt li d-diffikultajiet li wieħed jiltaqa’ magħhom matul l-eżekuzzjoni jistgħu jkollhom jiġu riżolti billi titnaqqas id-disponibbiltà jew il-kwalità tas-servizz. Konsegwentement, tqum il-kwistjoni dwar jekk, f’dan il-każ, il-mekkaniżmu ta’ reviżjoni tal-prezzijiet previst mill-awtorità kontraenti jiggarantixxix kumpens suffiċjenti u konformi mal-għan imfittex mir-Regolament Nru 1370/2007.

31      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Augstākā tiesa (Senāts) (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(1), l-Artikolu 2a(2), u l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 1370/2007 [...] jawtorizzaw skema ta’ kumpens li ma timponix fuq l-awtorità kompetenti l-obbligu li tagħti lill-fornitur ta’ servizzi ta’ trasport pubbliku, permezz ta’ indiċjar regolari tal-prezz kuntrattwali (ammont tal-kumpens), kumpens sħiħ ta’ kull żieda tal-ispejjeż relatati mal-provvista ta’ servizz li huma ’l barra mill-kontroll tal-fornitur tas-servizzi, b’tali mod li din l-iskema ma teliminax totalment ir-riskju li f-fornitur ta’ servizzi jsofri telf li ma jistax jiġi kkumpensat?”

 Fuq id-domanda preliminari

32      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-Regolament Nru 1370/2007 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi skema ta’ kumpens li, fil-kuntest ta’ kuntratt pubbliku għal servizzi u wara proċedura ta’ sejħa għal offerti miftuħa, trasparenti u nondiskriminatorja, ma timponix fuq l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti l-obbligu li jagħtu lil fornitur ta’ servizzi ta’ trasport ta’ passiġġiera suġġett għal obbligi ta’ servizz pubbliku kumpens sħiħ li jkopri, permezz ta’ indiċjar regolari, kull żieda fl-ispejjeż marbuta mal-ġestjoni u mal-operat ta’ dan is-servizz li ma jaqgħux taħt il-kontroll tiegħu.

33      Għandu jitfakkar li, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1370/2007, dan ir-regolament għandu l-għan li jiddefinixxi kif, b’osservanza tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jintervjenu fil-qasam tat-trasport pubbliku ta’ passiġġiera sabiex tiġi żgurata l-provvista ta’ servizzi ta’ interess ġenerali li jkunu, b’mod partikolari, iktar numerużi, iktar siguri, ta’ kwalità aħjar jew bi prezz irħas minn dawk li l-forza tas-suq waħedha tista’ tippermetti li jiġu pprovduti.

34      Għal dan l-għan, l-imsemmi regolament jiddefinixxi, konformement mat-tieni subparagrafu ta’ dan l-Artikolu 1(1), il-kundizzjonijiet li fihom l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, meta jimponu obbligi ta’ servizz pubbliku jew jafdaw l-eżekuzzjoni tagħhom lil impriża, jagħtu kumpens lill-operaturi ta’ servizz pubbliku bħala korrispettiv għall-ispejjeż sostnuti u/jew jagħtuhom drittijiet esklużivi bħala korrispettiv għall-eżekuzzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku.

35      Ir-Regolament Nru 1370/2007 jinkludi għalhekk regoli speċjali li jipprevedu modalitajiet ta’ intervent fis-sistemi ġenerali ta’ kuntratti pubbliċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2016, Hörmann Reisen, C‑292/15, EU:C:2016:817, punt 45), li għandhom l-għan li jistabbilixxu qafas legali fil-qasam tal-għoti ta’ kumpens u/jew ta’ drittijiet esklużivi għall-ispejjeż li jirriżultaw mill-eżekuzzjoni tal-obbligi ta’ servizz pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2019, Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato (Għoti dirett ta’ kuntratt għal servizz pubbliku ta’ trasport), C‑515/18, EU:C:2019:893, punt 31).

36      Fost id-dispożizzjonijiet li jifformaw dan il-qafas legali, l-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi li, meta awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tiddeċiedi li tagħti lill-operatur magħżul minnha dritt esklużiv u/jew kumpens għal servizz pubbliku, tkun xi tkun in-natura tiegħu, bħala korrispettiv għat-twettiq ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku, hija għandha tagħmel dan fil-kuntest ta’ kuntratt għal servizz pubbliku, u għalhekk din id-dispożizzjoni tistabbilixxi l-prinċipju li l-obbligi ta’ servizz pubbliku u l-kumpens marbut magħhom għandhom jiġu stabbiliti fil-kuntest ta’ tali kuntratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2022, Lux Express Estonia, C‑614/20, EU:C:2022:641, punt 52).

