Language of document : ECLI:EU:C:2021:1021

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

16 ta’ Diċembru 2021 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Agrikoltura – Politika Agrikola Komuni – Regolament ta’ Delega (UE) Nru 640/2014 – Sistema ta’ għajnuna skont l-erja – Pagament uniku skont l-erjas – Kriterju ta’ ammissibbiltà – Kuntratt ta’ konċessjoni ta’ artijiet agrikoli – Bidla fl-użu ta’ dawn l-artijiet mingħajr il-kunsens tal-konċessjonarju – Użu għal finijiet agrikoli ta’ erjas intiżi għall-użu ta’ akwakultura – Differenza bejn l-erja ddikjarata u l-erja ddeterminata – Dikjarazzjoni eċċessiva – Penali amministrattivi”

Fil-Kawża C‑225/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Curtea de Apel Constanţa (il-Qorti tal-Appell ta’ Constantza, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Mejju 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑29 ta’ Mejju 2020, fil-proċedura

Euro Delta Danube SRL

vs

Agenţia de Plăţi şi Intervenţie pentru Agricultură - Centrul Judeţean Tulcea,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn L. Bay Larsen (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala President tas-Sitt Awla, N. Jääskinen u M. Safjan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Rumen, minn E. Gane u A. Wellman, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G.-D. Balan u A. Sauka, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 23 tal-Artikolu 2(1) u tal-Artikolu 19 tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 640/2014 tal‑11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll u l-kundizzjonijiet għar-rifjut jew l-irtirar ta’ pagamenti u penali amministrattivi applikabbli għall-pagamenti diretti, l-appoġġ għall-iżvilupp rurali u l-kundizzjonalità (ĠU 2014, L 181, p. 48), kif emendat mir-Regolament Delegat (UE) 2016/1393 tal-Kummissjoni tal-4 ta’Mejju 2016 (ĠU 2016, L 225, p. 41 u r-rettifika ĠU 2016, L 227, p. 5) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 640/2014”).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Euro Delta Danube SRL u l-Agenţia de Plăţi şi Intervenţie pentru Agricultură — – Centrul Judeţean Tulcea (l-Aġenzija ta’ Pagamenti u ta’ Intervent għall-Agrikoltura – Iċ-Ċentru Dipartimentali ta’ Tulcea, ir-Rumanija) (iktar ’il quddiem l- “APIA”), dwar ir-rifjut ta’ din tal-aħħar li tagħti pagament uniku skont is-superfiċi lil din il-kumpannija.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013

3        Skont l-Artikolu 63(1) u (2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU 2013, L 347, p. 549, u r-rettifiki ĠU 2016, L 130, p. 6, ĠU 2017, L 327, p. 83):

“1.      Fejn jinstab li benefiċjarju ma jkunx konformi mal-impenji tal-kriterji ta’ eliġibbiltà, impenji jew obbligi oħrajn relatati mal-kondizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna jew appoġġ, kif previst fil-leġislazzjoni agrikola settorjali, l-għajnuna ma għandhiex titħallas jew għandha tiġi rtirata kollha jew parzjalment u, fejn ikun rilevanti, id-drittijiet għal pagamenti korrispondenti kif imsemmijin fl-Artikolu 21 tar-Regolament [(UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU 2013, L 347, p. 608 u r-rettifika ĠU 2016, L 130, p. 7] ma għandhomx jiġu allokati jew għandhom jiġu rtirati.

2.      Barra minn hekk, fejn il-leġislazzjoni agrikola settorjali tipprevedi hekk, l-Istati Membri għandhom jimponu wkoll pieni amministrattivi, […]”

 Ir-Regolament Nru 1307/2013

4        Il-premessa 4 tar-Regolament Nru 1307/2013 tgħid li:

“Huwa meħtieġ li jiġi ċċarat li r-Regolament [Nruo1306/2013] u d-dispożizzjonijiet adottati skont dan għandhom japplikaw b’rabta mal-miżuri stabbiliti f’dan ir-Regolament. […]”

5        L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1307/2013 jipprevedi:

“1.      Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(c)      ‘attività agrikola’ tfisser:

i)      il-produzzjoni, it-trobbija jew it-tkabbir ta’ prodotti agrikoli, […]

[…]

