Language of document :

Rikors ippreżentat fis-6 ta' Frar 2009 - Ir-Repubblika Ellenika vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-46/09)

Lingwa tal-kawża: Il-Grieg

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Ellenika (rappreżentanti: B. Kontolaimos, I. Chalkias u S. Charitaki, uffiċjali legali tal-Istat, u S. Papaïoannou, rappreżentant ġudizzjarju tas-Servizz Legali tal-Istat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla jew timmodifika d-deċiżjoni kkontestata, skont kif speċifikat b'mod iktar preċiż fir-rikors;

tikkundanna lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Dan ir-rikors ġie ppreżentat kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008) 7820 finali, tat-8 ta' Diċembru 2008, li teskludi mill-finanzjament Komunitarju ċertu nfiq magħmul mill-Istati Membri taħt it-Taqsima "Garanzija" tal-Fond Agrikolu Ewropew ta' Gwida u Garanzija (FAEGG) u taħt il-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG) innotifikata lir-rikorrenti taħt in-Nru SG-Greffe (2008) D 207864/09-12-2008.

Ir-rikorrenti tinvoka tnax-il motiv ta' annullament insostenn tal-argumenti tagħha.

B'mod iktar speċifiku, fis-settur tal-frott taċ-ċitru u fuq il-bażi tal-ewwel motiv ta' annullament, ir-rikorrenti ssostni illi, fir-rigward tal-ammont ta' korrezzjoni proposta, il-Kummissjoni għamlet interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljati tad-dokumenti tal-Kummissjoni AGRI VI 5330/97, AGRI 61495/2002/REV I u AGRI /60637/2006 (kalkolu tal-konsegwenzi finanzjarji għall-eżerċizzju ta' clearance tal-kontijiet tal-FAEGG - linji gwida - nuqqasijiet ripetuti - reċidiva) peress li ma kienx hemm la nuqqas ta' kontrolli prinċipali u lanqas nuqqasijiet ripetuti fl-iskema tal-għajnuna għall-frott taċ-ċitru filwaqt li, fit-tieni motiv ta' annullament tagħha, hija ssostni illi l-Kummissjoni għamlet evalwazzjoni żbaljata tal-fatti u imponiet korrezzjoni finanzjarja sproporzjonata ladarba kienu saru l-kontrolli amministrattivi u ta' kontabbiltà; fir-rigward tal-ħlas bi flus kontanti, dan kien jikkonċerna biss każ wieħed.

Fis-settur tal-għajnuna għall-qoton, fuq il-bażi tat-tielet motiv ta' annullament, ir-rikorrenti tressaq ħames argumenti partikolari: a) il-korrezzjoni hija, fil-fehma tagħha, arbitrarja u sproporzjonata peress li ma tteħidx inkunsiderazzjoni t-titjib tas-sistema u t-tibdil tard tal-iskema ta' għajnuna għall-qoton fl-2001; b) il-korrezzjoni kellha tkun differenti kull sena, ladarba s-sitwazzjoni tas-sistema ta' kontroll ma kinitx l-istess matul iż-żewġ perijodi; ċ) il-kompatibbiltà tal-iskema ta' għajnuna għall-qoton ġiet assigurata mis-SIAK; d) il-miżuri ambjentali ġew ikkontrollati f'ħin tajjeb u e) il-verifiki fuq il-post tas-superfiċji (5 %) saru f'ħin tajjeb u kienu effikaċi.

Fir-rigward tas-sussidji għall-annimali tal-ifrat u, fuq il-bażi tar-raba' motiv ta' annullament, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija difettuża peress li din ġiet adottata wara l-perijodu li fih il-proċedura tal-clearance kellha raġonevolment tiġi konkluża u li għandha tiġi annullata inkwantu ġiet adottata minn istituzzjoni li, ratione temporis, ma kinitx kompetenti u/jew ġiet adottata wara abbuż ta' liġi tal-Kummissjoni u/jew inkwantu tikser iċ-ċertezza legali tal-Istati Membri.

Permezz tal-ħames motiv ta' annullament, ir-Repubblika Ellenika ssostni, sussidjarjament, illi d-deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha tiġi annullata peress li, sabiex timponi l-korrezzjonijiet, hija tmur lura għal perijodu qabel l-ittra komuni ta' konċiljazzjoni minflok l-aħħar ittra ta' osservazzjonijiet.

Permezz tas-sitt motiv, b'mod partikolari fir-rigward tar-raġunijiet għall-impożizzjoni tal-korreżżjonijiet, ir-Repubblika Ellenika ssostni li kien hemm interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljati tal-Artikolu 7 tad-Regolament (KE) Nru 1258/19991 u tal-linji gwida, żball fl-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi u, fin-nuqqas, żball ta' fatt u nuqqas ta' motivazzjoni.

