Language of document : ECLI:EU:T:2005:222

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (it-Tielet Awla)

15 TA' ĠUNJU 2005(*)

"Trademark Komunitarja – Applikazzjoni għal trademark Komunitarja figurattiva Limoncello della Costiera Amalfitana shaker – Trademark nazzjonali verbali preċedenti LIMONCHELO – Probabbiltà ta' konfużjoni – Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94"

Fil-kawża T-7/04

Shaker di L. Laudato & C. Sas, stabbilità fi Vietri sul Mare (l-Italja), rapreżentata minn F. Sciaudone, Avukat,

rikorrenti

vs

l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trademarks u Disinni) (UASI), rappreżentat minn M. Capostagno, bħala aġent,

konvenut

il-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord ta' l-Appell tal-UASI li kienet

Limiñana y Botella, SL, stabbilita f'Monforte del Cid (Spanja),

li għandha bħala suġġett rikors magħmul kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord ta' l-Appell ta' l-UASI ta' l-24 ta' Ottobru 2003 (Kawża R 933/2002-2), dwar proċediment ta' oppożizzjoni bejn Limiñana y Botella, SL u Shaker di L. Laudato & C. Sas,

IL-QORTI ĠENERALI
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (it-Tielet Awla),

komposta minn M. Jaeger, President, J. Azizi u E. Cremona, Imħallfin,

Reġistratur: B. Pastor, Assistent Reġistratur,

wara li rat r-rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fis-7 ta' Jannar 2004,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta' Mejju 2004,

wara s-seduta ta' l-20 ta’ Jannar 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1       Fl-20 ta' Ottobru 1999, ir-rikorrenti ppreżentat applikazzjoni għal trademark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trademarks u Disinni) (UASI), skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 ta' l-20 ta' Diċembru 1993 dwar it-trademark Komunitarja (ĠU 1994, L11, p.1) kif emendat (iktar 'il quddiem ir-"Regolament Nru 40/94").

2       It-trademark li għaliha saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni hija s-sinjal figurattiv riprodott kif ġej:

Image not foundImage not found

3       Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trademarks jaqgħu taħt il-klassijiet 29, 32 u 33 skond il-Ftehim ta' Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta' Prodotti u Servizzi għall-Finijiet tar-Reġistrazzjoni ta' Trademarks, tal-15 ta' Ġunju 1957, kif rivedut u emendat (iktar 'il quddiem il-"Ftehim ta' Nizza"), li kull waħda minnhom tikkorrispondi għad-deskrizzjoni segwenti:

–       klassi 29: "Laħam, ħut, tjur u selvaġġina; estratti tal-laħam; frott u ħaxix ippriservat, imnixxef u msajjar, ġèli, gammijiet, frott ippriservat jew misjur fix-xropp; bajd, ħalib u prodotti tal-ħalib; żejt u xaħam li jittiekel";

–       klassi 32: "Birer, ilmijiet minerali u effervexxenti u xorb ieħor mhux alkoħoliku; xorb tal-frott u meraq tal-frott; xroppi u preparazzjonijiet oħra biex tagħmel xarbiet";

–       klassi 33 "Xarbiet alkoħolici (minbarra birer)".

4       Permezz ta' ittra tat-23 ta' Novembru 1999 (Anness 5 tar-rikors), l-UASI stiednet lir-rikorrenti biex tillimita' l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħha, peress li qiset parti minnha bħala mhux reġistrabbli taħt l-Artiklu 7(1)(g) tar-Regolament Nru 40/94.

5       B'mod iktar partikolari, l-UASI talbet l-irtirar ta' l-applikazzjoni għar reġistrazzjoni ta' prodotti li jiffurmaw parti minn xorb mhux alkoħoliku tal-klassi 32, minħabba, li skond hu, jekk l-indikazzjoni "limoncello della costiera amalfitana" kienet intużat biex tindika fl-istess ħin prodotti ta' din il-klassi u prodotti tal-klassi 33 li tiġbor flimkien xorb alkoħoliku, hija tista' twassal biex tqarraq lill-konsumatur billi ġġiegħlu jemmen li l-flixkun hekk imsejjaħ fih likuri bl-isem "limoncello", magħruf tajjeb, meta dan m'huwiex il-każ. Barra minn hekk, l-UASI talbet lir-rikorrenti tillimita l-lista ta' prodotti fil-klassi 33 għal-"likuri ta' lumi li ġej mill-Kosta Amalfitana" peress illi t-trademark kienet tkun qarrieqa kieku l-likuri in kwistjoni kellha oriġini differenti, minħabba l-fatt li Sorrente u ż-żona ta' maġenba jgawdu minn reputazzjoni marbuta ma' prodott speċifiku u li, għalhekk, l-oriġini ta' dan ta' l-aħħar huwa determinanti għall-għażla tal-konsumatur (Anness 5 tar-rikors).

6       B'riżultat ta' dan l-intervent ta' l-UASI, ir-rikorrenti llimitat it-talba tagħha, għal dak li għandu x'jaqsam mal-prodotti tal-klassi 33, għal-likuri ta' lumi li li ġej mill-Kosta Amalfitana.

7       L-applikazzjoni għal trademark Komunitarja ġiet ippubblikata fil-Bulettin ta' Trademarks Komunitarji Nru 30/00 tas-17 ta' April 2000.

