Language of document : ECLI:EU:C:2024:563

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

EMILIOU

ippreżentati fis‑27 ta’ Ġunju 2024 (1)

Kawżi magħquda C123/23 u C202/23 (Khan Yunis u Baadba) (i)

N. A. K.,

E. A. K.,

Y. A. K. (C123/23)

M. E. O. (C202/23)

vs

Bundesrepublik Deutschland

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Minden (il-Qorti Amministrattiva ta’ Minden, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Ażil – Direttiva 2013/32/UE – Proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar ta’ protezzjoni internazzjonali – Applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Raġunijiet ta’ inammissibbiltà – Artikolu 33(2)(d) u Artikolu 40 – Applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali – Ċirkustanzi li skonthom applikazzjoni sussegwenti tista’ tiġi ddikjarata inammissibbli – Possibbiltà ta’ dikjarazzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ applikazzjoni sussegwenti ppreżentata wara li proċedura ta’ ażil dwar applikazzjoni preċedenti tal-persuna kkonċernata tkun ingħalqet minn Stat Membru ieħor”






I.      Introduzzjoni

1.        Dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tar-raġuni ta’ inammissibbiltà msemmija fl-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32/UE (2). Din id-dispożizzjoni tippermetti lill-Istati Membri jiddikjaraw “applikazzjonijiet sussegwenti” inammissibbli taħt ċerti kundizzjonijiet. Skont l-Artikolu 2(q) ta’ din id-direttiva, “applikazzjonijiet sussegwenti” huma applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ppreżentati “wara li tkun ittieħdet deċiżjoni finali dwar applikazzjoni preċedenti” mressqa mill-istess persuna) inammissibbli, f’ċerti kundizzjonijiet.

2.        Dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet ma jgħidu xejn dwar jekk din ir-raġuni ta’ inammissibbiltà tistax tiġi applikata biss fil-kuntest fejn iż-żewġ applikazzjonijiet jiġu eżaminati mill-istess Stat Membru jew ukoll f’sitwazzjoni li tinvolvi diversi Stati Membri, fejn il-proċedura ta’ ażil preċedenti tkun twettqet minn Stat Membru (Stat Membru A) differenti minn dak li quddiemu tiġi ppreżentata l-“applikazzjoni sussegwenti” (Stat Membru B).

3.        Fid-dritt Ġermaniż, il-Bundesamt für Migration und Flüchtlinge (l-Uffiċċju Federali tal-Migrazzjoni u tar-Refuġjati, il-Ġermanja, iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju Federali”) jista’, jekk jiġu ssodisfatti ċerti kriterji, jiddikjara inammissibbli applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata quddiemu “wara l-għeluq mingħajr suċċess ta’ proċedura ta’ ażil”, fir-rigward tal-istess applikant, fi Stat Membru ieħor. Il-Verwaltungsgericht Minden (il-Qorti Amministrattiva ta’ Minden, il-Ġermanja) tixtieq tkun taf jekk tali dispożizzjoni hijiex kompatibbli mal-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Artikolu 2(q) tagħha.

4.        Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ntalbet tiddeċiedi dwar din il-kwistjoni (3). Madankollu, hija llimitat, diversi drabi, il-konstatazzjonijiet tagħha għas-sitwazzjonijiet partikolari li fihom id-deċiżjoni finali dwar applikazzjoni preċedenti tal-persuna kkonċernata kienet ġiet adottata minn Stat terz jew minn Stat Membru li, filwaqt li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 604/2013 (4), la kien marbut bid-Direttiva 2013/32 u lanqas bid-Direttiva 2011/95/UE (5) (jiġifieri, in-Norveġja u d-Danimarka). Il-kawżi ineżami jistiednu lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra l-applikazzjoni tar-raġuni ta’ inammissibbiltà li tinsab fl-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32 fix-xenarju fejn l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali sussegwentement jiġu ppreżentati mill-istess persuna fi Stati Membri differenti li jipparteċipaw bis-sħiħ fis-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil.

II.    Ilkuntest ġuridiku

A.      Iddritt talUnjoni

5.        L-Artikolu 2(q) tad-Direttiva 2013/32 jiddefinixxi t-termini “applikazzjoni sussegwenti” bħala “applikazzjoni oħra għall-protezzjoni internazzjonali li ssir wara li tkun ittieħdet deċiżjoni finali dwar applikazzjoni preċedenti, inklużi każijiet fejn l-applikant ikun irtira b’mod espliċitu l-applikazzjoni tiegħu u każijiet fejn l-awtorità determinanti tkun irrifjutat applikazzjoni wara l-irtirar impliċita tagħha taħt l-Artikolu 28(1)” ta’ din id-direttiva.

6.        L-Artikolu 33 tad-Direttiva 2013/32, intitolat “Applikazzjonijet inammissibbli”, jipprevedi:

“1.      Addizzjonalment għal każijiet fejn l-applikazzjoni ma’ tiġix eżaminata skont ir-Regolament [Dublin III], l-Istati Membri mhumiex obbligati jeżaminaw jekk l-applikant jikkwalifikax għal protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva [2011/95] fejn applikazzjoni tkun kunsidrata inammissibbli taħt dan l-Artikolu.

2.      L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw applikazzjoni għall- protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli biss jekk:

[…]

(d)      l-applikazzjoni tkun applikazzjoni sussegwenti, fejn ebda elementi jew sejbiet ġodda relatati mal-eżami dwar jekk l-applikant jikkwalifikax bħala benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva [2011/95] ma’ jkunu rriżultaw jew ġew ippreżentati mill-applikant;

[…]”

7.        Skont l-Artikolu 40 ta’ din id-direttiva, intitolat “Applikazzjoni sussegwenti”:

“1.      Fejn persuna li applikat għall-protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru tagħmel sottomissjonijiet ulterjuri jew applikazzjoni sussegwenti fl-istess Stat Membru, dak l-Istat Membru għandu jeżamina dawn is-sottomissjonijiet ulterjuri jew l-elementi tal-applikazzjoni sussegwenti fil-kuntest tal-eżami tal-applikazzjoni preċedenti jew fil-kuntest tal-eżami tad-deċiżjoni li tkun qiegħda tiġi riveduta jew appellata safejn l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jieħdu kont ta’ u jikkunsidraw l-elementi kollha li fuqhom ikunu bażati s-sottomissjonijiet ulterjuri jew l-applikazzjoni sussegwenti f’dan il-qafas.

2.      Għall-finijiet tat-teħid ta’ deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali taħt l-Artikolu 33(2)(d), applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali għandha tkun suġġetta l-ewwel għal eżami preliminari dwar jekk, ikunux instabu, jew ġew ippreżentati mill-l-applikant elementi jew sejbiet ġodda dwar l-eżami jekk dan jikkwalifikax bħala benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva [2011/95].

3.      Jekk l-eżami preliminari msemmi fil-paragrafu 2, jikkonkludi li jitfaċċaw jew jiġu preżentati mill-applikant elementi jew konklużjonijiet ġodda li jżidu sostanzjalment il-probabbiltà li l-applikant jikkwalifika bħala benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva [2011/95], l-applikazzjoni għandha tiġi eżaminata ulterjorment skont il-Kapitolu II. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal raġunijiet oħrajn għal eżami ulterjuri ta’ applikazzjoni sussegwenti.

[…]

5.      Fejn applikazzjoni sussegwenti ma tiġix eżaminata ulterjorment taħt dan l-Artikolu, għandha titqies bħala inammissibbli, taħt l-Artikolu 33(2)(d).

[…]

7.      Fejn persuna li fir-rigward tagħha trid tiġi infurzata deċiżjoni ta’ trasferiment skont ir-Regolament [Dublin III] tagħmel rappreżentazzjonijiet addizjonali jew applikazzjoni sussegwenti fl-Istat Membru li jitrasferixxi, dawk ir-rappreżentazzjonijiet jew applikazzjonijiet sussegwenti għandhom ikunu eżaminati mill-Istat Membru responsabli, kif definit f’dak ir-Regolament, konformement ma’ din id-Direttiva.”

B.      Iddritt Ġermaniż

8.        Ir-regoli sostantivi u proċedurali prinċipali li jirregolaw il-proċeduri tal-ażil huma stabbiliti fl-Asylgesetz (il-Liġi dwar l-Ażil) tas‑26 ta’ Ġunju 1992 (BGB1. 1992 I, p. 1126), kif ippubblikata fit‑2 ta’ Settembru 2008 (BGBl. 2008 I, p. 1798), fil-verżjoni applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“AsylG”).

9.        L-Artikolu 29 tal-AsylG, intitolat “Applikazzjonijiet inammissibbli”, jistabbilixxi:

“(1)      Applikazzjoni tkun inammissibbli fejn:

[…]

5.      fil-każ ta’ applikazzjoni sussegwenti skont l-Artikolu 71 jew it-tieni applikazzjoni skont l-Artikolu 71a, ma jkunx neċessarju li titwettaq proċedura ġdida ta’ ażil.”

10.      L-Artikolu 71 tal-AsylG, intitolat “It-tieni applikazzjoni”, jistabbilixxi:

“(1)      Jekk iċ-ċittadin barrani jippreżenta applikazzjoni għall-ażil (it-tieni applikazzjoni) fit-territorju federali wara l-għeluq mingħajr suċċess ta’ proċedura ta’ ażil f’pajjiż terz sigur (l-Artikolu 26a) li fih japplika d-dritt [tal-Unjoni] dwar ir-responsabbiltà għat-twettiq ta’ proċeduri ta’ ażil jew li jkun ikkonkluda ftehim internazzjonali dwar dan is-suġġett mar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, għandha titwettaq proċedura ġdida ta’ ażil biss jekk ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tkun responsabbli għat-twettiq tal-proċedura ta’ ażil u jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 51(1) sa (3) tal-Verwaltungsverfahrengesetz [(il-Liġi dwar il-Proċedura Amministrattiva), kif ippubblikata fit‑23 ta’ Jannar 2003 (BGB1. 2003 I, p. 102) (iktar ’il quddiem il-“VwVfG”)]; dan għandu jiġi eżaminat mill-Uffiċċju Federali.”

11.      Il-VwVfG fiha dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-proċeduri amministrattivi tal-awtoritajiet pubbliċi. L-Artikolu 51(1) sa (2) ta’ din il-liġi jistabbilixxi:

“(1)      “Korp amministrattiv għandu, fuq talba tal-persuna kkonċernata, jiddeċiedi li miżura amministrattiva li ma tkunx għadha tista’ tiġi kkonstatata tiġi annullata jew immodifikata, jekk:

1.      il-pożizzjoni fattwali jew legali li fuqha kienet ibbażata l-miżura sussegwentement inbidlet favur l-individwu kkonċernat;

2.      tkun ħarġet evidenza ġdida li kienet twassal għal deċiżjoni iktar favorevoli għall-individwu kkonċernat;

3.      skont l-Artikolu 580 taż-Zivilprozessordnung [(il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili)] ikunu jeżistu raġunijiet sabiex terġa’ tinfetaħ il-proċedura.

(2)      It-talba hija ammissibbli biss jekk, mingħajr ma wettqet żball serju, il-persuna kkonċernata ma setgħetx tibbaża ruħha fuq ir-raġuni għal eżami mill-ġdid fil-kuntest tal-proċedura preċedenti, inkluż billi tappella mill-miżura amministrattiva.”

III. Ilfatti, ilproċedura nazzjonali u ddomandi preliminari

A.      Kawża C123/23

12.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, N.A.K, E.A.K. u Y.A.K., huma persuni apolidi ta’ oriġini Palestinjana li kienu jgħixu fil-Medda ta’ Gaża. N.A.K, imwielda fl‑1985, hija omm E.A.K u Y.A.K.

13.      Skont id-dikjarazzjonijiet tagħhom, ir-rikorrenti daħlu fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fil‑11 ta’ Novembru 2019 u talbu l-ażil fil‑15 ta’ Novembru 2019. L-applikazzjonijiet tagħhom ġew formalment irreġistrati mill-Uffiċċju Federali fit‑22 ta’ Novembru 2019.

14.      N.A.K. sostniet li hija kienet telqet mill-Medda ta’ Gaża ma’ wliedha fl‑2018, wara persekuzzjoni mill-Ħamas minħabba l-attivitajiet politiċi ta’ żewġha, u li dawn kienu marru l-Ġermanja billi vvjaġġaw, inter alia, minn Spanja u l-Belġju. Huma kienu għexu fil-Belġju għal madwar sena u hemmhekk kienu ppreżentaw applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali.

15.      N.A.K. indikat ukoll li żewġha kien daħal fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fl‑2014 u li hemmhekk kien applika għal protezzjoni internazzjonali. Madankollu, l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali kienet ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni tal‑31 ta’ Marzu 2017.

16.      L-Uffiċċju Federali ressaq talba biex l-applikant jittieħed lura, skont l-Artikoli 23, 24 u 25 tar-Regolament Dublin III, lill-awtoritajiet kompetenti Spanjoli. Permezz ta’ ittra tat‑28 ta’ Novembru 2019, dawn l-awtoritajiet ċaħdu din it-talba billi indikaw li huma ma kinux responsabbli għall-eżami tal-applikazzjonijiet ta’ N.A.K. u ta’ wliedha.

17.      L-Uffiċċju Federali ma ressaqx talba biex l-applikant jittieħed lura lill-awtoritajiet Belġjani. Madankollu, huwa ressaq talba għal informazzjoni lil dawn l-awtoritajiet, skont l-Artikolu 34 tar-Regolament Dublin III, li hija intiża li tiffaċilita l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri.

18.      Fir-risposta tagħhom, tal‑5 ta’ Marzu 2021, l-awtoritajiet Belġjani indikaw li N.A.K. kienet ippreżentat applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fil-Belġju fil‑21 ta’ Awwissu 2018. Madankollu, l-applikazzjoni tagħha kienet ġiet miċħuda fil‑5 ta’ Lulju 2019, wara eżami tal-mertu. Dawn l-awtoritajiet indikaw li, matul il-proċedura ta’ ażil quddiemhom, ma kienx intwera b’mod kredibbli li N.A.K. kienet qiegħda fil-perikolu ta’ persekuzzjoni jew ħsara serja fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha. Barra minn hekk, huma kienu stabbilixxew li N.A.K. setgħet titlob il-protezzjoni jew l-assistenza tal-Aġenzija ta’ Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib (UNRWA), mar-ritorn tagħha fil-Medda ta’ Gaża.

19.      Barra minn hekk, l-awtoritajiet Belġjani indikaw li N.A.K. ma kinitx ippreżentat appell minn din id-deċiżjoni, li għalhekk kienet saret definittiva.

