Language of document :

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

17 ta’ Lulju 2024 (*)

“Aċċess għad-dokumenti – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Kuntratti ta’ xiri bil-quddiem u kuntratti ta’ xiri konklużi bejn il-Kummissjoni u kumpanniji farmaċewtiċi għax-xiri ta’ vaċċini kontra l-COVID-19 – Rifjut parzjali ta’ aċċess – Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ terz – Obbligu ta’ motivazzjoni – Eżistenza ta’ riskju prevedibbli u mhux purament ipotetiku ta’ preġudizzju għall-interess invokat – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Libertà ta’ espressjoni”

Fil-Kawża T‑689/21,

Margrete Auken,

Tilly Metz,

Jutta Paulus,

Emilie Mosnier, fil-kwalità ta’ eredi ta’ Michèle Rivasi,

Kimberly van Sparrentak,

irrappreżentati minn B. Kloostra, avukata,

rikorrenti,

vs

IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Gattinara u A. Spina, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta minn J. Svenningsen, President, C. Mac Eochaidh (Relatur) u J. Martín y Pérez de Nanclares, Imħallfin,

Reġistratur: S. Spyropoulos, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura, b’mod partikolari:

–        ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑22 ta’ Ottubru 2021,

–        it-talba mressqa mill-Kummissjoni li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni u ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑22 ta’ Frar 2022,

–        id-digriet tat‑2 ta’ Marzu 2022 li permezz tiegħu l-Qorti Ġenerali, bħala miżura istruttorja, ordnat lill-Kummissjoni tipproduċi l-kuntratti kollha li hija kienet parzjalment irrifjutat l-aċċess għalihom,

–        l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti fuq it-talba li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni u n-nota ta’ adattament ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑22 ta’ Marzu u fil‑21 ta’ April 2022, rispettivament,

–        id-digriet tal‑31 ta’ Mejju 2022 li permezz tiegħu l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tgħaqqad l-eżami tat-talba li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq il-mertu,

–        ir-risposta tal-Kummissjoni, li fiha kienu inklużi l-osservazzjonijiet tagħha dwar in-nota ta’ adattament, ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑22 ta’ Lulju 2022,

–        ir-replika u l-kontroreplika ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑21 ta’ Ottubru u fis‑16 ta’ Diċembru 2022, rispettivament,

wara s-seduta tas‑17 ta’ Ottubru 2023, li matulha r-rikorrenti rrinunzjaw għat-talba intiża għall-annullament tad-deċiżjoni impliċita,

fid-dawl tal-mewt ta’ M. Rivasi, li seħħ fid‑29 ta’ Novembru 2023,

wara li rat it-tkomplija tal-istanza mis-Sinjura Mosnier, fil-kwalità ta’ eredi ta’ M. Rivasi, ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑26 ta’ Frar 2024,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħhom ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Margrete Auken, Tilly Metz, Jutta Paulus u Kimberly van Sparentation, Membri tal-Parlament Ewropew, kif ukoll Emilie Mosnier, aventi kawża ta’ ommha, Michèle Rivasi, Membru tal-Parlament Ewropew (mejta), jitolbu l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2022) 1038 final tal‑15 ta’ Frar 2022, meħuda skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), li tagħtihom aċċess parzjali għall-kuntratti ta’ xiri bil-quddiem u għall-kuntratti ta’ xiri konklużi bejn il-Kummissjoni u l-impriżi farmaċewtiċi kkonċernati għax-xiri ta’ vaċċini kontra l-COVID‑19 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kkontestata”).

I.      Ilfatti li wasslu għallkawża

2        Fl‑14 ta’ April 2020, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/521 li jattiva l-appoġġ ta’ emerġenza skont ir-Regolament (UE) 2016/369 u li jemenda d-dispożizzjonijiet tiegħu filwaqt li jqis it-tifqigħa tal-COVID-19 (ĠU 2020, L 117, p. 3). Permezz ta’ dan ir-regolament, il-Kunsill attiva l-għajnuna ta’ emerġenza stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/369 tal‑15 ta’ Marzu 2016 dwar l-għoti ta’ appoġġ ta’ emerġenza fl-Unjoni (ĠU 2016, L 70, p. 1), bħala waħda mill-miżuri li kellha tippermetti lill-Unjoni Ewropea kollha kemm hi taffaċċja l-kriżi marbuta mal-pandemija tal-COVID‑19, fi spirtu ta’ solidarjetà fid-dawl tar-restrizzjonijiet marbuta mat-tixrid rapidu tal-virus u peress li l-portata u n-natura transnazzjonali ta’ dan it-tixrid u tal-effetti tiegħu kienu jeħtieġu rispons globali.

3        Fis‑17 ta’ Ġunju 2020, il-Kummissjoni ppubblikat il-Komunikazzjoni intitolata “Strateġija tal-UE għall-vaċċini kontra l-COVID‑19” (COM(2020) 245 final). Din l-istrateġija, li kienet intiża li jitħaffef l-iżvilupp, il-manifattura u l-użu ta’ vaċċini kontra l-COVID‑19, kienet ibbażata fuq żewġ pilastri. L-ewwel wieħed kien l-iżgurar ta’ produzzjoni suffiċjenti ta’ vaċċini fl-Unjoni u, b’dan il-mod, provvista biżżejjed għall-Istati Membri permezz ta’ kuntratti ta’ xiri minn qabel konklużi ma’ produtturi ta’ vaċċini permezz tal-istrument għall-appoġġ ta’ emerġenza kif ġie attivat bir-Regolament 2020/521. It-tieni wieħed kien l-adattament tal-qafas regolatorju tal-Unjoni għall-emerġenza attwali u l-użu tal-flessibbiltà regolatorja eżistenti biex jiġu mħaffa l-iżvilupp, l-awtorizzazzjoni u d-disponibbiltà ta’ vaċċini, b’osservanza tal-istandards ta’ kwalità, ta’ sikurezza u ta’ effikaċja applikabbli għall-vaċċini.

4        Skont il-Kummissjoni, il-qafas propost kellu għalhekk jiġi analizzat bħala “polza ta’ assigurazzjoni”, li tittrasferixxi parti mir-riskju mill-industrija farmaċewtika lejn l-awtoritajiet pubbliċi, bi skambju għal liema l-Istati Membri kienu żgurati li jgawdu minn aċċess ekwu u affordabbli għal vaċċin, jekk wieħed isir disponibbli.

5        Permezz ta’ ittra tal‑20 ta’ Jannar 2021 indirizzata lill-Presidenta u lis-Segretarja Ġenerali tal-Kummissjoni, irreġistrata l-għada bir-referenza GESTDEM 2021/0389, sitt membri tal-Parlament (iktar ’il quddiem is-“sitt Membri”), fosthom il-ħames rikorrenti inizjali, talbu l-aċċess, skont ir-Regolament Nru 1049/2001, “għad-diversi kuntratti – kuntratti ta’ xiri bil-quddiem – konklużi bejn il-Kummissjoni u l-kumpanniji farmaċewtiċi għax-xiri ta’ vaċċini kontra l-COVID-19” (iktar ’il quddiem it-“talba inizjali”). Fiha ġie ppreċiżat li, sa fejn kienu jafu s-sitt Membri, kienu diġà ġew iffirmati kuntratti mal-kumpanniji AstraZeneca, Sanofi-GSK, Johnson and Johnson, BioNTech-Pfizer, CureVac u Moderna, b’tali mod li t-talba kienet tirrigwarda l-imsemmija kuntratti kif ukoll dawk li setgħu jiġu konklużi wara d-data tat-talba, bħal dik prevista ma’ Novavax.

6        Permezz ta’ ittra tal‑11 ta’ Marzu 2021, id-Direttriċi Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) tas-Saħħa u tas-Sigurtà tal-Ikel tal-Kummissjoni (iktar ’il quddiem id-“DĠ Saħħa”) informat lis-sitt Membri li hija kienet identifikat tmien dokumenti li jikkorrispondu għat-talba inizjali, jiġifieri sitt kuntratti ta’ xiri bil-quddiem u żewġ kuntratti ta’ xiri. Hija indikat li kienet ippubblikat, fuq paġni tal-internet, verżjoni redatta ta’ tlieta mill-imsemmija kuntratti ta’ xiri bil-quddiem, jiġifieri dawk konklużi ma’ AstraZeneca, Sanofi-GSK u CureVac, u li kompliet l-evalwazzjoni tagħha tad-dokumenti li jifdal u l-konsultazzjonijiet mat-terzi kkonċernati bl-għan tal-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet dwar l-iżvelar tagħhom.

7        Permezz ta’ ittra tad‑9 ta’ Ġunju 2021, id-Direttriċi Ġenerali tad-DĠ Saħħa informat lis-sitt Membri li, bi tweġiba għat-talba inizjali, kien ingħata aċċess parzjali għal disa’ dokumenti identifikati bħala li jaqgħu taħtha, jiġifieri t-tmien dokumenti msemmija fil-punt 6 iktar ’il fuq kif ukoll kuntratt ta’ xiri addizzjonali konkluż ma’ Pfizer-BioNTech. Hija indikat li l-verżjonijiet redatti tal-imsemmija dokumenti kienu ġew ippubblikati fuq paġna tal-internet u li s-siltiet kienu ġew mgħottija abbażi tal-eċċezzjonijiet relatati mal-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwu, mal-protezzjoni tal-interessi kummerċjali u mal-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali tal-istituzzjonijiet, previsti fl-Artikolu 4(1)(b), fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2), u fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, rispettivament.

8        Permezz ta’ ittra tat‑30 ta’ Ġunju 2021, irreġistrata l-għada, is-sitt Membri ppreżentaw, abbażi tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, talba konfermattiva intiża sabiex il-Kummissjoni tirrevedi l-pożizzjoni tagħha fir-rigward tad-disa’ dokumenti identifikati u tiżvelahom fl-intier tagħhom, bl-esklużjoni tas-siltiet li jaqgħu taħt l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwu prevista fl-Artikolu 4(1)(b) tal-imsemmi regolament (iktar ’il quddiem it-“talba konfermattiva”). Fiha huma invokaw, b’mod partikolari, iċ-ċirkustanza li l-prezzijiet indikati fil-kuntratti kollha konklużi ta’ xiri bil-quddiem kif ukoll il-verżjonijiet integrali tal-kuntratti ta’ xiri bil-quddiem konklużi ma’ AstraZeneca, Pfizer-BioNTech u Moderna kienu s-suġġett ta’ kxif ta’ informazzjoni fuq network soċjali u fil-midja, bejn Diċembru 2020 u April 2021.

9        Fit‑13 ta’ Awwissu 2021, is-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni informa lis-sitt Membri li huwa kien għadu ma kienx f’pożizzjoni li jwieġeb għat-talba konfermattiva tagħhom. F’dik id-data, l-assenza ta’ tweġiba mogħtija għat-talba konfermattiva tat lok għal deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda dwar l-imsemmija talba, konformement mal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

10      Fil-15 ta’ Frar 2022, u wara konsultazzjoni mal-impriżi farmaċewtiċi kkonċernati konformement mal-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1049/2001 (iktar ’il quddiem l-“impriżi kkonċernati”), il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni kkontestata. F’dik id-deċiżjoni, huwa indikat li, waqt l-evalwazzjoni tat-talba konfermattiva, is-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni wettaq eżami ġdid tat-tweġiba mogħtija għat-talba inizjali mid-DĠ Saħħa u li, wara dan l-eżami ġdid, tlettax-il dokument ġew identifikati bħala li jaqgħu taħt it-talba għal aċċess għad-dokumenti, jiġifieri d-disa’ dokumenti msemmija fil-punt 7 iktar ’il fuq kif ukoll erba’ dokumenti addizzjonali.

11      Permezz tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni għalhekk tat aċċess parzjali għad-dokumenti segwenti (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, il-“kuntratti inkwistjoni”):

–        il-kuntratt ta’ xiri bil-quddiem konkluż bejn il-Kummissjoni u AstraZeneca (referenza ARES(2020)4849918, id-Dokument 1);

–        il-kuntratt ta’ xiri bil-quddiem konkluż bejn il-Kummissjoni u Sanofi-GSK (referenza ARES(2020)5034184, id-Dokument 2);

–        il-kuntratt ta’ xiri bil-quddiem konkluż bejn il-Kummissjoni u Janssen Pharmaceutica (referenza ARES(2020)5806059, id-Dokument 3);

–        il-kuntratt ta’ xiri bil-quddiem konkluż bejn il-Kummissjoni u Pfizer‑BioNTech (referenza ARES(2021)256798, id-Dokument 4);

–        il-kuntratt ta’ xiri bil-quddiem konkluż bejn il-Kummissjoni u CureVac (referenza ARES(2021)256728, id-Dokument 5);

–        il-kuntratt ta’ xiri bil-quddiem konkluż bejn il-Kummissjoni u Moderna (referenza ARES(2021)256592, id-Dokument 6);

–        il-kuntratt ta’ xiri konkluż bejn il-Kummissjoni u Pfizer‑BioNTech (referenza ARES(2021)1601544, id-Dokument 7);

–        il-kuntratt ta’ xiri konkluż bejn il-Kummissjoni u Moderna (referenza ARES(2021)1601566, id-Dokument 8);

–        l-Emenda I għall-kuntratt ta’ xiri konkluż bejn il-Kummissjoni u Moderna (referenza ARES(2021)7098313, id-Dokument 9);

–        l-Emenda II għall-kuntratt ta’ xiri konkluż bejn il-Kummissjoni u Moderna (referenza ARES(2021)5602046, id-Dokument 10);

–        it-tieni kuntratt ta’ xiri konkluż bejn il-Kummissjoni u Pfizer‑ BioNTech, partijiet 1 u 2 (referenza ARES(2021)3404228, id-Dokument 11);

–        il-kuntratt ta’ xiri bil-quddiem konkluż bejn il-Kummissjoni u Novavax (referenza ARES(2021)6475411, id-Dokument 12);

–        il-kuntratt ta’ xiri bil-quddiem konkluż bejn il-Kummissjoni u Valneva (referenza ARES(2021)7403909, id-Dokument 13).

12      B’mod iktar preċiż, il-Kummissjoni tat aċċess parzjali usa’ għad-Dokumenti 1 sa 8 u 11, żvelati preċedentement, kif ukoll aċċess parzjali għad-Dokumenti 9, 10, 12 u 13, li kienu għadhom ma ġewx żvelati pubblikament, f’forma redatta. Il-verżjonijiet redatti tal-imsemmija dokumenti kienu mehmuża mad-Deċiżjoni kkontestata.

13      Fid-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni invokat l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwu u l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-impriżi kkonċernati sabiex tiġġustifika l-aċċess parzjali biss għall-kuntratti inkwistjoni.

II.    Ittalbiet talpartijiet

14      Fir-risposta għan-nota ta’ adattament tar-rikors, ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-Deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż, inklużi l-ispejjeż relatati mar-rikors fil-verżjoni inizjali tiegħu.

15      Fir-risposta, li fiha kienu inklużi, fuq talba tal-Qorti Ġenerali, l-osservazzjonijiet tagħha dwar in-nota ta’ adattament, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors kif adattat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż tal-kawża.

III. Iddritt

16      Insostenn tar-rikors tagħhom, kif adattat, ir-rikorrenti jqajmu sitt motivi, ibbażati:

–        l-ewwel wieħed, fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali għal informazzjoni li ma taqax taħt l-imsemmija eċċezzjoni, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward kif ukoll fuq applikazzjoni inkoerenti tal-imsemmija eċċezzjoni;

–        it-tieni wieħed, fuq in-nuqqas ta’ ġustifikazzjoni tal-applikazzjoni tal-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali għal seba’ kategoriji ta’ stipulazzjonijiet;

–        it-tielet wieħed, fuq applikazzjoni inkoerenti tar-Regolament Nru 1049/2001 li wasslet għal ksur tiegħu u fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, inkwantu l-Kummissjoni ma għattietx, bl-istess mod, dispożizzjonijiet jew informazzjoni tal-istess natura, kif ukoll fuq nuqqas ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward;

–        ir-raba’ wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, inkwantu l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tal-informazzjoni mitluba kif ukoll fuq nuqqas ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward;

–        il-ħames, fuq il-ksur tal-Artikolu 42 u tal-Artikolu 52(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u tal-Artikolu 10(1) tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”);

–        is-sitt wieħed, fuq il-ksur tal-Artikoli 7 u 8 tar-Regolament Nru 1049/2001, inkwantu, permezz tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni għattiet ċerta informazzjoni li hija kienet żvelat qabel kif ukoll fuq nuqqas ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward.

A.      Fuq lewwel motiv u fuq lewwel parti tattieni motiv, ibbażati fuq lapplikazzjoni żbaljata taleċċezzjoni dwar ilprotezzjoni talinteressi kummerċjali għal informazzjoni li ma taqax taħt limsemmija eċċezzjoni, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni f’dan irrigward kif ukoll fuq applikazzjoni inkoerenti talimsemmija eċċezzjoni

17      Permezz tal-ewwel motiv tagħhom u permezz tal-ewwel parti tat-tieni motiv tagħhom kif adattati, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni, b’mod żbaljat, applikat l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali għal informazzjoni li ma taqax taħt l-imsemmija eċċezzjoni, billi għattiet, jew kompletament jew parzjalment, l-elementi li ġejjin:

–        id-definizzjonijiet u, b’mod partikolari, dawk tal-espressjonijiet “nuqqas intenzjonali” (wilful misconduct) fid-Dokument 1 u “l-isforzi raġonevoli kollha possibbli” (best reasonable efforts) fid-Dokumenti 4 u 7;

–        id-dispożizzjonijiet dwar l-iskedi tal-awditi u l-ħżin tad-data;

–        id-dispożizzjonijiet dwar l-ispejjeż relatati mal-istudji dwar is-sigurtà wara t-tnedija u l-ġestjoni tar-riskji;

–        id-dispożizzjonijiet dwar id-donazzjonijiet u l-bejgħ mill-ġdid;

–        id-dispożizzjonijiet dwar is-sistema ta’ responsabbiltà f’każ ta’ ksur tal-protezzjoni tad-data personali.

18      Ir-rikorrenti jsostnu li l-informazzjoni elenkata fil-punt 17 iktar ’il fuq ma hijiex ta’ interess kummerċjali, b’tali mod li ma taqax taħt l-eċċezzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

19      Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni la indikat ir-raġunijiet li għalihom l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali kienet tapplika għall-informazzjoni elenkata fil-punt 17 iktar ’il fuq, u lanqas b’liema mod l-aċċess għall-imsemmija informazzjoni seta’ jippreġudika, b’mod raġonevolment prevedibbli, konkretament u effettivament l-interessi kummerċjali tal-impriżi kkonċernati. Barra minn hekk, il-Kummissjoni applikat l-imsemmija eċċezzjoni b’mod inkoerenti, billi neħħiet minn ċerti kuntratti informazzjoni madankollu aċċessibbli f’oħrajn.

20      Barra minn hekk, ir-rikorrenti jiddikjaraw li, fid-dawl tal-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 li fih il-kuntratti inkwistjoni, u b’mod partikolari l-kuntratti ta’ xiri bil-quddiem, ġew konklużi u tal-finanzjament minn fondi pubbliċi ta’ attivitajiet importanti ta’ riċerka u ta’ żvilupp, bir-riżultat li dak iż-żmien kien inċert, ta’ firxa ta’ vaċċini permezz tal-ħlasijiet bil-quddiem imħallsa lill-impriżi kkonċernati abbażi tal-kuntratti ta’ xiri bil-quddiem, ma kienx jeżisti suq kummerċjali għall-vaċċini kontra l-COVID‑19. In-natura tal-kuntratti inkwistjoni hija għalhekk differenti minn dik ta’ relazzjoni kummerċjali abitwali. Għaldaqstant, il-Kummissjoni żbaljat meta applikat, fid-Deċiżjoni kkontestata, l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali u għattiet id-definizzjonijiet u l-informazzjoni l-oħra.

21      Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

22      Il-Kummissjoni ssostni li l-kuntratti kollha inkwistjoni kienu s-suġġett, fl-intier tagħhom, ta’ negozjati individwali, b’tali mod li l-formulazzjoni speċifika tad-diversi definizzjonijiet u tad-dispożizzjonijiet kuntrattwali l-oħra tirrifletti l-kompromessi kumplessi misjuba fil-kuntest tal-imsemmija negozjati individwali. Hija tesponi li l-kriterju rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk l-iżvelar ta’ dispożizzjonijiet kuntrattwali jistax jikkomprometti l-interess protett mill-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 huwa jekk il-kontenut tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni jippreġudikax l-interessi kummerċjali tal-partijiet kontraenti. Issa, id-definizzjonijiet jippreċiżaw il-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligi miftiehma u jiddeterminaw minn perspettiva materjali l-kontenut tal-kuntratt, b’tali mod li huma “normattivi”. Barra minn hekk, f’dan il-każ, ċerti definizzjonijiet ewlenin, bħall-espressjonijiet “l-isforzi raġonevoli kollha possibbli” jew “nuqqas intenzjonali”, u obbligi oħra reċiproċi jinvolvu l-interessi kummerċjali tal-impriżi kkonċernati, peress li dawn jistgħu jistabbilixxu r-responsabbiltà kuntrattwali u mhux kuntrattwali tagħhom.