8       Fl-1 ta' Ġunju 2000, Limiñana y Botella, SL (iktar 'il quddiem l-"parti li qedgħa topponi") ressqet oppożizzjoni skond l-Artikolu 42(1) tar-Regolament Nru 40/94 kontra r-reġistrazzjoni tat-trademark li għaliha saret applikazzjoni.

9       Il-motif b'sostenn għal din l-oppożizzjoni kien il-probabbiltà ta' konfużjoni msemmija fl-Artikolu 8(1)(b), tar-Regolament Nru 40/94, bejn min-naħa waħda, it-trademark li għaliha saret applikazzjoni safejn din hija konnessa mal-prodotti tal-klassi 33 tal-Ftehim ta' Nizza u, min-naħa l-oħra, t-trademark nominattiva tal-parti li qed topponi li tikkonċerna wkoll il-prodotti tal-klassi 33, irreġistrata fl-1996 fl-Oficina Española de Patentes y Marcas du Ministerio de ciencia y tecnología (Uffiċċju Spanjol ta' patenti u trademarks), bl-isem:

"LIMONCHELO"

10     Permezz ta' deċiżjoni tad-9 ta' Settembru 2002 (Anness 3 tar-rikors), id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni ta' l-UASI laqgħet l-oppożizzjoni u, konsegwentement, irrifjutat it-trademark li għaliha saret applikazzjoni.

11     Id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni ġġustifikat d-deċiżjoni tagħha billi indikat, essenzjalment, li kien jeżisti probabbiltà ta' konfużjoni fis-suq Spanjol, skond l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, bejn it-trademark li għaliha saret applikazzjoni u t-trademark preċedenti minħabba l-identiċità tal-prodotti in kwistjoni u x-xebħ bejn it-trademarks. F'dak li jirrigwarda dan l-aħħar element, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni waslet għal din il-konklużjoni wara analiżi tax-xebħ viżwali, fonetiku u kunċettwali tat-trademarks in kwistjoni minfejn jirriżulta, skond l-UASI, li hemm xebħ viżwali u fonetiku bejn l-element dominanti tat-trademark li għaliha saret applikazzjoni li jikkonsisti fil-kelma "limoncello" u t-trademark preċedenti (Anness 3 p. 5 u 6 tar-rikors).

12     Fis-7 ta' Novembru 2002 (Anness 4 tar-rikors), ir-rikorrenti appellat mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni.quddiem l-UASI, skond l-Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94.

13     Permezz ta' deċiżjoni ta' l-24 ta' Ottobru 2003 (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata") (Anness 2 tar-rikors), it-Tieni Bord ta' l-Appell ċaħad l-appell tar-rikorrenti. Essenzjalment, il-Bord ta' l-Appell kien ta' l-opinjoni, wara li irrileva li l-prodotti tat-trademark preċedenti kienu jkopru dawk tat-trademark li għaliha saret applikazzjoni, li l-element dominanti tat-trademark li għaliha saret applikazzjoni kien il-kelma "limoncello" u li t-trademark li għaliha saret applikazzjoni u t-trademark preċedenti kienu viswalment u fonetikament simili ħafna għal xulxin, b'tali mod li kienet teżisti probabbiltà ta' konfużjoni bejn dawn iż-żewġ trademarks (Anness 2 punti 20 sa 22 tar-rikors).

 It-talbiet tal-partijiet

14     Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza:

–       tannulla u/jew tbiddel id-deċiżjoni kkontestata b'tali mod li l-oppożizzjoni tiġi miċħuda u li l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tar-rikorrenti tiġi vvalidata;

–       tordna lill-UASI jbati l-ispejjeż.

15     Il-konvenut jitlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza:

–       tiċħad ir-rikors;

–       tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

16     Waqt l-udjenza, ir-rikorrenti ppreċiżat li meta talbet "li d-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata u/jew mibdula" fir-rejaltà hija kienet qed tintendi kemm l-annullament kif ukoll it-tibdil tad-deċiżjoni kkontestata.

 Id-dritt

17     Ir-rikorrenti tqajjem tlett allegazzjonijiet b'sostenn għat-talbiet tagħha. Hija tallega li, fid-deċiżjoni kkontestata, l-UASI fl-ewwel lok kiser l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, fit-tieni lok, ikkometta abbuż ta' poter u, fit-tielet lok kiser l-obbligu ta' motivazzjoni tad-deċiżjonijiet tiegħu. Il-konvenut jikkontesta kull waħda minn dawn l-allegazzjonijiet.

 I - Fuq l-ewwel allegazzjoni, ibbażata fuq il-ksur ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94

A –  L-argumenti tal-partijiet

1.     L-argumenti tar-rikorrent

a)     Il-Ġeneralitajiet

18     Ir-rikorrenti hi ta' l-opinjoni li, kuntrarjament għal dak li jsostni l-konvenut, m'hemmx xebħ suffiċjenti bejn it-trademark preċedenti u t-trademark tagħha. Konsegwentement, m'għandux ikun hemm probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trademarks bir-riżultat li r-reġistrazzjoni tat-trademark tagħha ma tistax tiġi rrifjutata fuq il-bażi ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 (punt 28 tar-rikors).