[…]

e)      ‘erja agrikola’ tfisser kull erja meħuda minn raba’ li jinħarat, bwar permanenti u mergħat permanenti, jew uċuħ tar-raba’ permanenti;

f)      ‘raba’ tfisser art li hija kkultivata għall-produzzjoni tal-uċuħ tar-raba’ jew erjas disponibbli għall-produzzjoni tal-uċuħ tar-raba’ iżda li hija mistrieħa, […]

[…]”

6        L-Artikolu 32(2) ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ dan it-Titolu, ‘ettaru eliġibbli’ tfisser:

(a)      kull żona agrikola tal-impriża, inklużi erjas li ma kinux f’kondizzjoni agrikola tajba fit-30 ta’ Ġunju 2003 fl-Istati Membri li aderixxew mal-Unjoni fl-1 ta’ Mejju 2004 li mal-adeżjoni ddeċidew li japplikaw l-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja, li tintuża għal attività agrikola jew, fejn l-erja tintuża wkoll għal attivitajiet mhux agrikoli, tintuża b’mod predominanti għal attivitajiet agrikoli; […]

[…]”

 Ir-Regolament ta’ Delega Nru 640/2014

7        Il-premessi 2 u 19 tar-Regolament ta’ Delega Nru 640/2014 jistipulaw:

“(2)      B’mod partikolari, għandhom jiġu stabbiliti regoli biex jiġu ssupplimentati ċerti elementi mhux essenzjali tar-Regolament [Nru 1306/2013] b’rabta mal-funzjonament tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll (“is-sistema integrata”), il-limiti ta’ żmien għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna jew għat-talbiet għal pagamenti, il-kundizzjonijiet għar-rifjut totali jew parzjali tal-għajnuna u l-irtirar totali jew parzjali ta’ għajnuna jew appoġġ mhux dovuti u d-determinazzjon tal-penali amministrattivi li jindirizzaw in-nuqqas ta’ konformità relatata mal-kundizzjonijiet biex wieħed jirċievi appoġġ taħt miżuri stabbiliti mir-Regolament [Nruo1307/2013] […]

[…]

(19)      Għandhom jiġu stabbiliti l-penali amministrattivi […] Dawn għandhom iqisu l-karatteristiċi partikolari tad-diversi skemi ta’ għajnuna jew miżuri ta’ appoġġ fir-rigward tal-kriterji ta’ eliġibbiltà, l-impenji u obbligi oħra […] Il-penali amministrattivi skont dan ir-Regolament għandhom jiġu kkunsidrati dissważivi biżżejjed biex jiskoraġġixxu nuqqas ta’ konformità intenzjonali.”

8        L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi, fil-punt 23 tal-paragrafu 1 tiegħu:

“[…]

Id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw ukoll:

[…]

(23)      ‘erja determinata’ tfisser:

(a)      għal skemi ta’ għajnuna relatati mal-erja, l-erja li fil-każ tagħha ġew sodisfatti l-kriterji ta’ eliġibbiltà kollha jew obbligi oħrajn relatati mal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna, irrispettivament mill-għadd tad-drittijiet għall-pagament għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju; […]

[…]”

9        L-Artikolu 17(1) ta’ dan ir-regolament huwa fformulat kif ġej:

“Għall-finijiet ta’ din it-Taqsima, il-gruppi ta’ għelejjel li ġejjin għandhom jintgħarfu kif xieraq:

(a)      erjas iddikjarati għall-finijiet ta’ attivazzjoni tad-drittijiet għall-pagament taħt l-iskema ta’ pagament bażiku jew għall-finijiet li jingħata l-pagament uniku skont l-erja;

[…]”

10      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(6) tal-imsemmi regolament jipprevedi:

“Mingħajr preġudizzju għall-penali amministrattivi skont l-Artikolu 19, fil-każ ta’ applikazzjonijiet għall-għajnuna u/jew talbiet għall-pagament li jaqgħu taħt skemi ta’ għajnuna relatati mal-erja jew miżuri ta’ għajnuna, jekk l-erja ddikjarata taqbeż l-erja stabbilita għal grupp ta’ għelejjel kif imsemmi fl-Artikolu 17(1), l-għajnuna għandha tiġi kkalkolata abbażi tal-erja stabbilita għal dak il-grupp ta’ għelejjel.”