23      Il-Kummissjoni tafferma li indikat, fid-Deċiżjoni kkontestata, il-kuntest u n-natura eċċezzjonali tal-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt għall-vaċċini kontra l-COVID‑19 sabiex tispjega r-rilevanza ta’ ċerta informazzjoni li tinsab fid-dokumenti mitluba mill-perspettiva ekonomika u kummerċjali. Din l-informazzjoni kuntestwali tiċċara r-raġunijiet wara l-proċess ta’ negozjar individwali tal-kuntratti ta’ xiri ta’ vaċċini kontra l-COVID‑19 u d-dimensjoni globali tax-xiri tal-imsemmija vaċċini, filwaqt li tenfasizza s-sensittività, mil-lat kummerċjali, ta’ ċerta informazzjoni li tinsab fil-kuntratti konklużi bejn il-Kummissjoni u l-impriżi kkonċernati.

24      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ma hijiex suġġetta għall-eżistenza ta’ suq miftuħ għall-kompetizzjoni libera għal prodott. Barra minn hekk, iċ-ċirkustanzi speċifiċi li fihom seħħ ix-xiri tal-vaċċini jsostnu l-fatt li l-kumpanniji kkonċernati kellhom pressjoni kompetittiva kbira biex jipprovdu kwantitajiet kbar ħafna ta’ vaċċini fi żmien qasir ħafna. Barra minn hekk, hija tenfasizza li l-impriżi kkonċernati kollha huma mingħajr dubju impriżi attivi fuq livell globali u huma suġġetti għall-forzi kompetittivi tas-suq, li l-interessi tagħhom jistgħu jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni inkwistjoni. In-natura kummerċjali tal-attivitajiet tagħhom, b’mod partikolari l-forniment ta’ vaċċini kontra l-COVID-19, ma hijiex affettwata mis-sussidju pubbliku parzjali tar-riċerka u l-iżvilupp sabiex tiżdied il-possibbiltà li jkun hemm iktar vaċċini u li dawn jinkisbu iktar malajr.

1.      Osservazzjonijiet preliminari

25      Il-Qorti Ġenerali tirrileva li l-ilmenti mqajma fil-kuntest tal-ewwel motiv u tal-ewwel parti tat-tieni motiv fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar id-donazzjonijiet u l-bejgħ mill-ġdid jikkoinċidu ma’ dawk imqajma fil-kuntest tas-seba’ parti tat-tieni motiv. Għaldaqstant, l-imsemmija lmenti ser jiġu ttrattati fil-kuntest tal-imsemmija parti tat-tieni motiv (ara l-punti 179 sa 184 iktar ’l isfel).

26      Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet relatati mal-iskedi tal-awditi u mal-ħażna tad-data, mal-ispejjeż marbuta mal-istudji dwar is-sigurtà wara t-tnedija u l-ġestjoni tar-riskji u mas-sistema ta’ responsabbiltà fil-każ ta’ ksur tal-protezzjoni tad-data personali, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti jirreferu għalihom b’mod sommarju biss fil-punti 32 u 43 tar-rikors kif ukoll fil-punti 25 u 33 tan-nota ta’ adattament.

27      Issa, id-Deċiżjoni kkontestata ma ssemmix espliċitament rifjut ta’ aċċess għal dawn id-dispożizzjonijiet. Barra minn hekk, fin-nuqqas ta’ preċiżazzjonijiet dwar il-fatt li ġiet mgħottija informazzjoni, ikkonċernat minn dan l-argument tar-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali lanqas ma kienet f’pożizzjoni li tidentifika tali dispożizzjonijiet fid-dokumenti prodotti mill-Kummissjoni bi tweġiba għall-miżura istruttorja adottata skont l-Artikolu 91(c) u l-Artikolu 104 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tosserva li d-dispożizzjonijiet fuq il-“verifiki u l-awditjar” (checks and audits) huma żvelati kollha fid-Dokumenti 1, 2, 3, 5, 6, 8, 12 u 13. Barra minn hekk, il-perijodu li matulu setgħu saru dawn il-“verifiki u awditjar” ġie żvelat fid-Dokumenti 4, 7 u 11. Fir-rigward tad-Dokumenti 9 u 10, dawn ma jsemmux tali “verifiki u awditjar”.

28      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-eżami tal-fondatezza tal-ewwel motiv u tal-ewwel parti tat-tieni motiv jista’ jirrigwarda biss ir-rifjut ta’ aċċess għad-definizzjonijiet tal-espressjonijiet “nuqqas intenzjonali” u “l-isforzi raġonevoli kollha possibbli”.

29      Skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom jirrifjutaw l-aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jkun jista’ jippreġudika l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ persuna fiżika jew legali partikolari, inkluża l-proprjetà intellettwali, sakemm ma jkunx hemm interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokument inkwistjoni.

30      F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 isegwi li sempliċi preġudizzju għall-interessi msemmija jista’ jiġġustifika l-applikazzjoni, jekk ikun il-każ, ta’ waħda mill-eċċezzjonijiet elenkati fih, mingħajr ma din l-interferenza ikollha tilħaq livell ta’ gravità partikolari (sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2020, PTC Therapeutics International vs EMA, C‑175/18 P, EU:C:2020:23, punt 90).

31      Fir-rigward tal-kunċett ta’ interessi kummerċjali, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament Nru 1049/2001 ma jiddefinixxix dan il-kunċett, ħlief inkwantu jispeċifika li dawn l-interessi jistgħu jkopru l-proprjetà intellettwali ta’ persuna fiżika jew ġuridika partikolari. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, sabiex jiġi ġġustifikat ir-rifjut ta’ aċċess għal dokument li jkun intalab l-iżvelar tiegħu, ma huwiex biżżejjed, bħala prinċipju, li dan id-dokument ikun jaqa’ taħt attività kummerċjali, iżda hija l-istituzzjoni kkonċernata li għandha tipprovdi spjegazzjonijiet dwar kif l-aċċess għal dan id-dokument jista’ konkretament u effettivament jippreġudika l-interessi kummerċjali u li għandha turi li dan ir-riskju ta’ preġudizzju huwa raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑3 ta’ Lulju 2014, Il‑Kunsill vs in’t Veld, C‑350/12 P, EU:C:2014:2039, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑27 ta’ Frar 2018, CEE Bankwatch Network vs Il‑Kummissjoni, T‑307/16, EU:T:2018:97, punti 103 sa 105 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      Barra minn hekk, l-eżami li għandha tagħmel l-istituzzjoni sabiex tapplika eċċezzjoni għandu jsir b’mod konkret u għandu jirriżulta mir-raġunijiet tad-deċiżjoni (ara s-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2008, Terezakis vs Il‑Kummissjoni, T‑380/04, mhux ippubblikata, EU:T:2008:19, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      F’dan il-kuntest, għandu jiġi nnotat li mhux kull informazzjoni dwar kumpannija u r-relazzjonijiet tan-negozju tagħha tista’ titqies bħala li taqa’ taħt il-protezzjoni li għandha tiġi żgurata għall-interessi kummerċjali konformement mal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, ħlief biex tinżamm taħt kontroll l-applikazzjoni tal-prinċipju ġenerali li jikkonsisti fl-għoti tal-aċċess l-iktar wiesa’ possibbli, lill-pubbliku, għad-dokumenti miżmuma mill-istituzzjonijiet (ara s-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2014, MasterCard et vs Il‑Kummissjoni, T‑516/11, mhux ippubblikata, EU:T:2014:759, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, din il-protezzjoni tista’ tkopri informazzjoni kummerċjali sensittiva, bħal informazzjoni dwar l-istrateġiji kummerċjali tal-kumpanniji, l-ammonti tal-bejgħ tagħhom, is-sehem mis-suq tagħhom jew ir-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs Agrofert Holding, C‑477/10 P, EU:C:2012:394, punti 54 sa 56, u tad‑9 ta’ Settembru 2014, MasterCard et vs Il‑Kummissjoni, T‑516/11, mhux ippubblikata, EU:T:2014:759, punti 82 u 83).

34      Fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1049/2001, l-obbligu għall-istituzzjoni li timmotiva d-deċiżjoni tagħha li tirrifjuta l-aċċess għal dokument għandu l-għan, minn naħa, li jipprovdi lill-persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex tkun taf jekk id-deċiżjoni hijiex fondata jew jekk hijiex, eventwalment, ivvizzjata b’difett li jippermetti li tiġi kkontestata l-validità tagħha u, min-naħa l-oħra, li jippermetti lill-qorti tal-Unjoni teżerċita l-istħarriġ tagħha dwar il-legalità tad-deċiżjoni. Il-portata ta’ dan l-obbligu tiddependi min-natura tal-att inkwistjoni u mill-kuntest li fih dan ġie adottat (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Frar 2020, Compañía de Tranvías de la Coruña vs Il‑Kummissjoni (T‑485/18, EU:T:2020:35, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      Skont il-ġurisprudenza, l-obbligu ta’ motivazzjoni madankollu ma jimplikax li l-istituzzjoni kkonċernata għandha tirrispondi għal kull wieħed mill-argumenti mressqa matul il-proċedura li tippreċedi l-adozzjoni tad-deċiżjoni finali kkontestata (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Settembru 2018, Psara et vs Il‑Parlament, T‑639/15 sa T‑666/15 u T‑94/16, EU:T:2018:602, punt 134 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Madankollu, għalkemm il-kuntest madwar it-teħid tad-deċiżjoni jista’ jtaffi r-rekwiżiti ta’ motivazzjoni li huma a karigu tal-istituzzjoni kkonċernata, huwa jista’ wkoll, min-naħa l-oħra, iżidhom f’ċirkustanzi partikolari. Dan huwa l-każ meta, matul il-proċedura ta’ talba għal aċċess għal dokumenti, l-applikant iressaq elementi li jistgħu jikkontestaw il-fondatezza tal-ewwel rifjut. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rekwiżiti ta’ motivazzjoni jimponu fuq l-istituzzjoni l-obbligu li twieġeb għal talba konfermattiva billi tindika r-raġunijiet li għalihom dawn l-elementi ma humiex ta’ natura li jippermettulha tbiddel il-pożizzjoni tagħha. Fin-nuqqas ta’ dan, l-applikant ma jkunx f’pożizzjoni li jifhem ir-raġunijiet li għalihom l-awtur tat-tweġiba għat-talba konfermattiva ddeċieda li jżomm l-istess raġunijiet sabiex jikkonferma r-rifjut (sentenza tas‑6 ta’ April 2000, Kuijer vs Il‑Kunsill, T‑188/98, EU:T:2000:101, punti 45 u 46).

37      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu analizzati l-argumenti tar-rikorrenti li jgħidu, minn naħa, li l-Kummissjoni applikat, b’mod żbaljat, l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali għall-kuntratti inkwistjoni, b’mod partikolari għad-definizzjonijiet u b’mod iktar preċiż għad-definizzjonijiet tal-espressjonijiet “nuqqas intenzjonali” fid-Dokument 1 u “l-isforzi raġonevoli kollha possibbli” fid-Dokumenti 4 u 7.

2.      Fuq ilmotivazzjoni tadDeċiżjoni kkontestata firrigward tattħassir parzjali taddefinizzjonijiet

38      Ir-rikorrenti jsostnu li d-definizzjonijiet fil-kuntratti inkwistjoni ma jaqgħux taħt l-eċċezzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 u jikkontestaw in-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata sabiex tiġġustifika li huma jitħassru parzjalment.

39      Il-Qorti Ġenerali tirrileva li s-sempliċi qari tal-kuntratti inkwistjoni kif żvelati mid-Deċiżjoni kkontestata juri li, għalkemm ċerti definizzjonijiet huma identiċi, oħrajn, inklużi d-definizzjonijiet li jidhru ta’ natura teknika u possibbilment ftit kontroversjali, kienu s-suġġett ta’ negozjati individwali u speċifiċi, kif tindika l-Kummissjoni u kif isegwi b’mod partikolari minn diversi żidiet jew preċiżazzjonijiet addizzjonali.

40      Minn dan isegwi li, anki jekk il-preżenza ta’ definizzjonijiet fil-kuntratti inkwistjoni tista’ titqies li hija komuni, ir-redazzjoni speċifika tagħhom ma tistax titqies, fil-każijiet kollha, li hija “ġenerali u komuni” fis-sens tal-punt 98 tas-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2008, Terezakis vs Il‑Kummissjoni (T‑380/04, mhux ippubblikata, EU:T:2008:19). Barra minn hekk, fil-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza, l-istituzzjoni kienet irrifjutat l-aċċess għall-kuntratt inkwistjoni fl-intier tiegħu, b’tali mod li r-rilevanza tiegħu għall-kawża ineżami, li fiha l-Kummissjoni kkunsidrat ġustament il-possibbiltà li jingħata aċċess parzjali għall-kuntratti inkwistjoni, għandha tiġi relativizzata.

41      B’mod iktar partikolari, fir-rigward tat-tħassir tad-definizzjonijiet tal-espressjonijiet “nuqqas intenzjonali” fid-Dokument 1 u “l-isforzi raġonevoli kollha possibbli” fid-Dokumenti 4 u 7, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li, fit-talba konfermattiva, is-sitt Membri rreferew espressament għall-imsemmija termini.

42      Madankollu, id-Deċiżjoni kkontestata, li tesponi l-motivi li jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ żvelar, sħiħ jew parzjali, ta’ sensiela sħiħa ta’ kategoriji ta’ informazzjoni fil-kuntratti inkwistjoni, inkluż, bħala eżempju, id-definizzjonijiet ta’ “vaċċin” (vaccine) u ta’ “vaċċin adattat” (adapted vaccine), kif ukoll id-dispożizzjonijiet dwar ir-responsabbiltà u l-kumpens, ma turix b’mod espress, anki jekk fil-qosor, ir-raġunijiet għaliex definizzjonijiet oħra, u b’mod partikolari d-definizzjonijiet tal-espressjonijiet “nuqqas intenzjonali” fid-Dokument 1 u “l-isforzi raġonevoli kollha possibbli” fid-Dokumenti 4 u 7, espressament imsemmija mis-sitt Membri fl-applikazzjoni konfermattiva tagħhom, ġew imħassra.

43      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argument żviluppat mill-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha u waqt is-seduta, li d-definizzjonijiet jippreċiżaw il-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligi miftiehma u jiddeterminaw minn perspettiva materjali l-kontenut tal-kuntratt, b’tali mod li huma “normattivi”, u li d-definizzjonijiet ta’ “nuqqas intenzjonali” fid-Dokument 1 u ta’ “l-isforzi raġonevoli kollha possibbli” fid-Dokumenti 4 u 7 kienu jinvolvu l-interessi kummerċjali tal-impriżi kkonċernati peress li huma jistgħu jistabbilixxu r-responsabbiltà kuntrattwali u mhux kuntrattwali ta’ dawn tal-aħħar.

44      Fil-fatt, dawn l-ispjegazzjonijiet ma ġewx invokati fid-Deċiżjoni kkontestata u ma jistgħux jiġu dedotti minn dawk li jinsabu fiha, inkluż fil-punt 2.1.4 tal-imsemmija deċiżjoni li tirrigwarda preċiżament l-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-impriżi kkonċernati. Issa, il-qorti tal-Unjoni ma hijiex obbligata tieħu inkunsiderazzjoni l-ispjegazzjonijiet addizzjonali pprovduti biss fil-mori tal-kawża mill-awtur tal-att inkwistjoni sabiex tevalwa l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni, għaliex jekk ma jkunx hekk tkun qiegħda tippreġudika t-tqassim tal-kompetenzi bejn l-amministrazzjoni u l-qorti tal-Unjoni u ddgħajjef l-istħarriġ tal-legalità tal-atti tal-amministrazzjoni (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2023, BEI u Il‑Kummissjoni vs ClientEarth, C‑212/21 P u C‑223/21 P, EU:C:2023:546, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      Minn dan isegwi li l-motivi tad-Deċiżjoni kkontestata ma jippermettux lir-rikorrenti jifhmu r-raġunijiet speċifiċi li wasslu għal dan it-tħassir, u lanqas lill-qorti tal-Unjoni teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità tal-imsemmi tħassir, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 31, 34 u 36 iktar ’il fuq.

46      Għaldaqstant, ir-rikorrenti ġustament isostnu li l-Kummissjoni kisret l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 billi ma pprovdietx spjegazzjonijiet suffiċjenti sabiex ikun magħruf kif l-aċċess għad-definizzjonijiet inkwistjoni jista’ jippreġudika konkretament u effettivament l-interessi kummerċjali ta’ AstraZeneca u ta’ Pfizer-BioNTech, rispettivament.

47      Fir-rigward tal-ilment li l-Kummissjoni applikat l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali għad-definizzjonijiet b’mod inkoerenti, dan l-ilment jikkoinċidi mat-tielet motiv, b’tali mod li għandu jiġi eżaminat fil-kuntest tal-imsemmi motiv.

B.      Fuq ittieni motiv, ibbażat fuq lassenza ta’ ġustifikazzjoni talapplikazzjoni taleċċezzjoni dwar ilprotezzjoni talinteressi kummerċjali u fuq ilksur tarRegolament Nru 1049/2001 inkwantu lKummissjoni ma żammitx malinterpretazzjoni stretta u malapplikazzjoni taleċċezzjoni msemmija iktar ’il fuq

48      Permezz tat-tieni motiv tagħhom, ir-rikorrenti jikkritikaw il-mod li bih il-Kummissjoni applikat l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali sabiex tneħħi mill-kuntratti inkwistjoni ċerti partijiet li jikkonċernaw sitt kategoriji ta’ informazzjoni, fosthom:

–        il-post fejn jinsabu s-siti tal-produzzjoni;

–        id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

–        is-somom imħallsa minn qabel jew il-ħlasijiet bil-quddiem;

–        id-dispożizzjonijiet dwar ir-responsabbiltà u l-kumpens;

–        l-iskeda tal-konsenji;

–        id-dispożizzjonijiet dwar id-donazzjonijiet u l-bejgħ mill-ġdid.

49      Ir-rikorrenti jikkritikaw ukoll lill-Kummissjoni li ma ġġustifikatx b’mod suffiċjenti, fid-Deċiżjoni kkontestata, l-applikazzjoni tal-imsemmija eċċezzjoni.

50      Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

1.      Fuq irrifjut ta’ aċċess għallpost tassiti ta’ produzzjoni 

51      Permezz tat-tieni parti tat-tieni motiv kif adattat, ir-rikorrenti jsostnu li l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ma tipprekludix l-iżvelar ta’ informazzjoni dwar il-post tas-siti ta’ produzzjoni u tas-subkuntratturi tal-impriżi kkonċernati.

52      Barra minn hekk, ir-rikorrenti jikkontestaw is-suffiċjenza tal-motivazzjoni esposta fid-Deċiżjoni kkontestata f’dan ir-rigward u l-fondatezza tagħha. Hija ma ssemmix iċ-ċirkustanza li l-informazzjoni inkwistjoni kienet diġà tinsab fid-dominju pubbliku. Hija lanqas ma tesponi r-raġunijiet li għalihom din l-informazzjoni, informazzjoni oħra jew iktar informazzjoni dwar il-post tas-siti ta’ produzzjoni għandhom jitqiesu bħala kunfidenzjali, u lanqas kif u b’liema mod l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni, li tikkonċerna madankollu l-ewwel 18‑il xahar tal-pandemija, jista’ jippreġudika l-interessi kummerċjali attwali tal-impriżi kkonċernati.

53      Ir-rikorrenti jżidu li huma għandhom interess fl-iżvelar tas-siti msemmija fil-kuntratti inkwistjoni li diġà jinsabu fid-dominju pubbliku għall-finijiet tal-paragun ma’ dawk inklużi fil-kuntratti inkwistjoni. Barra minn hekk, l-iżvelar tagħhom huwa importanti sabiex il-pubbliku jkun jista’ jivverifika fejn ġew investiti l-fondi pubbliċi u f’liema kundizzjonijiet ġew żviluppati, prodotti, maħżuna u ttrasportati l-ewwel vaċċini.

54      Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

55      F’dan il-każ, għandu jiġi miċħud qabel kollox, bħala ineffettiv, l-argument tar-rikorrenti li, essenzjalment, l-iżvelar tal-informazzjoni dwar il-post tas-siti ta’ produzzjoni tal-impriżi kkonċernati u r-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom mas-subkuntratturi tagħhom ma jistax jippreġudika l-interessi kummerċjali attwali tal-impriżi kkonċernati.

56      Fil-fatt, l-evalwazzjoni tal-fondatezza tal-applikazzjoni ta’ waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 għandha ssir fid-dawl tal-fatti li kienu jeżistu fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li tirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti abbażi ta’ din l-eċċezzjoni (ara s-sentenzi tal‑11 ta’ Mejju 2017, L‑Isvezja vs Il‑Kummissjoni, C‑562/14 P, EU:C:2017:356, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑6 ta’ Frar 2020, Compañía de Tranvías de la Coruña vs Il‑Kummissjoni, T‑485/18, EU:T:2020:35, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata) u tal-informazzjoni li l-istituzzjoni seta’ jkollha għad-dispożizzjoni tagħha meta hija adottatha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, CEE Bankwatch Network vs Il‑Kummissjoni, T‑307/16, EU:T:2018:97, punt 133 u l-ġurisprudenza ċċitata), jiġifieri, f’dan il-każ, fil‑15 ta’ Frar 2022.