37      B’deroga minn dan l-Artikolu 3(1), il-paragrafu 2 tal-imsemmi Artikolu 3 jawtorizza l-istabbiliment, permezz ta’ regoli ġenerali, ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku li huma intiżi li jistabbilixxu tariffi massimi għall-passiġġiera kollha jew għal ċerti kategoriji ta’ passiġġiera, f’liema każ l-awtorità kompetenti hija obbligata tagħti kumpens lill-operatur ta’ servizz pubbliku kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2022, Lux Express Estonia, C‑614/20, EU:C:2022:641, punti 53 sa 55 u 92).

38      Madankollu, f’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jsegwi li t-tilwima fil-kawża prinċipali tirrigwarda l-konklużjoni, wara proċedura ta’ sejħa għal offerti miftuħa, trasparenti u nondiskriminatorja, ta’ kuntratt għal servizz pubbliku għall-finijiet tal-provvista ta’ servizzi ta’ servizzi ta’ trasport ta’ passiġġiera bix-xarabank, b’tali mod li l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 1370/2007, imsemmi mill-qorti tar-rinviju fil-formulazzjoni tad-domanda tagħha, huwa irrilevanti sabiex tingħata risposta għaliha.

39      Mill-kliem espliċitu tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1370/2007 jirriżulta li l-kumpens marbut ma’ tali kuntratt għal servizz pubbliku mogħti wara proċedura ta’ sejħa għal offerti miftuħa, trasparenti u nondiskriminatorja għandu josserva r-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, u l-paragrafu 1 tiegħu jippreċiża l-modalitajiet ta’ tali kumpens. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula.

40      Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, hemm lok, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha iżda wkoll l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li din tagħmel parti minnha kif ukoll tal-kuntest tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2019, Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato (Għoti dirett ta’ kuntratt ta’ servizz pubbliku ta’ trasport), C‑515/18, EU:C:2019:893, punt 23).

41      F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-formulazzjoni tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1370/2007, għandu jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni tippreċiża li l-kuntratti għal servizz pubbliku għandhom, minn naħa, konformement mal-inċiż (i) tal-ewwel subparagrafu tal-punt (b) ta’ din id-dispożizzjoni, jistabbilixxu minn qabel, b’mod oġġettiv u trasparenti, il-parametri li abbażi tagħhom għandu jiġi kkalkolat il-kumpens, meta dan ikun previst, u, min-naħa l-oħra, skont il-punt (ċ) tal-imsemmija dispożizzjoni, jiġu ddefiniti l-modalitajiet ta’ tqassim tal-ispejjeż marbuta mal-provvista tas-servizzi, liema spejjeż jistgħu jinkludu, b’mod partikolari, l-ispejjeż għall-persunal, għall-enerġija, għall-infrastruttura, għall-manutenzjoni u għat-tiswija tal-vetturi ta’ trasport pubbliku, għall-vetturi ferrovjarji u għall-installazzjonijiet neċessarji għall-funzjonament tas-servizzi tat-trasport tal-passiġġiera, l-ispejjeż fissi kif ukoll remunerazzjoni adegwata għall-kapital.

42      Minn tali formulazzjoni jsegwi b’mod ċar li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, sa fejn huma għandhom l-obbligu li jistabbilixxu l-parametri għall-kalkolu tal-kumpens dovut lil fornitur ta’ servizz pubbliku ta’ trasport u li jiddefinixxu l-modalitajiet ta’ tqassim tal-ispejjeż marbuta mal-provvista ta’ dan, igawdu, fil-kuntest ta’ kuntratt għal servizz pubbliku, minn marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jistabbilixxu l-mekkaniżmu ta’ tali kumpens.

43      B’mod partikolari, għandu jiġi kkonstatat, bħalma għamel l-Avukat Ġenerali fil-punt 35 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-possibbiltà ta’ tqassim tal-ispejjeż timplika neċessarjament li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ma humiex obbligati jikkumpensaw l-ispejjeż kollha, iżda jistgħu jittrasferixxu lill-fornitur ta’ dan is-servizz pubbliku r-riskji assoċjati mal-evoluzzjoni ta’ wħud minnhom, tkun xi tkun in-natura tagħhom u, għaldaqstant, mingħajr ma jkun rilevanti jekk dan il-fornitur jistax jew le, bħall-ispiża għall-enerġija jew ċerti spejjeż soċjali, jikkontrolla kompletament l-iżvilupp tagħhom, peress li dan jaqa’ taħt ċirkustanzi esterni għall-imsemmi fornitur.