19     Ir-rikorrenti ssostni l-pożizzjoni tagħha billi ssostni li kemm il-karattru distintiv tat-trademark preċedenti kif ukoll ix-xebħ bejn it-trademarks konfliġġenti huma nieqsa (punt 28 tar-rikors).

 b) Il-karattru distintiv tat-trademark preċedenti

20     Ir-rikorrenti hi ta' l-opinjoni, fis-sustanza, li t-trademark preċedenti m'għandha ebda karattru distintiv partikolari u li l-prodott li huwa s-suġġett ta' dan il-preżenti rikors jgawdi min-notorjetà partikolari. L-ebda waħda minn dawn l-elementi madankollu ma ġew meħuda f'kunsiderazzjoni mill-UASI (punti 29 sa 31 tar-rikors).

21     Sabiex issostni l-pożizzjoni tagħha, ir-rikorrenti rreferiet għall-fatt li, fl-użu ta' kuljum, il-kelma "limoncello" tindika fi Spanja, fl-Italja u fil-bqija tad-dinja l-likuri li toriġina mill-Kosta Amalfitana ppreparata bil-qxur tal-lumi u mhux, b'manjiera esklussiva, ix-xarba magħmula mill-parti li qed topponi. Ir-rikorrenti pprovdiet f'dan ir-rigward xi estratti ta' siti ta' l-internet u hi ta' l-opinjoni li kemm il-parti li qed topponi, fl-osservazzjonijiet tagħha tal-11 ta' April 2003 (Anness 6 p. 3 tar-rikors), kif ukoll l-UASI, fl-ittra tiegħu tat-23 ta' Novembru 1999, (Anness 5 tar-rikors), ammettew dan l-użu ta' kuljum (Punti 32 u 33 tar-rikors).

22     Għalhekk, kuntrarjament għal dak li jirriżulta mill-osservazzjonijiet tal-parti li qed topponi tal-11 ta' April 2003 (Anness 6 p. 4 tar-rikors), il-kelma "limonchelo" huwa s-sempliċi traduzzjoni fl-Ispagnol tal-kelma "limoncello", li jiddeskrivi b'mod ġenerali l-likuri ppreparat bil-qxur tal-lumi u bl-alkoħol. Ir-rikorrenti tirreferi f'dan ir-rigward għar-riżultati ta' riċerka li saret fuq l-internet fuq il-bażi tal-kelma "limonchelo" u fuq l-eżistenza bla għadd ta' trademarks simili, kif kienet ammettiet il-parti li qed topponi (Anness 6 p. 2 u 3 tar-rikors, punti 34 u 35).

23     Ir-rikorrenti tikkonkludi li, fil-każ preżenti, it-trademark preċedenti għandha karattru li ftit li xejn huwa distintiv u, għalhekk, probabbiltà ta' konfużjoni li mhijiex għolja; ċirkostanza li tobbliga lill-UASI jevalwa b'rigorożità estrema l-elementi li jistgħu jistabbilixxu l-identiċità jew ix-xebħ bejn iż-żewġ trademarks in kwistjoni (punt 36 tar-rikors).

 c) Ix-xebħ bejn it-trademarks in kwistjoni

24     F'dak li jirrigwarda l-paragun viżwali, ir-rikorrenti hi ta' l-opinjoni, fis-essenzjalment, li t-trademark tagħha tippreżenta differenzi viżwali importanti meta mqabbla mat-trademark preċedenti. Hija tirreferi b'mod partikolari għall-użu tat-Taljan, l-ittri li jsegwu l-ittri "limonc", l-elementi verbali "della costiera amalfitana" u "shaker", ir-rappreżentazzjoni grafika, il-ħafna differenzi tipografiċi u l-kuluri wżati (punti 38 sa 42 tar-rikors).

25     F'dak li għandu x'jaqsam mal-paragun fonetiku, ir-rikorrenti hi ta' l-opinjoni prinċipalment li l-Bord ta' l-Appell b'mod żbaljat ta importanza esklussiva lill-kelma "limoncello" u kkunsidra l-kliem "della costiera amalfitana" bħala elementi verbali mhux dominanti u mhux essenzjali, bi ksur għaldaqstant tal-ġurisprudenza u tal-prassi deciżjonali skond liema l-fatturi kollha relevanti għandhom jitqiesu meta ssir evalwazzjoni tal-probabbiltà ta' konfużjoni f'moħħ il-konsumatur (punti 45 sa 47 tar-rikors).

26     Ir-rikorrenti tikkunsidra wkoll li l-paragun taż-żewġ trademarks juri li l-unici elementi fonetiċi komuni għaż-żewġ sinjali huma l-ewwel żewġ sillabi "li" u "mon", filwaqt li s-sillabi segwenti "chelo" u "cello" u l-kliem "della costiera amalfitana" fonetikament ma jixxiebhux (punt 48 tar-Rikors).

27     F'dak li għandu x'jaqsam mal-paragun kunċettwali, ir-rikorrenti tikkunsidra, min-naħa waħda, li l-UASI kien imissu analizza n-notorjetà partikolari li għandha l-art minfejn il-prodott tagħha joriġina, jiġifieri l-kosta Amalfitana. Ir-rikorrenti tirreferi f'dan ir-rigward għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta' Settembru 1998, Canon (C-39/97, Ġabra p. I‑5507, punt 29), u tenfasizza li l-UASI enfasizza il-karattru determinanti ta' l-oriġini ġeografika tal-prodott għall-għażla tal-konsumatur fl-ittra tiegħu tat-23 ta' Novembru 1999 (Anness 5 tar-rikors, punti 53 u 58 tar-rikors).