57      Sussegwentement, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li ċerta informazzjoni dwar is-siti ta’ produzzjoni u dwar is-subkuntratturi tal-impriżi kkonċernati diġà tinsab fid-dominju pubbliku permezz ta’ mappa interattiva ppubblikata fuq is-sit internet tal-Kummissjoni u f’rapporti pubbliċi tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA), b’tali mod li iktar informazzjoni dwar dawn is-siti u dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali tal-imsemmija impriżi mas-subkuntratturi tagħhom, mgħottija f’dan il-każ, ma hijiex informazzjoni kummerċjali sensittiva. Huma jikkritikaw lill-Kummissjoni li ma indirizzatx dawn il-kunsiderazzjonijiet fid-Deċiżjoni kkontestata.

58      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fid-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li l-għażla li wieħed ikollu sit ta’ produzzjoni f’post partikolari jew li jirrikorri għal subkuntrattur partikolari kienet taqa’ taħt l-istrateġija kummerċjali interna tal-impriżi kkonċernati u kienet tirriżulta minn għażla ekonomika preċiża. L-identiċità tal-imsemmija siti u r-relazzjoni ekonomika jew industrijali tagħhom mal-impriża kkonċernata ma jaqgħux taħt id-dominju pubbliku. Hija kkonkludiet li l-iżvelar ta’ informazzjoni dwar is-siti ta’ produzzjoni tal-impriżi kkonċernati, b’mod partikolari l-Artikolu I.6.3 tad-Dokument 4 u l-annessi tal-kuntratti kollha inkwistjoni li jirrigwardaw is-subkuntrattur tal-imsemmija impriżi, ikun jiżvela lill-kompetituri tal-imsemmija impriżi elementi importanti tal-kapaċitajiet industrijali tagħhom u jkun jista’ jippreġudika l-kapaċitajiet industrijali tagħhom li jipproduċu l-vaċċin, jew saħansitra, eventwalment, jostakola, għal raġunijiet ekonomiċi, l-eżekuzzjoni sħiħa tal-kuntratti konklużi.

59      Wara li kkonsultat il-verżjonijiet sħaħ tal-kuntratti inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li dawn jesponu, b’livell ta’ dettall li jvarja, l-identità u l-post ta’ siti ta’ produzzjoni tal-impriżi kkonċernati u tad-diversi subkuntratturi jew imsieħba tagħhom, kif ukoll, skont il-każ, l-għoti ta’ kompiti fost l-entitajiet elenkati. Barra minn hekk, f’ċerti każijiet, saru bidliet, bħal żidiet jew bidliet fis-siti jew fl-imsieħba, fl-istadju tal-kuntratt ta’ xiri meta mqabbla mal-kuntratt ta’ xiri bil-quddiem.

60      Għaldaqstant, il-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat, fid-Deċiżjoni kkontestata, li l-informazzjoni dwar il-post tas-siti ta’ produzzjoni u tas-subkuntratturi tal-impriżi kkonċernati mgħottija fil-kuntratti inkwistjoni kienet taqa’ taħt ir-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom u, fl-aħħar mill-aħħar, taħt il-kapaċità tagħhom u taħt l-istrateġija industrijali u kummerċjali tagħhom.

61      Issa, bħalma tfakkar fil-punt 33 iktar ’il fuq, il-protezzjoni li għandha tiġi ggarantita għall-interessi kummerċjali konformement mal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 tista’ tkopri tali informazzjoni.

62      Barra minn hekk, l-informazzjoni li tinsab fil-kuntratti inkwistjoni ma tistax titqies li hija storika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Lulju 2015, Axa Versicherung vs Il‑Kummissjoni, T‑677/13, EU:T:2015:473, punt 154 u l-ġurisprudenza ċċitata, u d-digriet tat‑12 ta’ Lulju 2018, RATP vs Il‑Kummissjoni, T‑250/18 R, mhux ippubblikat, EU:T:2018:458, punti 55 u 57). Fil-fatt, din id-data kienet ta’ inqas minn sentejn qabel u, bħalma jsegwi mir-risposta tal-Kummissjoni għal domanda magħmula bħala miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-parti l-kbira tal-kuntratti inkwistjoni kienu għadhom qegħdin jiġu implimentati fil-mument tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata.

63      Il-konklużjoni li tinsab fil-punt 60 iktar ’il fuq lanqas ma hija invalidata mill-pubblikazzjoni, fuq is-sit internet tal-Kummissjoni, ta’ mappa interattiva li turi l-“kapaċitajiet ta’ produzzjoni tal-vaċċini kontra l-COVID‑19 fl-[Unjoni]” (interactive map showing the production capacities of COVID-19 vaccines in the EU).

64      Fil-fatt, kif ikkonfermat il-Kummissjoni bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali bħala miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-mappa interattiva ma tinkludix informazzjoni dwar il-lokalizzazzjoni fit-territorju tal-Unjoni tas-siti ta’ produzzjoni ta’ vaċċini kontra l-COVID-19 li jinsabu fil-kuntratti inkwistjoni. L-iktar l-iktar, bħalma kkonċediet il-Kummissjoni, l-applikazzjoni tal-filtru “contracted by APA manufacturer” (taħt kuntratt ma’ manifattur li kkonkluda kuntratt ta’ xiri bil-quddiem) turi sit ta’ produzzjoni wieħed, li jinsab fil-Ġermanja, li ma jidhirx fil-kuntratti li r-rikorrenti talbu l-aċċess għalihom.

65      Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il-mappa interattiva la tindika l-post eżatt tas-siti ta’ produzzjoni tal-vaċċini kontra l-COVID-19 li huma s-suġġett tal-kuntratti inkwistjoni, u lanqas l-ismijiet tal-eventwali subkuntratturi kkonċernati.

66      Barra minn hekk, għalkemm ir-rapporti pubbliċi tal-EMA dwar id-diversi vaċċini kontra l-COVID-19 jinkludu informazzjoni dwar siti ta’ produzzjoni, din iċ-ċirkustanza ma hijiex, bħala tali, ta’ natura li tobbliga lill-Kummissjoni tikkomunika l-informazzjoni kollha dwar il-post tas-siti ta’ produzzjoni u tas-subkuntratturi tal-impriżi kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, BĊE vs Espírito Santo Financial (Portugal) (C‑442/18 P, EU:C:2019:1117, punt 56).

67      Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ liġi meta għattiet informazzjoni dwar il-post tas-siti ta’ produzzjoni u tas-subkuntratturi tal-impriżi kkonċernati.

68      Fl-aħħar nett, peress li l-informazzjoni dwar il-post tas-siti ta’ produzzjoni u tas-subkuntratturi tal-impriżi kkonċernati ma ġietx żvelata mill-Kummissjoni permezz tal-mappa interattiva, id-Deċiżjoni kkontestata ma hija vvizzjata minn ebda insuffiċjenza ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-imsemmija mappa.

69      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

70      Fl-aħħar nett, sa fejn l-argument tar-rikorrenti dwar l-interess għall-iżvelar tal-informazzjoni dwar il-post tas-siti ta’ produzzjoni mgħottija jikkoinċidi ma’ dak imqajjem fil-kuntest tar-raba’ motiv, dan l-argument ser jiġi ttrattat fil-kuntest tal-imsemmi motiv (ara l-punt 210 iktar ’il fuq).

2.      Fuq irrifjut parzjali ta’ aċċess għaddispożizzjonijiet filqasam taddritt talproprjetà intellettwali

71      Permezz tat-tielet parti tat-tieni motiv tagħhom, ir-rikorrenti jikkontestaw in-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata u l-fondatezza tagħha sabiex jiġi ġġustifikat li dispożizzjonijiet fil-qasam tal-proprjetà intellettwali jiġu mgħottija parzjalment abbażi tal-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

72      Ir-rikorrenti jqisu li huma ipotetiċi l-kunsiderazzjonijiet esposti fid-Deċiżjoni kkontestata li l-iżvelar tal-informazzjoni mgħottija jippreżenta riskju ta’ preġudizzju għall-interessi kummerċjali tal-impriżi kkonċernati peress li jżid il-pressjoni eżerċitata fuq l-imsemmija impriżi sabiex dawn iqiegħdu għad-dispożizzjoni parti min-know-how tagħhom u jkollu effetti negattivi fuq il-kapaċità industrijali tagħhom. Barra minn hekk, huma jsostnu li l-Kummissjoni ma indikatx l-elementi tad-dispożizzjonijiet fil-qasam tad-dritt tal-proprjetà intellettwali li jispjegaw ir-raġunijiet konkreti u speċifiċi għan-nuqqas ta’ żvelar tagħhom.

73      Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

a)      Fuq ilmotivazzjoni tadDeċiżjoni kkontestata

74      Il-Qorti Ġenerali tirrileva li, fit-talba konfermattiva, is-sitt Membri espressament talbu l-iżvelar tad-dispożizzjonijiet fil-qasam tad-dritt tal-proprjetà intellettwali.

75      F’dan il-każ, permezz tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni għattiet parzjalment id-dispożizzjonijiet fil-qasam tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fid-Dokumenti 1, 4, 6, 7, 8, 11, 12 u 13.

76      Fid-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li l-informazzjoni mgħottija skont l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali kienet tinkludi elementi sensittivi fuq il-livell kummerċjali, bħall-proprjetà intellettwali. Hija indikat ukoll, fil-parti ta’ din id-deċiżjoni ddedikata għar-riskji dwar l-organizzazzjoni u l-kapaċità industrijali tal-impriżi kkonċernati, li l-iżvelar tad-deskrizzjoni tal-obbligi reċiproċi tal-partijiet għall-kuntratti inkwistjoni fil-qasam tal-proprjetà intellettwali kien jiżvela lill-kompetituri tal-impriżi kkonċernati elementi importanti tal-kapaċitajiet industrijali tagħhom u jkun jista’ jippreġudika l-kapaċitajiet industrijali tagħhom li jipproduċu l-vaċċin, jew saħansitra, eventwalment, jostakola, għal raġunijiet ekonomiċi, l-eżekuzzjoni sħiħa tal-kuntratti konklużi. L-imsemmija dispożizzjonijiet jipprevedu jew id-dritt esklużiv għall-impriża kkonċernata li tibbenefika mid-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali li jirriżultaw mill-produzzjoni tal-vaċċin, jew inkella l-għoti ta’ liċenzja fuq parti minn dawn id-drittijiet. L-impriża kkonċernata tista’ tiġi indirizzata b’talbiet għall-għoti jew ta’ derogi għall-esklużività għal testijiet kliniċi sussegwenti, jew ta’ liċenzji addizzjonali, u b’hekk tkun suġġetta għal pressjoni dejjem tikber min-naħa tal-kompetituri tagħha sabiex parti min-know-how tagħha ssir pubblika. Talbiet bħal dawn isiru iktar frekwenti minħabba l-ħtiġijiet dejjem ikbar ta’ vaċċini relatati mal-progress globali tal-pandemija.

77      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet isegwi li l-Kummissjoni pprovdiet spjegazzjonijiet fil-qosor, mingħajr ma żvelat il-kontenut tal-frażijiet jew tal-partijiet tal-frażijiet mgħottija b’mod li ċċaħħad l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali mill-għan essenzjali tagħha fir-rigward tan-natura tad-dispożizzjonijiet fil-qasam tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali parzjalment mgħottija. Bl-istess mod, hija pprovdiet spjegazzjonijiet iddettaljati dwar kif l-iżvelar tagħhom seta’ konkretament u effettivament jippreġudika l-interessi kummerċjali tal-impriżi kkonċernati.

78      Barra minn hekk, għalkemm il-Kummissjoni hija obbligata li tesponi r-raġunijiet li jiġġustifikaw l-applikazzjoni f’dan il-każ ta’ waħda mill-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess previsti mir-Regolament Nru 1049/2001, hija ma hijiex obbligata li tipprovdi informazzjoni li tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex il-persuna li titlob l-aċċess tifhem ir-raġunijiet li wasslu għad-deċiżjoni tagħha u għall-istħarriġ, mill-Qorti Ġenerali, tal-legalità ta’ din tal-aħħar (sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2008, Terezakis vs Il‑Kummissjoni, T‑380/04, mhux ippubblikata, EU:T:2008:19, punt 119).

79      Minn dan isegwi li l-motivi tad-Deċiżjoni kkontestata jippermettu lir-rikorrenti jifhmu r-raġunijiet speċifiċi li wasslu lill-Kummissjoni sabiex tgħatti, parzjalment, fil-kuntratti inkwistjoni, id-dispożizzjonijiet fil-qasam tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u lill-qorti tal-Unjoni teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità tal-imsemmi fatt li l-informazzjoni tiġi mgħottija, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 34, 35 u 78 iktar ’il fuq.

80      Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq l-insuffiċjenza tal-motivazzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata f’dan ir-rigward għandu jiġi miċħud.

b)      Fuq ilfondatezza talmotivazzjoni tadDeċiżjoni kkontestata

81      Fir-rigward tal-fondatezza tal-motivi mressqa mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni kkontestata sabiex tiġġustifika li d-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-proprjetà intellettwali jiġu mgħottija parzjalment, għandu jiġi ddeterminat jekk il-Kummissjoni pprovdietx spjegazzjonijiet plawżibbli dwar kif l-aċċess għall-informazzjoni mgħottija jista’ jippreġudika konkretament u effettivament il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-impriżi kkonċernati u jekk il-preġudizzju allegat jistax jitqies bħala raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2020, Bronckers vs Il‑Kummissjoni, T‑166/19, EU:T:2020:557, punt 58).

82      Konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 30 u 31 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tistabbilixxi l-eżistenza ta’ riskju ċert ta’ preġudizzju għall-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-impriżi kkonċernati.

83      Huwa biżżejjed li d-Deċiżjoni kkontestata tinkludi elementi tanġibbli li minnhom jista’ jiġi konkluż li r-riskju ta’ preġudizzju għall-interessi kummerċjali tal-impriżi kkonċernati kien, fid-data ta’ adozzjoni tagħha, raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku, u li tintwera l-eżistenza, f’tali data, ta’ raġunijiet oġġettivi li abbażi tagħhom jista’ jiġi raġonevolment previst li tali preġudizzju jseħħ jekk tiġi żvelata l-informazzjoni mitluba mir-rikorrenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2011, Toland vs Il‑Parlament, T‑471/08, EU:T:2011:252, punti 78 u 79).

84      F’dan il-każ, bħalma huwa indikat fil-punt 76 iktar ’il fuq, mid-Deċiżjoni kkontestata jsegwi li l-Kummissjoni rrifjutat l-aċċess sħiħ għad-dispożizzjonijiet inkwistjoni, sabiex ma tirriskjax li tfixkel l-eventwali teħid ta’ pożizzjoni strateġika tal-impriżi kkonċernati fir-rigward tal-użu tad-drittijiet tagħhom, fi żmien ikkaratterizzat minn talba qawwija għall-vaċċini kontra l-COVID-19 u li matulu kien prevedibbli li jitressqu talbiet għall-għoti ta’ liċenzji minn kumpanniji terzi.

85      Wara li kkonsultat il-verżjonijiet sħaħ tal-kuntratti inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li għalkemm id-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-proprjetà intellettwali, li jinsabu taħt it-titolu “Użu tar-riżultati” tal-kuntratt u/jew taħt it-titolu “Drittijiet ta’ proprjetà intellettwali”, għandhom similaritajiet, dawn ma humiex identiċi, bħalma jsegwi, skont il-każ, minn diversi żidiet. Barra minn hekk, ir-rikorrenti la jikkontestaw il-kuntest ta’ domanda qawwija għal vaċċini kontra l-COVID-19, u lanqas iċ-ċirkustanza li kienu prevedibbli talbiet għall-għoti ta’ liċenzji. Huma lanqas ma jikkontestaw il-fatt li r-riskju ta’ preġudizzju għall-interessi kummerċjali ta’ impriża partikolari huwa individwali għaliha.

86      Barra minn hekk, l-ispjegazzjonijiet tal-Kummissjoni fid-Deċiżjoni kkontestata juru li hija wettqet eżami konkret u individwali tat-talba għal aċċess għall-kuntratti inkwistjoni u li hija bbażat ruħha fuq ċirkustanzi speċifiċi għall-każ u speċifiċi għall-impriżi kkonċernati fir-rigward tad-dispożizzjonijiet fil-qasam tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ riskju raġonevolment prevedibbli u mhux ipotetiku ta’ preġudizzju għall-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-imsemmija impriżi.

87      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ispjegazzjonijiet tal-Kummissjoni fid-Deċiżjoni kkontestata dwar l-eżistenza ta’ riskju raġonevolment prevedibbli u mhux ipotetiku ta’ preġudizzju għall-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-impriżi kkonċernati dwar l-iżvelar sħiħ tad-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-proprjetà intellettwali huma fondati.

88      Fir-rigward tal-ilment li l-Kummissjoni applikat l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali b’mod inkoerenti, dan l-ilment jikkoinċidi mat-tielet motiv, b’tali mod li għandu jiġi eżaminat fil-kuntest tal-imsemmi motiv.

89      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tielet parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

3.      Fuq irrifjut parzjali ta’ aċċess għaddispożizzjonijiet relatati malħlasijiet akkont jew malħlasijiet bilquddiem

90      Permezz tat-tielet parti tat-tieni motiv tagħhom, ir-rikorrenti jikkontestaw in-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata u l-fondatezza tagħha sabiex jiġi ġġustifikat li d-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-proprjetà intellettwali jiġu mgħottija parzjalment abbażi tal-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

91      Ir-rikorrenti jikkontestaw il-kunsiderazzjonijiet invokati fid-Deċiżjoni kkontestata li l-iżvelar tal-informazzjoni mgħottija jippreżenta riskju ta’ preġudizzju għall-interessi kummerċjali tal-impriżi kkonċernati peress li jippermetti li jiġi ddeterminat il-valur totali tal-kuntratt inkwistjoni u l-prezz għal kull doża u jiżvela l-istrateġiji u l-istrutturi tariffarji tal-imsemmija impriżi, li jista’ jippreġudika n-negozjati tagħhom fis-suq dinji u jiġi sfruttat għad-detriment tagħhom mill-kompetituri tagħhom. Huma jirrilevaw li l-Kummissjoni żvelat l-ammont tal-ħlasijiet akkont jew ħlasijiet bil-quddiem ta’ “ċerti” kuntratti inkwistjoni u li “wħud” mill-imsemmija ammonti huma magħrufa minħabba l-kxif ta’ informazzjoni fuq network soċjali u fil-mezzi ta’ komunikazzjoni (ara l-punt 8 iktar ’il fuq). Madankollu, il-Kummissjoni ma kkonfermatx li kien effettivament possibbli li jiġi kkalkolat il-prezz għal kull doża jew li jinsiltu konklużjonijiet oħra kummerċjalment sensittivi, b’mod partikolari, fir-rigward tal-istrateġiji tariffarji tal-impriżi kkonċernati, abbażi ta’ informazzjoni dwar il-ħlasijiet akkont jew il-ħlasijiet bil-quddiem mgħottija. F’dan il-kuntest, huma jenfasizzaw li l-prezz li tħalla għall-inkarigu tal-Istati Membri ma ġiex żvelat. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ma spjegatx kif ir-riskju ta’ preġudizzju għall-interessi kummerċjali tal-impriżi kkonċernati kien prevedibbli u mhux ipotetiku.

92      Ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni li ma spjegatx kif l-iżvelar tal-ħlasijiet akkont jew tal-ħlasijiet bil-quddiem jista’ jiżvela informazzjoni dwar is-sitwazzjoni attwali tal-impriżi kkonċernati u s-suq għall-vaċċini kontra l-COVID-19.

93      Ir-rikorrenti jsostnu li r-riskju ta’ dannu għall-interessi kummerċjali tal-impriżi kkonċernati fir-rigward tan-negozjati tagħhom ma’ xerrejja ta’ pajjiżi terzi ma huwiex kopert mill-eċċezzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 u huwa ipotetiku.

94      Ir-rikorrenti jikkontestaw il-kunsiderazzjonijiet invokati fid-Deċiżjoni kkontestata li l-iżvelar sħiħ tad-dispożizzjonijiet tal-kuntratti ta’ xiri bil-quddiem fuq il-ħlasijiet akkont jew il-ħlasijiet bil-quddiem jiżvantaġġa lill-impriża kkonċernata fil-konfront tal-kompetituri tagħha, billi jiġi żvelat il-livell ta’ riskju finanzjarju li hija tkun aċċettat meta kkonkludiet il-kuntratt inkwistjoni u billi jingħataw indikazzjonijiet dwar l-istrateġija tariffarja tagħha. Fil-fehma tagħhom, dawn l-elementi ma jippreċiżawx kif l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni jista’ konkretament jippreġudika l-interessi kummerċjali tal-impriżi kkonċernati jew jiżvela informazzjoni sensittiva dwar l-istrutturi tagħhom tal-ispejjeż.

95      F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti jsostnu li, anki jekk kienet teżisti xi ġustifikazzjoni għall-fatt li jiġu mgħottija d-dispożizzjonijiet dwar il-ħlasijiet akkont jew il-ħlasijiet bil-quddiem fil-kuntratti ta’ xiri bil-quddiem meta dawn il-kuntratti kienu fis-seħħ, din ma kinitx teżisti iktar fil-mument tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, din l-informazzjoni ma tistax tkun rilevanti għal negozjati futuri. Huma jenfasizzaw li ma talbux l-aċċess għall-kuntratti inkwistjoni qabel ma dawn ġew iffirmati u li l-kuntratti ta’ xiri kienu diġà ġew iffirmati fid-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata.