44      Għalhekk, mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1370/2007 jirriżulta li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu jipprevedu, fl-eżerċizzju tal-marġni ta’ diskrezzjoni tagħhom, skema ta’ kumpens li, minħabba l-parametri tal-kalkolu tagħha u l-modalitajiet ta’ tqassim tal-ispejjeż iddefiniti minn dawn l-awtoritajiet, ma tiggarantixxix, b’mod awtomatiku, lill-fornitur tas-servizz pubbliku ta’ trasport li jkopri dawn l-ispejjeż kompletament.

45      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-għan imfittex mir-Regolament Nru 1370/2007, għandu jitfakkar li, bħalma jsegwi mill-punt 34 ta’ din is-sentenza, dan ir-regolament huwa intiż, bħalma jirriżulta, b’mod partikolari, mill-Artikolu 1(1), mill-Artikolu 2a(2) u mill-punt 7 tal-Anness tal-imsemmi regolament, moqrija fid-dawl tal-premessi 4, 7, 27 u 34 tiegħu, li jiddefinixxi l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ kumpens sabiex tiġi żgurata, f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ekwi, il-provvista ta’ servizz pubbliku tat-trasport ta’ passiġġiera li jkunu kemm effikaċi kif ukoll finanzjarjament profittabbli, bl-għan li jintlaħaq livell għoli ta’ kwalità ta’ dan is-servizz (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2022, Lux Express Estonia, C‑614/20, EU:C:2022:641, punti 69 u 70).

46      Minn dan isegwi li kull sistema ta’ kumpens għandha tkun intiża mhux biss sabiex jiġi evitat kumpens żejjed tal-ispejjeż, iżda wkoll sabiex tiġi ffavorita effikaċja ikbar tal-fornitur ta’ servizz pubbliku ta’ trasport. Issa, skema ta’ kumpens li tiżgura, f’kull ċirkustanza, il-kopertura awtomatika tal-ispejjeż kollha marbuta mal-eżekuzzjoni ta’ kuntratt għal servizz pubbliku ma tinkludix tali inċentiv għal effikaċja ikbar, peress li l-fornitur inkwistjoni ma jkollux għalfejn jillimita l-ispejjeż tiegħu.

47      Min-naħa l-oħra, sistema ta’ kumpens li, fl-assenza ta’ indiċjar regolari, ma tkoprix, b’mod awtomatiku, dawn l-ispejjeż kollha, iżda twassal sabiex jiġu ttrasferiti ċerti riskji lill-fornitur tas-servizz pubbliku, tista’ tikkontribwixxi għat-twettiq ta’ tali għan. Fil-fatt, anki fir-rigward tal-ispejjeż li ma jaqgħux taħt il-kontroll tal-fornitur tas-servizz pubbliku kkonċernat, iż-żieda fl-effiċjenza li huwa kiseb jippermettulu jsaħħaħ il-vijabbiltà finanzjarja tiegħu sabiex jaffaċċja dawn l-ispejjeż, u dan jikkontribwixxi sabiex tiġi żgurata l-eżekuzzjoni tajba tal-obbligi previsti mill-kuntratt għal servizz pubbliku.

48      Fit-tielet lok, f’dak li jirrigwarda l-kuntest li jidħol fih l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1370/2007, għandu jitfakkar, bħalma għamel l-Avukat Ġenerali fil-punt 65 tal-konklużjonijiet tiegħu, li r-Regolament Nru 1370/2007 ma jinkludix regoli speċifiċi applikabbli għall-metodu ta’ kalkolu tal-kumpens meta l-għoti ta’ kuntratt għal servizz pubbliku jsir wara proċedura ta’ sejħa għal offerti. Fil-fatt, f’tali każ, il-kumpens, b’differenza minn dak li huwa marbut ma’ kuntratt għal servizz pubbliku mogħti direttament jew skont regola ġenerali u, għaldaqstant, mingħajr sejħa għal offerti, ma għandux ikun konformi, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament, mar-regoli iktar iddettaljati li jinsabu fl-anness ta’ dan intiżi sabiex tiġi żgurata, bħalma jsegwi mill-premessa 27 tiegħu, in-natura xierqa tal-ammont tal-kumpens.

49      Din id-differenza fis-sistema stabbilita mil-leġiżlatur tal-Unjoni hija bbażata fuq il-premessa li, fil-preżenza ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti, l-adozzjoni ta’ regoli iktar preċiżi dwar il-kalkolu tal-kumpens sabiex tiġi żgurata n-natura xierqa tal-ammont tiegħu ma hijiex neċessarja, peress li tali proċedura għandha, fiha nnifisha, l-effett li tnaqqas għall-minimu, minħabba din is-sejħa għal offerti, l-ammont tal-kumpens dovut lill-fornitur tas-servizz pubbliku ta’ trasport, u b’hekk tevita, permezz ta’ aġġustament awtomatiku, mhux biss kumpens eċċessiv, iżda wkoll kumpens insuffiċjenti.