11      L-Artikolu 19 tal-istess regolament huwa fformulat kif ġej:

“1.       Jekk, fir-rigward ta’ grupp ta’ għelejjel kif imsemmi fl-Artikolu 17(1), l-erja ddikjarata għall-finijiet ta’ kwalunkwe skema ta’ għajnuna relatata mal-erja, tkun taqbeż l-erja stabbilita skont l-Artikolu 18, l-għajnuna għandha tiġi kkalkolata abbażi tal-erja stabbilita […]

[…]

2.      Jekk id-differenza tkun ta’ aktar minn 50 %, ma għandha tingħata ebda għajnuna jew appoġġ relatat mal-erja għall-grupp ta’ għelejjel ikkonċernati. Barra minn hekk, il-benefiċjarju għandu jkun soġġett għal penali addizzjonali daqs l-ammont ta’ għajnuna jew appoġġ li jikkorrispondi għad-differenza bejn l-erja ddikjarata u l-erja stabbilita skont l-Artikolu 18.

[…]”

 Id-dritt Rumen

 Id-Digriet b’Urġenza tal-Gvern Nru 3/2015

12      L-Ordonanța de urgență a Guvernului nr.°3/2015 pentru aprobarea schemelor de plăți care se aplică în agricultură în perioada 2015-2020 și pentru modificarea articolului 2 din Legea nr.°36/1991 privind societățile agricole și alte forme de asociere în agricultură (id-Digriet ta’ Urġenza tal-Gvern Nru 3/2015 li japprova l-Iskemi ta’ Pagamenti Applikabbli fil-Qasam tal-Agrikoltura Għall-Perijodu 2015 sa 2020 u li jemenda l-Artikolu 2 tal-Liġi Nru 36/1991 fir-rigward tal-Kumpanniji Agrikoli u Forom Oħrajn ta’ Assoċjazzjonijiet fil-Qasam tal-Agrikoltura) tat-18 ta’ Marzu 2015 (Monitorul Oficial al României, no 191, tat-23 ta’ Marzu 2015),) fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawżi prinċipali, (iktar ’il quddiem l-“OUG Nru 3/2015”) jipprevedi fl-Artikolu 2 tiegħu:

“1.      Għall-finijiet ta’ dan id-digriet ta’ urġenza, it-termini li ġejjin huma ddefiniti kif ġej:

[…]

(n)      ‘erja agrikola’ tfisser kull erja meħuda minn raba’ li jinħarat, bwar permanenti u mergħat permanenti, jew għelejjel permanenti;

(o)      ‘artijiet li jinħartu’: l-artijiet ikkultivati għall-produzzjoni agrikola jew l-erjas disponibbli għall-produzzjoni agrikola, iżda li ma jkunux imwarrba, indipendentement minn jekk dawn l-artijiet ikunux jinsabu taħt serer jew le, minn jekk ikunux taħt xelters għal kultivazzjoni forzata jew jekk ikunux jinsabu taħt kopertura fissa jew mobbli;

[…]

(r)      użu tal-artijiet: l-użu għall-finijiet ta’ attivitajiet agrikoli tal-erja ta’ art agrikola tal-impriża li tinsab għad-dispożizzjoni tal-bidwi fid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni, matul is-sena ta’ applikazzjoni”.

13      L-Artikolu 8(1)(n) ta’ dan id-digriet jipprevedi:

“Sabiex jibbenefikaw mill-pagamenti diretti previsti fl-Artikolu 1(2), il-bdiewa għandhom:

[…]

(n)      jippreżentaw l-applikazzjoni għal pagament uniku jew modifiki magħmula lilha, id-dokumenti neċessarji li jipprovaw li l-artijiet agrikoli, inklużi ż-żoni ta’ interess ekoloġiku, jinsabu għad-dispożizzjoni tagħhom, jew kopja tal-Anness Nru 24 maħruġa mis-servizzi tal-istat ċivili tal-entitajiet amministrattivi territorjali, jekk ikun il-każ. Dokumenti li juru li l-art agrikola tinsab għad-dispożizzjoni tal-bidwi għandhom jiġu stabbiliti qabel ma tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għall-pagament uniku u għandhom ikunu validi fid-data tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni”.