28     Il-kliem "limonchelo" u "limoncello della costiera amalfitana" jikkostitwixxu għall-konsumatur mezz ta' immaġni bla dubbju differenti (punti 55 sa 57 tar-rikors). Il-kliem "della costiera amalfitana" huma marbutin ma' lok ġeografiku determinat magħruf tajjeb mill-konsumaturi Spanjoli, b'tali mod li dawn ta' l-aħħar ma jistgħux jikkunsidraw li dan il-prodott jiġi mill-istess impriża u mill-istess żona ġeografika ta' dak li huwa mmanifatturat taħt it-trademark LIMONCHELO (punt 54 tar-Rikors). Għalhekk, il-kliem "della costiera amalfitana", miżjuda mal-kelma "limoncello", jiffurmaw, skond ir-rikorrenti, espressjoni loġika differenti ħafna mit-trademark preċedenti (punt 52 tar-rikors).

29     Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti hi ta' l-opinjoni li l-UASI kellha tanalizza l-kundizzjonijiet oġġettivi li fihom it-trademarks jistgħu jikkompetu fuq is-suq [Sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-3 ta' Lulju 2003, Alejandro vs l-UASI – Anheuser-Busch (BUDMEN), T-129/01, Ġabra p. II‑2251, punt 57]. Ir-rikorrenti tenfażizza f'dan ir-rigward li l-konsumatur Spanjol mhux ser jiġi mqarraq u jemmen li l-prodott li għandu t-trademark LIMONCHELO u li fuq it-tikketta tiegħu tidher l-emblema tad-Distileria Toris, minbarra tlett lumijiet, u l-prodott li fuqu tidher it-tikketta "limoncello della costiera amalfitana" ġejjin fir-realtà mill-istess impriża.

30     Hija u tirreferi għas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Ottobru 2003, Phillips-Van Heusen vs l-UASI – Pash Textilvertrieb und Einzelhandel (BASS) (T-292/01, Ġabra p. II‑4335, punt 54), ir-rikorrenti jidhrilha li x-xebħ viżwali u fonetiku evidenti jista' jiġi nnewtralizzat meta almenu waħda miż-żewġ trademarks ikollha sinifikat ċar u determinanti f'għajnejn il-pubbliku konċernat (punt 60 tar-rikors). Ir-rikorrenti jidhrilha li, f'dan il-każ, il-konsumatur medju Spanjol jipperċepixxi immedjatament li l-prodott tagħha huwa likuri Taljana, fil-fatt likuri tipika Taljana, ippreparata bil-lumi tal-Kosta Amalfitana u mmanifatturata fl-Italja (punt 60 tar-rikors).

31     Għalhekk, fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet li jippreċedu, ir-rikorrenti jidhrilha li, anki jekk jeżisti xebħ parzjali bejn l-espressjonijiet li jiffurmaw it-trademarks in kwistjoni, il-karattru ftit li xejn distintiv tal-kelma "limoncello" u tat-traduzzjoni tiegħu Spanjola "limonchelo", kif ukoll il-ħafna differenzi viżwali, fonetiċi u kunċettwali bejn it-trademarks in kwistjoni jeskludu l-probabbiltà ta' konfużjoni f'moħħ il-pubbliku kkonċernat (punt 61 tar-rikors). Id-deċiżjoni li tiċħad r-reġistrazzjoni tat-trademark tar-rikorrenti għaldaqstant tkun illegali (punt 60 tar-rikors).

 2. L-argumenti tal-konvenut

32     Il-konvenut jikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrenti b'sostenn għall-konklużjonijiet tagħha u jidhirlu li l-analiżi komparattiva li hija l-bażi ta' l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta' konfużjoni, kif saret mill-Bord ta' l-Appell kif ukoll mid-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni, hija fondata. (punt 16 tad-difiża).

33     Skond il-konvenut il-Bord ta' l-Appell korrettament enfażizza li l-kelma "limoncello" tikkostitwixxi l-parti dominanti tat-trademark li għaliha saret applikazzjoni (punt 18 tad-difiża). Din il-kelma hi, skond il-konvenut, l-element li jidentifika u jikkaratterizza din it-trademark f'għajnejn il-konsumaturi medji Spanjoli, li jirrapreżentaw il-pubbliku li għalih issir riferenza fil-każ preżenti. Il-konvenut jenfażizza f'dan ir-rigward il-pożizzjoni ċentrali privileġġata u d-dimensjoni predominanti tal-kelma "limoncello" meta mqabbla ma' l-elementi l-oħra tat-trademark li għaliha saret applikazzjoni (punt 19 tad-difiża).

34     Il-konvenut jidhirlu għalhekk li huwa evidenti li l-kelma "limoncello", tat-trademark li għaliha saret applikazzjoni, u l-kelma "limonchelo", tat-trademark preċedenti, jistgħu jidhru fuq il-livell viżwali u fonetiku bħala kważi identiċi fil-perċezzjoni li għandu l-konsumatur medju Spanjol. Iż-żewġt ikliem huma komposti minn għaxar ittri, minn liema disgħa minnhom jikkonċidu; huma differenti biss l-ittri "l" u "h", li, sakemm huma mpoġġija bejn żewġ vokali, ikollhom impatt limitat fir-rigward tal-kapaċità tagħhom li jiddivrenzjaw. Konsegwentement, il-konvenut jirrimarka li l-koinċidenza kważi perfetta bejn il-pronunzja Spanjola tat-trademark preċedenti LIMONCHELO mal-pronunzja korretta tal-kelma Taljana "limoncello" timplika analoġija qawwija fuq il-pjan fonetiku (punt 20 tad-difiża).