50      Fil-fatt, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 72 u 82 sa 84 tal-konklużjonijiet tiegħu, kull fornitur ta’ servizzi li jiddeċiedi li jipparteċipa fi proċedura ta’ sejħa għal offerti bl-għan tal-eżekuzzjoni ta’ kuntratt għal servizz pubbliku jiddetermina huwa stess it-termini tal-offerta tiegħu, skont il-parametri rilevanti kollha u, b’mod partikolari, l-evoluzzjoni probabbli tal-ispejjeż, irrispettivament minn jekk dawn tal-aħħar ikunux taħt il-kontroll tiegħu jew le, li jistgħu jaffettwaw il-provvista tas-servizz, u b’hekk jiddefinixxi l-livell ta’ riskju li huwa lest li jassumi fid-dawl ta’ din l-evoluzzjoni. Għaldaqstant, jista’ jiġi preżunt, bla ħsara għal dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jippermettu lill-awtoritajiet nazzjonali jwarrbu offerti anormalment baxxi, li l-offerta tiegħu tkun ta’ natura li tiżguralu, jekk jirbaħ il-kuntratt, rata ta’ remunerazzjoni tal-kapital investit li tikkorrispondi għal-livell ta’ riskju sostnut.

51      Minn dan isegwi li sistema ta’ kumpens marbuta ma’ kuntratt għal servizz pubbliku mogħti wara proċedura ta’ sejħa għal offerti miftuħa, trasparenti u nondiskriminatorja hija, fiha nnifisha, ta’ natura li tiggarantixxi lill-fornitur ta’ dan is-servizz pubbliku kopertura tal-ispejjeż tiegħu li jiżgurawlu wkoll kumpens xieraq, li l-ammont tiegħu jvarja skont il-livell ta’ riskju li dan tal-aħħar huwa lest li jassumi.

52      Għaldaqstant, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ma humiex obbligati, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti, li jikkumpensaw awtomatikament, permezz ta’ indiċjar regolari, l-ispejjeż kollha sostnuti mill-fornitur ta’ servizz ta’ trasport marbuta mal-eżekuzzjoni ta’ kuntratt għal servizz pubbliku, irrispettivament minn jekk ikunux taħt il-kontroll tiegħu jew le, sabiex dan il-kuntratt jagħtih kumpens xieraq.

53      Matul is-seduta, Dobeles et sostnew, ċertament, fir-rigward tad-dubji espressi mill-qorti tar-rinviju, kif imfakkra fil-punti 28 sa 30 ta’ din is-sentenza, li l-assenza ta’ indiċjar regolari tal-ispejjeż marbuta mal-eżekuzzjoni ta’ obbligu ta’ servizz pubbliku li ma jaqgħux taħt il-kontroll tiegħu tista’ twassal sabiex il-fornitur ta’ dan is-servizz pubbliku ma jibbenefikax minn kumpens xieraq, fis-sens li l-ammont tiegħu jista’ jsir insuffiċjenti, li jwassal għar-riskju, kif isemmi l-punt 2.4.8 tal-linji gwida, li tiġi ppreġudikata l-vijabbiltà finanzjarja tiegħu jew il-kwalità tas-servizz ipprovdut, jew saħansitra, diġà fl-istadju tas-sejħa għal offerti, li jitnaqqas b’mod artifiċjali n-numru ta’ offerenti.

54      F’dan ir-rigward, għandu, ċertament, jiġi rrilevat li, skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, stabbilit, fir-rigward tal-ispeċifikazzjonijiet tal-obbligi ta’ servizz pubbliku, fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2a(1) tar-Regolament Nru 1370/2007, li għalih tirreferi l-qorti tar-rinviju fid-domanda tagħha, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ma jistgħux jimponu fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ trasport inkarigati bl-eżekuzzjoni ta’ dawn l-obbligi kundizzjonijiet, bħal dawk relatati mal-modalitajiet tal-kumpens, li jkunu eċċessivi jew irraġonevoli.

55      Għalhekk, konformement ma’ dan il-prinċipju, l-ammont tal-kumpens, bħalma jsegwi mill-punt 51 ta’ din is-sentenza, għandu jvarja skont ir-riskju li l-fornitur tas-servizz pubbliku huwa lest li jassumi.