96      Fl-aħħar, ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni li ma bbilanċjatx l-interess tal-impriżi kkonċernati fiż-żamma tal-kunfidenzjalità tad-dispożizzjonijiet dwar il-ħlasijiet akkont jew il-ħlasijiet bil-quddiem mal-interess pubbliku għat-trasparenza u li ma ġġustifikatx li l-ewwel wieħed jipprevali fuq it-tieni wieħed.

97      Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

a)      Fuq ilmotivazzjoni tadDeċiżjoni kkontestata

98      Il-Qorti Ġenerali tirrileva li, fit-talba konfermattiva, is-sitt Membri kkontestaw ir-raġunijiet għar-rifjut parzjali ta’ aċċess għall-informazzjoni dwar il-prezzijiet inkluża fil-kuntratti inkwistjoni esposti fir-risposta tad‑9 ta’ Ġunju 2021 għat-talba inizjali tagħhom.

99      F’dan il-każ, permezz tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni għattiet parzjalment id-dispożizzjonijiet dwar il-prezzijiet u l-modalitajiet ta’ ħlas fil-kuntratti kollha inkwistjoni, bl-eċċezzjoni tad-Dokument 10, peress li dan id-dokument ma jirrigwardax il-prezzijiet. Għalhekk, hija għattiet l-ammont tal-ħlasijiet akkont jew tal-ħlasijiet bil-quddiem fid-Dokumenti 2, 3, 4, 12 u 13, iżda żvelathom fid-Dokumenti 1, 5 u 6. Barra minn hekk, hija għattiet ħafna informazzjoni fil-kuntratti inkwistjoni dwar, skont il-każ, b’mod partikolari, il-prezz għal kull doża, il-prezz għall-kunsinna, il-prezz jew l-ispiża totali, l-ammont li tħalla għall-karigu tal-Istati Membri u l-iskadenzi tal-ħlasijiet.

100    Fid-Deċiżjoni kkontestata, qabel kollox, il-Kummissjoni indikat li l-informazzjoni mgħottija taħt l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali kienet tinkludi elementi sensittivi fuq il-livell kummerċjali dwar, b’mod partikolari, il-prezzijiet u l-prezzijiet individwali għal kull doża, l-ispejjeż totali stmati tal-prodotti u l-metodoloġija dwar l-ispejjeż. Hija esponiet li l-iżvelar tal-informazzjoni mgħottija jista’ jaffettwa s-sitwazzjoni kompetittiva tal-impriżi kkonċernati fis-suq globali għall-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-vaċċini kontra l-COVID-19.

101    Sussegwentement, f’parti ddedikata preċiżament għar-riskji finanzjarji, il-Kummissjoni indikat li d-dispożizzjonijiet dwar il-prezzijiet u l-kundizzjonijiet ta’ xiri li jinsabu fil-kuntratti ta’ xiri bil-quddiem jibqgħu rilevanti għall-kuntratti ta’ xiri sussegwenti. Hija spjegat li l-informazzjoni dwar il-prezzijiet kienet ġiet mgħottija, peress li l-iżvelar tagħha kien jippermetti lil terzi jisiltu konklużjonijiet dwar l-istrateġiji kummerċjali u tariffarji tal-impriżi kkonċernati, li setgħu jintużaw mill-kompetituri ta’ dawn tal-aħħar sabiex jippjanaw l-istrateġiji rispettivi tagħhom, li jkun jippreġudika serjament in-negozjati pendenti u futuri tal-impriżi kkonċernati ma’ xerrejja oħra fil-livell internazzjonali.

102    Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-ħlasijiet akkont jew tal-ħlasijiet bil-quddiem fil-kuntratti ta’ xiri bil-quddiem, jiġifieri l-kontribuzzjoni mir-riżorsi tal-għajnuna ta’ emerġenza (ara l-punti 2 u 3 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni ddikjarat li żvelat l-imsemmija kontribuzzjoni għal kważi l-kuntratti kollha kkonċernati. L-ammont totali ta’ dawn il-ħlasijiet akkont kien ta’ madwar EUR 2.7 biljuni. Hija indikat li, fil-każ tal-kuntratti li fihom il-ħlas akkont kien ġie mgħotti, l-impriżi kkonċernati kienu indikaw motivi konkreti sabiex jiġġustifikaw in-natura kummerċjali kunfidenzjali tal-imsemmi ammont. B’mod partikolari, billi jiġi pprovdut l-ammont tal-ħlas akkont, ikun possibbli li jiġi evalwat, skont il-prattiki tas-suq, u li jiġi ddeterminat il-valur totali tal-kuntratt u finalment il-prezz għal kull doża, li jikkostitwixxu informazzjoni kummerċjali sensittiva għall-impriżi kollha. Dan ikun jista’ jkollu impatt negattiv fuq in-negozjati tal-impriżi kkonċernati ma’ xerrejja oħra u jista’ jkun ta’ ħsara għall-operazzjonijiet kollha tal-imsemmija impriżi sa fejn l-istrateġiji u l-istrutturi tariffarji tagħhom jiġu żvelati. Tali diffikultajiet għall-impriżi kkonċernati jistgħu, min-naħa tagħhom, jippreġudikaw l-eżekuzzjoni tal-kuntratti inkwistjoni.

103    Barra minn hekk, il-Kummissjoni esponiet il-motivi ta’ ċerti istanzi speċifiċi ta’ meta l-informazzjoni ġiet mgħottija, jiġifieri fid-Dokumenti 3 u 6. Dan il-fatt li l-informazzjoni ġiet mgħottija huwa marbut ma’ aspetti partikolari tal-kuntratti dwar l-ispejjeż marbuta mal-proċess ta’ produzzjoni tal-impriża kkonċernata jew maċ-ċirkustanza li kien hemm kunsinni u diskussjonijiet pendenti mal-impriża kkonċernata fid-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata. Dan il-fatt li l-informazzjoni ġiet mgħottija kellu l-għan li jippermetti l-eżekuzzjoni tajba tal-kuntratt inkwistjoni.

104    Sussegwentement, il-Kummissjoni rrilevat li, skont il-ġurisprudenza, informazzjoni kummerċjali sensittiva relatata, b’mod partikolari, mal-istrateġiji kummerċjali tal-impriżi kkonċernati jew mar-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom, kienet protetta mill-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Barra minn hekk, ir-riskji kummerċjali potenzjali, il-prezzijiet applikati u l-livelli minimi tal-impenji finanzjarji miftiehma fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ natura sensittiva jistgħu wkoll jikkostitwixxu elementi kummerċjali sensittivi, b’mod partikolari għal kuntratti li jkunu għadhom qegħdin jiġu eżegwiti. F’dan il-każ, l-iżvelar ta’ tali siltiet mill-kuntratti ta’ xiri bil-quddiem jiżvantaġġa b’mod ċar lill-impriża kkonċernata fil-konfront tal-kompetituri tagħha, peress li l-livell ta’ riskju finanzjarju aċċettat minnha u l-informazzjoni dwar l-istrateġija tariffarja tagħha b’hekk jinġiebu għall-attenzjoni tagħhom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni qieset li ċerti aspetti finanzjarji tal-kuntratti kellhom jibqgħu protetti skont l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali.

105    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni eskludiet ir-rilevanza taċ-ċirkustanza li tliet kuntratti ta’ xiri bil-quddiem kienu s-suġġett ta’ kxif ta’ informazzjoni fil-mezzi ta’ komunikazzjoni.

106    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet isegwi li l-Kummissjoni pprovdiet spjegazzjonijiet iddettaljati dwar in-natura tal-informazzjoni dwar il-ħlasijiet akkont u l-ħlasijiet bil-quddiem mgħottija u dwar il-mod kif l-iżvelar tal-imsemmija informazzjoni seta’ jippreġudika konkretament u effettivament l-interessi kummerċjali tal-impriżi kkonċernati, kemm bejniethom kif ukoll bejniethom u l-kumpanniji farmaċewtiċi terzi li magħhom huma jikkompetu. Barra minn hekk, dawn l-ispjegazzjonijiet qiesu l-iskambji bejn il-Kummissjoni u s-sitt Membri. Fil-fatt, il-Kummissjoni indikat ir-raġunijiet li għalihom il-kuntratti ta’ xiri bil-quddiem huma rilevanti għall-kuntratti ta’ xiri sussegwenti kif ukoll fil-kuntest ta’ negozjati ma’ xerrejja ta’ pajjiżi terzi u r-raġunijiet li għalihom l-informazzjoni li kienet is-suġġett ta’ kxif ta’ informazzjoni fil-mezzi ta’ komunikazzjoni ma tistax tiġġustifika deroga mill-kunfidenzjalità tal-imsemmija informazzjoni.

107    Minn dan isegwi li l-motivi tad-Deċiżjoni kkontestata jippermettu lir-rikorrenti jifhmu r-raġunijiet speċifiċi li wasslu lill-Kummissjoni sabiex tgħatti, parzjalment, fil-kuntratti inkwistjoni, id-dispożizzjonijiet dwar il-ħlasijiet akkont u l-ħlasijiet bil-quddiem u lill-qorti tal-Unjoni teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità tal-imsemmi fatt li l-informazzjoni tiġi mgħottija, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 34, 35 u 78 iktar ’il fuq.

108    Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq l-insuffiċjenza tal-motivazzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata f’dan ir-rigward għandu jiġi miċħud.

b)      Fuq ilfondatezza talmotivazzjoni tadDeċiżjoni kkontestata

109    Fir-rigward tal-fondatezza tal-motivi mressqa mill-Kummissjoni sabiex tiġġustifika li jiġu mgħottija parzjalment id-dispożizzjonijiet dwar il-ħlasijiet akkont jew il-ħlasijiet bil-quddiem, għandu jiġi ddeterminat jekk, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 30, 31, 81 u 83 iktar ’il fuq, hija pprovdietx spjegazzjonijiet plawżibbli dwar il-fatt li l-aċċess għall-informazzjoni mgħottija jista’ jippreġudika konkretament u effettivament il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-impriżi kkonċernati u dwar il-fatt li l-allegat preġudizzju jista’ jitqies bħala raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku.

110    F’dan il-każ, bħalma huwa indikat fil-punti 100 sa 105 iktar ’il fuq, mid-Deċiżjoni kkontestata jsegwi li l-Kummissjoni rrifjutat l-aċċess sħiħ għad-dispożizzjonijiet inkwistjoni, inklużi għall-iskadenzi u għall-modalitajiet ta’ ħlas, sabiex ma tirriskjax li tiżvela elementi finanzjarji sensittivi tal-kuntratti inkwistjoni, u, fl-aħħar mill-aħħar, dwar l-istrateġiji kummerċjali u tariffarji tal-impriżi kkonċernati fi żmien ikkaratterizzat minn domanda qawwija għall-vaċċini kontra l-COVID-19 u li matulu kienu għaddejjin negozjati ma’ xerrejja ta’ pajjiżi terzi jew, tal-inqas, potenzjali.

111    Wara li kkonsultat il-verżjonijiet sħaħ tal-kuntratti inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li d-dispożizzjonijiet dwar il-ħlasijiet akkont jew il-ħlasijiet bil-quddiem kif ukoll il-modalitajiet u l-iskedi ta’ ħlas huma differenti. Barra minn hekk, ir-rikorrenti la jikkontestaw il-kuntest ta’ domanda qawwija għal vaċċini kontra l-COVID-19, u lanqas iċ-ċirkustanza li kienu għaddejjin negozjati ma’ xerrejja ta’ pajjiżi terzi jew, tal-inqas, potenzjali, fid-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata.

112    Kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, iċ-ċirkustanza li l-impriżi kkonċernati setgħu jibbenefikaw minn ħlasijiet akkont minn fondi pubbliċi sabiex jiżviluppaw vaċċini kontra l-COVID-19 ma huwiex ta’ natura, bħala tali, li jeskludi n-natura kummerċjalment sensittiva tad-dispożizzjonijiet relatati mal-ħlasijiet akkont jew mal-ħlasijiet bil-quddiem jew li jitqies li l-interessi kummerċjali tagħhom ma jistgħux jiġu protetti.

113    F’dan ir-rigward, skont il-ġurisprudenza, jekk impriża b’kapital pubbliku jista’ jkollha interessi kummerċjali li jistgħu jiġu protetti bl-istess mod bħal dawk ta’ impriża privata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, CEE Bankwatch Network vs Il‑Kummissjoni, T‑307/16, EU:T:2018:97, punt 108), l-istess għandu japplika a fortiori għal impriża privata, anki jekk din tikkontribwixxi għat-twettiq ta’ kompiti ta’ interess pubbliku (sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2018, Falcon Technologies International vs Il‑Kummissjoni, T‑875/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:877, punt 49).

114    Bl-istess mod, bħalma ssostni l-Kummissjoni, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti dwar iċ-ċirkustanza li informazzjoni dwar il-prezzijiet tal-vaċċini kienet is-suġġett ta’ kxif ta’ informazzjoni fil-midja.

115    Barra minn hekk, l-iżvelar mhux awtorizzat ta’ dokument ma jistax ikollu bħala konsegwenza li jagħmel aċċessibbli lill-pubbliku dokument kopert minn waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 (sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2013, Beninca vs Il‑Kummissjoni, T‑561/12, mhux ippubblikata, EU:T:2013:558, punt 55).

116    Barra minn hekk, ma jistax jintlaqa’ l-argument tar-rikorrenti dwar iċ-ċirkustanza li, f’Settembru u f’Ottubru 2022, jiġifieri iktar minn sitt xhur wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, żewġ impriżi (AstraZeneca u CureVac) jew iddikjaraw li ma kellhomx diffikultà bl-iżvelar pubbliku tal-kuntratt ta’ xiri bil-quddiem tagħhom, jew żvelaw “id-dettalji kollha dwar il-prezzijiet u l-ħlas akkont riċevut”, rispettivament, li, skont ir-rikorrenti, juri li l-iżvelar tal-informazzjoni dwar il-ħlasijiet akkont ma jippreżentax riskju għall-interessi kummerċjali tal-impriża kkonċernata.

117    Fil-fatt, bħalma ġie espost fil-punt 56 iktar ’il fuq, l-evalwazzjoni tal-fondatezza tal-applikazzjoni tal-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali għandha ssir fid-dawl tal-fatti eżistenti fid-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, u mhux fid-dawl ta’ eventwali dikjarazzjonijiet ta’ numru limitat ta’ impriżi kkonċernati magħmula iktar minn sitt xhur wara d-data ta’ adozzjoni ta’ dik id-deċiżjoni u li l-ammont tal-ħlasijiet akkont rispettivi tagħhom, fi kwalunkwe każ, ġie żvelat mill-Kummissjoni.

118    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat, fid-Deċiżjoni kkontestata, li l-iżvelar sħiħ tad-dispożizzjonijiet dwar il-ħlasijiet akkont jew il-ħlasijiet bil-quddiem jista’ jipprovdi lill-kompetituri tal-impriżi kkonċernati kif ukoll lil xerrejja terzi informazzjoni kummerċjalment sensittiva dwar l-istrateġiji kummerċjali u tariffarji tal-impriżi kkonċernati.

119    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ispjegazzjonijiet tal-Kummissjoni fid-Deċiżjoni kkontestata dwar l-eżistenza ta’ riskju raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku ta’ preġudizzju għall-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-impriżi kkonċernati fir-rigward tal-iżvelar sħiħ tad-dispożizzjonijiet dwar il-ħlasijiet akkont jew il-ħlasijiet bil-quddiem huma fondati.

120    Fir-rigward tal-ilment li l-Kummissjoni applikat l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali b’mod inkoerenti, dan l-ilment jikkoinċidi mat-tielet motiv, b’tali mod li għandu jiġi eżaminat fil-kuntest tal-imsemmi motiv.

121    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-raba’ parti parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

4.      Fuq irrifjut parzjali ta’ aċċess għaddispożizzjonijiet dwar irresponsabbiltà u lkumpens

122    Permezz tal-ħames parti tat-tieni motiv tagħhom, ir-rikorrenti jikkontestaw in-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata u l-fondatezza tagħha sabiex jiġi ġġustifikat ir-rifjut parzjali ta’ aċċess għad-dispożizzjonijiet dwar ir-responsabbiltà u l-kumpens abbażi tal-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

123    L-ewwel, ir-rikorrenti jsostnu li l-ipoteżi li l-iżvelar sħiħ tad-dispożizzjonijiet dwar ir-responsabbiltà u l-kumpens jista’ jwassal għal diversi azzjonijiet ġudizzjarji abbużivi u mhux iġġustifikati ma hijiex spjegata u li l-Kummissjoni ma ppreċiżatx u lanqas ma sostniet kif l-iżvelar tagħhom jippreġudika l-interessi kummerċjali tal-impriżi kkonċernati.

124    It-tieni, ir-rikorrenti jikkontestaw il-kunsiderazzjonijiet invokati fid-Deċiżjoni kkontestata li l-iżvelar sħiħ tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni jiżvela lill-kompetituri tal-impriża kkonċernata l-“punti dgħajfa” tal-kopertura tar-responsabbiltà tagħha u jagħti lill-imsemmija kompetituri vantaġġ kompetittiv li huma jistgħu jużaw.

125    It-tielet, ir-rikorrenti jikkontestaw li l-iżvelar sħiħ tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni jkollu impatt fuq ir-reputazzjoni ġenerali tal-impriżi kkonċernati. Ir-raġuni li għaliha l-iżvelar tagħhom ikollu tali impatt ma hija spjegata mkien mill-Kummissjoni. Fil-fatt, jekk kumpannija titqies responsabbli għal dannu marbut ma’ prodott difettuż, il-ħsara għar-reputazzjoni tirriżulta minn dan id-dannu u mhux mid-dispożizzjonijiet innegozjati mal-Kummissjoni.

126    Ir-raba’, ir-rikorrenti jqisu li lanqas ma huma ssostanzjati tliet kunsiderazzjonijiet addizzjonali invokati fid-Deċiżjoni kkontestata, li jgħidu li l-iżvelar tal-informazzjoni mgħottija jkun jiżvela lill-kompetituri tal-impriża kkonċernata l-ispejjeż li ksur tal-kuntratt inkwistjoni jista’ joħloq kif ukoll il-benefiċċji reali tal-imsemmi kuntratt, u jkun jippreġudika l-interessi kummerċjali tal-impriżi kkonċernati, prinċipalment billi jikkomprometti l-kompetittività tagħhom fis-swieq dinjija. Fil-fehma tagħhom, il-Kummissjoni ma pproduċietx biżżejjed provi li juru li l-iżvelar tal-informazzjoni inkwistjoni jippermetti li jiġi żvelat il-kontenut tal-istrateġija kummerċjali tal-impriżi kkonċernati jew idgħajjef il-pożizzjoni kompetittiva tagħhom fis-swieq dinjija. Barra minn hekk, l-eżempji msemmija fid-Deċiżjoni kkontestata ma jurux in-natura sensittiva tal-informazzjoni mgħottija.

127    Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li l-argument tal-Kummissjoni, li n-negozjati fuq id-dispożizzjonijiet dwar ir-responsabbiltà u l-kumpens kienu individwali, huwa qarrieqi. Skont ir-rikorrenti, mill-punt 76 tar-Rapport Speċjali 19/2022 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, intitolat “L-akkwist ta’ vaċċini kontra l-COVID-19 fl-UE”, isegwi li dawn id-dispożizzjonijiet huma l-istess fil-kuntratti inkwistjoni, b’tali mod li l-iżvelar tagħhom ma jistax jaffettwa l-interessi kummerċjali tal-impriżi kkonċernati.

128    Fl-istadju tar-replika, ir-rikorrenti jsostnu li, anki fl-ipoteżi fejn il-Kummissjoni pprovat li l-iżvelar tal-informazzjoni mgħottija jippreġudika konkretament u effettivament l-interessi kummerċjali tal-impriżi kkonċernati, l-interess pubbliku li għandu l-iżvelar tagħha jipprevali fuq l-imsemmija interessi kummerċjali.

129    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

130    Il-Kummissjoni ssostni li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni għandhom l-istess rilevanza ekonomika u finanzjarja bħal kull element ieħor tal-ispiża għall-impriża kkonċernata u kienu s-suġġett ta’ negozjati individwali.

131    L-ewwel, il-Kummissjoni tqis li huwa żbaljat li jiġi affermat li l-iżvelar tal-imsemmija dispożizzjonijiet ma jwassalx għal riskju ta’ rikors għad-danni strateġiċi u spekulattivi kontra l-impriżi kkonċernati.

132    Għalhekk, skont il-Kummissjoni, l-iżvelar sħiħ tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni jżid in-numru ta’ rikorsi għad-dannu, kemm jekk ikunu fondati jew le, kontra l-impriża kkonċernata, għaliex jagħti lill-parti li tressaq it-talba iktar argumenti li fuqhom tipprova tistabbilixxi n-natura difettuża tal-vaċċin. Barra minn hekk, dan ir-riskju jkun iktar konkret meta d-definizzjoni tad-danni li l-impriża kkonċernata tkun tista’ tiġi kkumpensata għalih tkun diġà ġiet żvelata f’ċerti kuntratti, jiġifieri fid-Dokument 5. Barra minn hekk, l-iżvelar tad-dettalji tal-kumpens impost fuq l-Istat Membru kkonċernat jista’ jkollu effett fuq l-oneru tal-prova f’dak li jirrigwarda n-natura difettuża tal-prodott. Fil-fatt, l-għarfien ta’ dawn id-dettalji jista’ jkollu l-effett li jissimplifika jew jagħmel iktar kumpless il-kompitu li jikkonsisti f’li tintwera r-responsabbiltà tal-manifattur tal-vaċċin. Hija tqis għalhekk li r-riskju ta’ kawża kbira u konsegwenzi finanzjarji sinjifikattivi ħafna għal impriża waħda ma huwiex astratt.