35     Huwa jindika wkoll li huwa kompletament konxju tas-sinifikat tal-kelma "limoncello" fit-Taljan, imma li fil-każ preżenti, din iċ-ċirkostanza ma tqajjimx dubju dwar il-karattru distintiv intrinsiku ta' din il-kelma f'għajnejn il-pubbliku Spanjol. Attwalment ma jeżistux elementi ċerti li jippermettu li jiġi maħsub li l-konsumatur medju Spanjol jattribwixxi lill-kelma "limoncello" valur semantiku preċiż u definit (punt 19 tad-difiża).

36     Il-konvenut jikkontesta għalhekk l-argument tar-rikorrenti skond liema l-kelma "limonchelo" tkun il-verżjoni Spanjola tat-terminu Taljan "limoncello", li hi magħrufa fid-dinja kollha, speċjalment fi Spanja bħala kelma ġenerika li tiddefinixxi ċertu tip ta' likuri. Skond il-konvenut, ma jeżisti l-ebda element oġġettiv biex jiġu sostnuti t-teżijiet tal-parti avversarja. Il-konvenut jindika wkoll li, skond l-Artikolu 74 tar-Regolament Nru 40/94, mhijiex il-kompetenza ta' l-UASI li tissostitwixxi ruħha flok il-partijiet fir-riċerka tal-provi li juru li l-kelma "limoncello" kienet saret jew kellha ssir, fis-sensi ortografiċi possibli tagħha (ara per eżempju "limonchelo"), kelma ġenerika fil-perċezzjoni li għandu l-pubbliku Spanjol. F'dan ir-rigward, il-konvenut jirrimarka li d-dokumentazzjoni fornita mir-rikorrenti, li tikkonsisti f'estratti ta' siti ta' l-internet, ma tirriferix fl-ebda każ għall-pubbliku Spanjol u li l-ittra tat-23 ta' Novembru 1999 hija bbażata fuq elementi ta' fatt u ta' dritt differenti minn dawk relatati ma' l-analiżi tal-probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trademarks (punti 22 sa 26 tad-difiża).

37     Il-konvenut jidhirlu li, fil-preżenti każ, b'kunsiderazzjoni għat-trademark preċedenti li hija rreġistrata fuq livell nazzjonali hija għandha karattru suffiċjentement distintiv. Konsegwentement, huwa jidhirlu li għandu jillimita ruħhu sabiex jikkunsidra t-trademark preċedenti bħala li jistħoqila, fiha nnfisha, li tiġi protetta fir-rigward ta' trademark posterjuri li tirriproduċi l-element distintiv u dominanti (punt 27 tad-difiża).

38     Il-konvenut jerġa jirreferi għall-analoġiji sinifikattivi tal-preżenti kawża mal-kawża li kienet wasslet għas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-23 ta' Ottubru 2002, Matratzen Concord vs l-UASI – Hukla Germany (MATRATZEN) (T‑6/01, Gabra p. II‑4335) (punt 28 tad-difiża).

39     Skond il-konvenut, il-Qorti tal-Prim'Istanza kienet enfażizzat, f'din l-aħħar kawża, l-importanza li ssir evalwazzjoni tal-probabbiltà ta' konfużjoni f'moħħ il-pubbliku konċernat u, iktar u iktar, tal-perċezzjoni tat-trademarks konfliġġenti li l-konsumatur, li qed issir riferenza għalih, ikollu fuq il-bażi ta' konoxxenzi lingwistiċi propji tiegħu. Minn dan jirriżulta li, anki jekk kelma tgawdi minn sinifikat proprju f'lingwa li, madankollu, mhijiex il-lingwa bażika tal-konsumatur li qed isir riferenza għalih u ma hemmx element li jippermetti li jiġi stabbilit li l-imsemmi konsumatur jifhem il-kelma in kwistjoni fl-imsemmi sinifikat, din il-kelma tkun tista' ċertament tidher bħala l-parti dominanti, mill-perspettiva distintiva, tat-trademark li hija tifforma parti minnha (punt 28 tad-difiża).

40     Fuq il-bażi ta' dan li ntqal iktar 'il fuq, il-konvenut jidhirlu li d-deċiżjoni kkontestata hija fondata. Skond il-konvenut, il-Bord ta' l-Appell seta' leġittimament billi jibbaża ruħu fuq il-prinċipju ta' interdipendenza bejn is-sinjali u l-prodotti fl-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta' konfużjoni, jikkonsidra li billi l-prodotti konfliġġenti kienu identiċi (li mhuwiex ikkontestat mir-rikorrenti), l-elementi ta' xebħ identifikati bejn it-trademarks (u osservabbli, partikolarment, fil-kważi-koinċidenza tal-kliem "limonchelo" u "limoncello") setgħu jwasslu għal probabbiltà ta' konfużjoni fuq is-suq Spanjol. Il-Bord ta' l-Appell kellu b'hekk raġun jikkonferma d-deċiżjoni li tilqa' l-oppożizzjoni, minħabba l-eżistenza ta' probabbiltà ta' konfużjoni msemmi fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 (punti 29 u 30 tad-difiża).