20.      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ Mejju 2021, l-Uffiċċju Federali ċaħad l-applikazzjonijiet ta’ N.A.K. u ta’ wliedha bħala inammissibbli u ordnat it-tneħħija tagħhom lejn il-Medda ta’ Gaża.

21.      B’mod partikolari, l-Uffiċċju Federali kkunsidra li, skont l-Artikolu 71a(1) tal-AsylG, ma kienx neċessarju li titwettaq proċedura ta’ ażil ġdida fir-rigward tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, l-applikazzjonijiet preċedenti tagħhom għal protezzjoni internazzjonali kienu ġew miċħuda mill-awtoritajiet Belġjani u ma kienx hemm raġuni għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura skont l-Artikolu 51(1) sa (3) tal-VwVfG. F’dan ir-rigward, l-Uffiċċju Federali rrileva li ċ-ċirkustanzi fattwali u legali ta’ N.A.K. u ta’ wliedha ma kinux inbidlu u li dawn ma kinux ipproduċew provi ġodda.

22.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw rikors quddiem il-Verwaltungsgericht Minden (il-Qorti Amministrattiva, Minden), il-qorti tar-rinviju, kontra d-deċiżjoni tad‑9 ta’ Ġunju 2021. N.A.K. sostniet li hija kienet ser taffaċċja diskriminazzjoni serja fil-Medda ta’ Gaża, peress li l-vjolenza kontra n-nisa, partikolarment jekk iddivorzjati jew weħidhom, kienet soċjalment aċċettabbli hemmhekk. Barra minn hekk, l-aċċess għall-kura medika u għax-xogħol kien limitat hemmhekk, u l-kundizzjonijiet prekarji fil-Medda ta’ Gaża ma kinux jippermettu lilha u liż-żewġt uliedha jkopru l-ispejjeż tal-ħajja bażiċi tagħhom. N.A.K. żiedet li hija ma kellha l-ebda appoġġ mill-familja fil-Medda ta’ Gaża, u lanqas ma seta’ jkun mistenni li l-UNRWA tipprovdi appoġġ adegwat lilha u lil uliedha. L-awtoritajiet Belġjani ma kinux ħadu inkunsiderazzjoni dawn l-elementi. Hija sostniet ukoll li kien de facto impossibbli għaliha u għat-tfal tagħha li jirritornaw fil-Medda ta’ Gaża u li jqiegħdu ruħhom taħt il-protezzjoni tal-UNRWA. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, hija sostniet li għandhom jingħataw l-istatus ta’ refuġjat.

23.      Permezz ta’ digriet tal‑31 ta’ Awwissu 2021, il-qorti tar-rinviju ordnat l-effett sospensiv tar-rikors ta’ N.A.K. kontra l-ordni ta’ tneħħija li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata. Hija kkonkludiet, b’riferiment għall-osservazzjonijiet ippreżentati fil-Kawża C‑8/20, L.R. (Applikazzjoni għall-ażil miċħuda min-Norveġja), li kien hemm dubji dwar jekk l-Artikolu 71a tal-AsylG kienx kompatibbli mad-dritt tal‑Unjoni.

24.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgericht Minden (il-Qorti Amministrattiva ta’ Minden) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali, moqri flimkien mal-Artikolu 2(q) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata f’dan l-Istat Membru għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli meta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata preċedentement fi Stat Membru ieħor kienet ġiet miċħuda b’mod definittiv bħala infondata minn dan l-Istat Membru ieħor?”

B.      Kawża C202/23

25.      Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, M.E.O., huwa ċittadin Libaniż, imwieled fl‑1989. Huwa daħal fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fit‑2 ta’ Marzu 2020 u talab l-ażil fl-istess jum. L-applikazzjoni tiegħu ġiet irreġistrata mill-Uffiċċju Federali fit‑30 ta’ April 2020. Wara li riċerka Eurodac mill-Uffiċċju Federali ipproduċiet riżultat pożittiv tal-Kategorija 1 għall-Polonja, l-awtoritajiet Pollakki qablu, permezz ta’ ittra tad‑29 ta’ April 2020, li jieħdu lura lil M.E.O.

26.      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ Ġunju 2020, l-Uffiċċju Federali ċaħad l-applikazzjoni ta’ M.E.O. bħala inammissibbli u ordna t-tneħħija tiegħu lejn il-Polonja. L-Uffiċċju Federali ddikjara li l-Polonja kienet responsabbli għat-twettiq tal-proċedura tal-ażil.

27.      Fis‑6 ta’ Lulju 2020, M.E.O. ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni u ressaq talba għal miżuri provviżorji quddiem il-Verwaltungsgericht Düsseldorf (il-Qorti Amministrattiva ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja). Din il-qorti ċaħdet din it-talba.

28.      Fil-bidu ta’ Novembru 2020, l-Uffiċċju Federali informa lill-awtoritajiet Pollakki li, għalkemm it-terminu għat-trasferiment ta’ M.E.O. lejn il-Polonja kien għadu għaddej, fir-realtà ma kienx possibbli li jsir it-trasferiment minħabba li M.E.O. kien ħarab.

29.      Permezz ta’ ittra tat‑2 ta’ Frar 2021, l-Uffiċċju Federali annulla d-deċiżjoni tiegħu tal‑25 ta’ Ġunju 2020, minħabba li t-terminu għat-trasferiment ta’ M.E.O. kien skada. Wara talba għal informazzjoni mill-Uffiċċju Federali, l-awtoritajiet Pollakki indikaw, permezz ta’ ittra tat‑28 ta’ April 2021, li l-proċedura ta’ ażil fil-Polonja kienet twaqqfet fl‑20 ta’ April 2020. Din il-proċedura setgħet titkompla minn M.E.O. sa Jannar 2021 (jiġifieri, għal perijodu ta’ disa’ xhur mid-data tad-deċiżjoni tat-twaqqif tal-eżami), iżda issa kien tard wisq biex titkompla.

30.      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Lulju 2021, l-Uffiċċju Federali ċaħad bħala inammissibbli l-applikazzjoni għall-ażil ippreżentata minn M.E.O. u ordna t-tneħħija tiegħu lejn il-Libanu. L-Uffiċċju Federali spjega li, skont l-Artikolu 71(a)(1) tal-AsylG, l-ebda proċedura oħra ta’ ażil ma kellha titwettaq fil-Ġermanja, peress li l-proċedura ta’ ażil fil-Polonja twaqqfet, mingħajr ma M.E.O. kien kiseb protezzjoni internazzjonali hemmhekk. F’dan ir-rigward, l-Uffiċċju Federali rrileva li s-sitwazzjoni fattwali u legali ta’ M.E.O. ma kinitx inbidlet minn dik deskritta fl-applikazzjoni preċedenti tiegħu fil-Polonja, u lanqas ma ġew prodotti provi ġodda.

31.      Fis‑27 ta’ Lulju 2021, M.E.O. ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Verwaltungsgericht Minden (il-Qorti Amministrattiva ta’ Minden), il-qorti tar-rinviju.

32.      Permezz ta’ digriet tal‑31 ta’ Awwissu 2021, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li r-rikors ippreżentat minn M.E.O. kontra l-ordni ta’ tneħħija li tinsab fid-deċiżjoni tal-Uffiċċju Federali kellu effett sospensiv. Barra minn hekk, hija indikat li kellha dubji dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “applikazzjoni sussegwenti” u dwar il-kompatibbiltà tal-Artikolu 71(a) tal-AsylG mad-dritt tal‑Unjoni.

33.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgericht Minden (il-Qorti Amministrattiva ta’ Minden) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)      Id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 33(2)(d) u tal-Artikolu 2(q) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata f’dan l-Istat Membru għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli meta l-applikant ikun diġà preċedentement ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor u li dan l-Istat Membru l-ieħor ikun għalaq il-proċedura, peress li l-applikant għall-proċedura f’dan l-Istat Membru ikun irrinunzja li jkompliha?

(2)      Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda:

Id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 33(2)(d) u tal-Artikolu 2(q) tad-Direttiva 2013/32/UE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata f’dan l-Istat Membru għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli meta l-applikant ikun diġà preċedentement ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor u li dan l-Istat Membru l-ieħor ikun għalaq il-proċedura peress li l-applikant għall-proċedura f’dan l-Istat Membru l-ieħor ikun irrinunzja li jkompliha minkejja li l-proċedura tal-ażil f’dan l-Istat Membru l-ieħor għad tista’ tinfetaħ mill-ġdid mill-Istat Membru l-ieħor jekk l-applikant ikun ippreżenta din l-applikazzjoni f’dan l-Istat Membru l-ieħor?

(3)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda:

Id-dritt tal-Unjoni jistipula liema hija d-data rilevanti sabiex jiġi stabbilit, fil-kuntest tad-deċiżjoni dwar applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, jekk proċedura tal-ażil li kienet preċedentement ingħalqet fi Stat Membru ieħor tistax terġa’ tinfetaħ mill-ġdid jew jekk din id-domanda hijiex irregolata unikament mid-dritt nazzjonali?

(4)      Jekk it-tielet domanda għandha tiġi risposta fis-sens li d-dritt tal-Unjoni jistipula regoli korrispondenti:

Liema hija, skont ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni, id-data li tistabbilixxi, fil-kuntest tad-deċiżjoni dwar applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, jekk proċedura tal-ażil li qabel kienet magħluqa fi Stat Membru ieħor tistax terġa’ tinfetaħ mill-ġdid?”

IV.    Ilproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

34.      It-talbiet għal deċiżjoni preliminari, tat‑28 ta’ Ottubru 2022, ġew irreġistrati fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑1 ta’ Marzu 2023 (għall-Kawża C‑123/23) u fit‑28 ta’ Marzu 2023 (għall-Kawża C‑202/23).

35.      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑10 ta’ Mejju 2023, il-Kawżi C‑123/23 u C‑202/23 ingħaqdu flimkien għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali, kif ukoll tas-sentenza.

36.      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-Gvern Franċiż kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Kummissjoni kienu rrappreżentati waqt is-seduta li nżammet fid‑29 ta’ Frar 2024.

V.      Analiżi

37.      Wieħed jista’ faċilment jimmaġina li, sabiex jimmassimizza l-possibbiltajiet tiegħu li jikseb protezzjoni internazzjonali, applikant għall-ażil jista’ jkun jixtieq jippreżenta applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali f’iktar minn Stat Membru wieħed. Il-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea, konxju mill-importanza li jiġi evitat l-imblokkar fis-sistema minħabba l-obbligu tal-awtoritajiet tal-Istati Membri li jeżaminaw applikazzjonijiet multipli tal-istess applikant, u sabiex jiġi evitat il-“forum shopping” (6), inkluda, fir-Regolament Dublin III, dispożizzjonijiet speċifiċi intiżi sabiex jillimitaw l-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet ippreżentati mill-istess persuna fi Stat Membru wieħed (7) u, għaldaqstant, jillimitaw il-“movimenti sekondarji” (8). Essenzjalment, huwa stabbilixxa mekkaniżmu ta’ “one-stop shop”, li l-għan tiegħu huwa li jiddisswadi lill-applikanti għall-ażil milli jibdew fl-istess ħin diversi proċeduri ta’ ażil fi Stati Membri differenti (Stati Membri A, B, eċċ.), jew suċċessivament, billi jibdew proċedura ta’ ażil fi Stat Membru B, C, eċċ, ladarba proċedura ta’ ażil tingħalaq jew titwaqqaf fi Stat Membru A.

38.      Ser nibda billi niddeskrivi d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Dublin III li l-leġiżlatur tal-Unjoni adotta espressament sabiex jipprekludi dan ix-xenarju milli jseħħ (A). Sussegwentement ser neżamina jekk huwiex possibbli għall-Istati Membri li jissuplimentaw din is-soluzzjoni billi jippermettu, lill-awtoritajiet u lill-qrati kompetenti tagħhom, jiddikjaraw inammissibbli, f’ċerti kundizzjonijiet, applikazzjoni ppreżentata wara li proċedura ta’ ażil li tirrigwarda applikazzjoni preċedenti tal-istess persuna tkun saret minn Stat Membru ieħor, skont l-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Artikolu 2(q) tagħha (B). Fil-fatt, il-kwistjoni prinċipali mqajma minn dawn il-kawżi tikkonċerna l-applikabbiltà ta’ dawn id-dispożizzjonijiet f’sitwazzjoni li tinvolvi Stati Membri differenti, jiġifieri, persuna tapplika għall-ażil fi Stat Membru B (fil-kawża ineżami, il-Ġermanja), filwaqt li tkun diġà twettqet proċedura tal-ażil, fir-rigward ta’ applikazzjoni preċedenti tal-istess persuna, fi Stat Membru A (fil-kawża ineżami, rispettivament, il-Belġju u l-Polonja).

A.      “Proċeduri biex persuna tittieħded lura”: issoluzzjoni espressa talleġiżlatur talUnjoni sabiex jipprekludi lpreżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet fi Stati Membri differenti

39.      Sabiex jiskoraġġixxi l-preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali mill-istess persuna fi Stati Membri differenti, il-leġiżlatur tal-Unjoni adotta, fir-Regolament Dublin III, dispożizzjonijiet fis-sens li dawn l-applikazzjonijiet jiġu eżaminati minn Stat Membru wieħed (iktar ’il quddiem l-“Istat Membru responsabbli”). B’mod speċifiku, fl-Artikolu 18(1)(b) sa (d) ta’ dan ir-regolament, huwa indika li l-Istat Membru responsabbli huwa obbligat “jieħu lura” lill-applikant li jkun ippreżenta applikazzjoni fi Stat Membru differenti (9).

1.      Ħarsa ġenerali filqosor lejn il“proċedura biex persuna tittieħed lura”

40.      Il-“proċedura biex persuna tittieħed lura” hija ddettaljata fl-Artikoli 23 sa 25 tar-Regolament Dublin III. Din il-proċedura tibda bil-ħruġ ta’ “talba sabiex persuna tittieħed lura” mill-“Istat Membru rikjedenti” (jiġifieri, l-Istat Membru fejn ikun jinsab l-applikant) lill-istat Membru responsabbli. Jekk titwettaq b’suċċess, din il-proċedura twassal għat-trasferiment tal-applikant mill-Istat Membru rikjedenti lejn l-Istat Membru l-ieħor. Il-modalitajiet u t-termini għat-trasferiment huma ddettaljati fl-Artikolu 29 ta’ dan ir-regolament.