133    It-tieni, il-Kummissjoni ssostni li d-Deċiżjoni kkontestata tispjega, suffiċjentement skont il-liġi, ir-raġunijiet li għalihom l-iżvelar sħiħ tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni jkollu riperkussjonijiet kummerċjali negattivi għall-impriżi kkonċernati. Fil-fatt, l-imsemmija dispożizzjonijiet ma humiex “klawżoli standard”, iżda kienu s-suġġett ta’ negozjati individwali, li r-redazzjoni finali tagħhom tirrappreżenta l-aċċettazzjoni, mill-impriża, ta’ riskju finanzjarju fost oħrajn fil-kuntest ta’ ftehim kumpless. Jekk dawn jiġu żvelati fl-intier tagħhom, evalwazzjoni komparattiva tkun tista’ tagħti lok għal perċezzjoni negattiva mhux iġġustifikata ta’ ċerti prodotti. Barra minn hekk, il-ġurisprudenza taċċetta l-invokazzjoni tal-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali mill-Kummissjoni minħabba l-preġudizzju għar-reputazzjoni ta’ operatur attiv f’suq. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li anki klawżola ta’ kumpens applikabbli b’mod sħiħ ma tirrimedjax id-danni kollha kkawżati minn kundanna għall-ħlas tad-danni lil vittma, b’mod partikolari fuq l-immaġni u r-reputazzjoni tal-impriża kkundannata. Għalhekk, l-iżvelar sħiħ tad-dispożizzjonijiet dwar ir-responsabbiltà u l-kumpens, jiġifieri sitwazzjonijiet li fihom impriża tiġi kkumpensata jew le, ikollu mingħajr dubju effett fuq l-interessi kummerċjali tagħha.

134    It-tielet, il-Kummissjoni tirrileva li r-rikorrenti jsostnu li, f’dan il-każ, il-preġudizzju effettiv u konkret għall-interessi kummerċjali li jirriżulta mill-iżvelar tal-imsemmija dispożizzjonijiet ma ġiex sostnut u li, anki li kieku kien iġġustifika tali preġudizzju, jeżisti interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tagħhom. Skont il-Kummissjoni, id-Deċiżjoni kkontestata tispjega l-konsegwenzi negattivi li l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni jkollu f’dan il-każ għall-impriżi kkonċernati. Issa, iċ-ċirkustanza li d-Deċiżjoni kkontestata tinvoka l-eżistenza ta’ riskju ta’ preġudizzju effettiv u konkret għall-interessi kummerċjali ma jfissirx li dan ir-riskju ma huwiex sostnut jew li huwa spekulattiv. Barra minn hekk, l-argument tar-rikorrenti huwa kontradittorju sa fejn huma jaffermaw li huwa essenzjali li jsir magħruf jekk l-impriżi kkonċernati humiex ser jinżammu responsabbli għad-danni fil-każ ta’ effetti dannużi tal-vaċċini, filwaqt li jallegaw li l-konsegwenzi tal-iżvelar tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni għall-imsemmija impriżi, kif invokati mill-Kummissjoni, huma spekulattivi u ipotetiċi.

a)      Fuq ilmotivazzjoni tadDeċiżjoni kkontestata

135    F’dan il-każ, fil-punt 2.1.1 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li l-informazzjoni mgħottija skont l-eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-interessi kummerċjali, prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, kienet tinkludi elementi sensittivi fuq il-livell kummerċjali relatati, b’mod partikolari, mar-responsabbiltà u mal-kumpens. Hija semmiet li l-iżvelar sħiħ ta’ tali informazzjoni jista’ jiżvela, lill-kompetituri tal-impriża kkonċernata, il-benefiċċju preċiż li jirriżulta min-negozjar għall-imsemmija impriża.

136    Sussegwentement, fil-punt 2.1.4, qabelxejn, il-Kummissjoni indirizzat, essenzjalment, ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-impriżi kkonċernati fir-rigward ta’ terzi persuni, b’mod partikolari għal effetti mhux mixtieqa li jirriżultaw mill-użu tal-vaċċin, u d-dispożizzjonijiet dwar l-eventwali kumpens, jiġifieri r-rimbors, mill-Istati Membri tal-impriżi kkonċernati, fil-każ li dawn tal-aħħar jiġu kkundannati jħallsu danni lil terzi abbażi tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tagħhom. Sussegwentement, hija indirizzat diversi aspetti tar-responsabbiltà kuntrattwali tal-impriżi kkonċernati.

137    Għalhekk, il-Kummissjoni ppreċiżat li l-iżvelar sħiħ tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni jirriskja li jippreġudika l-interessi kummerċjali tal-imsemmija impriżi minn tliet aspetti.

138    L-ewwel, għarfien preċiż tal-limiti tar-responsabbiltà tal-impriża kkonċernata jippermetti aġir strateġiku fil-konfront tagħha, inkwantu hija tista’ tiġi kkonfrontata bil-konsegwenzi ekonomiċi ta’ diversi azzjonijiet ġudizzjarji, imressqa b’mod abbużiv u mhux iġġustifikat, unikament bl-għan li tirċievi kumpens marbut mal-użu tal-vaċċin tagħha. It-tieni, l-iżvelar sħiħ tad-dispożizzjonijiet relatati mal-kumpens lill-impriżi kkonċernati mill-Istati Membri, b’mod partikolari dawk li jiddefinixxu l-kundizzjonijiet eżatti li fihom kumpens mill-Istat Membru huwa eskluż, jiżvela inevitabbilment lill-kompetituri tal-impriża kkonċernata, inklużi dawk li ma jipproduċux vaċċini, il-“punti dgħajfa” tal-kopertura tar-responsabbiltà tagħha u jipprovdilhom vantaġġ kompetittiv li huma jistgħu jużaw. It-tielet, għarfien preċiż tal-limiti tar-responsabbiltà tal-impriża kkonċernata jkollu wkoll impatt fuq ir-reputazzjoni ġenerali tagħha fost il-konsumaturi u l-imsieħba kummerċjali potenzjali tagħha. Skont il-Kummissjoni, dawn il-motivi jispjegaw ir-raġunijiet li għalihom ċerti siltiet dwar id-deroga mid-dispożizzjoni dwar il-kumpens, jiġifieri l-kundizzjonijiet li fihom impriża kkonċernata partikolari ma tiġix ikkumpensata, ma jistgħux jiġu żvelati. F’dan il-kuntest, hija rreferiet, bħala eżempju, għall-fatt li l-informazzjoni fid-dispożizzjoni I.12 tad-Dokument 4 ġiet mgħottija.

139    Sussegwentement, il-Kummissjoni indikat li ċerti dispożizzjonijiet li jirrigwardaw ir-responsabbiltà kuntrattwali għandhom dimensjoni kummerċjali evalwata u nnegozjata mal-impriża kkonċernata, li l-iżvelar tagħha jiżvela lill-kompetituri ta’ din tal-aħħar informazzjoni dwar il-kapaċità tagħha u l-istrateġija interna tagħha, b’mod partikolari sa fejn din l-informazzjoni tkun ta’ natura li tippermetti li jkunu magħrufa bi preċiżjoni l-ispejjeż li terminazzjoni ta’ kuntratt tista’ tikkawża għal din l-impriża. Il-Kummissjoni wriet l-argumenti tagħha permezz ta’ eżempji ta’ dispożizzjonijiet preċiżi.

140    Il-Kummissjoni ppreċiżat li l-informazzjoni mgħottija kienet sensittiva fuq il-livell kummerċjali. Minn naħa, l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni jippermetti li jkunu magħrufa bi preċiżjoni l-ispejjeż li ksur tal-kuntratt jista’ jikkawża għall-impriżi kkonċernati. Min-naħa l-oħra, l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni jista’ jkun ta’ preġudizzju għall-impriżi kkonċernati, peress li din tagħti lill-kompetituri ta’ din tal-aħħar idea realistika ħafna tal-benefiċċji reali miksuba taħt il-kuntratt inkwistjoni, filwaqt li, fil-mument tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, dawn l-istess impriżi kienu qegħdin jinnegozjaw kuntratti għall-kunsinna ta’ vaċċini kontra l-COVID-19 ma’ xerrejja ta’ pajjiżi terzi, fejn il-kompetizzjoni f’dan ir-rigward kienet topera f’suq dinji. Il-Kummissjoni ppreċiżat ukoll li dan il-kunflitt potenzjali mal-interessi kummerċjali tal-impriżi kkonċernati jkun iktar u iktar ta’ preġudizzju peress li l-eżekuzzjoni ta’ ċerti kuntratti kienet ser tibda, kif kien il-każ, fil-mument tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari, tad-Dokumenti 7 u 11.

141    Fl-aħħar, il-Kummissjoni enfasizzat li, f’dan il-kuntest, is-suq dinji li l-impriżi kkonċernati kienu jwettqu l-attivitajiet tagħhom fih kellu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-effetti tal-iżvelar tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni skont ir-Regolament Nru 1049/2001. Hija indikat li, waqt l-evalwazzjoni tal-applikabbiltà tal-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali, kienu ttieħdu inkunsiderazzjoni diversi fatturi, b’mod partikolari s-sitwazzjoni partikolari ta’ kull manifattur ta’ vaċċini fis-suq, il-karatteristiċi tiegħu, ir-relazzjonijiet tiegħu ma’ atturi kummerċjali oħra, l-istrateġiji tiegħu tas-suq u ta’ impriża u l-użu li l-kompetituri tiegħu setgħu jagħmlu mill-informazzjoni żvelata. Minn dan hija kkonkludiet li l-iżvelar sħiħ tal-kuntratti konklużi mal-impriżi kkonċernati kien jikkostitwixxi preġudizzju għall-interessi kummerċjali ta’ dawn tal-aħħar, essenzjalment billi tiġi kompromessa l-kompetittività tagħhom fis-swieq dinjija.

142    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet isegwi li l-Kummissjoni pprovdiet spjegazzjonijiet dwar in-natura kummerċjalment sensittiva tal-informazzjoni inkluża fid-dispożizzjonijiet dwar ir-responsabbiltà u l-kumpens. Bl-istess mod, il-Kummissjoni spjegat, b’mod suffiċjenti fid-dritt, kif, fil-fehma tagħha, l-iżvelar sħiħ tal-imsemmija dispożizzjonijiet jista’ jippreġudika konkretament u effettivament l-interessi kummerċjali tal-impriżi kkonċernati, kemm jekk bejniethom kif ukoll jekk bejniethom u terzi li jkunu f’kompetizzjoni magħhom.

143    Minn dan isegwi li l-motivi tad-Deċiżjoni kkontestata jippermettu lir-rikorrenti jifhmu r-raġunijiet speċifiċi li wasslu lill-Kummissjoni sabiex tgħatti, parzjalment, fil-kuntratti inkwistjoni, id-dispożizzjonijiet relatati mar-responsabbiltà tal-impriżi kkonċernati, kemm kuntrattwali kif ukoll mhux kuntrattwali, kif ukoll id-dispożizzjonijiet relatati mal-eventwali kumpens mill-Istati Membri ta’ obbligi eventwali inkorsi mill-impriżi kkonċernati fil-każ ta’ kontestazzjoni tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tagħhom u lill-qorti tal-Unjoni teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità tal-fatt li l-informazzjoni ġiet mgħottija, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 34, 35 u 78 iktar ’il fuq.

144    Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq l-insuffiċjenza tal-motivazzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata f’dan ir-rigward għandu jiġi miċħud.

b)      Fuq ilfondatezza talmotivazzjoni tadDeċiżjoni kkontestata

145    Fir-rigward tal-fondatezza tal-motivi mressqa mill-Kummissjoni sabiex tiġġustifika li d-dispożizzjonijiet dwar ir-responsabbiltà u dwar il-kumpens ġew mgħottija parzjalment, għandu jiġi ddeterminat jekk, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 30, 31, 81 u 83 iktar ’il fuq, hija pprovdietx spjegazzjonijiet plawżibbli dwar il-fatt li l-aċċess għall-informazzjoni mgħottija jista’ jippreġudika konkretament u effettivament il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-impriżi kkonċernati u dwar il-fatt li l-allegat preġudizzju jista’ jitqies bħala raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku.

1)      Fuq listipulazzjonijiet dwar irresponsabbiltà kuntrattwali

146    F’dan il-każ, bħalma huwa indikat fil-punti 139 sa 141 iktar ’il fuq, mid-Deċiżjoni kkontestata jsegwi li l-Kummissjoni rrifjutat l-aċċess sħiħ għad-dispożizzjonijiet dwar ir-responsabbiltà kuntrattwali tal-impriżi kkonċernati sabiex ma tirriskjax li tiżvela informazzjoni allegatament kummerċjalment sensittiva fuq ir-riskji identifikati dwar l-implimentazzjoni tal-kuntratti inkwistjoni u dwar il-livelli minimi finanzjarji aċċettati fil-konfront tal-imsemmija riskji mill-imsemmija impriżi, fi żmien ikkaratterizzat minn domanda qawwija għall-vaċċini kontra l-COVID-19 u li matulu kienu għaddejjin, jew kienu potenzjali, negozjati ma’ xerrejja ta’ pajjiżi terzi.

147    Wara li kkonsultat il-verżjonijiet sħaħ tal-kuntratti inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li d-dispożizzjonijiet relatati mar-responsabbiltà tal-impriżi kkonċernati fil-każ ta’ ksur, ta’ xoljiment jew ta’ sospensjoni tal-imsemmija kuntratti, b’mod partikolari b’rabta mad-dewmien fil-kunsinna jew mal-kunsinni neqsin, huma differenti. Barra minn hekk, ir-rikorrenti la jikkontestaw il-kuntest ta’ domanda qawwija għal vaċċini kontra l-COVID-19, u lanqas iċ-ċirkustanza li kienu għaddejjin, għall-inqas potenzjalment, negozjati ma’ xerrejja ta’ pajjiżi terzi fid-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata.

148    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat, fid-Deċiżjoni kkontestata, li l-iżvelar sħiħ tal-imsemmija dispożizzjonijiet jista’ jipprovdi lill-kompetituri tal-impriżi kkonċernati kif ukoll lil xerrejja terzi informazzjoni kummerċjalment sensittiva dwar elementi ta’ spejjeż, dwar il-kapaċitajiet tagħhom u l-istrateġiji interni tagħhom u dwar il-livelli minimi finanzjarji aċċettati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2022, Saure vs Il‑Kummissjoni, T‑524/21, EU:T:2022:632, punti 99 sa 102).

149    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ispjegazzjonijiet tal-Kummissjoni fid-Deċiżjoni kkontestata dwar l-eżistenza ta’ riskju raġonevolment prevedibbli u mhux ipotetiku ta’ preġudizzju għall-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-impriżi kkonċernati fir-rigward tal-iżvelar sħiħ tad-dispożizzjonijiet dwar ir-responsabbiltà kuntrattwali tal-imsemmija impriżi huma fondati.

150    Fir-rigward tal-ilment li l-Kummissjoni applikat l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali b’mod inkoerenti, dan l-ilment jikkoinċidi mat-tielet motiv, b’tali mod li għandu jiġi eżaminat fil-kuntest tal-imsemmi motiv.

2)      Fuq iddispożizzjonijiet dwar ilkumpens

151    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikoli 1 u 12 tad-Direttiva tal-Kunsill 85/374/KEE tal‑25 ta’ Lulju 1985 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar responabbiltà għall-prodotti difettużi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 257), il-produttur huwa responsabbli għad-dannu kkawżat minn difett fil-prodott tiegħu u r-responsabbiltà tiegħu ma tistax tiġi limitata jew eskluża fil-konfront tal-vittma permezz ta’ klawżola limitattiva jew eżoneratorja mir-responsabbiltà. Għalhekk, bħalma ġie rrikonoxxut mill-Kummissjoni waqt is-seduta, fl-assenza ta’ emenda tad-Direttiva 85/374, la l-Kummissjoni u lanqas l-Istati Membri ma kellhom dritt jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva.

152    Barra minn hekk, ebda dispożizzjoni tad-Direttiva 85/374 ma tipprojbixxi li terz, f’dan il-każ Stat Membru, jirrimborsa d-danni li produttur ikun ħallas minħabba li l-prodott tiegħu kien difettuż.

153    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tosserva li t-tielet paragrafu tal-Artikolu 6 tal-Ftehim tas‑16 ta’ Ġunju 2020 dwar ix-xiri ta’ vaċċini kontra l-COVID-19 konkluż bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri ġie ppubblikat fuq is-sit internet tal-Kummissjoni fis‑7 ta’ Settembru 2020 u żvelat kompletament bħala anness għall-kuntratti inkwistjoni, bl-eċċezzjoni tad-Dokument 1. Din id-dispożizzjoni tkopri mekkaniżmu ta’ kumpens lill-impriżi kkonċernati mill-Istati Membri tal-ispejjeż ekonomiċi, jiġifieri eventwali danni, li normalment huma imposti fuq l-imsemmija impriżi bħala responsabbiltà tagħhom għall-vaċċini tagħhom. Bl-istess mod, il-Komunikazzjoni COM(2020) 245 final, imsemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq, tistipula li dan il-mekkaniżmu kellu jiġi analizzat bħala “polza ta’ assigurazzjoni”, li tittrasferixxi parti mir-riskju ekonomiku tal-industrija farmaċewtika lejn l-awtoritajiet pubbliċi, bi skambju għal liema l-Istati Membri kienu żgurati li jgawdu minn aċċess ekwu u affordabbli għal vaċċin, jekk wieħed isir disponibbli.

154    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, minn naħa, il-mekkaniżmu ta’ kumpens tal-impriżi kkonċernati mill-Istati Membri bl-ebda mod ma jaffettwa s-sistema tar-responsabbiltà ġuridika tal-imsemmija impriżi skont id-Direttiva 85/374 u, min-naħa l-oħra, din l-informazzjoni kienet diġà taqa’ taħt id-dominju pubbliku fil-mument tat-tressiq tat-talba inizjali għal aċċess u tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata.

155    Wara li kkonsultat il-verżjonijiet sħaħ tal-kuntratti inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li, għalkemm il-kuntratti ta’ xiri bil-quddiem u l-kuntratti ta’ xiri jinkludu kollha dispożizzjoni dwar il-kumpens, bħalma kien previst fl-Artikolu 6 tal-Ftehim tas‑16 ta’ Ġunju 2020 dwar ix-xiri ta’ vaċċini kontra l-COVID-19 konkluż bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, il-kontenut iddettaljat tal-imsemmija dispożizzjonijiet ma huwiex identiku. F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali tirrileva l-eżistenza ta’ differenzi f’dak li jirrigwarda, l-ewwel, is-sitwazzjonijiet preċiżi li fihom ġie miftiehem li l-kumpens mill-Istat Membru ma huwiex applikabbli, peress li l-parti l-kbira tal-imsemmija sitwazzjonijiet jibqgħu madankollu globalment simili fil-kuntratti inkwistjoni, it-tieni, il-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis jew ratione materiae tal-kumpens eventwali u, it-tielet, il-modalitajiet ta’ ġestjoni tad-difiża ta’ eventwali rikorsi għal dannu u ta’ implimentazzjoni ta’ eventwali kumpens.

156    Wara li saru dawn il-preċiżazzjonijiet, għad irid jiġi ddeterminat jekk il-Kummissjoni rrifjutatx ġustament l-iżvelar iktar wiesa’, jew saħansitra sħiħ, tad-dispożizzjonijiet dwar il-kumpens.

157    F’dan ir-rigward, ma jistax jintlaqa’ l-ewwel motiv invokat fid-Deċiżjoni kkontestata, li għarfien preċiż tal-limiti tar-responsabbiltà tal-impriża kkonċernata jippermetti aġir strateġiku fil-konfront tagħha, inkwantu hija tista’ tiġi kkonfrontata bil-konsegwenzi ekonomiċi ta’ diversi azzjonijiet ġudizzjarji, imressqa b’mod abbużiv u mhux iġġustifikat, unikament bl-għan li wieħed jirċievi kumpens marbut mal-użu tal-vaċċin tagħha.

158    Fil-fatt, anki jekk il-fatt li kumpannija tkun esposta għal azzjonijiet għal dannu jista’ mingħajr dubju jkollu bħala konsegwenza spejjeż għoljin, kemm jekk f’termini ta’ riżorsi ekonomiċi, kif ukoll ta’ ħin jew ta’ persunal, inkluż fil-każ fejn tali azzjonijiet jiġu sussegwentement miċħuda bħala infondati, id-dritt ta’ terzi eventwalment leżi minn vaċċin difettuż li jippreżentaw rikorsi għad-danni kontra l-impriżi kkonċernati huwa bbażat fuq il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva 85/374. Dan id-dritt għal azzjoni legali huwa indipendenti mill-eżistenza u mill-kontenut tad-dispożizzjonijiet dwar il-kumpens.