 Id-Digriet Nru 476/2016

14      L-Ordinul [ministrului agriculturii și dezvoltării rurale] nr. 476/2016 privind sistemul de sancțiuni aplicabil schemelor de plăți directe și ajutoarelor naționale tranzitorii în sectoarele vegetal și zootehnic, aferente cererilor unice de plată depuse la Agenția de Plăți și Intervenție pentru Agricultură, începând cu anul de cerere 2015 (id-Digriet tal-Ministru għall-Agrikoltura u Żvilupp Rurali Nru 476/2016 dwar is-sistema ta’ sanzjonijiet applikabbli għal skemi ta’ ħlas dirett u għajnuna nazzjonali tranżitorja fis-setturi tal-pjanti u żootekniċi, relatati ma’ talbiet għal pagament uniku mressqa lill-aġenzija ta’ pagamenti u intervent għall-agrikoltura, mis-sena tat-talba 2015), tas-7 ta’ April 2016, fil-verżjoni applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprevedi, fl-Artikolu 2(2)(ș):

“‘dikjarazzjoni eċċessiva’ għandha tfisser id-differenza bejn l-erja li għaliha jkun intalab il-ħlas u ż-żona determinata għall-finijiet tal-pagament”.

15      L-Artikolu 6(e) ta’ dan id-digriet huwa fformulat kif ġej:

“Is-sanzjonijiet għad-dikjarazzjoni eċċessiva tal-erjas fil-każ tal-iskemi ta’ pagament previsti fl-Artikolu 1(2) (a), (b), (d) sa (f) u (3) tal- [OUG Nru 3/2015] huma dawn li ġejjin:

[…]

(e)      Meta l-erja ddikjarata għall-finijiet tal-ħlas taqbeż is-superfiċji stabbilita fi proporzjon ogħla minn 50 % tas-superfiċji determinata, il-bidwi għandu jiġi eskluż mill-ħlas għall-grupp ta’ pagament inkwistjoni u, barra minn hekk, ikun suġġett għal sanzjoni addizzjonali ekwivalenti għall-ammont tal-għajnuna jew tal-għajnuna li tikkorrispondi għad-differenza bejn l-erja ddikjarata u l-erja ddeterminata. […]”

 Id-Digriet Nru 619/2015

16      L-Ordinul ministrului agriculturii si dezvoltării rurale nr. 619/2015 pentru aprobarea criteriilor de eligibilitate, condițiilor specifice și a modului de implementare a schemelor de plăți prevăzute la articolul 1 alineatele (2) și (3) din Ordonanța de urgență a Guvernului nr. 3/2015 pentru aprobarea schemelor de plăți care se aplică în agricultură în perioada 2015-2020 și pentru modificarea articolului 2 din Legea nr. 36/1991 privind societățile agricole și alte forme de asociere în agricultură, precum și a condițiilor specifice de implementare pentru măsurile compensatorii de dezvoltare rurală aplicabile pe terenurile agricole, prevăzute în Programul Național de Dezvoltare Rurală 2014-2020 (id-Digriet Nru 619/2015 li japprova l-kriterji ta’ eliġibilità, kundizzjonijiet speċifiċi u metodi ta’ implimentazzjoni tal-iskemi ta’pagament previsti fl-Artikolu 1, paragrafi 2 u 3, ta’ [OUG Nru 3/2015], kif ukoll il-kundizzjonijiet speċifiċi għall-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ żvilupp rurali kumpensatorji applikabbli għal art agrikola msemmija fil-programm nazzjonali ta’ żvilupp rurali 2014-2020)), tas-6 ta’ April 2015, fil-verżjoni applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, jipprevedi, fl-Artikolu 2(u):

“[…]

u)      ‘l-erja determinata’ tirrappreżenta, fil-kuntest ta’ skemi ta’ għajnuna marbuta mal-erja, l-erja li għaliha jiġu osservati l-kriterji kollha ta’ ammissibbiltà jew obbligi oħra relatati mal-kundizzjonijiet tal-għoti tal-għajnuna; […]”

17      L-Artikolu 10(5) ta’ dan id-digriet jipprevedi:

“L-erjas li ġejjin ma humiex eliġibbli għall-benefiċċju tal-pagamenti:

[…]

o)      l-erjas użati minn impjanti tal-akwakultura, kif previsti fl-Artikolu 23(20) tar-regolamenti tekniċi li jikkompletaw ir-reġistru agrikolu għall-perijodu 2015–2019 […]”