41.      Jiena nifhem minn dawn id-dispożizzjonijiet li s-sitwazzjonijiet fejn tista’ titressaq “talba biex persuna tittieħed lura” mill-Istat Membru rikjedenti jinkludu, l-ewwel, fejn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida japplikaw għall-ażil f’dak l-Istat Membru filwaqt li l-applikazzjoni tagħhom tkun qiegħda tiġi eżaminata mill-Istat Membru responsabbli jew wara li jkunu rtiraw l-applikazzjoni tagħhom quddiem dan l-Istat Membru (Artikolu 18(b) u (c) tar-Regolament Dublin III) u, it-tieni, fejn huma jagħmlu dan qabel ma l-applikazzjoni tagħhom tkun ġiet miċħuda mill-Istat Membru responsabbli (l-Artikolu 18(d) ta’ dan ir-regolament). Jiena nifhem li l-ewwel sitwazzjoni tikkorrispondi għall-fatti fil-kawża prinċipali tal-Kawża C‑202/23, peress li l-proċedura ta’ ażil fil-Polonja, dwar applikazzjoni preċedenti ta’ M.E.O., kienet għadha pendenti fil-mument meta “ppreżenta” l-applikazzjoni tiegħu quddiem l-Uffiċċju Federali. Madankollu, din il-proċedura twaqqfet, skont l-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 2013/32, ftit jiem wara, minħabba li M.E.O. kien impliċitament irtira l-applikazzjoni preċedenti tiegħu quddiem l-awtoritajiet Pollakki. It-tieni sitwazzjoni tkopri l-fatti fil-kawża prinċipali tal-Kawża C‑123/23.

42.      Minn dan isegwi li, fiż-żewġ xenarji, l-Uffiċċju Federali kellu soluzzjoni “evidenti”, sabiex jevita li jkollu jeżamina l-applikazzjonijiet imressqa minn N.A.K. u wliedha, minn naħa, u M.E.O., min-naħa l-oħra. Fil-fatt, huwa seta’ jressaq “talba biex persuna tittieħed lura”, rispettivament, lejn il-Polonja u l-Belġju u jorganizza t-trasferiment ta’ dawn il-persuni lejn dawn l-Istati Membri. Fil-fatt, l-Uffiċċju Federali ressaq tali talba fil-Kawża C‑202/23. Prima facie, għalhekk, jista’ jidher bħala mhux neċessarju li l-Istati Membri jitħallew jinvokaw għodda differenti (jiġifieri, ir-raġuni ta’ inammissibbiltà li tinsab fl-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32, f’tali ċirkustanzi.

43.      Madankollu, kif ser nispjega issa (u kif juru l-fatti tal-kawża prinċipali), jista’ jkun hemm ostakoli għall-implimentazzjoni tal-“proċeduri biex persuna tittieħed lura”. Barra minn hekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreċiża li l-Istati Membri ma humiex obbligati jirrikorru għal tali proċeduri.

2.      “Proċeduri biex persuna tittieħed lura”: soluzzjoni parzjali

44.      Il-“proċeduri biex persuna tittieħed lura” mhux ser jirnexxu fis-sitwazzjonijiet li ġejjin. L-ewwel, l-Istat Membru li fih l-applikant ikun ippreżenta “applikazzjoni sussegwenti” (Stat Membru B) jista’ ma josservax il-limitu ta’ żmien għat-tressiq ta’ “talba biex persuna tittieħed lura” lill-Istat Membru responsabbli (Stat Membru A) (10). F’dan il-każ, Stat Membru B isir responsabbli mill-eżami tal-“applikazzjoni sussegwenti” tal-persuna kkonċernata minflok Stat Membru A (11). It-tieni, jekk nassumu li t-“talba biex persuna tittieħed lura” titressaq fil-ħin minn Stat Membru B, l-Istat Membru rikjest (Stat Membru A) jista’ jirrifjuta li jieħu lura lill-persuna kkonċernata, pereżempju minħabba li huwa ma huwiex, fir-realtà, l-Istat Membru responsabbli biex jeżaminaha (12). Fil-fatt, dan huwa dak li seħħ fil-Kawża C‑123/23: l-Uffiċċju Federali l-ewwel ressaq talba biex persuna tittieħed lura lill-awtoritajiet Spanjoli kompetenti, li ċaħħduha, peress li dawn qiesu li ma kinux responsabbli għall-eżami tal-applikazzjonijiet ta’ N.A.K. u ta’ wliedha, peress li dawn il-persuni kienu, fil-frattemp, applikaw għall-ażil fil-Belġju u kellhom it-talbiet tagħhom eżaminati mill-awtoritajiet Belġjani. It-tielet, anki jekk Stat Membru A jaċċetta t-teħid lura tal-applikant, Stat Membru B jista’ madankollu ma jittrasferihx lura lejn Stat Membru A, b’osservanza tat-termini stabbiliti fl-Artikolu 29 tar-Regolament Dublin III. F’tali sitwazzjoni, Stat Membru A jinħeles mill-obbligu tiegħu li jieħu lura l-persuna kkonċernata u r-responsabbiltà tiġi ttrasferita lil Stat Membru B (13). Dan huwa dak li ġara fil-Kawża C‑202/23: l-Uffiċċju Federali ma rnexxilux jittrasferixxi lil M.E.O. lura lejn il-Polonja fit-terminu applikabbli (għaliex kien ħarab) u, għalhekk, sar responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni tiegħu.

45.      Barra minn hekk, l-Istati Membri ma humiex obbligati li jirrikorru għal proċeduri ta’ teħid lura. Fil-fatt, l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Dublin III sempliċement jindika li Stat Membru B “jista’ jitlob” (14) lil Stat Membru A sabiex dan jieħu lura l-persuna kkonċernata. Barra minn hekk, il-“klawżola diskrezzjonali” stabbilita fl-Artikolu 17(1) ta’ dan ir-regolament jippermetti lil kull Stat Membru jiddeċiedi li jeżamina “applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għandu”. Mit-talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑123/23 jirriżulta li, wara ċ-ċaħda tat-“talba biex persuna tittieħed lura” mressqa minnha lill-awtoritajiet Spanjoli, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ddikjarat ruħha responsabbli għall-eżami tal-applikazzjonijiet ta’ N.A.K. u ta’ wliedha ppreżentati quddiemha, fuq il-bażi tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III. Dan l-Istat Membru spjega waqt is-seduta li r-raġuni li għaliha hija bbażat ruħha fuq din id-dispożizzjoni kienet li, f’dak il-mument, hija kienet, fi kwalunkwe każ, tardiva wisq sabiex tressaq fil-ħin “talba biex persuna tittieħed lura” oħra lill-awtoritajiet Belġjani.

46.      Fis-sitwazzjonijiet kollha li għadni kif iddeskrivejt, ir-responsabbiltà għall-eżami ta’ applikazzjoni tista’ għalhekk tgħaddi (u, fil-kawżi prinċipali ineżami, hija effettivament għamlet dan) mill-Istat Membru li quddiemu l-istess persuna kkonċernata kienet preċedentement talbet l-ażil, Stat Membru A (in casu, il-Belġju u l-Polonja), lil dak li quddiemu ġiet ippreżentata tali applikazzjoni, Stat Membru B (in casu, il-Ġermanja).

47.      Huwa f’dan il-kuntest li għandha tiġi eżaminata l-unika domanda fil-Kawża C‑123/23 u l-erba’ domandi fil-Kawża C‑202/23.

B.      LArtikolu 33(2)(d) tadDirettiva 2013/32, moqri flimkien malArtikolu 2(q) tagħha: għodda addizzjonali?

48.      Fit-taqsimiet segwenti, ser nipprovdi r-raġunijiet għaliex nemmen li l-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Artikolu 2(q) tagħha, għandhom jiġu interpretati li jfissru li ma jeskludux, fis-sitwazzjoni fejn Stat Membru B (in casu, il-Ġermanja) isir l-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni ppreżentata quddiemu minflok Stat Membru A, li l-awtoritajiet ta’ Stat Membru B jistgħu jiċħdu bħala inammissibbli “applikazzjoni sussegwenti” ppreżentata quddiemhom, anki jekk il-proċedura ta’ ażil relatata ma’ applikazzjoni preċedenti tal-istess persuna tkun saret mhux minn dawn l-awtoritajiet, iżda minn dawk ta’ Stat Membru A (2).

49.      Madankollu, qabel ma nagħmel dan, ser nibda billi nispjega għaliex inqis li, indipendentement mill-applikabbiltà ta’ dawn id-dispożizzjonijiet f’tali kuntest inter-Stati Membri, applikazzjoni bħal dik imressqa minn M.E.O. fil-Kawża C‑202/23 ma tistax, fi kwalunkwe każ, tiġi miċħuda bħala inammissibbli skont l-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32. Fil-fatt, sabiex tapplika r-raġuni ta’ inammissibbiltà li tinsab f’din id-dispożizzjoni, l-ewwel prerekwiżit huwa li l-applikazzjoni għandha tkun “applikazzjoni sussegwenti”, fis-sens tal-Artikolu 2(q) ta’ din id-direttiva, li tippreżupponi li l-awtoritajiet ta’ Stat Membru A jkunu adottaw “deċiżjoni finali” rigward applikazzjoni preċedenti tal-persuna kkonċernata. Kif ser nispjega, applikazzjoni bħal dik imressqa minn M.E.O. ma tissodisfax dan ir-rekwiżit (1).

1.      Issitwazzjoni inkwistjoni filKawża C202/23: ilħtieġa għal “deċiżjoni finali” dwar applikazzjoni preċedenti (Artikolu 2(q) tadDirettiva 2013/32)

50.      Il-qorti tar-rinviju tiddikjara li l-applikazzjoni ta’ M.E.O. quddiem l-Uffiċċju Federali hija datata t‑2 ta’ Marzu 2020 u li din ġiet irreġistrata fit‑30 ta’ April 2020. Din tindika wkoll li l-proċedura ta’ ażil fil-Polonja, li tikkonċerna applikazzjoni preċedenti ta’ M.E.O., twaqqfet, skont l-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 2013/32 (15), fl‑20 ta’ April 2020, għar-raġuni li M.E.O. kien irtira b’mod impliċitu l-applikazzjoni tiegħu. Madankollu, din il-proċedura setgħet titkompla sa Jannar 2021.

51.      F’dan ir-rigward, ninnota li l-Artikolu 2(q) tad-Direttiva 2013/32 jipprevedi li t-termini “applikazzjoni sussegwenti” jkopru x-xenarju li fih issir applikazzjoni ġdida “wara li tkun ittieħdet deċiżjoni finali dwar applikazzjoni preċedenti, inklużi [...] każijiet fejn l-awtorità determinanti tkun irrifjutat applikazzjoni wara l-irtirar impliċita tagħha taħt l-Artikolu 28(1)” tagħha. Għalhekk, is-sempliċi fatt li l-proċedura ta’ ażil dwar applikazzjoni preċedenti tal-persuna kkonċernata ngħalqet fuq il-bażi ta’ dan l-artikolu u li tali applikazzjoni kienet irtirata b’mod impliċitu minn dik il-persuna ma jikkostitwixxix, fih innifsu, ostakolu għal applikazzjoni ppreżentata sussegwentement minnha sabiex titqies bħala “applikazzjoni sussegwenti”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.

52.      Madankollu, kif il-Kummissjoni tindika ġustament, f’tali xenarju, sabiex applikazzjoni taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-definizzjoni ta’ “applikazzjoni sussegwenti”, li tinsab fl-Artikolu 2(q) tad-Direttiva 2013/32, id-deċiżjoni li titwaqqaf il-proċedura ta’ ażil preċedenti fir-rigward ta’ applikazzjoni preċedenti tal-persuna kkonċernata għandha, l-ewwel, tkun diġà ġiet adottata minn Stat Membru A sakemm din il-persuna kkonċernata tippreżenta l-applikazzjoni tagħha fi Stat Membru B. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tippreżupponi li l-applikazzjoni tiġi ppreżentata “wara li tkun ittieħdet deċiżjoni [...] dwar applikazzjoni preċedenti” (16). It-tieni, din il-persuna ma jridx jibqagħlha l-possibbiltà li tkompli din il-proċedura (inkella, id-deċiżjoni ma tistax titqies bħala finali).

53.      Naqbel mal-Kummissjoni li applikazzjoni bħal dik imressqa minn M.E.O. quddiem l-Uffiċċju Federali ma tissodisfax dan l-ewwel rekwiżit. Fil-fatt, meta M.E.O. ippreżenta l-applikazzjoni tiegħu quddiem l-Uffiċċju Federali fit‑2 ta’ Marzu 2020, id-deċiżjoni tal-awtoritajiet Pollakki li jtemmu l-proċedura ta’ ażil fir-rigward tal-applikazzjoni preċedenti tiegħu (datata l‑20 ta’ April 2020) lanqas kienet għadha ġiet adottata.

54.      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar jekk id-data li fiha M.E.O. ippreżenta l-applikazzjoni tiegħu fil-Ġermanja hijiex dik rilevanti. Skont din il-qorti, id-data rilevanti tista’ tkun ukoll dik li fiha din l-applikazzjoni ġiet irreġistrata jew dik li fiha l-Uffiċċju Federali sar responsabbli għall-eżami tagħha (li t-tnejn li huma jiġu wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-awtoritajiet Pollakki li jtemmu l-proċedura ta’ ażil pendenti quddiemhom). Jiena ninnota, madankollu, li l-Artikolu 2(q) tad-Direttiva 2013/32 jistabbilixxi li applikazzjoni tista’ titqies bħala “applikazzjoni sussegwenti” biss jekk tali applikazzjoni “ssir wara li tkun ittieħdet deċiżjoni [...] dwar applikazzjoni preċedenti” (17). Nifhem il-kelma “ssir” bħala li tirreferi għal mument distint mhux biss minn dak li fih din l-awtorità tiddikjara ruħha responsabbli għall-eżami tagħha, iżda wkoll minn dak li fih l-applikazzjoni tiġi rreġistrata u li tikkorrispondi, għall-Kawża C‑202/23, għad-data tat-2 ta’ Marzu 2020 (id-data indikata fuq l-applikazzjoni ta’ M.E.O.). Fil-fatt, l-att ta’ “preżentazzjoni” ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ma jinkludi ebda formalitajiet amministrattivi (18). Din l-interpretazzjoni tirriżulta, b’mod partikolari, mill-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva li jistabbilixxi li “[m]eta persuna tagħmel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali [...] ir-reġistrazzjoni għandha sseħħ mhux iktar tard minn tlett ijiem ta’ xogħol wara li ssir l-applikazzjoni”.