Fis-settur tal-għajnuna taż-żejt taż-żebbuġa u fuq il-bażi tas-seba' motiv ta' annullament, ġie sostnut illi d-deċiżjoni kkontestata hija difettuża peress li din ġiet adottata wara l-perijodu li fih il-proċedura ta' clearance kellha raġonevolment tiġi konkluża u li din għandha tiġi annullata inkwantu ġiet adottata minn istituzzjoni li, ratione temporis, ma kinitx kompetenti u/jew ġiet adottata wara abbuż ta' liġi tal-Kummissjoni u/jew inkwantu tikser iċ-ċertezza legali tal-Istati Membri.

Permezz tat-tmien motiv ta' annullament, ġie sostnut, sussidjarjament, illi d-deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha tiġi annullata peress li, sabiex timponi l-korrezzjonijiet, hija tmur lura għal perijodu qabel l-ittra komuni ta' konċiljazzjoni minflok l-aħħar ittra ta' osservazzjonijiet.

Permezz tad-disa' motiv ta' annullament u, b'mod partikolari, fir-rigward tar-raġunijiet li għalihom ġew imposti korrezzjonijiet, ir-rikorrenti ssostni illi d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata minħabba interpretazzjoni żbaljata tar-Regolament (KE) Nru 1258/1999 u r-Regolament (KE) Nru 1663/95)2, il-linji gwida VI/5330/97 u AGRI/61495/2002 u d-dispożizzjonijiet speċifiċi tas-sistema ineżami tar-Regolament (KEE) Nru 2261/843 (Artikolu 16), tar-Regolament (KE) Nru 2366/984 (Artikoli 27 u 28), tar-Regolament (KE) Nru 1638/985 (Artikoli 2 u 2A), żball ta' fatt, evalwazzjoni żbaljata tal-fatti, nuqqas ta' motivazzjoni u ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità.

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-fatt li nqabżu l-limiti finanzjarji mill-korrezzjonijiet/ħlasijiet tardivi, permezz tal-għaxar motiv, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata, f'dik il-parti li tirrigwarda l-investigazzjoni FA/2005/70, għal ksur tar-regoli tal-proċedura ta' clearance tal-kontijiet u tar-Regolament (KE) Nru 817/20046, minħabba nuqqas ta' motivazzjoni u ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità.

Permezz tal-ħdax-il motiv, ir-rikorrenti ssostni illi d-deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha tiġi annullata wkoll minħabba l-kapitolu tagħha dwar l-investigazzjoni ta' kontabbiltà FA/2006/108 għal ksur tar-regoli tal-proċedura ta' clearance, applikazzjoni żbaljata tar-Regolament (KE) Nru 296/967, evalwazzjoni żbaljata tal-fatti, nuqqas ta' motivazzjoni u ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità, filwaqt li, fl-aħħar nett, permezz tat-tnax-il motiv ta' annullament, il-kapitolu tad-deċiżjoni kkontestata, li jirrigwarda l-investigazzjoni FA/2006/137, huwa vvizzjat b'insuffiċjenza ta' motivazzjoni.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1258/1999 tas-17 ta' Mejju 1999 dwar il-finanzjament tal-politika komuni agrikola (ĠU L 160, p. 103)

2 - Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1663/95 tas-7 ta' Lulju 1995 li jistabbilixxi regoli ddettaljati sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 729/70 li jirrigwarda l-proċedura għall-verifikar tal-kontijiet tat-Taqsima Garanziji tal-FAEGG (ĠU L 158, p. 6).

3 - Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2261/84 tas-17 ta' Lulju 1984 li jistabilixxi regoli dettaljati għall-għoti ta' għajnuna għall-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa u ta' għajnuna lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi taż-żejt taż-żebbuġa (ĠU L 208, p.3).

4 - Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2366/98 tat-30 ta' Ottubru 1998 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta' għajnuna għall-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa għas-snin tal-marketing 1998/99, 1999/2000 u 2000/01 (ĠU L 293, p. 50).

5 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1638/98 tal-20 ta' Lulju 1998 li jemenda r-Regolament Nru 136/66/KEE dwar l-istabbiliment tal-organizzazzjoni komuni tas-suq taż-żjut u x-xaħmijiet (ĠU L 210, p. 32).

6 - Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 817/2004 tad-29 ta' April 2004 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew ta' Gwida u l-Garanzija (FAEGG) (ĠU L 15, p. 31).

7 - Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 296/96 tas-16 ta' Frar 1996 dwar l-informazzjoni li għandha tingħata mill-Istati Membri u l-prenotament ta' kull xahar tan-nefqa ffinanzjata mit-Taqsima Garanziji tal-Fond Agrikolu dwar Gwida u Garanzija (FAEGG) u li jħassar ir-Regolament (EEC) Nru 2776/88 (ĠU L 39, p. 5).