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

1.     Kunsiderazzjonijiet preliminari

41     Skond l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, jekk issir oppożizzjoni minn propjetarju ta' trademark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta' trademark m'għandhiex tiġi milqugħa jekk minħabba l-identiċità jew ix-xebħ tagħha ma' trademark preċedenti u l-identiċità jew xebħ tal-prodotti jew tas-servizzi indikati miż-żewġ trademarks teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku fit-territorju li fih it-trademark preċedenti hija protetta.

42     Barra minn hekk, skond l-Artikolu 8(2),(a),(ii) tar-Regolament Nru 40/94, it-terminu trademarks preċedenti jfisser it-trademarks reġistrati fi Stat Membru, li jkollhom data ta' applikazzjoni għar-reġistrazzjoni li tiġi qabel dik ta' l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trademark Komunitarja.

43     Skond ġurisprudenza kostanti, il-probabbiltà li l-pubbliku jista' jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi in kwistjoni jkunu ġejjin mill-istess impriża jew, skond il-każ minn impriżi marbuta ekonomikament, tikkostitwixxi probabbiltà ta' konfużjoni [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-9 ta' Lulju 2003, Laboratorios RTB vs l-UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T-162/01, Ġabra p. II‑2821, punt 30, u l-ġurisprudenza ċitata].

44     Skond din l-istess ġurisprudenza, il-probabbiltà ta' konfużjoni għandha tiġi evalwata b'mod globali, skond il-perċezzjoni li l-pubbliku kkonċernat għandu tas-sinjali u tal-prodotti jew servizzi in kwistjoni, u billi jitqiesu l-fatturi kollha rilevanti fil-każ speċifiku b'mod partikolari l-interdependenza bejn x-xebħ tas-sinjali u dak tal-prodotti jew tas-servizzi indikati (ara s-sentenza GIORGIO BEVERLY HILLS, punt 43 iktar 'il fuq, punti 31 sa 33, u l-ġurisprudenza hemm ċitata).

45     F'dan il-każ, it-trademark preċedenti hija trademark verbali rreġistrata u protetta fi Spanja. Barra minn hekk, l-prodotti in kwistjoni huma prodotti intiżi għall-konsum kontinwu. Għalhekk, jaqbel li tiġi kkunsidrata, għall-finijiet ta' l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta' konfużjoni fil-preżenti każ, il-perspettiva tal-pubbliku kkonċernat kompost mill-konsumaturi medji Spanjoli.

46     Ladarba l-pubbliku kkonċernat ġie definit, għandu jiġi analizzat il-paragun, min-naħa waħda, bejn il-prodotti kkonċernati, u min-naħa l-oħra, bejn is-sinjali konfliġġenti.

2.     Il-paragun tal-prodotti

47     F'dak li jirrigwarda l-paragun tal-prodotti kkonċernati, għandu jiġi osservat li l-Bord ta' l-Appell ikkunsidra li l-prodotti koperti mit-trademark preċedenti kienu jinkludu l-prodotti koperti mit-trademark li għaliha saret applikazzjoni mingħajr ma din il-kunsiderazzjoni ma ġiet ikkontestata mill-partijiet (Anness 2 punt 19 tar-rikors). Għalhekk għandħa tiġi stabbilita l-eżistenza ta' identiċità bejn l-imsemmija prodotti.

3.     Il-paragun tas-sinjali

a)     Il-kunsiderazzjonijiet preliminari

48     F'dak li jirrigwarda l-paragun bejn it-trademarks in kwistjoni, għandu jiġi enfasizzat mill-bidu li, fil-każ preżenti, it-trademark li għaliha saret applikazzjoni hija trademark kumplessa komposta minn elementi verbali u figurattivi filwaqt li t-trademark preċedenti hija trademark purament verbali.

49     Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim'Istanza tfakkar li, f'dak li jirrigwarda x-xebħ tas-sinjali konfliġġenti, jirriżulta mill-ġurisprudenza li l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta' konfużjoni għandha, f'dak li jikkonċerna x-xebħ viżwali, fonetiku u kunċettwali tas-sinjali konfliġġenti, tiġi bbażata fuq l-impressjoni totali li dawn ta' l-aħħar jagħtu, b'kunsiderazzjoni, b'mod partikolari, għall-elementi distintivi u dominanti tagħhom (ara s-sentenza BASS, punt 30 iktar 'il fuq, punt 47, u l-ġurisprudenza hemm ċitata).

50     Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat li trademark kumplessa, li għandha wieħed mill-komponenti tagħha identiku jew simili għal trademark oħra, tista' tiġi kkunsidrata bħala li hija simili għal din it-trademark l-oħra biss jekk dan il-komponent jikkostitwixxi l-element dominanti fl-impressjoni totali mogħtija mit-trademark kumplessa. Dan huwa l-każ meta dan il-komponent jista' jiddomina l-immaġni ta' din it-trademark li l-pubbliku konċernat jibqa' jiftakar, b'tali mod li l-komponenti l-oħra kollha tat-trademark huma ta' importanza żgħira fl-impressjoni totali li din ta' l-aħħar tagħti (s-sentenza MATRATZEN, punt 38 iktar 'il fuq, punt 33, ikkonfermata fl-Appell permezz ta' l-Ordni tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta' April 2004, Matratzen Concord vs l-UASI, C‑3/03 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra).