55.      Għal dak li jirrigwarda t-tieni rekwiżit li jiena semmejt fil-punt 53 iktar ’il fuq, jiena tal-fehma li l-applikazzjoni ta’ M.E.O. quddiem l-Uffiċċju Federali wkoll ma hijiex konformi ma’ dak ir-rekwiżit peress li meta M.E.O. ippreżenta l-applikazzjoni, il-proċedura quddiem l-awtoritajiet Pollakki setgħet xorta waħda titkompla minnu, sal‑20 ta’ Jannar 2021.

56.      F’dan ir-rigward, infakkar li l-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 2013/32 għandu jinqara flimkien mal-Artikolu 28(2) tagħha, li jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li applikant li fir-rigward tiegħu tkun ittieħdet deċiżjoni li tintemm il-proċedura ta’ ażil għandu d-dritt, għal perijodu ta’ mill-inqas disa’ xhur, li jitlob il-ftuħ mill-ġdid tal-każ tiegħu jew li jippreżenta applikazzjoni ġdida u li tali applikazzjoni ma tkunx suġġetta għall-proċedura msemmija fl-Artikoli 40 u 41 (19). Peress li l-Artikoli 40 u 41 tad-Direttiva 2013/32 jippreċiżaw il-proċedura applikabbli għall-“applikazzjonijiet sussegwenti”, huwa ċar għalija li applikazzjoni ppreżentata qabel l-iskadenza ta’ dan it-terminu ta’ disa’ xhur jew iktar (f’mument meta l-proċedura ta’ ażil fi Stat Membru A tkun għadha tista’ titkompla) ma tista’, fl-ebda ċirkustanzi, titqies bħala “applikazzjoni sussegwenti”, fis-sens tal-Artikolu 2(q) tagħha (20).

57.      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja twieġeb l-erba’ domandi fil-Kawża C‑202/23 fis-sens li s-sempliċi fatt li l-proċedura ta’ ażil dwar applikazzjoni preċedenti għal protezzjoni internazzjonali tal-persuna kkonċernata ngħalqet b’deċiżjoni li din ma titkompliex, adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 2013/32 ma huwiex, minnu nnifsu, ostakolu għal applikazzjoni sussegwentement ippreżentata mill-istess persuna li titqies bħala “applikazzjoni sussegwenti” skont it-tifsira tal-Artikolu 2(q) ta’ din id-direttiva. Madankollu, tali applikazzjoni ma tistax titqies li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, u r-raġuni ta’ inammissibbiltà li tinsab fl-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32 ma tistax tapplika, jekk id-deċiżjoni li titwaqqaf il-proċedura ta’ ażil fir-rigward tal-applikazzjoni preċedenti ma tkunx għadha ġiet adottata jew jekk il-persuna kkonċernata jkun għad għandha l-opportunità li tkompli din il-proċedura. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 28(2) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi li “[l]-Istati Membri jistgħu jipprovdu limitu ta’ żmien ta’ mill-anqas disa’ xhur”, li matulu l-proċedura tista’ titkompla. Huma l-Istati Membri, fid-dritt nazzjonali tagħhom, li għandhom jiddeċiedu dan it-terminu x’inhu, sakemm dan ma jkunx inqas mill-minimu ta’ disa’ xhur stabbilit minn din id-dispożizzjoni.

58.      Sabiex ikun ċar, jekk applikant għall-ażil japplika għal protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru B qabel ma tkun ġiet adottata d-deċiżjoni li tintemm il-proċedura ta’ ażil fi Stat Membru A jew qabel l-iskadenza tat-terminu għat-tkomplija ta’ din il-proċedura, Stat Membru B ma għandux għażla oħra ħlief li jirrikorri għall-“proċedura biex persuna tittieħed lura” iddettaljata fir-Regolament Dublin III jew li jiddikjara ruħu responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni ppreżentata quddiemu (skont l-Artikolu 17(1) tiegħu) u jipproċedi għal eżami sħiħ fuq il-merti tat-talbiet tal-applikant (21).

2.      Issitwazzjoni inkwistjoni filKawża C123/23: lapplikabbiltà tarraġuni ta’ inammissibbiltà li tinsab flArtikolu 33(2)(d) tadDirettiva 2013/32 f’kuntest interStati Membri

59.      Is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-Kawża C‑123/23 ma hijiex ikkaratterizzata mill-problema li identifikajt fit-taqsima preċedenti. Il-qorti tar-rinviju tindika li, fil-mument li fih N.A.K. u wliedha ppreżentaw applikazzjoni għall-ażil quddiem l-Uffiċċju Federali, il-proċedura ta’ ażil quddiem Stat Membru A (il-Belġju) fil-konfront tagħhom kienet ingħalqet permezz ta’ deċiżjoni finali negattiva. Fil-fatt, l-awtoritajiet Belġjani kienu ċaħdu l-ilmenti ta’ N.A.K. u ta’ wliedha f’deċiżjoni li ma kienx hemm appell minnha. Dawn l-awtoritajiet, għalhekk, kienu adottaw “deċiżjoni finali” skont it-tifsira tal-Artikolu 2(q) tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Artikolu 2(e) tagħha, li jipprevedi li “‘deċiżjoni finali’ tfisser deċiżjoni dwar jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida jingħatawx status ta’ rifuġjat jew protezzjoni sussidjarja taħt id-Direttiva [2011/95] u li ma tkunx suġġetta aktar għal rimedju”.

60.      F’dan l-isfond, il-kwistjoni dwar jekk ir-Repubblika Federali tal‑Ġermanja, wara li ddikjarat ruħha responsabbli mill-eżami tal-applikazzjonijiet ta’ N.A.K. u ta’ wliedha (22), tistax tapplika r-raġuni ta’ inammissibbiltà li tinsab fl-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32 xorta tiddependi minn din id-dispożizzjoni, moqrija flimkien mal-Artikolu 2(q) tagħha, li teħtieġ li l-applikazzjoni preċedenti u l-“applikazzjoni sussegwenti” kellhom jiġu ppreżentati fl-istess Stat Membru.

61.      Sabiex nispjega għaliex, fil-fehma tiegħi, dawn id-dispożizzjonijiet ma jimponux tali rekwiżit, ser nipproċedi għal interpretazzjoni testwali, kuntestwali u teleoloġika tal-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Artikolu 2(q) tagħha.

a)      Interpretazzjoni testwali

62.      L-Artikolu 33 tad-Direttiva 2013/32, intitolat “Applikazzjonijet inammissibbli”, jintroduċi lista ta’ eċċezzjonijiet għar-regola awtomatika li tipprevedi li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jeżaminaw l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali fuq il-merti tagħhom (23). Huwa jipprevedi, fit-tieni paragrafu tiegħu, li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali “tista’” titqies inammissibbli “biss jekk” tapplika waħda mir-raġunijiet elenkati f’dan il-paragrafu. Nifhem minn din id-dispożizzjoni, l-ewwel, li l-Istati Membri ma humiex obbligati jiddikjaraw applikazzjoni inammissibbli. It-tieni, l-Istati Membri ma humiex liberi li jipprovdu raġunijiet addizzjonali ta’ inammissibbiltà fil-leġiżlazzjoni tagħhom (24).

63.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa ċar għalija li r-raġuni ta’ inammissibbiltà li tinsab fl-Artikolu 33(2)(d) ta’ din id-direttiva, li tapplika għal “applikazzjonijiet sussegwenti”, għandha tinftiehem kemm bħala raġuni fakultattiva kif ukoll eżawrjenti għad-dikjarazzjoni tal-inammissibbiltà ta’ tali applikazzjonijiet. L-applikabbiltà ta’ din ir-raġuni f’kuntest li jinvolvi diversi Stati Membri li jipparteċipaw b’mod sħiħ fis-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil, għalhekk, jiddependi fuq jekk il-formulazzjoni tal-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Artikolu 2(q) tagħha, hijiex wiesgħa biżżejjed biex takkomoda din il-possibbiltà.

64.      F’dan ir-rigward, ninnota li l-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32 ma jindikax li l-proċedura ta’ ażil dwar applikazzjoni preċedenti tal-persuna kkonċernata, magħluqa b’deċiżjoni finali, kellha neċessarjament titwettaq mill-istess Stat Membru Bħal dak li fih din il-persuna sussegwentement tapplika għall-ażil. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tinkludi żewġ kundizzjonijiet espressi, li huma, l-ewwel, li l-applikazzjoni tkun “applikazzjoni sussegwenti” u, it-tieni, li ma jeżistux “elementi jew sejbiet ġodda relatati mal-eżami dwar jekk l-applikant jikkwalifikax bħala benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali [...] ma’ jkunu rriżultaw jew ġew ippreżentati mill-applikant”. Hija ma tgħid xejn dwar il-post fejn kellha titwettaq din il-proċedura ta’ ażil – kwistjoni li, fl-opinjoni tiegħu, hija relatata mal-ewwel kundizzjoni. L-Artikolu 2(q) ta’ din id-direttiva huwa ugwalment ambigwu f’dan ir-rigward.

65.      Kif diġà stabbilixxejt fl-introduzzjoni iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat l-ewwel kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32 bħala li tipprekludi applikazzjoni milli titqies bħala “applikazzjoni sussegwenti” fejn din tiġi ppreżentata wara li applikazzjoni tal-istess persuna tkun ġiet eżaminata minn Stat terz (in-Norveġja) jew minn Stat Membru (id-Danimarka) marbut bir-Regolament Dublin III, iżda mhux minn din id-direttiva jew mid-Direttiva 2011/95. Hija bbażat din il-konklużjoni fuq il-fatt li d-deċiżjoni finali dwar applikazzjoni preċedenti tal-persuna kkonċernata kellha tiġi adottata minn Stat marbut b’din id-direttiva tal-aħħar. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat espressament li l-konklużjoni tagħha hija “bla ħsara għall-kwistjoni distinta dwar jekk il-kunċett ta’ ‘applikazzjoni sussegwenti’ japplikax għal applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata lil Stat Membru wara ċ-ċaħda, permezz ta’ deċiżjoni finali, ta’ applikazzjoni preċedenti minn Stat Membru ieħor [marbut b’din id-direttiva]” (25). Għaldaqstant, hija ħalliet din il-kwistjoni miftuħa.

66.      Inżid ngħid li, rigward it-tieni kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, f’kuntest fejn intalbet tiddeċiedi dwar it-tifsira tal-kunċett ta’ “elementi jew sejbiet ġodda” fis-sens tal-Artikolu 33(2)(d) u l-Artikolu 40(2) u (3) tad-Direttiva 2013/32, li s-sitwazzjonijiet li fihom din id-direttiva teħtieġ li “applikazzjoni sussegwenti” titqies ammissibbli, għandhom jiġu interpretati b’mod wiesa’ (26). F’dan ir-rigward, hija fakkret li, ħlief fl-istanzi koperti mir-raġunijiet elenkati fl-Artikolu 33(2) ta’ dan l-istrument, l-awtoritajiet tal-Istati Membri huma meħtieġa, kif diġà spjegajt fil-punt 62 iktar ’il fuq, li jeżaminaw applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali fuq il-merti. Madankollu, dik is-sentenza għandha rilevanza limitata għall-kwistjoni mqajma mill-kawżi preżenti. Fil-fatt, ma jistax jiġi dedott minn dawk il-konklużjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja li rekwiżit li ma huwiex inkluż expressis verbis fl-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32 (jiġifieri, li applikazzjoni tista’ tiġi ddikjarata inammissibbli bħala “applikazzjoni sussegwenti” biss jekk tiġi ppreżentata fi Stat Membru li adotta deċiżjoni finali dwar applikazzjoni preċedenti tal-istess persuna) u li ma huwiex relatat mat-tieni iżda mal-ewwel waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti f’dik id-dispożizzjoni għandux fil-fatt jiġi interpretat minn din id-dispożizzjoni.

67.      Nikkonkludi din il-parti billi ninnota wkoll li l-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt diġà indikat, għalkemm f’sitwazzjoni speċifika (27) li ma kinitx tikkonċerna l-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32, iżda d-dispożizzjoni korrispondenti tad-Direttiva 2005/85/KE (28), li kienet applikabbli qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2013/32, li applikazzjoni ppreżentata fi Stat Membru wara li applikazzjoni preċedenti identika tal-istess persuna kienet ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni finali fi Stat Membru ieħor (l-ewwel wieħed), setgħet tiġi ddikjarata inammissibbli minn dan it-tieni Stat Membru (29).

68.      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jiena naqbel mar-Repubblika Federali tal‑Ġermanja li l-formulazzjoni tal-Artikolu 33(2)(d) u l-Artikolu 2(q) tad-Direttiva 2013/32 hija wiesgħa biżżejjed sabiex takkomoda l-possibbiltà li r-raġuni ta’ inammissibbiltà li tinsab fl-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet tapplika f’kuntest li jinvolvi diversi Stati Membri li jipparteċipaw bis-sħiħ fis-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil. Fl-istess ħin, ma nistax nikkonkludi li teżisti tali possibbiltà fuq il-bażi tal-formulazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet biss – raġuni li għaliha issa ser nipproċedi għal interpretazzjoni kuntestwali u teleoloġika ta’ dawn l-istess dispożizzjonijiet.

b)      Interpretazzjoni kuntestwali u teleoloġika

69.      Interpretazzjoni kuntestwali u teleoloġika tal-Artikolu 33(2)(d) u l-Artikolu 2(q) tad-Direttiva 2013/32 tappoġġja, fil-fehma tiegħi, il-konklużjoni li dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu japplikaw meta d-deċiżjoni finali dwar applikazzjoni preċedenti tal-persuna kkonċernata tkun ġiet adottata minn Stat Membru li jipparteċipa bis-sħiħ fis-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil, iżda li ma huwiex dak li fih din il-persuna attwalment tkun qiegħda titlob l-ażil.

70.      L-ewwel, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jinqraw flimkien mal-Artikolu 40 tad-Direttiva 2013/32, li jispeċifika, fil-paragrafi 2 sa 5 tiegħu, il-proċedura applikabbli, b’mod ġenerali, għall-“applikazzjonijiet sussegwenti”. L-ebda wieħed minn dawn il-paragrafi ma jinkludi xi indikazzjoni fis-sens li r-raġuni ta’ inammissibbiltà li tinsab fl-Artikolu 33(2)(d) ta’ din id-direttiva (jew, f’dan ir-rigward, il-kunċett ta’ “applikazzjoni sussegwenti” ddefinit fl-Artikolu 2(q) tagħha) għandha tkun limitata għal sitwazzjonijiet fejn jiġu ppreżentati applikazzjonijiet suċċessivi fl-istess Stat Membru biss. Sorprendentement, l-Artikolu 40(5) tad-Direttiva 2013/32 sempliċement jipprevedi li, “[f]ejn applikazzjoni sussegwenti ma tiġix eżaminata ulterjorment taħt dan l-Artikolu, għandha titqies bħala inammissibbli, taħt l-Artikolu 33(2)(d)” ta’ din id-direttiva.