 Il-Liġi Nru 283/2015

18      Skont l-Artikolu 1(1) tal-Legea nr. 283/2015 pentru completarea Legii nr.°82/1993 privind constituirea Rezervației Biosferei “Delta Dunării” (il-Liġi Nru 283/2015 li temenda l-Liġi Nru 82/1993 dwar l-Istabbiliment tar-Riżerva tal-Bijosfera tad-“Delta Danube”) tat-18 ta’ Novembru 2015 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 863 tal‑19 ta’ Novembru 2015):

“Fit-territorju kollu tar-riżerva, il-bidla fl-użu ta’ artijiet agrikoli użata bħala artijiet agrikoli produttivi jew bħala impjanti tal-akwakultura issir bi qbil mal-maniġer, biss fuq il-bażi ta’ studji tekniċi speċjalizzati.”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

19      Euro Delta Danube hija persuna ġuridika rregolata mid-dritt Rumen li l-attività tagħha tikkonsisti f’azjenda tal-akwakultura u t-tkabbir taċ-ċereali.

20      Bis-saħħa ta’ kuntratt ta’ konċessjoni konkluż mal-Consiliul Local Maliuc (il-Kunsill Muniċipali ta’ Maliuc, ir-Rumanija), fl-1 ta’ Ottubru 2002, u ta’ att addizzjonali għal dan il-kuntratt iffirmat fl-4 ta’ Mejju 2011, ġie miftiehem li Euro Delta Danube tuża erja totali ta’ 142.2632 ettari għal finijiet ta’ akwakultura.

21      Permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Mejju 2016, il-Kunsill Muniċipali ta’ Maliuc awtorizza, għal perijodu ta’ ħames snin, l-eżerċizzju ta’ attivitajiet agrikoli fuq din l-erja.

22      Bis-saħħa ta’ kuntratt ta’ konċessjoni ieħor, konkluż mal-Consiliul Județean Tulcea (il-Kunsill Dipartimentali ta’ Tulcea, ir-Rumanija) fis‑16 ta’ Frar 2006, Euro Delta Danube ngħatat l-operat ta’ erja ta’ 315 ettaru, għall-finijiet ta’ akwakultura.

23      Konformement ma’ att addizzjonali għal dan il-kuntratt, konkluż fl-20 ta’ Mejju 2014, xogħlijiet ta’ newba tal-għelejjel għall-mineralizzazzjoni tal-ħamrija u ta’ xogħlijiet oħra kellhom jitwettqu fuq medda ta’ 200 ettaru.

24      Wara talba għal informazzjoni ppreżentata minn Euro Delta Danube quddiem il-Kunsill Dipartiment ta’ Tulcea, dan tal-aħħar ippreċiża li dawn ix-xogħlijiet kienu jikkonċernaw in-newba tal-għelejjel li jikkonsisti fil-waqfien temporanju tal-produzzjoni tal-akkwakultura f’impjanti tal-akwakultura jew f’parti minnu, matul perijodu ta’ bejn sitt xhur u tliet snin, sabiex jiġi żgurat l-istabbiliment mill-ġdid tal-produttività tal-art permezz tat-tkabbir taċ-ċereali, fejn l-artijiet ikkonċernati għandhom jintużaw għall-finijiet ta’ akwakultura.

25      Matul is-sena kummerċjali 2017, Euro Delta Danube użat parzjalment iż-żewġ erjas mogħtija għal finijiet agrikoli. Għalhekk, fil-15 ta’ Mejju 2017, hija ppreżentat quddiem l-APIA applikazzjoni għal pagament uniku għal erja totali ta’ 288.37 ettaru, li minnhom 100.58 ettaru miżmuma abbażi tal-kuntratt ta’ konċessjoni konkluż mal-Kunsill Muniċipali ta’ Maliuc u 187.79 ettaru miżmuma abbażi tal-kuntratt ta’ konċessjoni konkluż mal-Kunsill Dipartimentali ta’ Tulcea.