159    Barra minn hekk, l-interess tal-impriżi kkonċernati li jevitaw tali azzjonijiet għal kumpens, fl-ipoteżi fejn huma jkunu effettivament ipproduċew u qiegħdu fis-suq vaċċin difettuż, ma jistax jiġi kklassifikat bħala interess kummerċjali u, fi kwalunkwe każ, ma jikkostitwixxix interess denju ta’ protezzjoni, fid-dawl b’mod partikolari tad-dritt li kull persuna għandha li titlob kumpens għad-dannu li jkun ikkawżalha prodott difettuż (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2011, CDC Hydrogene Peroxide vs Il‑Kummissjoni, T‑437/08, EU:T:2011:752, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata). Bl-istess mod, ix-xewqa li jiġi evitat li kumpannija tiġi esposta għal spejjeż ikbar marbuta ma’ proċedura ġudizzjarja ma tikkostitwixxix interess protett skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2019, Intercept Pharma u Intercept Pharmaceuticals vs EMA, T‑377/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:456, punti 55 u 56).

160    Barra minn hekk, id-Deċiżjoni kkontestata ma tinkludi ebda element li jippermetti li jiġi konkluż li l-iżvelar iktar wiesa’ tal-mekkaniżmu ta’ kumpens tal-impriżi kkonċernati jista’ jkun l-oriġini tar-rikorsi ppreżentati kontra dawn tal-aħħar. Fil-fatt, tali rikorsi dejjem ikollhom bħala suġġett il-kundanna tal-produttur ta’ vaċċini għall-kumpens għad-dannu mġarrab, tkun xi tkun l-identità tal-entità li, finalment, għandha tbati d-danni mħallsa.

161    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali tqis li t-tieni motiv invokat fid-Deċiżjoni kkontestata sabiex jiġi rrifjutat l-iżvelar iktar wiesa’ tad-dispożizzjoni dwar il-kumpens ma jurix, kif teħtieġ il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 31 iktar ’il fuq, l-eżistenza ta’ riskju prevedibbli u mhux purament ipotetiku għall-interessi kummerċjali tal-impriżi kkonċernati.

162    It-tieni motiv invokat fid-Deċiżjoni kkontestata sabiex jiġi rrifjutat l-iżvelar sħiħ tad-dispożizzjonijiet dwar il-kumpens, b’mod partikolari dawk li jiddefinixxu l-kundizzjonijiet eżatti li fihom kumpens mill-Istat Membru huwa eskluż, huwa li tali żvelar ikun jiżvela inevitabbilment lill-kompetituri tal-impriża kkonċernata, inklużi dawk li ma jipproduċux vaċċini, il-“punti dgħajfa” tal-kopertura tar-responsabbiltà tagħhom u jkun jipprovdilhom vantaġġ kompetittiv li huma jistgħu jużaw, pereżempju, f’reklami u f’reklamar komparattiv.

163    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-raġuni għalfejn id-dispożizzjonijiet dwar il-kumpens ġew integrati fil-kuntratti inkwistjoni, jiġifieri li jiġu kkumpensati r-riskji sostnuti mill-impriżi kkonċernati marbuta mat-tqassir tat-terminu għall-iżvilupp tal-vaċċin, kienet taqa’ taħt id-dominju pubbliku qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata.

164    Barra minn hekk, il-kuntratti kollha inkwistjoni jinkludu dispożizzjoni dwar il-kumpens li, barra minn hekk, telenka, b’mod globalment simili, is-sitwazzjonijiet speċifiċi prinċipali li fihom il-kumpens tal-impriża kkonċernata mill-Istat Membru huwa eskluż.

165    Peress li l-impriżi kkonċernati kollha kienu jibbenefikaw, għal raġuni identifikata u leġittima, minn dispożizzjoni dwar il-kumpens, id-Deċiżjoni kkontestata ma tinkludi ebda element li jippermetti li jiġi konkluż li, fil-każ ta’ żvelar iktar wiesa’ tad-dispożizzjoni dwar il-kumpens, ir-riskju ta’ preġudizzju għall-interessi kummerċjali tal-impriżi kkonċernati, b’mod partikolari billi jingħata vantaġġ kompetittiv lill-imsemmija impriżi bejniethom, kien, fid-data tal-adozzjoni tagħha, raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku.

166    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali tqis li t-tieni motiv invokat fid-Deċiżjoni kkontestata sabiex jiġi rrifjutat l-iżvelar iktar wiesa’ tad-dispożizzjoni dwar il-kumpens ma jurix, kif teħtieġ il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 31 iktar ’il fuq, l-eżistenza ta’ riskju prevedibbli u mhux purament ipotetiku għall-interessi kummerċjali tal-impriżi kkonċernati.

167    Fir-rigward tat-tielet motiv invokat fid-Deċiżjoni kkontestata sabiex jiġi rrifjutat l-iżvelar sħiħ tad-dispożizzjoni dwar il-kumpens, b’mod partikolari tal-kundizzjonijiet li fihom il-kumpens mill-Istat Membru huwa eskluż, jiġifieri li għarfien preċiż tal-limiti tar-responsabbiltà tal-impriżi kkonċernati jkollu riperkussjonijiet fuq ir-reputazzjonijiet tagħhom mal-konsumaturi u mal-imsieħba kummerċjali potenzjali tagħhom, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, preġudizzju għar-reputazzjoni ta’ impriża ċertament jikkostitwixxi preġudizzju għall-interessi kummerċjali tagħha inkwantu r-reputazzjoni ta’ kull operatur attiv f’suq hija essenzjali għat-twettiq tal-attivitajiet ekonomiċi tiegħu fis-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2018, Falcon Technologies International vs Il‑Kummissjoni, T‑875/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:877, punti 51 u 53).

168    Madankollu, għall-istess motivi bħal dawk esposti fil-punti 163 sa 165 iktar ’il fuq, id-Deċiżjoni kkontestata ma tinkludi ebda element li jippermetti raġonevolment li jiġi konkluż li, fil-każ ta’ żvelar iktar wiesa’ tad-dispożizzjoni dwar il-kumpens, ir-riskju ta’ preġudizzju għall-interessi kummerċjali tal-impriżi kkonċernati, b’mod partikolari għar-reputazzjoni tagħhom, kien, fid-data tal-adozzjoni tagħha, raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku.

169    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali tqis li t-tielet motiv invokat fid-Deċiżjoni kkontestata sabiex jiġi rrifjutat l-iżvelar iktar wiesa’ tad-dispożizzjoni dwar il-kumpens ma jurix, kif teħtieġ il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 31 iktar ’il fuq, l-eżistenza ta’ riskju prevedibbli u mhux purament ipotetiku għall-interessi kummerċjali tal-impriżi kkonċernati.

170    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-ħames parti tat-tieni motiv hija fondata f’dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet dwar il-kumpens tal-kuntratti inkwistjoni.

171    Minn dan isegwi li l-ħames parti tat-tieni motiv għandha tintlaqa’ parzjalment f’dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet dwar il-kumpens u għandha tiġi miċħuda parzjalment f’dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet dwar ir-responsabbiltà kuntrattwali tal-impriżi kkonċernati.

5.      Fuq irrifjut parzjali ta’ aċċess għalliskedi ta’ kunsinna

172    Permezz tas-sitt parti tat-tieni motiv, ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni li ħassret l-iskedi ta’ kunsinna tal-vaċċini tal-impriżi kkonċernati u li ma ġġustifikatx b’mod suffiċjenti l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali f’dan ir-rigward. Fil-fehma tagħhom, l-imsemmija informazzjoni ma tikkostitwixxix informazzjoni kummerċjalment sensittiva u r-riskju ta’ preġudizzju għall-interessi kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huwa ipotetiku.

173    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

174    F’dan il-każ, permezz tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ħassret l-iskedi ta’ kunsinna, fis-sens strett tal-kelma, jiġifieri l-volum ta’ dożi u l-frekwenza tal-kunsinni, fid-Dokumenti 3 u 8 sa 13.

175    Fid-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li l-iskedi ta’ kunsinna kif ukoll l-obbligi kuntrattwali marbuta magħhom kienu jikkostitwixxu informazzjoni kummerċjalment sensittiva għall-impriżi kkonċernati, li l-iżvelar tagħha jiżvela lill-kompetituri potenzjali tagħhom informazzjoni dwar il-kapaċitajiet tagħhom u l-istrateġiji kummerċjali interni tagħhom. F’din il-kategorija kien hemm, pereżempju, l-Artikoli I.4.7.1 et seq. tad-Dokument 12, l-Artikolu II.14 tad-Dokument 13 u l-Artikolu I.4.7 tad-Dokument 8. Hija indikat ukoll li din l-informazzjoni tiżvela, bi preċiżjoni, l-ispejjeż li ksur tal-kuntratt jista’ jwassal għalihom għall-impriża kkonċernata, peress li din tinkludi, skont il-każ, regoli dwar id-danni likwidati fil-każ ta’ dewmien fil-kunsinna jew li ma ssirx il-kunsinna. Din l-informazzjoni hija iktar u iktar sensittiva fid-dawl tal-kuntest kompetittiv ħafna li l-impriżi kkonċernati joperaw fih, inkwantu dawn l-impriżi jinnegozjaw u jikkompetu fuq livell dinji sabiex jipprovdu vaċċini kontra l-COVID-19 ukoll lil xerrejja li jinsabu barra mill-Unjoni. Dan il-kunflitt potenzjali mal-interessi kummerċjali tal-impriżi kkonċernati jkun iktar u iktar ta’ preġudizzju peress li l-eżekuzzjoni ta’ ċerti kuntratti kienet ser tibda, kif kien il-każ, fil-mument tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, pereżempju, tad-Dokumenti 7 u 11. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ppreċiżat li, fl-evalwazzjoni tal-applikabbiltà tal-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali, hija kienet ħadet inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni partikolari tal-impriżi kkonċernati kif ukoll l-istadju ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt inkwistjoni.

176    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tqis li l-provi prodotti mill-Kummissjoni jiġġustifikaw li l-informazzjoni dwar il-kalendarji ta’ kunsinna mgħottija titqies bħala li tikkostitwixxi informazzjoni kummerċjali sensittiva u huma biżżejjed sabiex ikun jista’ jiġi konkluż li jeżisti riskju raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku li l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni jippreġudika l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-impriżi kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2014, Conseil vs in’t Veld, C‑350/12 P, EU:C:2014:2039, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

177    Fil-fatt, wara li kkonsultat il-verżjonijiet sħaħ tal-kuntratti inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-informazzjoni dwar l-iskedi ta’ kunsinna mgħottija tagħti deskrizzjoni tal-elementi rilevanti u reċenti dwar il-kapaċitajiet u l-istrateġiji kummerċjali interni tal-impriżi kkonċernati, tal-kundizzjonijiet tal-kunsinni u tal-modalitajiet, tal-volumi u tal-frekwenza ta’ kunsinna, kif ukoll tal-konsegwenzi għall-imsemmija impriżi fil-każ ta’ kunsinni neqsin jew tard. Għalhekk, fil-mument tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, l-eżistenza possibbli ta’ riskju raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku ta’ preġudizzju għall-istrateġiji kummerċjali interni tal-impriżi kkonċernati ma setgħetx tiġi eskluża.

178    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, is-sitt parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

6.      Fuq irrifjut parzjali ta’ aċċess għaddispożizzjonijiet dwar iddonazzjonijiet u lbejgħ millġdid

179    Permezz tas-seba’ parti tat-tieni aggravju, u bħall-ewwel motiv (ara l-punti 17 u 25 iktar ’il fuq), ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni li ħassret ħafna mid-dispożizzjonijiet dwar id-donazzjonijiet u dwar il-bejgħ mill-ġdid ta’ vaċċini fil-kuntratti inkwistjoni u li ma ġġustifikatx b’mod suffiċjenti l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali f’dan ir-rigward. Fil-fehma tagħhom, riskju ta’ preġudizzju għall-interessi kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huwa ipotetiku. Barra minn hekk, din l-informazzjoni hija ta’ interess kbir għas-saħħa pubblika ta’ pajjiżi terzi. Il-Kummissjoni kien imissha bbilanċjat il-preġudizzju ipotetiku għall-interessi kummerċjali tal-impriżi kkonċernati mal-interess pubbliku għat-trasparenza, peress li l-vaċċin fil-livell dinji huwa tal-ikbar importanza għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem fi ħdan l-Unjoni u fil-pajjiżi terzi.

180    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

181    Skont il-Kummissjoni, fid-dawl tal-kuntest li fih ġew innegozjati l-kuntratti inkwistjoni, id-dispożizzjonijiet dwar id-donazzjonijiet u l-bejgħ mill-ġdid jikkonċernaw il-qalba tat-tranżazzjonijiet kummerċjali u l-iżvelar tagħhom jippreġudika l-interessi kummerċjali leġittimi tal-impriżi kkonċernati, b’mod partikolari fir-rigward tal-kapaċitajiet tagħhom u tal-istrateġiji kummerċjali interni tagħhom, bħalma ġie invokat fid-Deċiżjoni kkontestata. Hija ssostni li n-nuqqas ta’ żvelar tagħhom huwa intiż sabiex tinżamm is-setgħa ta’ evalwazzjoni tal-Istat Membru u tal-impriża kkonċernata fir-rigward tal-evalwazzjoni ta’ eventwali bejgħ mill-ġdid jew donazzjoni u fil-kuntest ta’ eventwali ftehim trilaterali ma’ pajjiżi terzi. Issa, żvelar sħiħ tal-imsemmija dispożizzjonijiet jissuġġetta tali deċiżjonijiet għal elementi li ma humiex relatati mal-interessi kummerċjali u jista’ jkollu konsegwenzi finanzjarji sinjifikattivi għall-impriża kkonċernata, b’mod partikolari fil-qasam tal-kumpens, u jipprovdi lill-kompetituri tagħha informazzjoni kummerċjali utli li huma jistgħu jużaw kontra l-impriża fil-pajjiżi terzi. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom għalhekk dimensjoni kummerċjali. Hija tikkontesta l-argument tar-rikorrenti li l-imsemmija dispożizzjonijiet ma jistgħux jitqiesu bħala kummerċjalment kunfidenzjali minħabba l-interess maġġuri għas-saħħa pubblika barra mill-Unjoni, peress li kunsiderazzjonijiet marbuta mas-saħħa pubblika ma jistgħux ikunu l-element determinanti f’dan ir-rigward.

182    F’dan il-każ, permezz tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni għattiet totalment id-dispożizzjonijiet dwar id-donazzjonijiet u l-bejgħ mill-ġdid fid-Dokumenti 7 u 11. Hija neħħiet dawn id-dispożizzjonijiet parzjalment mid-Dokumenti 3, 4, 6, 8, 9, 12 u 13.

183    Madankollu, id-Deċiżjoni kkontestata, li tesponi l-motivi li jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ żvelar, sħiħ jew parzjali, ta’ sensiela sħiħa ta’ kategoriji ta’ informazzjoni fil-kuntratti inkwistjoni, ma turix b’mod espress, anki jekk fil-qosor, il-motivi li għalihom id-dispożizzjonijiet dwar id-donazzjonijiet u l-bejgħ mill-ġdid ġew mgħottija.

184    Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argument żviluppat mill-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, li d-dispożizzjonijiet dwar id-donazzjonijiet u l-bejgħ mill-ġdid għandhom dimensjoni kummerċjali sinjifikattiva għall-impriżi kkonċernati fir-rigward ta’ eventwali ftehimiet trilaterali, b’mod partikolari fil-qasam tariffarju, il-kumpens u t-teħid ta’ responsabbiltà għall-ispejjeż, u, konsegwentement, tar-relazzjonijiet kummerċjali potenzjali futuri tagħhom. Fil-fatt, dawn l-ispjegazzjonijiet ma ġewx invokati fid-Deċiżjoni kkontestata u ma jistgħux jiġu dedotti minn dawk li jinsabu fiha.

185    Bl-istess mod, din il-konklużjoni lanqas ma tista’ tiġi kkontestata bl-affermazzjoni tal-Kummissjoni, waqt is-seduta, li l-punt 2.1.1 tad-Deċiżjoni kkontestata jinkludi bidu ta’ motivazzjoni fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar id-donazzjonijiet u l-bejgħ mill-ġdid. Ċertament, dan il-punt jesponi li “s-siltiet imneħħija mill-kuntratti li [r-rikorrenti] jitolbu l-aċċess għalihom fihom informazzjoni li, jekk tiġi żvelata, tista’ tippreġudika l-kompetittività tal-impriżi kkonċernati fis-suq dinji tal-produzzjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti farmaċewtiċi inkwistjoni”. Madankollu, din is-sentenza hija f’dan il-punt ġenerali li tista’ tirreferi għal kważi d-dispożizzjonijiet kollha tal-kuntratti inkwistjoni u ma tippermettix li jintwerew il-preokkupazzjonijiet konkreti tal-impriżi kkonċernati, jew tal-Istati Membri, dwar l-evalwazzjoni ta’ eventwali donazzjonijiet jew bejgħ mill-ġdid fil-każ ta’ żvelar iktar wiesa’ tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni.

186    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma pprovdietx spjegazzjonijiet suffiċjenti li jippermettu li jkun magħruf b’liema mod l-aċċess għad-dispożizzjonijiet relatati mad-donazzjonijiet u mal-bejgħ mill-ġdid jista’ konkretament u effettivament jippreġudika l-interessi kummerċjali tal-impriżi kkonċernati.

187    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-rikorrenti għalhekk ġustament isostnu li l-Kummissjoni kisret l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 meta rrifjutat li tagħti aċċess għad-dispożizzjonijiet relatati mad-donazzjonijiet u mal-bejgħ mill-ġdid.

188    Minn dan isegwi li s-seba’ parti tat-tieni motiv għandha tintlaqa’.

7.      Konklużjoni dwar ittieni motiv

189    Għar-raġunijiet esposti fil-punti 151 sa 171 u fil-punti 182 sa 187 iktar ’il fuq, il-ħames u s-seba’ parti tat-tieni motiv għandhom jintlaqgħu u d-Deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar il-kumpens kif ukoll tad-donazzjonijiet u tal-bejgħ mill-ġdid, u l-kumplament tat-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

C.      Fuq ittielet motiv, ibbażat fuq lapplikazzjoni inkoerenti tarRegolament Nru 1049/2001 li wasslet għal ksur tiegħu u fuq ksur talprinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, inkwantu lKummissjoni ma għattietx, blistess mod, dispożizzjonijiet jew informazzjoni talistess natura

190    Permezz tat-tielet motiv tagħhom, ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni li ħassret b’mod inkoerenti ċerti dispożizzjonijiet u informazzjoni tal-istess natura, jew saħansitra identiċi, f’uħud mill-kuntratti inkwistjoni u mhux f’oħrajn. Barra minn hekk, il-Kummissjoni la spjegat ir-raġuni għal tali diverġenzi u lanqas kif l-iżvelar tal-informazzjoni mgħottija kien jippreġudika l-interessi kummerċjali tal-impriżi kkonċernati. Huma jqisu li l-inkoerenzi f’li l-informazzjoni tiġi mgħottija juru li l-Kummissjoni sempliċement segwiet l-opinjoni tal-impriża kkonċernata u jsostnu, fl-istadju tar-replika, li dawn l-inkoerenzi jikkostitwixxu ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

191    F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti jenfasizzaw, minn naħa, id-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u d-dispożizzjonijiet relatati mal-ħlasijiet akkont jew mal-ħlasijiet bil-quddiem.

192    Ir-rikorrenti jinvokaw ilmenti analogi fil-kuntest tal-ewwel motiv dwar id-definizzjonijiet kif ukoll fil-kuntest tat-tielet sal-ħames parti tat-tieni motiv dwar id-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-proprjetà intellettwali, tal-ħlasijiet akkont u tal-ħlasijiet bil-quddiem u tad-dispożizzjonijiet dwar ir-responsabbiltà u l-kumpens.

193    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

194    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tfakkar li l-Artikolu 41(2)(c) tal-Karta jipprovdi li d-dritt għal amministrazzjoni tajba jinkludi l-obbligu għall-amministrazzjoni li timmotiva d-deċiżjonijiet tagħha.

195    Barra minn hekk, fir-rigward tad-dokumenti li joriġinaw minn terzi, l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1049/2001 jippreċiża li l-istituzzjoni tal-Unjoni għandha tikkonsulta lit-terz sabiex tiddetermina jekk l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(1) jew (2) tal-imsemmi regolament jistgħux japplikaw sakemm ma jkunx ċar jekk id-dokument għandux jiġi żvelat jew le. Jekk l-istituzzjoni kkonċernata tqis li huwa ċar li rifjut ta’ aċċess għal dokument li joriġina minn terz għandu jiġi rrifjutat abbażi tal-eċċezzjonijiet previsti fil-paragrafu 1 jew 2 tal-istess artikolu, hija għandha tirrifjuta l-aċċess lil min għamel it-talba mingħajr ma jkollha tikkonsulta lit-terz li minnu joriġina d-dokument, irrispettivament minn jekk dan it-terz ikunx preċedentement oppona talba għal aċċess għall-istess dokumenti fformulata abbażi ta’ dan ir-regolament, jew le.