71.      Din il-konstatazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-fatt li l-Artikolu 40 tad-Direttiva 2013/32 jinkludi paragrafu ieħor (paragrafu 1) li jsemmi, speċifikament, “applikazzjonijiet sussegwenti” li jiġu ppreżentati “fl-istess Stat Membru”. Fil-fatt, dan il-paragrafu ma huwiex dispożizzjoni ta’ portata ġenerali, li, bħall-paragrafi 2 sa 5 tal-Artikolu 40, huwa intiż li jkopri s-sitwazzjonijiet kollha li fihom applikazzjoni tista’ titqies bħala “applikazzjoni sussegwenti”. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat reċentement, sa fejn huwa japplika għal “applikazzjonijiet sussegwenti”, dan il-paragrafu jkopri s-sitwazzjoni ferm speċifika li fiha d-dritt nazzjonali jippermetti, eċċezzjonalment, li tinfetaħ mill-ġdid, il-proċedura li tkun irriżultat fiċ-ċaħda definittiva tal-applikazzjoni. minħabba applikazzjoni sussegwenti (30).

72.      Dan il-kamp ta’ applikazzjoni limitat tal-Artikolu 40(1) tad-Direttiva 2013/32 huwa kkorroborat mill-paragrafu 7 ta’ dan l-artikolu. Dan il-paragrafu japplika għas-sitwazzjoni li fiha persuna li fir-rigward tagħha għandha tiġi eżegwita deċiżjoni ta’ trasferiment (adottata skont l-Artikolu 29 tar-Regolament Dublin III) tagħmel dikjarazzjonijiet oħra jew tippreżenta applikazzjoni sussegwenti fl-Istat Membru li jittrasferixxi. Peress li s-sitwazzjoni koperta mill-Artikolu 40(7) tad-Direttiva 2013/32 hija differenti minn dik koperta mill-Artikolu 40(1) tagħha, huwa jikkonferma li din id-dispożizzjoni hija sempliċement lex specialis (31).

73.      Fi kwalunkwe każ, l-Artikolu 40(7) tad-Direttiva 2013/32 jindika b’mod ċar (32), fil-fehma tiegħi, li l-kunċett ta’ “applikazzjoni sussegwenti”, kif iddefinit fl-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva, ma huwiex limitat għal applikazzjoni ppreżentata quddiem l-istess Stat Membru li l-istess persuna ppreżentat applikazzjoni preċedenti quddiemu. Fil-fatt, dan il-kunċett huwa applikat fl-Artikolu 40(7) tad-Direttiva 2013/32, għal applikazzjoni magħmula quddiem Stat Membru differenti, l-Istat Membru li jittrasferixxi (33).

74.      It-tieni, l-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32 għandu jinqara flimkien mar-raġunijiet l-oħra ta’ inammissibbiltà li jinsabu fl-Artikolu 33(2) ta’ din id-direttiva, b’mod partikolari l-Artikolu 33(2)(a) tagħha. Din id-dispożizzjoni tippermetti lill-Istati Membri jiddikjaraw applikazzjoni inammissibbli għar-raġuni li l-“protezzjoni internazzjonali tkun ġiet mogħtija minn Stat Membru ieħor” lill-persuna kkonċernata. Filwaqt li huwa ċar li l-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32 jikkonċerna xenarju fattwali differenti mill-Artikolu 33(2)(d) ta’ din id-direttiva (jiġifieri li meta Stat Membru ieħor ikun wieġeb b’mod pożittiv, u mhux negattiv, għal applikazzjoni preċedenti tal-istess persuna), jidhirli li l-“linja ta’ demarkazzjoni” bejn il-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet mhux dejjem tkun ċara.

75.      Fil-fatt, l-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32 diġà ġie applikat mill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjonijiet parzjalment negattivi. Fis-sentenza Ibrahim et (34), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-raġuni ta’ inammissibbiltà li tinsab f’dik id-dispożizzjoni setgħet tiġi applikata mill-Uffiċċju Federali sabiex jiġu ddikjarati bħala inammissibbli applikazzjonijiet ippreżentati minn persuni li preċedentement kienu ngħataw protezzjoni sussidjarja, iżda mhux status ta’ refuġjat, minn Stat Membru ieħor. Hija ddikjarat li “[l-Artikolu 33(2)(a) jestendi] l-possibbiltà preċedentement prevista fl-Artikolu 25(2)(a) tad-Direttiva 2005/85, li kien jippermetti tali ċaħda unikament meta l-applikant kien ingħata l-istatus ta’ refuġjat fi Stat Membru ieħor”.

76.      F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32 (li, kif għadni kif spjegajt, jippermetti lill-Istati Membri jiċħdu bħala inammissibbli applikazzjoni ppreżentata minn applikant wara li Stat Membru ieħor ikun essenzjalment ċaħad milli jagħtih l-istatus ta’ refuġjat) jikkostitwixxi espressjoni tal-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri (35). F’dan l-isfond, il-Kummissjoni, madankollu, issostni li jekk l-Artikolu 33(2)(d) jitħalla japplika f’sitwazzjonijiet inter-Stati Membri, dan iktar ikun jikkostitwixxi espressjoni tal-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka, peress li dan ikun ekwivalenti għal rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet negattivi fil-qasam tal-ażil. Tali rikonoxximent reċiproku jista’ jkun possibbli biss f’sitwazzjoni fejn il-leġiżlatur tal-Unjoni kien ippreveda dan espressament.

77.      Jiena ma nikkondividix din il-fehma.

78.      Fil-fatt, jiena naqbel mar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li r-raġunament tal-Kummissjoni ma jiħux inkunsiderazzjoni element importanti. Fil-fehma tiegħi, ir-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjoni negattiva fil-qasam tal-ażil jippreżupponi livell għoli ta’ “awtomatizzazzjoni” u jeżiġi li deċiżjoni mogħtija mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru jkollha effett vinkolanti fir-rigward tal-awtoritajiet ta’ Stat Membru ieħor, li jkunu, bħala prinċipju, obbligati jirrikonoxxuha u jeżegwixxuha daqslikieku kienet tagħhom (36). Jiena naqbel li tali obbligi jistgħu jkunu diffiċli sabiex jiġu imposti fuq l-awtoritajiet tal-Istati Membri mingħajr ebda dispożizzjoni espressa tad-dritt primarju jew rieda espressa tal-leġiżlatur tal-Unjoni (37).

79.      Madankollu, kif spjegajt fil-punt 62 iktar ’il fuq, il-kliem tal-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32 joħroġ ċar li l-Istati Membri ma humiex obbligati jiddikjaraw applikazzjoni inammissibbli skont dik id-dispożizzjoni (38). Li kieku l-Qorti tal-Ġustizzja tadotta s-soluzzjoni li nipproponilha tadotta jiena, ir-riżultat ikun li, meta jkollu quddiemu “applikazzjoni sussegwenti” ppreżentata wara li l-proċedura ta’ ażil dwar applikazzjoni preċedenti tal-istess persuna tkun ingħalqet permezz ta’ deċiżjoni finali fi Stat Membru A, Stat Membru B jibqa’ liberu (sakemm ikun l-Istat Membru responsabbli skont il-kriterji previsti mir-Regolament Dublin III) li jwettaq eżami komplet tal-merti tat-talbiet ifformulati fil-kuntest ta’ tali applikazzjoni sussegwenti, mingħajr ma jkun marbut minn kwalunkwe deċiżjoni adottata minn Stat Membru fir-rigward ta’ applikazzjoni preċedenti tal-istess persuna.

80.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, inqis li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Artikolu 2(q) tagħha, bħala li jfisser li, l-istess bħall-Artikolu 33(2)(a) ta’ din id-direttiva, huwa jista’ japplika f’sitwazzjonijiet inter-Stati Membri ma tammontax għall-ħolqien ta’ sistema ta’ rikonoxximent reċiproku, fejn l-Istati Membri jkunu obbligati jirrikonoxxu u jeżegwixxu deċiżjonijiet ta’ Stati Membri oħra. Jekk xejn, din l-interpretazzjoni sempliċement tikkonferma li r-raġuni ta’ inammissibbiltà li tinsab fl-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32 tikkostitwixxi, hi wkoll, espressjoni tal-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka. Din l-interpretazzjoni tkun konsistenti mal-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni għadu ma kisibx kompletament, billi jipprevedi prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku bejn l-Istati Membri ta’ deċiżjonijiet ta’ għoti (jew rifjut) tal-istatus ta’ refuġjat u billi jippreċiża l-arranġamenti ddettaljati ta’ implimentazzjoni ta’ dan il-prinċipju, l-għan li jfittex l-Artikolu 78(2)(a) TFUE, jiġifieri status uniformi ta’ ażil favur ċittadini ta’ pajjiżi terzi, validu fl-Unjoni kollha (39).

81.      It-tielet, jiena tal-fehma li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Artikolu 2(q) tagħha, kif jiena nissuġġerixxi, tikkontribwixxi għall-għan li jiġu limitati l-“movimenti sekondarji” bejn l-Istati Membri. Dan l-għan, li fuqu hija bbażata s-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil fl-intier tagħha, huwa espress b’mod konkret fil-premessa 13 tad-Direttiva 2013/32.

82.      Kif fakkru l-Kummissjoni u l-Gvern Franċiż, il-fatt li applikazzjoni titqies bħala “applikazzjoni sussegwenti” għandu ċerti konsegwenzi għall-persuna li tkun ippreżentat din l-applikazzjoni. Tali applikazzjoni tista’ mhux biss tiġi ddikjarata inammissibbli skont l-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32, iżda tista’ wkoll (jekk ma tiġix miċħuda bħala inammissibbli) (40) tkun suġġetta għal proċedura mħaffa (41). Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu derogi mid-dritt tal-applikant li jibqa’ fit-territorju tagħhom (42). Finalment, “applikazzjoni sussegwenti” tista’ tiġi miċħuda bħala “manifestament infondata” fl-għeluq ta’ proċedura mħaffa u l-Istati Membri jistgħu, f’tali ċirkustanzi, ma jagħtux perijodu ta’ tluq volontarju u jakkumpanjaw id-deċiżjoni ta’ ritorn bi projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju (43).

83.      X’jiġri, għalhekk, jekk tali konsegwenzi jkunu marbuta biss ma’ “applikazzjonijiet sussegwenti” ppreżentati fl-istess Stat Membru (Stat Membru A) u qatt ma’ dawk ippreżentati fi Stat Membru differenti (Stat Membru B), wara li l-applikant iwettaq “moviment sekondarju” billi jiċċaqlaq minn Stat Membru A lejn Stat Membru B? L-applikant li jwettaq tali “moviment sekondarju” effettivament jibbenefika minn trattament iktar favorevoli minn dak li “jirrispetta r-regoli” u jibqa’ fl-Istat Membru responsabbli. Huwa jista’, essenzjalment, jibda b’“tabula rasa” fi Stat Membru B, peress li dan l-Istat Membru huwa obbligat iwettaq eżami komplet, fuq il-mertu, tal-applikazzjoni tiegħu. B’mod ġenerali, l-applikanti għall-ażil jistgħu, għalhekk, jiġu inkoraġġiti jiċċaqalqu minn Stat Membru A lejn Stat Membru B, malli jirċievu deċiżjoni negattiva fi Stat Membru A. Huma jistgħu saħansitra joqogħdu lura milli jappellaw tali deċiżjoni fi Stat Membru A u jħalluha ssir finali (peress li dan jiftħilhom il-bibien sabiex jibdew proċedura ġdida fi Stat Membru B). Bl-għan li jimmassimizzaw iċ-ċansijiet tagħhom li jiksbu eżami mill-ġdid sħiħ tas-sitwazzjoni tagħhom, l-applikanti għall-ażil jistgħu jiġu inċentivati wkoll sabiex jippreżentaw applikazzjonijiet “ġodda” f’għadd ikbar ta’ Stati Membri oħra (44).

84.      F’ċirkustanzi bħal dawn, il-movimenti sekondarji huma, bla dubju, inkoraġġiti, iktar milli limitati. Għall-kuntrarju, jekk Stat Membru B ikollu l-possibbiltà li jiddikjara inammissibbli “applikazzjoni sussegwenti” ppreżentata quddiemu, anki jekk id-deċiżjoni finali dwar applikazzjoni preċedenti tal-istess persuna ma tkunx ġiet adottata mill-awtoritajiet tiegħu, iżda mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru A, it-tentazzjoni għal din il-persuna li tmur fi Stat Membru B, fl-ewwel lok, hija kunsiderevolment imnaqqsa.

85.      Ir-raba’, inqis li l-interpretazzjoni li nipproponi għall-adozzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tikkontribwixxi għal għan ieħor tad-Direttiva 2013/32, li huwa, kif tindika l-premessa 36 tagħha, li tnaqqas, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-piż amministrattiv impost fuq l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri.

86.      Il-“movimenti sekondarji” joħolqu piżijiet amministrattivi sinjifikattivi għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri, b’mod partikolari dawk li quddiemhom tiġi ppreżentata “applikazzjoni sussegwenti” u li ma jkunux jistgħu jittrasferixxu l-applikant lejn l-Istat Membru li jkun wettaq il-proċedura tal-ażil fir-rigward ta’ applikazzjoni preċedenti tal-persuna kkonċernata.

87.      Sabiex nerġa’ lura għax-xenarji differenti li ddeskrivejt fil-punti 44 sa 47, huwa minnu li, f’ċerti każijiet, il-“proċedura biex persuna tittieħed lura” stabbilita mir-Regolament Dublin III tista’ tfalli, u r-responsabbiltà li tiġi eżaminata l-“applikazzjoni sussegwenti” tgħaddi minn Stat Membru A għal Stat Membru B, għaliex Stat Membru B stess joħloq “ostakolu” għall-implimentazzjoni ta’ din il-proċedura (pereżempju, jekk ma jressaqx talba għat-teħid lura fil-ħin) jew tiddikjara ruħu responsabbli għall-eżami tagħha. Madankollu, f’każijiet oħra, ir-raġuni għaliex il-proċedura biex persuna tittieħed lura ma tirnexxix tista’ tkun barra mill-kontroll ta’ Stat Membru B (45). Wieħed jista’ faċilment isostni li jkun sproporzjonat li Stat Membru B jiġi obbligat iwettaq, fil-każijiet kollha fejn tiġi ppreżentata “applikazzjoni sussegwenti” quddiemu, eżami ġdid u komplet fil-mertu ta’ tali applikazzjoni.

