Language of document :

Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Mejju 2024 – Duro Felguera et vs Il-Kummissjoni

(Kawżi magħquda T-401/14, T-406/14 sa T-408/14, T-415/14 sa T-417/14, T-433/14, T-442/14 u T-443/14) 1

(“Għajnuna mill-Istat – Għajnuna mogħtija mill-awtoritajiet Spanjoli favur ċerti gruppi b’interess ekonomiku (GIE) u favur l-investituri tagħhom – Sistema fiskali applikabbli għal ċerti ftehimiet ta’ lokazzjoni finanzjarja għall-akkwist ta’ bastimenti (sistema Spanjola ta’ leasing fiskali) – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna parzjalment inkompatibbli mas-suq intern u li tordna parzjalment l-irkupru tagħha – Tmiem parzjali tas-suġġett tat-tilwima – Ma hemmx parzjalment lok li tingħata deċiżjoni – Artikolu 107(1) TFUE – Obbligu ta’ motivazzjoni – Għajnuna ġdida – Irkupru – Klawżoli kuntrattwali li jipproteġu lill-benefiċjarji kontra l-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat illegali u inkompatibbli mas-suq intern – Tqassim tal-kompetenzi bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali”)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Duro Felguera, SA (Gijón, Spanja), u d-disa’ rikorrenti l-oħra li isimhom jinsab fl-anness mas-sentenza (rappreżentanti: fil-Kawżi T-401/14, T-406/14 sa T-408/14, T-415/14, T-433/14, T-442/14 u T-443/14 C. Pariente Araque, avukata, fil-Kawża T-416/14 O. Pastor Moreno Montserrat, avukata, u, fil-Kawża T-417/14 C. Pariente Araque u C. Repaci, avukati)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: J. Carpi Badía u P. Němečková, aġenti, assistiti minn M. Segura Catalán, avukata)

Suġġett

Permezz tar-rikorsi tagħhom ibbażati fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti jitolbu l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/200/UE tas-17 ta’ Lulju 2013 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.21233 C/11 (ex NN/11, ex CP 137/06) mogħtija minn Spanja – Reġim tat-taxxa applikabbli għal ċerti ftehimiet ta’ lokazzjoni finanzjarja magħruf ukoll bħala s-Sistema Spanjola tat-Taxxa tal-Lokazzjoni (ĠU 2014, L 114, p. 1).

Dispożittiv

Ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar ir-rikorsi sa fejn huma indirizzati kontra l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/200/UE tas-17 ta’ Lulju 2013 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.21233 C/11 (ex NN/11, ex CP 137/06) mogħtija minn Spanja – Reġim tat-taxxa applikabbli għal ċerti ftehimiet ta’ lokazzjoni finanzjarja magħruf ukoll bħala s-Sistema Spanjola tat-Taxxa tal-Lokazzjoni, sa fejn jidentifika l-gruppi b’interess ekonomiku u l-investituri tagħhom bħala l-uniċi benefiċjarji tal-għajnuna li hija s-suġġett ta’ din id-deċiżjoni, u l-Artikolu 4(1) tal-imsemmija deċiżjoni, sa fejn jordna lir-Renju ta’ Spanja jirkupra l-ammont kollu tal-għajnuna li hija s-suġġett ta’ din id-deċiżjoni mingħand l-investituri ta’ gruppi b’interess ekonomiku li kienu bbenefikaw minnha.

Ir-rikorsi huma miċħuda fir-rigward tal-kumplament tagħhom.

Kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

____________

1     ĠU C 253, 4.8.2014.