196    Fir-rigward tal-marġni ta’ evalwazzjoni tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-kuntest tal-ipproċessar tat-talbiet għal aċċess għad-dokumenti li joriġinaw minn terzi, għandu jiġi ppreċiżat li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1049/2001 li jistabbilixxu, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet li huwa jistabbilixxi, id-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti kollha miżmuma minn istituzzjoni, għandhom jiġu effettivament implimentati mill-istituzzjoni li lilha tkun indirizzata t-talba għal aċċess (sentenza tal‑14 ta’ Frar 2012, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, T‑59/09, EU:T:2012:75, punt 48).

197    Għaldaqstant, fil-każ ta’ dokumenti li joriġinaw minn terz, għalkemm il-konsultazzjoni ta’ dan tal-aħħar hija, ċertament, obbligatorja qabel ma jiġi żvelat id-dokument li joriġina mingħandu, hija l-Kummissjoni li għandha tevalwa r-riskji li jistgħu jirriżultaw mill-iżvelar ta’ dawn id-dokumenti. B’mod partikolari, hija ma tistax tikkunsidra l-oppożizzjoni ta’ dan it-terz bħala li tfisser awtomatikament li l-iżvelar ma jistax iseħħ minħabba riskju ta’ preġudizzju għall-protezzjoni tal-interessi kummerċjali, iżda għandha tanalizza b’mod indipendenti ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha u tieħu deċiżjoni fil-kuntest tal-marġni ta’ evalwazzjoni tagħha.

198    Għalhekk, konformement mal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1049/2001, ir-responsabbiltà finali għall-applikazzjoni tajba ta’ dan ir-regolament taqa’ fuq l-istituzzjoni tal-Unjoni li huwa wkoll l-kompitu tagħha li tiddefendi l-validità tad-deċiżjoni li tirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti li joriġinaw minn terz quddiem il-qrati tal-Unjoni jew l-Ombudsman Ewropew. Jekk, fil-każ ta’ dokumenti li joriġinaw minn terzi, l-istituzzjoni jkollha awtomatikament issegwi l-motivazzjoni mogħtija mit-terz ikkonċernat, hija tkun kostretta tiddefendi fil-konfront tal-persuna li tkun għamlet it-talba għal aċċess u, jekk ikun il-każ, quddiem dawn l-istanzi ta’ kontroll, pożizzjonijiet li hija stess ma tikkunsidrax li jistgħu jiġu difiżi (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Frar 2012, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, T‑59/09, EU:T:2012:75, punt 47).

199    F’dan il-każ, id-Deċiżjoni kkontestata tindika li, konformement mal-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1049/2001, il-Kummissjoni wettqet konsultazzjonijiet ġodda mal-impriżi kkonċernati, ikkwalifikati bħala “estensivi”, dwar il-possibbiltà ta’ żvelar usa’ tal-kuntratti inkwistjoni wara t-talba konfermattiva. Dik id-deċiżjoni tispjega li mill-imsemmija konsultazzjonijiet kien jirriżulta li partijiet mill-kuntratti inkwistjoni kienu għadhom jeħtieġu protezzjoni, peress li kienu kummerċjalment sensittivi u l-iżvelar tagħhom seta’ jippreġudika l-interessi kummerċjali leġittimi tal-impriżi kkonċernati. Id-Deċiżjoni kkontestata tippreċiża li ngħata aċċess parzjali iktar wiesa’ għall-kuntratti inkwistjoni wara li l-istituzzjoni kienet ħadet inkunsiderazzjoni tat-tweġibiet tal-impriżi kkonċernati u tal-evalwazzjoni magħmula minnha stess. Id-Deċiżjoni kkontestata tesponi wkoll li l-portata tar-redazzjoni kienet tvarja, b’mod partikolari, skont is-sitwazzjoni speċifika għal kull impriża kkonċernata, il-karatteristiċi tagħha, ir-relazzjonijiet tagħha ma’ atturi kummerċjali oħra, l-istrateġiji tagħha tas-suq u tal-impriża, l-użu li l-kompetituri tagħha jistgħu jagħmlu mill-informazzjoni żvelata u l-istadju ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt inkwistjoni.

200    Minn dan isegwi li r-rikorrenti tpoġġew kompletament f’pożizzjoni li jifhmu r-raġunijiet li jispjegaw id-diverġenzi relatati mar-redazzjonijiet tal-kuntratti inkwistjoni u kif, skont il-Kummissjoni, l-iżvelar sħiħ tad-diversi partijiet mgħottija ta’ dawn id-dokumenti seta’ jkollu impatt differenti fuq l-interessi kummerċjali tal-impriżi kkonċernati. Għaldaqstant, id-Deċiżjoni kkontestata ma hijiex ivvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward.

201    Barra minn hekk, mid-Deċiżjoni kkontestata u mill-qari tal-kuntratti inkwistjoni isegwi li għalkemm, ċertament, dawn id-dokumenti kollha jirrigwardaw l-istess suġġett materjali, jiġifieri x-xiri ta’ vaċċini kontra l-COVID-19, u jinkludu dispożizzjonijiet dwar l-obbligi reċiproċi tal-partijiet kontraenti għal dan l-għan, l-għan ġuridiku ta’ kull wieħed mill-kuntratti inkwistjoni huwa differenti, peress li l-impriża kkonċernata u l-vaċċin partikolari huma differenti. Għalhekk, kull kuntratt inkwistjoni huwa dokument awtonomu.

202    Issa, ir-rikorrenti sempliċement ikkunsidraw, essenzjalment, li huwa ftit kredibbli l-fatt li informazzjoni partikolari tkun sensittiva għal impriża partikolari u mhux għal oħra. Madankollu, huma ma pprovdew ebda indizju rilevanti ta’ natura li jikkonfuta l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni kkontestata li hija bbażat ruħha, sabiex tirrifjuta l-aċċess għall-informazzjoni mgħottija, fuq analiżi tal-elementi dwar il-kontenut speċifiku ta’ kull kuntratt inkwistjoni u tas-sitwazzjoni individwali ta’ kull impriża kkonċernata.

203    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

D.      Fuq irraba’ motiv, ibbażat fuq ksur talArtikolu 4(2) tarRegolament Nru 1049/2001, inkwantu lKummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni linteress pubbliku superjuri li jiġġustifika liżvelar talinformazzjoni mitluba.

204    Permezz tar-raba’ motiv tagħhom, kif adattat, ir-rikorrenti jikkontestaw, essenzjalment, il-fondatezza u n-natura suffiċjenti tal-motivi mressqa mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-assenza ta’ interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar sħiħ tal-kuntratti inkwistjoni, fis-sens tal-aħħar parti tas-sentenza tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

205    Skont ir-rikorrenti, jeżisti interess pubbliku superjuri fl-iżvelar sħiħ tal-kuntratti inkwistjoni sabiex tiġi stabbilita l-fiduċja tal-pubbliku fir-rwol li kellha l-Kummissjoni dwar l-għoti konġunt ta’ kuntratti għax-xiri tal-vaċċini kontra l-COVID-19 u l-użu ta’ fondi pubbliċi f’dan ir-rigward, kif ukoll sabiex tiġi stabbilita l-fiduċja tal-pubbliku fil-vaċċin stess, u dan sabiex jiġi miġġieled fenomenu ta’ eżitazzjoni għall-vaċċinazzjoni u tad-diżinformazzjoni.

206    Bl-istess mod, ir-rikorrenti jsostnu li teżisti rabta bejn il-fenomenu ta’ eżitazzjoni għall-vaċċinazzjoni u n-nuqqas ta’ fiduċja tal-pubbliku fl-istituzzjonijiet u l-assenza ta’ żvelar ta’ ċerta informazzjoni li tinsab fil-kuntratti inkwistjoni, jiġifieri l-istruttura tal-ispejjeż tal-produzzjoni tad-diversi vaċċini, il-prezzijiet, il-postijiet ta’ produzzjoni, il-ftehimiet fil-qasam tal-proprjetà intellettwali, id-dispożizzjonijiet dwar ir-responsabbiltà u l-kumpens u d-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għall-vaċċin.

207    Ir-rikorrenti jikkontestaw li ressqu biss argumenti ta’ natura ġenerali sabiex jiġġustifikaw l-iżvelar tal-informazzjoni mgħottija. Huma jikkritikaw lill-Kummissjoni li ma bbilanċjatx l-interessi kummerċjali tal-impriżi kkonċernati u l-interess pubbliku superjuri tas-saħħa ffavorit mit-trasparenza. Il-Kummissjoni sempliċement ċaħdet l-argumenti tar-rikorrenti mingħajr ma ppreċiżat b’mod ċar ir-raġunijiet li għalihom ma kienx hemm interess pubbliku superjuri għall-iżvelar tal-informazzjoni inkwistjoni.

208    Fl-aħħar nett, fin-nota ta’ adattament tagħhom, ir-rikorrenti jelenkaw ir-raġunijiet li għalihom l-iżvelar ta’ ċerta informazzjoni speċifika mgħottija fil-kuntratti inkwistjoni huwa neċessarju. L-ewwel, huma jsostnu li l-iżvelar tad-definizzjonijiet huwa prerekwiżit sabiex jinftiehmu l-kuntratti inkwistjoni u, konsegwentement, għat-trasparenza u għall-fiduċja, b’tali mod li hemm interess pubbliku superjuri. It-tieni, l-iżvelar tal-post fejn jinsabu s-siti ta’ produzzjoni tal-vaċċini huwa neċessarju għall-organizzazzjoni ta’ kampanji ta’ tilqim fl-Istati Membri u biex il-pubbliku jkun jista’ jevalwa jekk huwiex mistenni dewmien possibbli fil-konsenja u jivverifika jekk il-kapaċitajiet humiex biżżejjed biex l-vaċċini jiġu kkonsenjati fil-ħin. It-tielet, l-iżvelar tad-dispożizzjonijiet dwar id-donazzjonijiet u l-bejgħ mill-ġdid huwa neċessarju sabiex ikun magħruf kif l-Unjoni u l-Istati Membri jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra l-COVID-19 fuq livell dinji. Ir-raba’, l-iżvelar tal-prezzijiet għal kull doża u l-iskedi tal-konsenja huwa neċessarju sabiex terġa’ tinkiseb il-fiduċja tal-pubbliku fl-għoti konġunt ta’ kuntratti għall-vaċċini u sabiex jiġu spjegati d-diversi għażliet ta’ vaċċini tal-Istati Membri u d-diffikultajiet ta’ kunsinna li ltaqgħu magħhom, b’mod partikolari minn AstraZeneca. Il-ħames, l-iżvelar tad-dispożizzjonijiet dwar il-ħlasijiet akkont u l-ħlasijiet bil-quddiem huwa importanti sabiex il-pubbliku jkollu fiduċja fil-vaċċini u fl-investimenti ta’ fondi pubbliċi mill-Kummissjoni u jkun jista’ janalizzahom u jasal għal konklużjonijiet dwar l-għoti konġunt ta’ kuntratti għall-vaċċini u l-benefiċċji eventwali miksuba mill-impriżi kkonċernati. Is-sitt, l-iżvelar tad-dispożizzjonijiet dwar ir-responsabbiltà u l-kumpens huwa essenzjali biex tiżdied il-fiduċja fil-vaċċini, għall-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni u sabiex wieħed ikun jaf min huwa responsabbli u min jiġi kkumpensat fil-każ ta’ effetti sekondarji marbuta mat-tilqim.

209    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

210    F’dan ir-rigward, preliminarjament, il-Qorti Ġenerali tfakkar li l-ewwel motiv u l-ewwel parti tat-tieni motiv kif ukoll il-ħames u s-seba’ parti tat-tieni motiv għandhom jintlaqgħu inkwantu l-Kummissjoni ma pprovdietx spjegazzjonijiet suffiċjenti li jippermettu li jsir magħruf b’liema mod l-aċċess għad-definizzjonijiet tal-espressjonijiet “nuqqas intenzjonali” fid-Dokument 1 u “l-isforzi raġonevoli kollha possibbli” fid-Dokumenti 4 u 7 u għad-dispożizzjonijiet dwar id-donazzjonijiet u l-bejgħ mill-ġdid jista’ konkretament u effettivament jippreġudika l-interessi kummerċjali tal-impriżi kkonċernati, u sa fejn il-motivi sabiex jiġi rrifjutat l-iżvelar iktar wiesa’ tad-dispożizzjonijiet dwar il-kumpens ma jurux l-eżistenza ta’ riskju prevedibbli u mhux purament ipotetiku ta’ preġudizzju għall-interessi kummerċjali tal-impriżi kkonċernati, bi ksur tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Minn dan isegwi li l-eżami tar-raba’ motiv ma jikkonċernax l-imsemmija aspetti tad-Deċiżjoni kkontestata.

211    Konformement mal-aħħar parti tas-sentenza tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw l-aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jkun jippreġudika, b’mod partikolari, il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ persuna fiżika jew ġuridika partikolari “jekk ma’ jkunx hemm interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu”. Minn dan isegwi li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jistgħux jirrifjutaw l-aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu huwa ġġustifikat minn interess pubbliku superjuri, anki jekk dan jista’ jippreġudika l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ persuna fiżika jew ġuridika partikolari.

212    F’dan il-kuntest, għandhom jiġu bbilanċjati, minn naħa, l-interess speċifiku li għandu jiġi protett min-nuqqas ta’ żvelar tad-dokument ikkonċernat u, min-naħa l-oħra, b’mod partikolari, l-interess ġenerali li dan id-dokument isir aċċessibbli, fid-dawl tal-vantaġġi li jirriżultaw, bħalma huwa ppreċiżat fil-premessa 2 tar-Regolament Nru 1049/2001, minn trasparenza kbira, jiġifieri parteċipazzjoni aħjar miċ-ċittadini fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet kif ukoll iktar leġittimità, effettività u responsabbiltà tal-amministrazzjoni taċ-ċittadin f’sistema demokratika (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2010, Agapiou Joséphidès vs Il‑Kummissjoni u EACEA, T‑439/08, mhux ippubblikata, EU:T:2010:442, punt 136 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tal‑5 ta’ Frar 2018, PTC Therapeutics International vs EMA, T‑718/15, EU:T:2018:66, punt 107).

213    Huwa l-applikant li għandu jinvoka b’mod konkret ċirkustanzi li fuqhom huwa bbażat interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti kkonċernati (ara s-sentenzi tal‑14 ta’ Novembru 2013, LPN u Il‑Finlandja vs Il‑Kummissjoni, C‑514/11 P u C‑605/11 P, EU:C:2013:738, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑16 ta’ Lulju 2015, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni, C‑612/13 P, EU:C:2015:486, punt 90 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, huma dawk li jsostnu l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri fis-sens tal-aħħar parti tas-sentenza tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 li għandhom juru dan (sentenza tal‑25 ta’ Settembru 2014, Spirlea vs Il‑Kummissjoni, T‑306/12, EU:T:2014:816, punt 97).

214    L-interess pubbliku superjuri li jista’ jiġġustifika l-iżvelar ta’ dokument ma għandux neċessarjament ikun distint mill-prinċipji li fuqhom huwa bbażat ir-Regolament Nru 1049/2001. Madankollu, kunsiderazzjonijiet ġenerali ma jistgħux jiġu aċċettati sabiex jiġġustifikaw l-aċċess għad-dokumenti mitluba, li jeżiġi li l-prinċipju ta’ trasparenza jkollu, fis-sitwazzjoni partikolari, importanza partikolari li tipprevali fuq ir-raġunijiet li jiġġustifikaw ir-rifjut ta’ żvelar tad-dokumenti inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Novembru 2013, LPN u Il‑Finlandja vs Il‑Kummissjoni, C‑514/11 P u C‑605/11 P, EU:C:2013:738, punti 92 u 93 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑16 ta’ Lulju 2015, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni, C‑612/13 P, EU:C:2015:486, punti 92 u 93).

215    F’dan il-każ, fit-talba konfermattiva, is-sitt Membri invokaw interess pubbliku superjuri li jiġġustifika, fil-fehma tagħhom, l-iżvelar tal-kuntratti inkwistjoni artikolat, essenzjalment, madwar ħames partijiet, jiġifieri, l-ewwel, it-trasparenza sabiex tiġi stabbilita l-fiduċja tal-pubbliku fl-azzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-akkwist ta’ vaċċini kontra l-COVID-19 u minħabba l-użu ta’ fondi pubbliċi f’dan ir-rigward, it-tieni, it-trasparenza għall-finijiet tal-fiduċja tal-pubbliku fil-vaċċini stess u sabiex jiġi miġġieled fenomenu ta’ eżitazzjoni għall-vaċċinazzjoni, it-tielet, diversi dikjarazzjonijiet tal-Parlament li jitolbu iktar trasparenza, ir-raba’, id-dimensjoni globali tal-pandemija u, il-ħames, il-Karta u l-funzjoni doppja tagħhom bħala ċittadini tal-Unjoni u Membri tal-Parlament.

216    Fid-Deċiżjoni kkontestata, li permezz tagħha l-Kummissjoni tat aċċess parzjali usa’ għad-Dokumenti 1 sa 8 u 11, preċedentement żvelati, kif ukoll aċċess parzjali għad-Dokumenti 9, 10, 12 u 13, li sa dak iż-żmien ma kinux ġew żvelati pubblikament f’forma redatta, il-Kummissjoni indikat li taqbel mal-importanza tal-fiduċja tal-pubbliku fl-azzjonijiet tagħha f’dak li jirrigwarda x-xiri tal-vaċċini u tirrikonoxxi l-livell għoli ta’ trasparenza meħtieġ. Hija fakkret li hija kienet ikkomunikat b’mod regolari informazzjoni dwar l-istat tal-progress tan-negozjati mal-impriżi kkonċernati u d-diversi passi meħuda, inkluż mal-Parlament, sabiex tiġi żgurata t-trasparenza. Hija esponiet li kienet ikkonsultat lill-impriżi kkonċernati sabiex tagħti l-ikbar aċċess possibbli għall-kuntratti inkwistjoni. Madankollu, hija enfasizzat li, fid-data tad-Deċiżjoni kkontestata, il-kriżi sanitarja kienet għadha għaddejja u li d-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti ma kienx dritt ġenerali u assolut. Sussegwentement, hija rrilevat in-natura ġenerali tal-argument li jinsab fit-talba konfermattiva dwar eżitazzjoni għall-vaċċinazzjoni potenzjali, id-diversi dikjarazzjonijiet tal-Parlament, il-Karta u d-dimensjoni globali tal-pandemija u fakkret li kunsiderazzjonijiet ġenerali, inkluż dwar il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, ma kinux suffiċjenti sabiex jiġġustifikaw interess pubbliku superjuri, mingħajr preċiżazzjonijiet dwar ir-raġunijiet konkreti li jiġġustifikaw sa fejn l-iżvelar iservi dan l-interess pubbliku. Hija ppreċiżat li ma kinitx f’pożizzjoni li tidentifika xi interess pubbliku li jista’ jipprevali fuq l-interess pubbliku u privat protett mill-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Hija ċaħdet ir-rilevanza ta’ kunsiderazzjonijiet ibbażati fuq iċ-ċirkustanza li tliet kuntratti ta’ xiri bil-quddiem konklużi kienu s-suġġett ta’ kxif ta’ informazzjoni fil-mezzi ta’ komunikazzjoni. Fl-aħħar nett, hija qieset li l-fatt li l-kuntratti inkwistjoni kienu relatati ma’ proċedura amministrattiva u mhux ma’ atti leġiżlattivi kien isaħħaħ il-konklużjoni li ebda interess pubbliku superjuri ma jiġġustifika l-iżvelar ta’ siltiet mgħottija.

217    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet isegwi li l-Kummissjoni pprovdiet spjegazzjonijiet fil-qosor li jippermettu lir-rikorrenti jifhmu r-raġunijiet li wassluha tiċħad l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar sħiħ tal-kuntratti inkwistjoni, fis-sens tal-aħħar parti tas-sentenza tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

218    Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq l-insuffiċjenza tal-motivazzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata għandu jiġi miċħud.

219    Fir-rigward tal-fondatezza tal-motivazzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni ma hija vvizzjata b’ebda żball ta’ liġi fir-rigward tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

220    Fil-fatt, f’dan il-każ, iċ-ċirkustanza li l-impriżi kkonċernati pparteċipaw fit-twettiq ta’ kompiti ta’ interess pubbliku, b’mod partikolari l-iżvilupp ta’ vaċċini kontra l-COVID-19 permezz ta’ ħlasijiet akkont jew ħlasijiet bil-quddiem li joriġinaw minn fondi pubbliċi u mħallsa taħt il-kuntratti inkwistjoni nnegozjati mill-Kummissjoni f’isem l-Istati Membri, hija, bħala prinċipju, ta’ natura li tiżvela l-eżistenza ta’ interess reali tal-pubbliku fl-aċċess għal informazzjoni dwar l-imsemmija vaċċini u kuntratti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2023, Breyer vs REA, C‑135/22 P, EU:C:2023:640, punt 77).

221    Barra minn hekk, it-trasparenza tal-proċess segwit mill-Kummissjoni matul in-negozjati mal-manifatturi tal-vaċċini kontra l-COVID-19 u l-konklużjoni tal-kuntratti inkwistjoni f’isem l-Istati Membri tista’ tikkontribwixxi sabiex tiżdied il-fiduċja taċ-ċittadini tal-Unjoni fir-rigward tal-istrateġija tat-tilqim promossa minn dik l-istituzzjoni u, sussegwentement, għall-ġlieda kontra t-tixrid ta’ informazzjoni falza f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet relatati man-negozjar u mal-konklużjoni tal-imsemmija kuntratti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Settembru 2022, Saure vs Il‑Kummissjoni, T‑448/21, mhux ippubblikata, EU:T:2022:525, punt 45, u tas‑7 ta’ Settembru 2022, Saure vs Il‑Kummissjoni, T‑651/21, mhux ippubblikata, EU:T:2022:526, punt 46).