88.      Fl-aħħar nett, u qabel ma nikkonkludi din it-taqsima, ninnota li l-Gvern Franċiż isostni li l-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32 għandu jinqara flimkien mal-premessa 36 tagħha, li t-tieni sentenza tiegħu torbot il-possibbiltà li Stati Membri jiddikjaraw “applikazzjonijiet sussegwenti” inammissibbli mal-prinċipju ta’ res judicata. Skont dan il-gvern, il-prinċipju ta’ res judicata japplika biss għas-sitwazzjonijiet interni ta’ Stat Membru wieħed. Għalhekk, huwa jsostni li r-raġuni ta’ inammissibbiltà li tinsab fl-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32 tista’ tikkonċerna biss is-sitwazzjoni fejn id-deċiżjoni finali negattiva fuq applikazzjoni preċedenti tal-istess persuna tkun ittieħdet mill-istess Stat Membru Bħal dak li quddiemu tiġi ppreżentata l-“applikazzjoni sussegwenti”.

89.      Jiena ma naqbilx mal-Gvern Franċiż li tali riżultat jista’ jirriżulta mis-sempliċi fatt li t-tieni sentenza tal-premessa 36 tad-Direttiva 2013/32 tirreferi għall-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata.

90.      F’dan ir-rigward, infakkar li, kif spjegajt fil-konklużjonijiet tiegħi f’Bundesrepublik Deutschland (Ammissibbiltà ta’ applikazzjoni sussegwenti) (46) dan il-prinċipju ma għandux neċessarjament rwol f’kull sitwazzjoni fejn tiġi ppreżentata applikazzjoni sussegwenti. Fil-fatt, sabiex il-prinċipju ta’ res judicata jkun rilevanti, hija meħtieġa deċiżjoni ġudizzjarja. Anki f’sitwazzjoni purament interna, il-proċedura dwar applikazzjoni preċedenti tal-persuna kkonċernata setgħet ingħalqet permezz ta’ sempliċi deċiżjoni amministrattiva tal-awtoritajiet kompetenti, li kontriha ma saret l-ebda kontestazzjoni quddiem qorti jew tribunal fi żmien xieraq. F’każijiet bħal dawn, il-prinċipju ta’ res judicata ma jistax japplika peress li ma hemmx deċiżjoni ġudizzjarja li tagħti lok għall-applikazzjoni tiegħu (47). Isegwi li l-importanza ta’ dan il-prinċipju ma għandhiex, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32, tiġi enfasizzata żżejjed, peress illi, anki f’sitwazzjonijiet purament interni, huwa ma jkoprix l-istanzi kollha fejn “applikazzjoni sussegwenti” tista’ tiġi ddikjarata inammissibbli.

91.      Inżid li l-ewwel sentenza tal-premessa 36 tad-Direttiva 2013/32 diġà tirrifletti din l-idea. Fil-fatt, din is-sentenza tipprevedi – f’termini li l-portata tagħhom hija usa’ minn dawk użati fit-tieni sentenza ta’ din il-premessa – li, “[f]ejn sussegwentement applikant jagħmel applikazzjoni mingħajr ma jippreżenta provi jew argumenti ġodda, ikun sproporzjonat li l-Istati Membri jkunu obbligati jwettqu proċedura sħiħa ġdida ta’ eżami”. Għall-kuntrarju tal-Gvern Franċiż, jiena għalhekk tal-fehma li r-riferiment għall-prinċipju ta’ res judicata fit-tieni sentenza tal-premessa 36 tad-Direttiva 2013/32 ma jappoġġjax il-konklużjoni li r-raġuni ta’ inammissibbiltà li tinsab fl-Artikolu 33(2)(d) ta’ din id-direttiva tapplika biss fejn il-proċedura tal-ażil li tikkonċerna applikazzjoni preċedenti tal-persuna kkonċernata twettqet fl-istess Stat Membru Bħal dak li quddiemu tiġi ppreżentata l-“applikazzjoni sussegwenti”.

c)      Konklużjoni provviżorja

92.      Fid-dawl tal-elementi kollha li indikajt, inqis li l-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Artikolu 2(q) tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu, fis-sitwazzjoni fejn Stat Membru B isir l-Istat Membru responsabbli (skont il-kriterji stabbiliti fir-Regolament Dublin III) biex jeżamina l-applikazzjoni ppreżentata lilu minflok Stat Membru A, jiġu invokati minn dan l-Istat Membru sabiex jiċħad bħala inammissibbli “applikazzjoni sussegwenti” ppreżentata lilu, minkejja li proċedura tal-ażil li tirrigwarda applikazzjoni preċedenti tal-istess persuna tkun ingħalqet b’deċiżjoni finali fi Stat Membru A. Fil-fatt, din is-soluzzjoni tkun qiegħda twettaq tal-inqas żewġ għanijiet imfittxija minn din id-direttiva – jiġifieri, l-ewwel, il-limitazzjoni tal-“movimenti sekondarji” u, it-tieni, it-tnaqqis tal-piż amministrattiv tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, f’ċerti sitwazzjonijiet. Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni twassal sabiex jingħata effett konkret lill-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka, li, kif spjegajt, jikkostitwixxi l-bażi tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil. Jiena ma nara xejn fil-formulazzjoni tal-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Artikolu 2(q) tagħha, jew f’dispożizzjonijiet oħra ta’ din id-direttiva li jmorru kontra din l-interpretazzjoni.

93.      Dan premess, għadni rrid nispjega għaliex is-soluzzjoni li nipproponi għall-adozzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja ma tmurx kontra l-protezzjoni tad-drittijiet tal-applikanti u ma tirriskjax li tikkomprometti l-effettività tal-“proċedura biex persuna tittieħed lura”.

d)      Fuq limportanza talpreservazzjoni taddrittijiet talapplikanti u leffettività tal“proċedura biex persuna tittieħed lura”

94.      Il-Gvern Franċiż isostni, b’riferiment għall-kunsiderazzjonijiet li esponejt fil-punt 81 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li l-interpretazzjoni difiża mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tista’ tipprevjeni eżami adegwat u komplet tas-sitwazzjoni tal-applikant, li l-importanza tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja fakkret b’mod konsistenti fil-ġurisprudenza tagħha (48). Filwaqt li tadotta pożizzjoni simili, il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, issemmi li jeżistu ostakoli prattiċi għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri. Fil-fehma tagħha, jista’ jkun diffiċli għal Stat Membru B li jkollu l-elementi rilevanti kollha li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni finali negattiva meħuda minn Stat Membru A u, għaldaqstant, li jevalwa jekk “elementi jew sejbiet ġodda relatati mal-eżami dwar jekk l-applikant jikkwalifikax bħala benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva 2011/95[...] jkunu rriżultaw jew ġew ippreżentati mill-applikant”. Il-possibbiltajiet ta’ żball, għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, jistgħu għalhekk ikunu ikbar f’sitwazzjonijiet inter-Stati Membri milli f’sitwazzjonijiet purament interni.

95.      Jiena naqbel kemm mal-Gvern Franċiż kif ukoll mal-Kummissjoni li d-drittijiet tal-applikanti ma jistgħux jiġu ssagrifikati f’isem l-għanijiet ta’ limitazzjoni tal-“movimenti sekondarji” jew ta’ tnaqqis tal-piż amministrattiv għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. Kif indikajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Bundesrepublik Deutschland (Ammissibbiltà ta’ applikazzjoni sussegwenti) (49), huwa ċar li, meta adotta d-dispożizzjonijiet relatati ma’ “applikazzjonijiet sussegwenti”, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu f’moħħu mhux biss li “jtaffi” l-ammont ta’ xogħol ta’ dawn l-awtoritajiet, iżda wkoll li jiżgura dejjem grad għoli biżżejjed ta’ protezzjoni għal dawk li jfittxu l-ażil (billi jiżgura li jkollhom aċċess effettiv għal eżami adegwat tas-sitwazzjoni tagħhom (50)), kif ukoll konformità mal-prinċipju ta’ non‑refoulement, li jistabbilixxi li ħadd ma jista’ jintbagħat persuna lura għall-persekuzzjoni (51).

96.      Madankollu, inqis li s-soluzzjoni li nipproponi għall-adozzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja hija kompatibbli ma’ dawn l-għanijiet l-oħra, għal diversi raġunijiet.

97.      F’dan ir-rigward, ser nibda billi nsemmi l-Artikolu 34 tar-Regolament Dublin III. Din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex tiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri, billi timponi fuqhom obbligu ta’ kooperazzjoni. Hija tistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tagħha, li “[k]ull Stat Membru għandu jikkomunika lil kull Stat Membru li jitlob hekk tali data personali dwar l-applikant li tkun xierqa, relevanti u mhux eċċessiva” għall-finijiet, inter alia, tal-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Il-paragrafu 2(g) ta’ dan l-artikolu jindika li l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tinkludi “l-istadju milħuq fil-proċeduri u d-deċiżjoni meħuda, jekk jeżistu”.

98.      Waqt is-seduta, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ppreċiżat li, fil-Kawża C‑123/23, bi tweġiba għat-“talba għal informazzjoni” tal-Uffiċċju Federali mressqa skont l-Artikolu 34 tar-Regolament Dublin III, l-awtoritajiet Belġjani taw lill-Uffiċċju Federali aċċess sħiħ għad-deċiżjoni li huma kienu adottaw dwar l-applikazzjonijiet preċedenti ta’ N.A.K. u ta’ wliedha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jiena tal-fehma, għall-kuntrarju tal-Kummissjoni, li huwa kompletament possibbli li Stat Membru B ikollu l-elementi kollha li fuqhom kienet ibbażata d-deċiżjoni finali negattiva meħuda minn Stat Membru A.

99.      Dan premess, naqbel mal-Kummissjoni li l-livell għoli ta’ protezzjoni li għandu jiġi żgurat lill-applikanti għall-ażil ma jkunx jista’ jintlaħaq jekk l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jkunu jistgħu jiddikjaraw inammissibbli “applikazzjoni sussegwenti” anki f’sitwazzjonijiet fejn ma jkollhomx aċċess għall-elementi kollha li fuqhom kienet ibbażata d-deċiżjoni finali negattiva adottata fir-rigward ta’ applikazzjoni preċedenti tal-istess persuna.

100. F’dan ir-rigward, nirrileva, madankollu, li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja enfasizzat ġustament, waqt is-seduta, li, jekk l-informazzjoni dwar il-proċedura ta’ ażil imwettqa fi Stat Membru A tkun nieqsa, id-drittijiet tal-applikanti jkunu xorta waħda protetti għaliex Stat Membru B ikollu, de facto, jiddikjara l-applikazzjonijiet sussegwenti tagħhom ammissibbli. Fil-fatt, f’tali ċirkustanzi, dan l-Istat Membru ma jkunx jista’ jeskludi li “elementi jew sejbiet ġodda relatati mal-eżami dwar jekk l-applikant jikkwalifikax bħala benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali [...] jkunu rriżultaw jew ġew ippreżentati mill-applikant” u li t-tieni waħda miż-żewġ kundizzjonijiet espressi stabbiliti fl-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32 (52) ma tkunx issodisfatta.

101. Infakkar li, kif spjegajt fil-konklużjonijiet tiegħi f’Bundesrepublik Deutschland (Ammissibbiltà ta’ applikazzjoni sussegwenti) (53), l-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32 għandu jiġi interpretat fis-sens li, filwaqt li l-Istati Membri għandhom id-dritt li jiċħdu l-applikazzjonijiet sussegwenti bħala inammissibbli, din il-possibbiltà hija miftuħa għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti biss jekk, kif diġà sostnejt, l-ebda tali “elementi jew sejbiet ġodda” ma jkunu rriżultaw jew ma jkunu ġew ippreżentati mill-applikant. Kull inċertezza dwar jekk din il-kundizzjoni hijiex issodisfatta (kemm jekk minħabba assenza ta’ informazzjoni kif ukoll minħabba xi raġuni oħra) għandha tiġi interpretata favur il-persuna kkonċernata u twassal għall-ammissibbiltà tal-“applikazzjoni sussegwenti”.

102. Kuntrarjament għall-Kummissjoni, jiena għalhekk tal-fehma, bħar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li assenza ta’ informazzjoni f’dak li jirrigwarda l-proċedura ta’ ażil preċedenti mwettqa fl-ewwel Stat Membru (Stat Membru A) ma jistax ikollha effett negattiv fuq l-ipproċessar tal-“applikazzjoni sussegwenti” ta’ din il-persuna fit-tieni Stat Membru (Stat Membru B). Din hija limitazzjoni importanti, li tikkundizzjona l-possibbiltà, għall-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru, li jiddikjaraw din l-applikazzjoni inammissibbli skont l-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32.

103. Fil-fehma tiegħi, teżisti t-tieni limitazzjoni, li tirriżulta wkoll mill-kundizzjoni li l-ebda “elementi jew sejbiet ġodda relatati mal-eżami dwar jekk l-applikant jikkwalifikax bħala benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali [...] ma[’] jkunu rriżultaw jew ġew ippreżentati mill-applikant”.

104. Kif diġà indikajt fil-punt 66 iktar ’il fuq, fis-sentenza reċenti tagħha Bundesrepublik Deutschland (Ammissibbiltà ta’ applikazzjoni sussegwenti) (54), il-Qorti tal-Ġustizzja adottat interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “element ġdid”. Fil-fatt, hija kkonfermat li dan il-kunċett ma jinkludix biss punti ta’ fatt, iżda wkoll punti ta’ liġi, inkluża sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li d-deċiżjoni preċedenti tagħha ma ħaditx inkunsiderazzjoni, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk tali sentenza ngħatatx qabel jew wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni preċedenti.

105. Fil-fehma tiegħi, isegwi minn din is-sentenza (55), li l-qrati jew l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru B ikunu, fi kwalunkwe każ, ipprojbiti milli jiċħdu bħala inammissibbli, skont l-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Artikolu 2(q) tagħha, “applikazzjoni sussegwenti” ppreżentata quddiemhom, jekk ikollhom kwalunkwe dubju dwar jekk id-deċiżjoni finali li permezz tagħha Stat Membru A ċaħad applikazzjoni preċedenti tal-istess persuna naqsitx milli tieħu inkunsiderazzjoni sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li hija rilevanti għall-possibbiltà li l-applikant jikkwalifika bħala benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali. Din hija limitazzjoni importanti oħra, li tikkontribwixxi biex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni għal dawk li jfittxu l-ażil.

106. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għall-kuntrarju tal-Gvern Franċiż u tal-Kummissjoni, inqis li s-soluzzjoni li nipproponi għall-adozzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tistabbilixxi bilanċ xieraq bejn in-neċessità li jiġu limitati l-“movimenti sekondarji” u li jitħaffef il-piż amministrattiv għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, minn naħa, u l-importanza li tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet tal-applikanti, min-naħa l-oħra.

107. Fl-aħħar, nammetti li naqbel ma’ dawk il-partijiet ikkonċernati li l-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Artikolu 2(q) tagħha, ma jistax jiġi interpretat bil-mod li nissuġġerixxi jekk tali interpretazzjoni ċċaħħad il-“proċedura biex persuna tittieħed lura”) (li l-komponenti ewlenin tagħha ddeskrivejthom fit-Taqsima A.1 iktar ’il fuq) mill-għan jew l-utilità tagħha.

108. F’dan ir-rigward, infakkar, madankollu, l-ewwel li s-soluzzjoni li nipproponi għall-adozzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja għandha tapplika biss jekk Stat Membru B isir l-Istat Membru responsabbli minflok Stat Membru A – jiġifieri, biss fis-sitwazzjonijiet fejn ir-Regolament Dublin III effettivament jippermetti li r-responsabbiltà tgħaddi mingħand Stat Membru A għal Stat Membru B u fejn “proċedura biex persuna tittieħed lura” ma tinbediex jew ma tkunx ta’ suċċess. L-Artikolu 33(1) tad-Direttiva 2013/32 jikkonferma din il-limitazzjoni, peress li jistabbilixxi li r-raġunijiet għal inammissibbiltà elenkati fl-Artikolu 33(2)(a) sa (e) ta’ din id-direttiva jippermettu lill-Istati Membri jiddikjaraw bħala inammissibbli applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali f’ċerti każijiet, li huma addizzjonali “għal każijiet fejn l-applikazzjoni ma’ tiġix eżaminata skont ir-Regolament [Dublin III]” (56) (iżda ma jissostitwixxuhomx).

109. It-tieni, jiena konxju li din is-soluzzjoni ma tistax tirrendi l-“proċedura biex persuna tittieħed lura” ddettaljata f’dan ir-regolament irrilevanti jew inutli. F’dan ir-rigward, huwa minnu li, meta jirċievi “applikazzjoni sussegwenti” ppreżentata wara l-adozzjoni ta’ deċiżjoni finali fi Stat Membru A fir-rigward ta’ applikazzjoni preċedenti tal-istess persuna, Stat Membru B jista’ jsibha iktar faċli li jevita l-kumplikazzjonijiet tal-“proċedura biex persuna tittieħed” (bil-fażijiet differenti u t-termini stretti tagħha) u pjuttost jinvoka l-klawżola diskrezzjonali li tinsab fl-Artikolu 17(1) ta’ dan ir-regolament. F’tali xenarju, Stat Membru B jista’, l-ewwel, jiddikjara lilu nnifsu “responsabbli” mill-eżami tal-“applikazzjoni sussegwenti”, imbagħad, jiddeċiedi li din l-applikazzjoni tkun inammissibbli skont l-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Artikolu 2(q) tagħha, mingħajr ma l-ewwel iressaq “talba biex persuna tittieħed lura” u billi jinvoka l-“proċedura biex persuna tittieħed lura” u l-mekkaniżmu ta’ trasferiment stabbilit mir-Regolament Dublin III (57).

110. Madankollu, jiena ma iniex ċert li dan ix-xenarju neċessarjament ikun iffavorit minn Stat Membru B. Fil-fatt, qabel ma l-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru jkunu jistgħu jiddikjaraw “applikazzjoni sussegwenti” inammissibbli, skont dawn id-dispożizzjonijiet, huma għandhom, l-ewwel, josservaw l-istadji kollha tal-proċedura speċifika applikabbli għall-“applikazzjonijiet sussegwenti”, li huma ddettaljati fl-Artikolu 40 tad-Direttiva 2013/32.

111. F’dan ir-rigward, il-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-artikolu jindikaw, kif ikkonfermat reċentement il-Qorti tal-Ġustizzja (58), li, waqt l-eżami tal-ammissibbiltà ta’ applikazzjoni sussegwenti, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom, essenzjalment, isegwu proċess f’żewġ stadji. Fl-ewwel lok, huma għandhom jissuġġettaw l-applikazzjoni sussegwenti għal eżami preliminari (l-Artikolu 40(2)). Matul dan l-eżami preliminari, huma għandhom jiddeterminaw jekk jeżistix “element ġdid” jew elementi ġodda li jirrigwardaw l-eżami ta’ jekk l-individwu inkwistjoni jikkwalifikax bħala benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali. Jekk dan ikun il-każ, imbagħad, fit-tieni lok, ikompli l-eżami tal-ammissibbiltà tal-applikazzjoni sussegwenti, skont l-Artikolu 40(3) ta’ din id-direttiva, li jeħtieġ li dawn l-awtoritajiet jiddeterminaw jekk elementi ġodda “[iżidux] sostanzjalment il-probabbiltà” li l-applikant jikkwalifika għall-istatus ta’ refuġjat jew għal protezzjoni sussidjarja. Meħuda fl-intier tagħha, din il-proċedura xorta tieħu ż-żmien u teħtieġ riżorsi amministrattivi. Barra minn hekk, hija akkumpanjata minn ċertu numru ta’ obbligi dovuti mill-Istat Membru lill-applikant, kif ukoll minn ċertu numru ta’ drittijiet li dan l-applikant jista’ jeżerċita (inkluż, jekk ikun il-każ, id-dritt li jappella mid-deċiżjoni ta’ inammissibbiltà) (59).

112. Barra minn hekk, dejjem hemm il-possibbiltà li, fi tmiem il-proċedura ddettaljata fl-Artikolu 40(2) u (3) tad-Direttiva 2013/32, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jikkonkludu li l-“applikazzjoni sussegwenti” hija ammissibbli. Fil-fatt, jekk jeżisti “elementi ġdid” jew iktar, dawn l-awtoritajiet ma għandhomx l-għażla li jiddikjaraw l-applikazzjoni sussegwenti inammissibbli. Pjuttost, huma għandhom jeżaminawha fil-mertu u jiżguraw li dan l-eżami jkun konformi mal-prinċipji bażiċi u mal-garanziji elenkati fil-Kapitolu II ta’ din id-direttiva (60).

113. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, inqis li s-soluzzjoni li nipproponi għall-adozzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja ma tirriskjax li tikkomprometti l-effettività tal-“proċedura biex persuna tittieħed lura” stabbilita mir-Regolament Dublin III. Għall-kuntrarju, jiena tal-fehma li din is-soluzzjoni tista’ effettivament tikkontribwixxi għat-tisħiħ ta’ din il-proċedura, fis-sitwazzjoni fejn Stat Membru B jinvokaha.

114. Ippermettuli nuri kif. Jekk Stat Membru B ma kellux l-għażla li jiddikjara inammissibbli, skont l-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Artikolu 2(q) tagħha, l-“applikazzjoni sussegwenti” ta’ applikant li preċedentement applika għal protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor, Stat Membru B jista’ jibda b’suċċess “proċedura biex persuna tittieħed lura” u jittrasferixxi lill-applikant lura lejn Stat Membru A jew jeżamina din l-applikazzjoni bis-sħiħ, fil-mertu. F’tali xenarju, x’jagħmel l-applikant? Fil-fehma tiegħi, huwa jipprova jirreżisti t-trasferiment lejn Stat Membru A kemm jista’ jkun, sabiex jimmassimizza l-possibbiltajiet tiegħu għal eżami ġdid komplet tas-sitwazzjoni tiegħu fi Stat Membru B, f’każ ta’ falliment tat-trasferiment. Għall-kuntrarju, kieku Stat Membru B kellu l-possibbiltà li jiddikjara inammissibbli l-“applikazzjoni sussegwenti”, skont dawn id-dispożizzjonijiet, l-applikant jista’ ma jagħmilx tali reżistenza. B’mod ġenerali, dan jista’, in fine, iżid il-possibbiltà ta’ suċċess tal-“proċedura biex persuna tittieħed lura” u l-mekkaniżmu ta’ trasferiment stabbiliti mil-leġiżlatur tal-Unjoni fir-Regolament Dublin III jistgħu għalhekk jissaħħu.

115. Bħala l-aħħar osservazzjoni, nixtieq infakkar, għal darba oħra, li l-interpretazzjoni li nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tadotta sempliċement tiftaħ il-possibbiltà għall-Istati Membri li jadottaw dispożizzjonijiet fis-sens li jiddikjaraw inammissibbli “applikazzjonijiet sussegwenti” ippreżentati quddiemhom wara li applikazzjoni preċedenti mill-istess persuna tkun ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni finali fi Stat Membru ieħor (skont il-kundizzjonijiet stabbilit fl-Artikolu 33(2)(d) u l-Artikolu 2(q) tad-Direttiva 2013/32). Din ma timponi l-ebda obbligu fuqhom li jagħmlu dan.

VI.    Konklużjoni

116. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-Verwaltungsgericht Minden (il-Qorti Amministrattiva ta’ Minden, il-Ġermanja):

(1)      L-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali, moqri flimkien mal-Artikolu 2(q) tagħha,

għandu jiġi interpretat fis-sens li s-sempliċi fatt li l-proċedura tal-ażil fir-rigward ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali preċedenti tal-persuna kkonċernata ngħalqet b’deċiżjoni li titwaqqaf, adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 2013/32 ma huwiex, minnu nnifsu, ostakolu għall-applikazzjoni sussegwentement ippreżentata mill-istess persuna li titqies bħala “applikazzjoni sussegwenti” fis-sens tal-Artikolu 2(q) ta’ din id-direttiva. Madankollu, tali applikazzjoni ma tistax titqies li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, u r-raġuni ta’ inammissibbiltà li tinsab fl-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32 ma tistax tapplika, jekk id-deċiżjoni li ma titkompliex il-proċedura tal-ażil fir-rigward tal-applikazzjoni preċedenti tkun għadha ma ġietx adottata jew jekk il-persuna kkonċernata jkun għad għandha l-opportunità li tkompli din il-proċedura. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 28(2) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi li “[l]-Istati Membri jistgħu jipprovdu limitu ta’ żmien ta’ mill-anqas disa’ xhur” li matulu tista’ titkompla l-proċedura. Huma l-Istati Membri, fid-dritt nazzjonali tagħhom, li għandhom jiddeċiedu liema huwa dan it-terminu, sakemm dan ma jkunx inqas mill-minimu ta’ disa’ xhur stabbilit minn din id-dispożizzjoni.

(2)      L-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Artikolu 2(q) tagħha,

għandu jiġi interpretat fis-sens li dawn jistgħu jiġu invokati, fis-sitwazzjoni fejn Stat Membru li ma jkunx l-Istat Membru li jkun ta d-deċiżjoni finali dwar applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali preċedenti tal-persuna kkonċernata jsir l-Istat Membru responsabbli mill-eżami ta’ applikazzjoni ġdida ppreżentata minn din il-persuna (skont il-kriterji stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida). Dawn id-dispożizzjonijiet jippermettu lill-Istat Membru responsabbli jiddikjara bħala inammissibbli l-applikazzjoni l-ġdida, minħabba li tikkostitwixxi “applikazzjoni sussegwenti”, fis-sens tal-Artikolu 2(q) ta’ din id-direttiva, u li l-proċedura ta’ ażil fir-rigward tal-applikazzjoni preċedenti tal-persuna kkonċernata diġà ngħalqet b’deċiżjoni finali fl-Istat Membru l-ieħor. Din il-possibbiltà, madankollu, hija suġġetta għall-kundizzjoni, stabbilita espressament fl-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32, li l-ebda “elementi jew sejbiet ġodda relatati mal-eżami dwar jekk l-applikant jikkwalifikax bħala benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali [...] ma[’] jkunu rriżultaw jew ġew ippreżentati mill-applikant”.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


i      L-isem ta’ din il-kawża huwa isem fittizju. Dan ma jikkorrispondi mal-isem reali ta’ ebda parti fil-proċedura.


2      Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60).


3      Ara s-sentenzi tal‑20 ta’ Mejju 2021, L.R. (Applikazzjoni għall-ażil miċħuda min-Norveġja) (C‑8/20, EU:C:2021:404) (iktar ’il quddiem is-“sentenza L.R. (Applikazzjoni għall-ażil miċħuda min-Norveġja)”, EU:C:2021:404), u s-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, Bundesrepublik Deutschland (Applikazzjoni għall-ażil miċħuda mid-Danimarka) (C‑497/21, EU:C:2022:721) (iktar ’il quddiem is-“sentenza Bundesrepublik Deutschland (Applikazzjoni għall-ażil miċħuda mid-Danimarka)” EU:C:2022:721).


4      Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31, rettifika fil-ĠU 2017, L 49, p. 50, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin III”).


5      Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9).


6      Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2013, Abdullahi (C‑394/12, EU:C:2013:813, punt 53).


7      Ara l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Dublin III. “[l]-applikazzjoni għandha tkun eżaminata minn Stat Membru wieħed”.


8      Jiġifieri, il-movimenti ta’ applikanti minn Stat Membru għal ieħor, ladarba jkunu diġà laħqu t-territorju tal-Unjoni, li jistgħu jkunu motivati, inter alia, minn differenzi bejn is-sistemi legali jew il-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza u ta’ ħajja.


9      Skont l-Artikolu 18(1)(a) tar-Regolament Dublin III, l-Istat Membru responsabbli huwa wkoll obbligat li jieħu inkarigu (mhux jieħu lura), taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 21, 22 u 29 ta’ dan ir-regolament, ta’ applikant li jkun ippreżenta applikazzjoni fi Stat Membru differenti qabel l-eżami tal-applikazzjoni tiegħu fl-Istat Membru responsabbli. Madankollu, din is-sitwazzjoni ma tikkorrispondix għal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.


10      Ara l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Dublin III, li jindika li “talba biex persuna tittieħed lura” għandha titressaq fi żmien xahrejn minn meta jiġi rċevut riżultat pożittiv Eurodac. Jekk it-talba tkun ibbażata fuq evidenza oħra minbarra d-data miksuba mis-sistema Eurodac, din għandha titressaq fi żmien tliet xhur mill-preżentazzjoni tal-“applikazzjoni sussegwenti”.


11      Ara l-Artikolu 23(3) ta’ dan ir-regolament.


12      Ara l-Artikolu 25(1) tar-Regolament Dublin III. Kif jindika l-Artikolu 25(5) tagħha, jekk Stat Membru A ma jweġibx fil-ħin għat-“talba biex persuna tittieħed lura”, Stat Membru B ma jsirx l-Istat Membru responsabbli. Pjuttost, in-nuqqas ta’ azzjoni ta’ Stat Membru A jitqies bħala ekwivalenti għall-aċċettazzjoni tat-talba.