26      Permezz ta’ deċiżjoni ta’ ħlas tal-25 ta’ Settembru 2018, l-APIA qieset li l-parti tal-erja ddikjarata, li taqa’ taħt il-kuntratt ta’ konċessjoni konkluż mal-Kunsill Dipartimentali ta’ Tulcea, kellha, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali u fl-assenza ta’ ftehim tal-konċedent fir-rigward tal-bidla fl-użu ta’ din il-parti tal-erja, tintuża għal finijiet ta’ akwakultura. Fl-assenza ta’ dokument li jippermetti lil Euro Delta Danube tuża dawn l-artijiet għal finijiet agrikoli, l-APIA kkonkludiet li l-erja ammissibbli kienet ta’ 100.58 ettaru, li tikkorrispondi għall-erja użata skont il-kuntratt ta’ konċessjoni konkluż mal-Kunsill Muniċipali ta’ Maliuc fuq erja totali ddikjarata ta’ 288.37 ettaru.

27      Konsegwentement, ammont totali li għandu jitħallas ġie stabbilit għall-erja ddeterminata ta’ 100.58 ettaru u ġew imposti sanzjonijiet addizzjonali minħabba d-dikjarazzjoni eċċessiva tal-erja li kien fadal.

28      Euro Delta Danube ressqet ilment kontra d-deċiżjoni ta’ ħlas tal-25 ta’ Settembru 2018 quddiem l-APIA, li ċaħditu permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Diċembru 2018.

29      Fl-10 ta’ Jannar 2019, Euro Delta Danube ppreżentat rikors quddiem it-Tribunalul Tulcea (il-Qorti tal-Kontea ta’ Tulcea, ir-Rumanija), intiż għall-annullament ta’ din l-aħħar deċiżjoni kif ukoll għall-annullament parzjali ta’ din id-deċiżjoni ta’ pagament.

30      Permezz ta’ sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2019, din il-qorti ċaħdet dan ir-rikors bħala infondat. Fil-fehma tagħha, fin-nuqqas ta’ provi dwar il-bidla fl-użu tal-erjas kontenzjużi, dawn ma kinux ammissibbli għall-ħlas uniku mitlub minn Euro Delta Danube. Fil-fatt, l-imsemmija qorti qieset li, peress li dawn l-erjas kellhom, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, jitqiesu li jagħmlu parti minn “impjanti tal-akwakultura”, huma ma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet sabiex jitqiesu li huma erjasli jinħartu u d-dikjarazzjoni tagħhom kienet tikkostitwixxi “dikjarazzjoni eċċessiva”, li tiġġustifika s-sanzjonijiet amministrattivi imposti.

31      Fit-13 ta’ Awwissu 2019, Euro Delta Danube adixxiet lill-Curtea de Apel Constanța (il-Qorti tal-Appell ta’ Constanța, ir-Rumanija), il-qorti tar-rinviju, b’appell minn din is-sentenza.

32      Din il-qorti tistaqsi dwar il-konformità mad-dritt tal-Unjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi mill-benefiċċju tal-għajnuna bidwi li juża għal finijiet agrikoli erjas mogħtija għall-finijiet ta’ akwakultura, mingħajr il-kunsens tal-konċedent, u li timponilu, barra minn hekk, penalitajiet għal dikjarazzjoni eċċessiva, minħabba li l-kriterji ta’ eliġibbiltà għall-benefiċċju ta’ din l-għajnuna ma jkunux issodisfatti.

33      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Curtea de Apel Constanța (il-Qorti tal-Appell ta’ Constanțza, ir-Rumanija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda li ġejja:

“Id-dispożizzjonijiet tal-punt 23 tal-Artikolu 2[(1)] u dawk tal-Artikolu 19 tar-Regolament ta’ Delega [Nru 640/2014], jipprekludu regoli nazzjonali li, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, japplikaw fuq bidwi sanzjonijiet amministrattivi għal dikjarazzjoni eċċessiva minħabba li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għas-superfiċji [erja] agrikola li hija kkunsidrata bħala li ġiet iddikjarata b’mod eċċessiv, peress li jkabbar superfiċji [erja] agrikola bi strutturi għall-akwakultura miżmuma taħt kuntratt ta’ konċessjoni, mingħajr ma pproduċa l-prova tal-kunsens tal-konċessjonarju li l-art tista’ tintuża għall-agrikoltura?”