56      Madankollu, l-assenza ta’ mekkaniżmu ta’ indiċjar regolari tal-ispejjeż ma tistax, fiha nnifisha, titqies li tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fil-fatt, kif diġà ġie rrilevat fil-punt 50 ta’ din is-sentenza, meta fornitur ta’ servizzi ta’ trasport jiddeċiedi li jipparteċipa f’tali proċedura, huwa stess jiddetermina t-termini tal-offerta tiegħu. B’mod partikolari, huwa l-kompitu tiegħu li jeżamina l-livell ta’ riskju li huwa lest li jassumi fir-rigward tal-modalitajiet ta’ kumpens li jinsabu fil-kuntratt għal servizz pubbliku, b’mod partikolari, l-assenza ta’ tali mekkaniżmu. Għaldaqstant, jekk awtorità nazzjonali kompetenti kellha tipprevedi, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti, kundizzjonijiet irraġonevoli jew eċċessivi fid-dawl tar-riskji li jkollhom jiġu assunti mill-fornitur tas-servizz pubbliku kkonċernat, ma tantx ikun probabbli li jitressqu offerti lilha, b’tali mod li din l-awtorità jkollha tbiddel dawn il-kundizzjonijiet sabiex tirrendihom kompatibbli mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

57      F’dan il-każ, madankollu, ma jidhirx, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 86 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt kontenzjużi kienu jinkludu tali kundizzjonijiet irraġonevoli jew eċċessivi, u barra minn hekk mis-seduta rriżulta li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti rċevew mitt offerta ppreżentata minn impriżi ta’ trasport stabbiliti f’diversi Stati Membri, aspett li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

58      Fir-rigward tar-riskji msemmija fil-punt 53 ta’ din is-sentenza, bħalma jikkonfermaw l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju li jinsabu fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, dawn jirriżultaw mill-eventwalità li fornitur ta’ servizzi tat-trasport ta’ passiġġiera, bit-tama li jirbaħ il-kuntratt, jipproponi prezz kuntrattwali li ma jiħux suffiċjentement inkunsiderazzjoni żieda futura fl-ispejjeż. Issa, l-eventwalità li fornitur ta’ dawn is-servizzi jipproponi prezz li jimplika riskju li jsib ruħu fl-impossibbiltà li jeżegwixxi l-kuntratt b’mod xieraq hija inerenti għal kull proċedura ta’ sejħa għal offerti u tista’, skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, twassal għall-applikazzjoni, jekk ikun il-każ, ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jippermettu lill-awtoritajiet nazzjonali jwarrbu offerti anormalment baxxi. Min-naħa l-oħra, din l-eventwalità ma tiġġustifikax li jkun meħtieġ li l-kuntratti ta’ servizz pubbliku konklużi mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, fil-kuntest ta’ kuntratt pubbliku għal servizzi u wara proċedura ta’ sejħa għal offerti miftuħa, trasparenti u nondiskriminatorja, għandhom dejjem jinkludu mekkaniżmu ta’ indiċjar regolari li jippermetti, b’mod awtomatiku, li jiġi żgurat kumpens sħiħ għal kull żieda fl-ispejjeż marbuta mal-eżekuzzjoni tagħhom, irrispettivament minn jekk ikunux taħt il-kontroll tal-fornitur jew le.

59      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li r-Regolament Nru 1370/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix skema ta’ kumpens li, fil-kuntest ta’ kuntratt pubbliku għal servizzi u wara proċedura ta’ sejħa għal offerti miftuħa, trasparenti u nondiskriminatorja, ma timponix fuq l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti l-obbligu li jagħtu lil fornitur ta’ servizzi ta’ trasport ta’ passiġġiera suġġett għal obbligi ta’ servizz pubbliku kumpens sħiħ li jkopri, permezz ta’ indiċjar regolari, kull żieda fl-ispejjeż marbuta mal-ġestjoni u mal-operat ta’ dan is-servizz li ma jaqgħux taħt il-kontroll tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

60      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70, kif emendat bir-Regolament (UE) 2016/2338 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2016,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma jipprekludix skema ta’ kumpens li, fil-kuntest ta’ kuntratt pubbliku għal servizzi u wara proċedura ta’ sejħa għal offerti miftuħa, trasparenti u nondiskriminatorja, ma timponix fuq l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti l-obbligu li jagħtu lil fornitur ta’ servizzi ta’ trasport ta’ passiġġiera suġġett għal obbligi ta’ servizz pubbliku kumpens sħiħ li jkopri, permezz ta’ indiċjar regolari, kull żieda fl-ispejjeż marbuta mal-ġestjoni u mal-operat ta’ dan is-servizz li ma jaqgħux taħt il-kontroll tiegħu.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Latvjan.