13      Ara l-Artikolu 29(2) ta’ dan ir-regolament.


14      Enfasi miżjuda minni. Isegwi li Stat Membru B jista’ dejjem jiddeċiedi li ma jibdiex “proċedura biex persuna tittieħed lura” u li jeżamina huwa stess applikazzjoni ppreżentata quddiemu. Din l-interpretazzjoni ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja, li ddikjarat li l-awtoritajiet ta’ Stat Membru li quddiemhom tiġi ppreżentata applikazzjoni ġdida għandhom is-setgħa (mhux l-obbligu), skont l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Dublin III, li jressqu “talba biex persuna tittieħed lura” fir-rigward tal-persuna kkonċernata (ara s-sentenza tal‑5 ta’ Lulju 2018, X, C‑213/17, EU:C:2018:538, punt 33).


15      Din id-dispożizzjoni tindika, essenzjalment, li proċedura ta’ ażil tista’ titwaqqaf fil-każ ta’ rtirar impliċitu jew ta’ abbandun tal-applikazzjoni mill-persuna kkonċernata.


16      Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tippreżupponi li l-applikazzjoni tiġi ppreżentata “wara li tkun ittieħdet deċiżjoni finali dwar applikazzjoni preċedenti”.


17      Enfasi miżjuda minni.


18      Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi f’Valstybės sienos apsaugos tarnyba et (C‑72/22 PPU, EU:C:2022:431, punti 57 u 58).


19      Enfasi miżjuda minni.


20      Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-Artikolu 18(2) tar-Regolament Dublin III, li minnu jirriżulta, essenzjalment, li jekk l-applikant jintbagħat lura lejn Stat Membru A (l-Istat Membru li waqqaf il-proċedura ta’ ażil fir-rigward ta’ applikazzjoni preċedenti tal-persuna kkonċernata), dan l-Istat Membru ma jittrattax tali applikazzjoni “ġdida” bħala “applikazzjoni sussegwenti” skont id-Direttiva 2013/32 u għandu jeżaminaha.


21      Inżid li applikazzjoni ppreżentata fi Stat Membru B qabel l-iskadenza tat-terminu mogħti lill-applikant sabiex ikompli l-proċedura ta’ ażil fi Stat Membru A, fir-rigward tal-applikazzjoni preċedenti tiegħu, qatt ma tista’ titqies bħala “applikazzjoni sussegwenti”. Id-data rilevanti hija, kif spjegat, dik tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni. Għalhekk, Stat Membru B ma jistax sempliċement jistenna l-iskadenza ta’ dan it-terminu mbagħad “jikkwalifika mill-ġdid” l-applikazzjoni bħala “applikazzjoni sussegwenti” u jiddikjaraha inammissibbli skont l-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32.


22      Ara l-punt 45 iktar ’il fuq.


23      Ara l-premessa 18 tad-Direttiva 2013/32, li teżiġi li l-awtoritajiet kompetenti jwettqu eżami xieraq u eżawrjenti, u l-premessa 43 tagħha, li tistabbilixxi li “[l]-Istati Membri għandhom jeżaminaw l-applikazzjonijiet kollha fuq bażi sostanzjali, jiġifieri jivvalutaw jekk l-applikant ikkonċernat jikkwalifikax għall-protezzjoni internazzjonali [...]”, sakemm din id-direttiva ma tipprovdix mod ieħor. Ara wkoll is-sentenza tat‑8 ta’ Frar 2024, Bundesrepublik Deutschland (Ammissibbiltà ta’ applikazzjoni sussegwenti) (C‑216/22, EU:C:2024:122, punt 34).


24      Ara l-konklużjonijiet tiegħi f’Bundesrepublik Deutschland (Ammissibbiltà ta’ applikazzjoni sussegwenti) (C‑216/22, EU:C:2023:646, punt 31). Ara wkoll, f’dan ir-rigward, is-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2020, Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal (Tompa) (C‑564/18, EU:C:2020:218, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).


25      Ara, rispettivament, il-punti 40 u 46 tas-sentenzi L.R. (Applikazzjoni għall-ażil miċħuda min-Norveġja) u Bundesrepublik Deutschland (Applikazzjoni għall-ażil miċħuda mid-Danimarka).


26      Ara s-sentenza tat‑8 ta’ Frar 2024, Bundesrepublik Deutschland (Ammissibbiltà ta’ applikazzjoni sussegwenti) (C‑216/22, EU:C:2024:122, punti 34 sa 37).


27      Jiġifieri, is-sitwazzjoni fejn applikazzjoni kienet ippreżentata minn minuri fl-Istat Membru fejn huwa kien jinsab, wara li applikazzjoni identika preċedenti ppreżentata minnu kienet miċħuda b’deċiżjoni finali fi (l-ewwel) Stat Membru ieħor.


28      Ara l-Artikolu 25 tad-Direttiva tal-Kunsill tal‑1 ta’ Diċembru 2005 dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar ta’ l-istatus ta’ rifuġjat (ĠU 2006, L 175M, p. 168).


29      Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ġunju 2013, MA et (C‑648/11, EU:C:2013:367, punti 63 u 64). Madankollu, naqbel mal-Kummissjoni li, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ppreċiżatx ir-raġunijiet li għalihom hija qieset li l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2005/85 seta’ jiġi invokat mit-tieni Stat Membru f’tali sitwazzjoni.


30      Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2024, Zamestnik-predsedatel na Darzhavna agentsia za bezhantsite (Status ta’ refuġjat – Persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana) (C‑563/22, EU:C:2024:494, punt 57).


31      L-istess raġunament jista’, fil-fehma tiegħi, jiġi applikat fir-rigward tal-Artikolu 41(1)(b) tad-Direttiva 2013/32, li, bħall-Artikolu 40(1) tagħha, jirreferi, speċifikament, għal “applikazzjoni oħra, sussegwenti, fl-istess Stat Membru”. F’dan ir-rigward, naqbel mar-Repubblika Federali tal‑Ġermanja li wieħed jista’ jassumi li, jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu bħala intenzjoni l-kunċett ta’ “applikazzjoni sussegwenti”, użat fl-Artikolu 2(q) tad-Direttiva 2013/32, biex ikopri applikazzjonijiet li jiġu ppreżentati fl-istess Stat Membru biss, huwa ma kienx iqis neċessarju, fl-Artikolu 40(1) u l-Artikolu 41(1)(b) ta’ din id-direttiva, iżda mhux f’dispożizzjonijiet oħra ta’ dan l-istrument, li juża l-formulazzjoni speċifika “fl-istess Stat Membru”.


32      Infakkar li l-Artikolu 40(7) tad-Direttiva 2013/32 tipprovdi li “[f]ejn persuna li fir-rigward tagħha trid tiġi infurzata deċiżjoni ta’ trasferiment skont ir-[Regolament Dublin III] tagħmel rappreżentazzjonijiet addizjonali jew applikazzjoni sussegwenti fl-Istat Membru li jitrasferixxi, dawk ir-rappreżentazzjonijiet jew applikazzjonijiet sussegwenti għandhom ikunu eżaminati mill-Istat Membru responsabli, kif definit f’dak ir-Regolament, konformement ma’ din id-Direttiva” (enfasi miżjuda minni).


33      F’dan ir-rigward, inżid li, fil-proposta tagħha għal regolament li jissostitwixxi d-Direttiva 2013/32, il-Kummissjoni, sabiex tiċċara l-proċedura dwar l-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet sussegwenti, iddefinixxiet tali applikazzjoni bħala “waħda li titressaq mill-istess applikant f’xi Stat Membru” wara ċ-ċaħda ta’ applikazzjoni preċedenti permezz ta’ deċiżjoni finali. Din il-proposta tipprevedi, fil-fehma tiegħi, iktar indizji li, diġà fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2013/32, il-kunċett ta’ “applikazzjoni sussegwenti” jinkludi applikazzjoni ppreżentata quddiem Stat Membru differenti minn dak li adotta d-deċiżjoni finali dwar applikazzjoni finali tal-istess persuna (ara l-Artikolu 42(1) tal-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi proċedura komuni għal protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni u li jħassar id-Direttiva 2013/32/UE” (COM(2016) 467 final), disponibbli fuq: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:52016PC0467). Għall-aħħar element tal-proċess leġiżlattiv, kif disponibbli fil-mument tal-elaborazzjoni ta’ dawn il-konklużjonijiet, ara l-Artikolu 4(s) u l-Artikolu 39(2) tal-abbozz tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi proċedura komuni għal protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni u li jħassar id-Direttiva 2013/32/UE, dokument tal-Kunsill u tal-Parlament Ewropew, 2016/0224/A(COD) u PE-CONS 16/24 tas‑26 ta’ April 2024.


34      Sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019 (C‑297/17, C‑318/17, C‑319/17 u C‑438/17, EU:C:2019:219, punt 58).


35      Ibid., punt 85.


36      Ara, b’mod iktar ġenerali, dwar il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku fil-qasam tad-dritt għall-ażil, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Medina f’Bundesrepublik Deutschland (Effett ta’ deċiżjoni ta’ għoti tal-istatus ta’ refuġjat) (C‑753/22, EU:C:2024:82, punt 45).


37      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Richard de la Tour f’Generalstaatsanwaltschaft Hamm (Talba għall-estradizzjoni ta’ refuġjat lejn it-Turkija) (C‑352/22, EU:C:2023:794, punt 65). Għal eżempju fejn il-leġiżlatur tal-Unjoni adotta tali qafas ta’ rikonoxximent reċiproku fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, ara d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/909/ĠAI tas‑27 ta’ Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea (ĠU 2008, L 327, p. 27), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas‑26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24).


38      Inżid li, skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2013/32, “L-Istati Membri jistgħu jintroduċu jew iżommu fis-seħħ standards aktar favorevoli għal proċeduri għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali, sa fejn dawk l-istandards ikunu kompatibbli ma’ din id-Direttiva”.


39      Ara s-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2024, Bundesrepublik Deutschland (Effett ta’ deċiżjoni ta’ deċiżjoni ta’ għoti tal-istatus ta’ refuġjat) (C‑753/22, EU:C:2024:524, punti 56 u 68). Ara wkoll, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Richard de la Tour f’Generalstaatsanwaltschaft Hamm (Talba għall-estradizzjoni ta’ refuġjat lejn it-Turkija) (C‑352/22, EU:C:2023:794, punt 64).


40      F’dan ir-rigward, inżid li, bħala parti mill-eżami preliminari intiż sabiex jiġi ddeterminat jekk l-“applikazzjoni sussegwenti” hijiex ammissibbli jew le, l-Istati Membri ma humiex obbligati li jagħmlu intervista personali tal-applikant (ara l-Artikolu 42(2)(b) tad-Direttiva 2013/32).


41      Ara l-Artikolu 31(8)(f) tad-Direttiva 2013/32.


42      Ara l-Artikolu 41(1) tad-Direttiva 2013/32.


43      Ara l-Artikolu 32(2) tad-Direttiva 2013/32. Ara, ukoll, l-Artikolu 7(4) u l-Artikolu 11(1)(a) tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008, L 348, p. 98).


44      Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe f’Bundesamt für Fremdenwesen und Asyl (Applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali) (C‑18/20, EU:C:2021:302, punti 77 sa 79).


45      Il-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑123/23 effettivament juru dan. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja spjegat, waqt is-seduta, li, minħabba l-fatt li l-Uffiċċju Federali kien, l-ewwel, talab lill-awtoritajiet Spanjoli jieħdu lura lir-rikorrenti, sakemm kien qiegħed ifittex li jagħmel dan fil-konfront tal-awtoritajiet Belġjani minflok, kien tard wisq sabiex huwa jippreżenta “talba biex persuna tittieħed lura”.


46      C‑216/22, EU:C:2023:646 (punti 51 sa 53).


47      Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság (C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punt 186).


48      Ara, inter alia, is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, Bundesamt für Fremdenwesen und Asyl (Applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali)  (C‑18/20, EU:C:2021:710, punt 43).


49      C‑216/22, EU:C:2023:646 (punt 29).


50      Ara, b’mod partikolari, il-premessa 18 tad-Direttiva 2013/32, li tistabbilixxi li “[h]uwa fl-interessi ta’ kemm l-Istati Membri kif ukoll tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali li deċiżjoni tittieħed malajr kemm jista’ jkun dwar l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, mingħajr preġudizzju għat-twettiq ta’ eżami xieraq u komplut” (enfasi miżjuda minni). Ara wkoll il-premessa 25 tagħha, li tindika li “kull applikant għandu jkollu aċċess effettiv għall-proċeduri”.


51      Ara l-premessa 3 tad-Direttiva 2013/32.


52      Ara l-punt 64 iktar ’il fuq.


53      C‑216/22, EU:C:2023:646 (punt 29).


54      Sentenza tat‑8 ta’ Frar 2024 (C‑216/22, EU:C:2024:122, punti 38 sa 40).


55      Ibid.


56      Barra minn hekk, l-Artikolu 40(7) tad-Direttiva 2013/32 jippreċiża li l-“proċedura biex persuna tittieħed lura” tapplika, fil-fatt, għal “applikazzjonijiet sussegwenti” ppreżentati fi Stati Membri oħra.


57      Inżid li, fil-proposta tagħha għal regolament li jissostitwixxi r-Regolament Dublin III, il-Kummissjoni ddikjarat li, diġà fl‑2014, fl-Unjoni, kienu biss aċċettati mill-Istat Membru responsabbli kważi kwart tan-numru totali ta’ talbiet għat-teħid ta’ inkarigu u biex persuna tittieħed lura li fil-fatt irriżultaw fi trasferiment (ara p. 11 tar-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (COM(2016) 270 final), disponibbli fuq l-indirizz internet li ġej: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:52016PC0270).


58      Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Elementi jew fatti ġodda) (C‑921/19, EU:C:2021:478, punti 34 sa 37).


59      B’mod partikolari, jekk l-awtoritajiet kompetenti jikkonkludu li l-applikazzjoni sussegwenti hija inammissibbli, huma għandhom jinformaw lill-applikant bir-raġunijiet għal dan l-eżitu (skont l-Artikolu 42(3) ta’ din id-direttiva) u huwa għandu wkoll ikollu l-possibbiltà li jeżerċita d-dritt tiegħu għal rimedju effettiv kontra d-deċiżjoni tal-awtoritajiet kompetenti quddiem qorti jew tribunal (ara l-Artikolu 46(1) tagħha).


60      Ara l-Artikolu 40(3) tad-Direttiva 2013/32.