 Fuq id-domanda preliminari

34      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 23 tal-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 19(1) u (2) tar-Regolament ta’ Delega Nru 640/2014 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprevedu, fil-kuntest tal-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja, l-impożizzjoni fuq applikant għal għajnuna agrikola ta’ penalitajiet amministrattivi għal dikjarazzjoni eċċessiva, minħabba li dan juża għal finijiet agrikoli erjas li ngħatawlu għal użu ta’ akwakultura, mingħajr il-kunsens tal-konċedent fir-rigward ta’ tali bidla fl-użu ta’ dawn l-erji.

35      Mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 19(1) u (2) tar-Regolament ta’ Delega Nru 640/2014 jirriżulta li meta, għal grupp ta’ għelejjel imsemmi fl-Artikolu 17(1) ta’ dan ir-regolament, l-erja ddikjarata għall-finijiet ta’ skema ta’ għajnuna jew ta’ miżura ta’ għajnuna marbuta mal-erja taqbeż l-erja ddeterminata skont l-Artikolu 18 tal-imsemmi regolament u li d-differenza kkonstatata teċċedi 50 %, ma tingħata ebda għajnuna jew għajnuna marbuta mal-erjas għall-grupp ta’ għelejjel inkwistjoni. Barra minn hekk, il-benefiċjarju għandu jkun suġġett għal sanzjoni addizzjonali daqs l-ammont ta’ għajnuna jew appoġġ li jikkorrispondi għad-differenza bejn l-erja ddikjarata u l-erja stabbilita skont l-Artikolu 18.

36      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li fost il-gruppi ta’ uċuħ tar-raba’ msemmija fl-Artikolu 17(1) (a) tal-istess regolament, li għalih isir riferiment fl-Artikolu 19(1) ta’ dan tal-aħħar, hemm, b’mod partikolari, l-erjas iddikjarati għall-finijiet tal-benefiċċju tal-pagament uniku skont l-erja.

37      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-punt 23 (a) tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament ta’ Delega Nru 640/2014 jiddefinixxi “erja determinata” fil-kuntest ta’ skemi ta’ għajnuna marbuta mal-erja bħala ż-żona li għaliha l-kriterji kollha ta’ ammissibbiltà jew obbligi oħra relatati mal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna huma osservati, indipendentement min-numru ta’ drittijiet għall-pagament għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju.

38      Għalhekk, għandu jitfakkar li sabiex ikunu eliġibbli għall-benefiċċju tal-għajnuna kkonċernata, l-erjas inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom ikunu erjas agrikoli, jagħmlu parti mill-azjenda tal-bidwi u għandhom ikunu jintużaw għal finijiet agrikoli jew, fil-każ ta’ użu differenti, ikunu essenzjalment jintużaw għal tali finijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ April 2021, Piscicola Tulcea et Ira Invest, C‑294/19 u C‑304/19, EU:C:2021:340, punt 64).

39      Qabel kollox, fir-rigward tal-kunċett ta’ “erja agrikola”, kif iddefinit fl-Artikolu 4(1)(e) tar-Regolament Nru 1307/2013, dan jinkludi, b’mod partikolari, “kull erja meħuda minn raba’ li jinħarat”, peress li din tal-aħħar hija ddefinita f’dan l-Artikolu 4(1) (f) bħala art li hija kkultivata għall-produzzjoni tal-uċuħ tar-raba’ jew erjas disponibbli għall-produzzjoni tal-uċuħ tar-raba’ iżda li hija mistrieħa.

40      Għalhekk, erja għandha tiġi kklassifikata bħala “agrikola” peress li hija effettivament użata bħala “art li tinħarat”, fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, peress li din il-klassifikazzjoni ma tistax tiġi kkontestata minħabba s-sempliċi fatt li tali erja ntużat bħala art li tinħarat bi ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ kuntratt ta’ konċessjoni bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ April 2021, Piscicola Tulcea et Ira Invest, C‑294/19 u C‑304/19, EU:C:2021:340, punt 63).

41      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan ikun il-każ meta dan tal-aħħar ikollu s-setgħa li jużaha għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ attività agrikola, jiġifieri meta dan tal-aħħar ikollu, f’dak li jikkonċerna din l-erja, awtonomija suffiċjenti għall-finijiet tal-eżerċizzju tal-attività agrikola tiegħu (sentenza tat-2 ta’ Lulju 2015, Demmer, C‑684/13, EU:C:2015:439, punt 58).