51     Din l-evalwazzjoni ma tfissirx li għandu jitqies komponent wieħed biss tat-trademark kumplessa u jitqabbel ma' trademark oħra. Għall-kuntrarju, għandu jsir paragun bejn it-trademarks in kwistjoni, billi jiġu eżaminati, kull waħda minnhom ikkunsidrata fit-totalità tagħha. Madankollu, dan ma jeskludix li l-impressjoni totali f'moħħ il-pubbliku kkonċernat mogħtija minn trademark kumplessa tista' f'ċerti ċirkostanzi tiġi ddominata minn wieħed jew iktar mill-komponenti tagħha (sentenza MATRATZEN, punt 38 iktar 'il fuq, punt 34)

52     Fl-evalwazzjoni tal-karattru dominanti ta' wieħed jew iktar komponenti determinati ta' trademark kumplessa, jaqbel li jittieħdu f'kunsiderazzjoni, b'mod partikolari, il-kwalitajiet intrinsiċi ta' kull wieħed minn dawn il-komponenti meta jiġu pparagonati ma' dawk ta' komponenti oħra. Barra minn dan u b'mod anċillari, tista' tittieħed f'kunsiderazzjoni l-pożizzjoni relattiva tal-komponenti differenti fil-konfigurazzjoni tat-trademark kumplessa (sentenza MATRATZEN, punt 38 iktar 'il fuq, punt 35).

53     Konkretament, dan jimplika li l-Bord ta' l-Appell kellu jeżamina liema komponent tat-trademark li għaliha saret applikazzjoni jista' jwassal, permezz tal-karatteristiċi viżwali, fonetiċi u kunċettwali tiegħu, biex waħdu jagħti impressjoni ta' din it-trademark li l-pubbliku kkonċernat iżomm f'moħħu, b'tali mod li l-komponenti l-oħra ta' din ta' l-aħħar jidhru ta' importanza żgħira f'dan ir-rigward. Kif indikat fil-punti 51 u 52 iktar 'il fuq, dan l-eżami jista' jwassal sabiex diversi komponenti għandhom jiġu kkunsidrati bħala dominanti.

54     Madankollu, jekk it-trademark li għaliha saret applikazzjoni hija trademark kumplessa ta' natura viżwali, l-evalwazzjoni ta' l-impressjoni totali ta' din it-trademark kif ukoll id-determinazzjoni ta' element dominanti eventwali ta' din ta' l-aħħar, trid issir fuq il-bażi ta' analiżi viżwali. Għalhekk, f'ipoteżi tali, huwa biss meta element dominanti eventwali jinkludi xi aspetti semantiċi mhux viżwali li jkun hemm lok, jekk ikun il-każ, li wieħed jipproċedi għall-paragun bejn dan l-element, min-naħa waħda, u t-trademark preċedenti, min-naħa l-oħra, b'kunsiderazzjoni wkoll ta' dawk l-aspetti l-oħra semantiċi, bħal per eżempju aspetti fonetiċi jew kunċetti astratti relevanti.

b)     Il-komponent dominanti

 i) Deskrizzjoni tal-komponenti tat-trademark li għaliha saret applikazzjoni ibbażata fuq perċezzjoni viżwali ta' din ta' l-aħħar

55     Il-Qorti tal-Prim'Istanza tosserva li l-komponenti tat-trademark li għaliha saret applikazzjoni huma l-kelma "limoncello" miktuba b'ittri bojod kbar, il-kliem "della costiera amalfitana" miktubin b''ittri sofor żgħar, il-kelma "shaker" miktuba b'ittri iżgħar blu f'kaxxa bi sfond abjad fejn l-ittra "k" tippreżenta tazza u fl-aħħarnett, ir-rappreżentazzjoni figurattiva ta' platt kbir tond b'ċentru abjad li t-tarf tiegħu huwa mżejjen, min-naħa waħda, bi tpinġijiet ta' lumi isfar fuq sfond skur u, min-naħa l-oħra, minn ċirku mhux komplut turkważ u abjad. Dawn il-komponenti flimkien huma mpoġġija fuq sfond blu skur.

 ii) Id-dominanza tal-platt tond mżejjen bil-lumi fit-trademark li għaliha saret applikazzjoni

56     F'dak li jikkonċerna l-komponent figurattiv tat-trademark li għaliha saret applikazzjoni li jirrapreżenta platt tond mżejjen bil-lumi, għandu jiġi osservat li, barra mir-rappreżentazzjoni realistika tiegħu ta' platt, dan huwa kkaratterizat mill-kuluri kontrastanti, mid-daqs kbir tiegħu u mit-tpinġijiet realistiċi ta' lumi fit-tarf tiegħu, u li jagħtu lill din ir-rappreżentazzjoni attrazzjoni viżwali partikolari.

57     Dan il-platt tond mżejjen bil-lumi għandu permezz tal-kwalitajiet intrinsiċi tiegħu karattru distintiv qawwi meta mqabbel mal-komponenti l-oħra tat-trademark li għaliha saret applikazzjoni u b'mod partikolari meta mqabbel mal-kelma "limoncello". Huwa jgawdi għalhekk minn superjorità meta mqabbel ma' l-elementi l-oħra tat-trademark li għaliha saret applikazzjoni.

58     B'mod anċillari, għandu jiġi osservat li, minkejja l-pożizzjoni tagħha kemmxejn barra miċ-ċentru, ir-rappreżentazzjoni figurattiva tal-platt tinsab fl-aħħar żewġ terzi tat-trademark li għaliha saret applikazzjoni u tkopri l-biċċa l-kbira ta' din il-parti, filwaqt li l-kelma "limoncello" tkopri biss parti kbira ta' l-ewwel terz tat-trademark li għaliha saret applikazzjoni.