222    F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma ċaħditx l-eżistenza ta’ interess tal-pubbliku li jirċievi informazzjoni dwar ix-xiri tal-vaċċini u l-kuntratti inkwistjoni, iżda qieset, fid-Deċiżjoni kkontestata, li dan l-interess kien issodisfatt mid-diversi passi meħuda sabiex tiġi żgurata t-trasparenza, fosthom il-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni aġġornata dwar l-istat ta’ progress tan-negozjati u l-komunikazzjoni ta’ informazzjoni lill-Parlament b’vuċi qawwija u bil-miktub. Għandu jiġi kkonstatat ukoll li l-informazzjoni mgħottija ma fihiex indikazzjonijiet xjentifiċi dwar l-effikaċja u s-sikurezza tal-vaċċini li jirrigwardaw it-tħassib possibbli tal-pubbliku dwar l-użu tal-vaċċini.

223    Madankollu, kunsiderazzjonijiet daqstant ġenerali bħal dawk invokati mir-rikorrenti, jiġifieri n-neċessità li tiġi stabbilita l-fiduċja tal-pubbliku fl-azzjonijiet tal-Kummissjoni dwar ix-xiri ta’ vaċċini kontra l-COVID-19 u n-neċessità li tiġi stabbilita l-fiduċja fil-vaċċini stess sabiex jiġi miġġieled fenomenu ta’ eżitazzjoni għall-vaċċinazzjoni, ma jistgħux ikunu ta’ natura li jistabbilixxu li l-interess marbut mat-trasparenza kellu, f’dan il-każ, intensità partikolari li setgħet tieħu preċedenza fuq ir-raġunijiet li jiġġustifikaw ir-rifjut ta’ żvelar tal-partijiet mgħottija tal-kuntratti inkwistjoni.

224    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argumenti iktar iddettaljati tar-rikorrenti li jinsabu fin-nota ta’ adattament tagħhom.

225    L-ewwel, ir-rikorrenti bl-ebda mod ma sostnew kif l-iżvelar lilhom stess u, fl-aħħar mill-aħħar, lill-pubbliku, tal-informazzjoni dwar il-post fejn jinsabu s-siti ta’ produzzjoni tal-impriżi kkonċernati huwa neċessarju għall-organizzazzjoni ta’ kampanji ta’ tilqim fl-Istati Membri, peress li l-imsemmija kampanji ġew implimentati mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali. Bl-istess mod, huma ma spjegawx b’liema mod l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni jippermetti lill-pubbliku jifforma opinjoni informata dwar ir-riskju ta’ eventwali dewmien fil-kunsinna u dwar il-kapaċità ta’ produzzjoni tal-imsemmija siti.

226    It-tieni, sa fejn ir-rikorrenti jsostnu li l-iżvelar tal-prezzijiet għal kull doża u tal-iskedi ta’ kunsinna jippermetti li terġa’ tingħata fiduċja lil parti ikbar mill-pubbliku fix-xiri tal-vaċċini u li jiġu spjegati d-diversi għażliet ta’ vaċċini tal-Istati Membri u d-diffikultajiet ta’ kunsinna li jiltaqgħu magħhom, għandu jiġi kkonstatat li dawn ma jissostanzjawx l-argumenti tagħhom. B’mod partikolari, huma ma jispjegawx kif il-fiduċja tal-pubbliku fl-għoti konġunt tal-kuntratti għall-vaċċini kontra l-COVID-19 tkun imsaħħa bl-iżvelar ta’ elementi finanzjarji sensittivi tal-kuntratti inkwistjoni, li jistgħu jintużaw kontra l-impriżi kkonċernati fin-negozjati tagħhom ma’ xerrejja ta’ pajjiżi terzi, jew saħansitra kontra l-Kummissjoni u l-Istati Membri fil-kuntest ta’ kuntratti ta’ xiri sussegwenti. Huma lanqas ma jispjegaw kif il-prezzijiet għal kull doża waħedhom jistgħu jiżvelaw ir-raġunijiet wara d-deċiżjonijiet tal-Istati Membri dwar il-vaċċini użati fil-kampanji tagħhom ta’ tilqim kontra l-COVID-19. Issa, l-imsemmija deċiżjonijiet jistgħu jiġu influwenzati, barra milli mill-għażla tal-Istat Membru li jipparteċipa jew le fil-kuntratt inkwistjoni u mill-prezz, minn diversi kunsiderazzjonijiet, bħall-karatteristiċi tal-vaċċin, id-disponibbiltà tiegħu u t-terminu għall-kunsinna. Barra minn hekk, bħalma ssostni l-Kummissjoni, l-iżvelar tal-iskedi ta’ kunsinna bl-ebda mod ma jiċċara l-kawżi ta’ diffikultajiet eventwali ta’ kunsinna li wieħed jiltaqa’ magħhom.

227    It-tielet, inkwantu r-rikorrenti jargumentaw li l-iżvelar tad-dispożizzjonijiet dwar il-ħlasijiet akkont u l-ħlasijiet bil-quddiem jippermetti li tissaħħaħ il-fiduċja tal-pubbliku fil-vaċċini u fl-investimenti ta’ fondi pubbliċi mwettqa billi jkunu jistgħu janalizzaw u jaslu għal konklużjonijiet dwar in-negozjati u l-investimenti tal-Kummissjoni u l-eventwali benefiċċji tal-impriżi kkonċernati, għandu jiġi rrilevat li l-elementi finanzjarji sensittivi tal-kuntratti inkwistjoni ma għandhom ebda rabta mal-effikaċja jew mas-sigurtà tal-vaċċini kontra l-COVID-19. Barra minn hekk, anki jekk jitqies li l-iżvelar iktar wiesa’ tad-dispożizzjonijiet mgħottija fid-Dokumenti 2 sa 4, 12 u 13 jippermetti effettivament li jinsiltu konklużjonijiet dwar in-negozjar tal-imsemmija kuntratti, l-użu ta’ fondi pubbliċi u l-benefiċċji tal-impriżi kkonċernati, bħalma ġie kkonstatat fil-punt 226 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma jispjegawx kif il-fiduċja tal-pubbliku tiġi msaħħa bl-iżvelar tal-elementi mgħottija minkejja li jistgħu jaffettwaw negattivament in-negozjati pendenti jew sussegwenti.

228    Ir-raba’, peress li l-mekkaniżmu ta’ kumpens lill-impriżi kkonċernati mill-Istati Membri bl-ebda mod ma jaffettwa s-sistema ta’ responsabbiltà ġuridika tal-imsemmija impriżi skont id-Direttiva 85/374, u peress li din l-informazzjoni diġà taqa’ fid-dominju pubbliku fil-mument tat-tressiq tat-talba inizjali għal aċċess, ir-rikorrenti baqgħu ma spjegawx kif l-iżvelar tad-dispożizzjonijiet dwar ir-responsabbiltà kuntrattwali tal-impriżi kkonċernati fil-każ ta’ ksur, ta’ xoljiment jew ta’ sospensjoni tal-kuntratti inkwistjoni, b’mod partikolari b’rabta mad-dewmien fil-kunsinna jew mal-kunsinni neqsin, jippermetti li tiżdied il-fiduċja fil-vaċċini u li tiġi miġġielda d-diżinformazzjoni.

229    Fl-aħħar nett, u bħalma indikat il-Kummissjoni fid-Deċiżjoni kkontestata, l-attività amministrattiva tagħha ma teħtieġx l-istess portata ta’ aċċess għal dokumenti bħal dik meħtieġa mill-attività leġiżlattiva ta’ istituzzjoni tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi tad‑29 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, C‑139/07 P, EU:C:2010:376, punt 60, u tas‑27 ta’ Frar 2014, Il‑Kummissjoni vs EnBW, C‑365/12 P, EU:C:2014:112, punt 91).

230    Issa, f’dan il-każ il-kuntratti inkwistjoni jaqgħu fil-kuntest ta’ attività amministrattiva.

231    F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi li, fid-data ta’ adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni invokat l-eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-impriżi kkonċernati, filwaqt li madankollu huwa mifhum li, bħalma jsegwi mill-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 1049/2001, din l-eċċezzjoni ma hijiex intiża li tapplika għal perijodu illimitat, iżda biss sakemm din il-protezzjoni tkun iġġustifikata fid-dawl tal-kontenut tad-dokument inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2010, Internationaler Hilfsfonds vs Il‑Kummissjoni (C‑362/08 P, EU:C:2010:40, punti 56 u 57).

232    Minn dan isegwi li r-raba’ motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

E.      Fuq ilħames motiv, ibbażat fuq ilksur talArtikolu 42 u talArtikolu 52(3) talKarta kif ukoll talArtikolu 10(1) tal-KEDB

233    Permezz tal-ħames motiv tagħhom, ir-rikorrenti jfakkru li l-Kummissjoni hija obbligata tieħu inkunsiderazzjoni kemm id-dritt għal-libertà ta’ espressjoni, iggarantit mill-Artikolu 11(1) tal-Karta, kif ukoll id-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti, protett mill-Artikolu 42 tagħha. Huma jikkritikaw lill-Kummissjoni li ma eżaminatx jekk u sa liema punt l-aċċess parzjali biss mogħti għall-kuntratti inkwistjoni kien jikkostitwixxi indħil fl-eżerċizzju tad-dritt tagħhom għal-libertà ta’ espressjoni, previst fl-Artikolu 11(1) tal-Karta, u li jinkludi l-libertà li wieħed jirċievi informazzjoni, bi ksur tal-Artikolu 52(3) tal-imsemmija Karta u tal-Artikolu 10(1) tal-KEDB. Fl-istadju tar-replika, huma jżidu li billi ma osservatx il-limiti imposti fuq l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali, il-Kummissjoni kisret ukoll l-Artikolu 42 tal-Karta.

234    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

235    Minn naħa, skont il-Kummissjoni, l-allegazzjoni dwar l-Artikolu 42 tal-Karta, imqajma fl-istadju tar-replika, hija ġdida u inammissibbli fl-assenza ta’ kwalunkwe argument ippreżentat insostenn tagħha u, fi kwalunkwe każ, infondat. Min-naħa l-oħra, id-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti stabbilit fl-Artikolu 42 tal-Karta ma huwiex inkundizzjonat, iżda jiġi eżerċitat, konformement mal-Artikolu 52(2) tal-Karta, taħt il-kundizzjonijiet u l-limiti ddefiniti mit-Trattati. Għaldaqstant, billi rrifjutat li tagħti l-aċċess għal ċerti partijiet tal-kuntratti inkwistjoni skont l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, il-Kummissjoni ma kisritx il-libertà ta’ espressjoni tar-rikorrenti.

236    Il-ħames motiv tar-rikorrenti għandu jinftiehem bħala intiż essenzjalment sabiex jikkritika lill-Kummissjoni talli kisret kemm l-Artikolu 11(1) kif ukoll l-Artikolu 42 tal-Karta sa fejn, bħalma jirriżulta mill-eżami tal-motivi l-oħra invokati insostenn ta’ dan ir-rikors, il-Kummissjoni ma eżaminatx b’mod suffiċjenti jekk u sa fejn ir-rifjut parzjali ta’ aċċess għall-kuntratti inkwistjoni jista’ jikkostitwixxi indħil fid-dritt tagħhom ta’ aċċess għad-dokumenti u għal-libertà tagħhom ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni.

237    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma jippreżentawx argumenti speċifiċi intiżi sabiex juru kif, konkretament, ir-rifjut parzjali ta’ aċċess jikser id-dritt u l-libertà fundamentali tagħhom, iżda essenzjalment jagħmlu l-konstatazzjoni ta’ tali ksur dipendenti fuq il-fatt li jintlaqgħu l-motivi eżaminati preċedentement.

238    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fil-punti 39 sa 46, 151 sa 171 u 182 sa 188 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat ksur tal-Artikolu 11(1) u tal-Artikolu 42 tal-Karta, fir-rigward tal-fatt li ġew mgħottija id-definizzjonijiet tal-espressjonijiet “nuqqas intenzjonali” u “l-isforzi raġonevoli kollha possibbli” fid-Dokumenti 4 u 7 u d-dispożizzjonijiet dwar id-donazzjonijiet u l-bejgħ mill-ġdid kif ukoll id-dispożizzjonijiet dwar il-kumpens fil-kuntratti inkwistjoni.

239    Min-naħa l-oħra, peress li r-rikorrenti ma ppreżentaw ebda argument awtonomu għal dawk imressqa fl-ewwel sar-raba’ motiv eżaminati preċedentement sabiex jikkontestaw ir-rifjut ta’ aċċess għall-informazzjoni minbarra dawk imsemmija fil-punt 238 iktar ’il fuq, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud fir-rigward ta’ tali informazzjoni.

240    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li l-ħames motiv jintlaqa’ parzjalment.

F.      Fuq issitt motiv, ibbażat fuq ksur talArtikoli 7 u 8 tar-Regolament Nru 1049/2001, inkwantu, permezz tadDeċiżjoni kkontestata, ilKummissjoni għattiet ċerta informazzjoni li hija kienet żvelat qabel

241    Permezz tas-sitt motiv tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret l-Artikoli 7 u 8 tar-Regolament Nru 1049/2001 billi neħħiet ċerta informazzjoni mid-Dokumenti 7 u 11 li hija kienet madankollu żvelat bi tweġiba għat-talba inizjali. Fil-fehma tagħhom, il-Kummissjoni ma tistax validament tiżvela inqas informazzjoni bi tweġiba għat-talba konfermattiva.

242    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

243    F’dan ir-rigward, mingħajr ma hemm bżonn li tittieħed pożizzjoni fuq il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni, bi tweġiba għal talba konfermattiva, tistax tirtira l-aċċess għal ċerta informazzjoni żvelata fit-teħid ta’ pożizzjoni inizjali tagħha, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, hija ma kellhiex l-intenzjoni li tirtira l-aċċess għall-informazzjoni tad-Dokumenti 7 u 11 żvelata fit-teħid ta’ pożizzjoni inizjali tagħha.

244    Fil-fatt, minn naħa, il-Kummissjoni ċertament għattiet ċerta informazzjoni mid-Dokumenti 7 u 11 li hija kienet madankollu żvelat bi tweġiba għat-talba inizjali. Madankollu, id-Deċiżjoni kkontestata bl-ebda mod ma ssemmi tali rtirar. Min-naħa l-oħra, quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni invokat espliċitament il-fatt li r-rikorrenti ma kellhomx interess li jqajmu tali motiv minħabba li huma “[kienu] diġà kisbu legalment […] aċċess għall-partijiet tad-dokumenti li ġew żvelati fl-istadju inizjali”. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ma indirizzatx talba lir-rikorrenti sabiex huma jintrabtu li jħassru d-data li kienet ġiet ikkomunikata lilhom.

245    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti żammew l-aċċess għal ċerta informazzjoni tad-Dokumenti 7 u 11 miksuba bi tweġiba għat-talba inizjali tagħhom.

246    Konsegwentement, is-sitt motiv għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

247    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li d-Deċiżjoni kkontestata tiġi annullata sa fejn din tirrifjuta l-aċċess iktar wiesa’, l-ewwel, għad-definizzjonijiet tal-espressjonijiet “nuqqas intenzjonali” fid-Dokument 1 u “l-isforzi kollha possibbli” fid-Dokumenti 4 u 7, it-tieni, għad-dispożizzjonijiet dwar id-donazzjonijiet u l-bejgħ mill-ġdid u, it-tielet, għad-dispożizzjonijiet dwar il-kumpens.

248    F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali ma għandhiex tissostitwixxi lill-Kummissjoni biha nnifisha u tindika l-partijiet ta’ dokumenti li għalihom kellu jingħata aċċess totali jew parzjali, peress li l-istituzzjoni hija obbligata, fl-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza u konformement mal-Artikolu 266 TFUE, li tieħu inkunsiderazzjoni l-motivi esposti f’dan ir-rigward fiha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2006, Franchet u Byk vs Il‑Kummissjoni (T‑391/03 u T‑70/04, EU:T:2006:190, punt 133).

IV.    Fuq lispejjeż

249    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni essenzjalment tilfet it-talbiet tagħha, hemm lok li din tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2022) 1038 final tal15 ta’ Frar 2022 hija annullata inkwantu l-Kummissjoni rrifjutat li tagħti aċċess iktar wiesa’, l-ewwel, għad-definizzjonijiet tal-espressjonijiet “nuqqas intenzjonali” (wilful misconduct) fil-kuntratt ta’ xiri bil-quddiem konkluż bejnha u AstraZeneca u “l-isforzi kollha possibbli” (best reasonable efforts) fil-kuntratt ta’ xiri bil-quddiem konkluż bejn il-Kummissjoni u Pfizer-BioNTech u fil-kuntratt ta’ xiri konkluż bejn il-Kummissjoni u Pfizer-BioNTech, it-tieni, għad-dispożizzjonijiet dwar id-donazzjonijiet u l-bejgħ mill-ġdid u, it-tielet, għad-dispożizzjonijiet dwar il-kumpens fil-kuntratti ta’ xiri bil-quddiem u l-kuntratti ta’ xiri konklużi bejnha u l-kumpanniji farmaċewtiċi kkonċernati mix-xiri ta’ vaċċini kontra l-COVID-19 abbażi tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Il-Kummissjoni hija kkundannata għall-ispejjeż, inklużi l-ispejjeż relatati mar-rikors fil-verżjoni inizjali tiegħu.

Svenningsen

Mac Eochaidh

Martín y Pérez de Nanclares

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis‑17 ta’ Lulju 2024.

Firem


Werrej


I. Ilfatti li wasslu għallkawża

II. Ittalbiet talpartijiet

III. Iddritt

A. Fuq lewwel motiv u fuq lewwel parti tattieni motiv, ibbażati fuq lapplikazzjoni żbaljata taleċċezzjoni dwar ilprotezzjoni talinteressi kummerċjali għal informazzjoni li ma taqax taħt limsemmija eċċezzjoni, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni f’dan irrigward kif ukoll fuq applikazzjoni inkoerenti talimsemmija eċċezzjoni

1. Osservazzjonijiet preliminari

2. Fuq ilmotivazzjoni tadDeċiżjoni kkontestata firrigward tattħassir parzjali taddefinizzjonijiet

B. Fuq ittieni motiv, ibbażat fuq lassenza ta’ ġustifikazzjoni talapplikazzjoni taleċċezzjoni dwar ilprotezzjoni talinteressi kummerċjali u fuq ilksur tarRegolament Nru 1049/2001 inkwantu lKummissjoni ma żammitx malinterpretazzjoni stretta u malapplikazzjoni taleċċezzjoni msemmija iktar ’il fuq

1. Fuq irrifjut ta’ aċċess għallpost tassiti ta’ produzzjoni

2. Fuq irrifjut parzjali ta’ aċċess għaddispożizzjonijiet filqasam taddritt talproprjetà intellettwali

a) Fuq ilmotivazzjoni tadDeċiżjoni kkontestata

b) Fuq ilfondatezza talmotivazzjoni tadDeċiżjoni kkontestata

3. Fuq irrifjut parzjali ta’ aċċess għaddispożizzjonijiet relatati malħlasijiet akkont jew malħlasijiet bilquddiem

a) Fuq ilmotivazzjoni tadDeċiżjoni kkontestata

b) Fuq ilfondatezza talmotivazzjoni tadDeċiżjoni kkontestata

4. Fuq irrifjut parzjali ta’ aċċess għaddispożizzjonijiet dwar irresponsabbiltà u lkumpens

a) Fuq ilmotivazzjoni tadDeċiżjoni kkontestata

b) Fuq ilfondatezza talmotivazzjoni tadDeċiżjoni kkontestata

1) Fuq listipulazzjonijiet dwar irresponsabbiltà kuntrattwali

2) Fuq iddispożizzjonijiet dwar ilkumpens

5. Fuq irrifjut parzjali ta’ aċċess għalliskedi ta’ kunsinna

6. Fuq irrifjut parzjali ta’ aċċess għaddispożizzjonijiet dwar iddonazzjonijiet u lbejgħ millġdid

7. Konklużjoni dwar ittieni motiv

C. Fuq ittielet motiv, ibbażat fuq lapplikazzjoni inkoerenti tarRegolament Nru 1049/2001 li wasslet għal ksur tiegħu u fuq ksur talprinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, inkwantu lKummissjoni ma għattietx, blistess mod, dispożizzjonijiet jew informazzjoni talistess natura

D. Fuq irraba’ motiv, ibbażat fuq ksur talArtikolu 4(2) tarRegolament Nru 1049/2001, inkwantu lKummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni linteress pubbliku superjuri li jiġġustifika liżvelar talinformazzjoni mitluba.

E. Fuq ilħames motiv, ibbażat fuq ilksur talArtikolu 42 u talArtikolu 52(3) talKarta kif ukoll talArtikolu 10(1) tal-KEDB

F. Fuq issitt motiv, ibbażat fuq ksur talArtikoli 7 u 8 tar-Regolament Nru 1049/2001, inkwantu, permezz tadDeċiżjoni kkontestata, ilKummissjoni għattiet ċerta informazzjoni li hija kienet żvelat qabel

IV. Fuq lispejjeż


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.