42      Peress li r-restrizzjonijiet applikabbli għall-użu tal-erjas kontenzjużi, bħal, b’mod partikolari, dawk relatati man-natura tal-attivitajiet li jistgħu jitwettqu fihom, li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ konċessjoni li permezz tiegħu dawn l-erjas tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-bidwi kkonċernat, ma jikkostitwixxux, għal dan tal-aħħar, ostakolu għall-eżerċizzju tal-attività agrikola tiegħu fuq l-imsemmija erjas, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, ma hemmx lok li jitqies li dawn ma jifformawx parti mill-azjenda ta’ dan il-bidwi (ara, f’dan is-sens, sentenza tat-2 ta’ Lulju 2015, Demmer, C‑684/13, EU:C:2015:439, punt 60).

43      F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li għalkemm il-kunċett ta’ ġestjoni ma jimplikax l-eżistenza, favur il-bidwi inkwistjoni, ta’ setgħa ta’ dispożizzjoni illimitata fuq l-erjas ikkonċernati fil-kuntest tal-użu tagħhom għal finijiet agrikoli, huwa madankollu importanti li dan il-bidwi ma jkunx, fil-kuntest tal-imsemmi kuntratt ta’ konċessjoni, totalment suġġett għall-istruzzjonijiet tal-konċedent u li għalhekk għandu ċertu marġni ta’ manuvra fit-tmexxija tal-attività agrikola tiegħu fuq dawn l-erjas (ara, f’dan is-sens, sentenza tat-2 ta’ Lulju 2015 Demmer, C‑684/13, EU:C:2015:439, punti 61 u 62).

44      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kriterju dwar l-użu tal-erjas agrikoli għal finijiet agrikoli, kif imsemmi fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, il-kunċett ta’ “attività agrikola” huwa ppreċiżat fl-Artikolu 4(1)(c) tar-Regolament Nru 1307/2013 bħala, b’mod partikolari, il-produzzjoni, it-trobbija jew it-tkabbir ta’ prodotti agrikoli.

45      Minn dan isegwi li, peress li, f’dan il-każ, l-erjas kontenzjużi ġew ikkultivati, l-attività hekk eżerċitata minn Euro Delta Danube fuq dawn l-erjas għandha titqies li tikkostitwixxi attività agrikola fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni u, għaldaqstant, bħala li tissodisfa dan il-kriterju.

46      Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża prinċipali, l-osservanza tal-kriterji kollha ta’ ammissibbiltà jew obbligi oħra relatati mal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna.

47      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-punt 23 tal-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 19(1) u (2) tar-Regolament ta’ Delega Nru 640/2014 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprevedux, fil-qafas tal-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja, għall-impożizzjoni fuq applikant għal għajnuna agrikola ta’ penali amministrattivi għal dikjarazzjoni eċċessiva, għar-raġuni li dan tal-aħħar qed juża għal finijiet agrikoli erjas li jkun ingħata, għal użu ta’ akwakultura mingħajr il-qbil tal-konċedent dwar tali bidla fl-użu ta’ dawn l-erjas, peress li dan l-applikant għall-għajnuna għandu, fil-każ tal-imsemmija erjas, awtonomija suffiċjenti għall-finijiet tal-eżerċizzju tal-attività agrikola tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

48      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Il-punt 23 tal-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 19(1) u (2) tar-Regolament ta’ Delega (UE) tal-Kummissjoni Nru 640/2014 tal11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament Nru 1306/2013 fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll u l-kundizzjonijiet għar-rifjut jew l-irtirar ta’ pagamenti u penali amministrattivi applikabbli għall-pagamenti diretti, l-appoġġ għall-iżvilupp rurali u l-kundizzjonalità kif emendat mir-Regolament Delegat (UE) 2016/1393 tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Mejju 2016, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprevedux, fil-qafas tal-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja, għall-impożizzjoni fuq applikant għal għajnuna agrikola ta’ penali amministrattivi għal dikjarazzjoni eċċessiva, għar-raġuni li dan tal-aħħar qed juża għal finijiet agrikoli erjas li jkun ingħata, għal użu ta’ akwakultura mingħajr il-qbil tal-konċedent dwar tali bidla fl-użu ta’ dawn l-erjas, peress li dan l-applikant għall-għajnuna għandu, fil-każ tal-imsemmija erjas, awtonomija suffiċjenti għall-finijiet tal-eżerċizzju tal-attività agrikola tiegħu.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.