59     Minn dan jirriżulta li r-rappreżentazzjoni tal-platt tond mżejjen bil-lumi għandu jiġi kkunsidrat bħala li huwa ċarament il-komponent dominanti tat-trademark li għaliha saret applikazzjoni.

 iii) L-evalwazzjoni ta' l-elementi oħra tat-trademark li għaliha saret applikazzjoni– 

–       Il-kelma "limoncello"

60     Fil-każ preżenti, il-Qorti ma tistax taqbel mal-perspettiva tal-Bord ta' l-Appell li fil-punt 20 tad-deċiżjoni kkontestata kien ta' l-opinjoni li l-kelma "limoncello" kienet l-element dominanti tat-trademark li għaliha saret applikazzjoni, essenzjalment minħabba l-ittri kbar tagħha u minħabba l-pożizzjoni prominenti tagħha, sabiex konsegwentement kkonkluda, fil-punt 21 tad-deċiżjoni kontestata, li t-trademarks ikkonċernati kienu viswalment u fonetikament kważi identiċi (Anness 2 tar-rikors).

61     F'dak li jikkonċerna l-kelma "limoncello", il-Qorti tal-Prim'Istanza tosserva li, anki jekk hu veru li din il-kelma hija ppreżentata f'tipografija ikbar mill-komponenti l-oħra verbali tat-trademark li għaliha saret applikazzjoni, dan xorta waħda għandu impatt viswali inqas impressjonanti mill-platt tond mżejjen bil-lumi. Il-kelma "limoncello" hija barra minn hekk iżgħar meta mqabbla mal-komponent figurattiv li jikkonsisti fi platt tond mżejjen bil-lumi.

62     Għal dawn ir-raġunijiet biss u mingħajr m'hemm bżonn li jiġu analizzati l-karatteristiċi fonetiċi jew kunċettwali ta' din il-kelma, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-kelma "limoncello" mhijiex il-komponent dominanti tat-trademark li għaliha saret applikazzjoni.

–       Il-kliem "della costiera amalfitana"

63     F'dak li jikkonċerna l-kliem "della costiera amalfitana", għandu jiġi kkonstatat, minn perċezzjoni viżwali, li dan l-komponent huwa miktub f'ittri iżgħar mill-kelma "limoncello" u huwa jiddeskrivi l-oriġini ġeografika tal-prodott ikkonċernat. Barra minn hekk, dawn il-kliem huma ta' daqs iżgħar ħafna u l-kuluri tagħhom jagħmlu anqas kuntrast meta mqabbla mar-rappreżentazzjoni figurattiva tal-platt tond mżejjen bil-lumi. Il-Qorti tal-Prim'Istanza hi tal-opinjoni, mingħajr m'hemm bżonn li jiġu analizzati l-karatteristiċi fonetiċi u kunċettwali tagħhom, li dan il-komponent ma jistax jiġi kkunsidrat bħala element dominanti tat-trademark li saret applikazzjoni għaliha, meta jiġi kkunsidrat, b'mod partikolari, id-daqs żgħir tiegħu.

–       Il-kelma "shaker"

64     F'dak li jirrigwarda l-kelma "shaker", minn analiżi viżwali, jidher li, minkejja l-isfond abjad u l-element figurattiv li jikkonsisti fil-forma ta' tazza fl-ittra "k" ta' din il-kelma, din ta' l-aħħar, kif ukoll l-element tagħha figurattiv, huma iżgħar mill-platt mżejjen bil-lumi u mil-kelma "limoncello" miktuba fit-trademark in kwistjoni. Barra minn hekk, din il-kelma m'għandiex l-istess kuntrast ta' kuluri li għandu l-platt tond mżejjen bil-lumi. Konsegwentement, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkonkludi, mingħajr m'hemm bżonn li tanalizza l-karatteristiċi fonetiċi jew kunċettwali tiegħu, li din il-kelma ma tistax tiġi kkunsidrata bħala element dominanti tat-trademark li għaliha saret applikazzjoni.

c)     L-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta' konfużjoni

65     Hemm lok li jiġi kkonstatat li r-rappreżentazzjoni figurattiva ta' platt tond mżejjen bil-lumi hija l-komponent dominanti tat-trademark li għaliha saret applikazzjoni u li m'għandha l-ebda punt komuni mat-trademark preċedenti, li hija trademark purament verbali

66     Konsegwentement m'hemmx probabbiltà li ssir konfużjoni bejn it-trademarks in kwistjoni. Id-dominanza tar-rappreżentazzjoni figurattiva ta' platt tond mżejjen bil-lumi meta mqabbla ma' l-elementi l-oħra tat-trademark li għaliha saret applikazzjoni timpeddixxi kull probabbiltà ta' konfużjoni bbażata fuq l-eżistenza ta' xebħ viżwali, fonetiku u kunċettwali bejn il-kliem "limonchelo" u "limoncello" li jidhru fit-trademarks in kwistjoni.

67     Fil-kuntest ta' evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta' konfużjoni, għandu jerġa' jiġi mfakkar li l-konsumatur medju rarament għandu l-possibbiltà li jagħmel paragun dirett tat-trademarks differenti, imma jkollu jibbaża ruħu fuq l-immaġni imperfetta ta' dawn li huwa jkollu f'moħħu (ara, b'analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta' Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C-342/97, Ġabra p. I‑3819, punt 26). Il-fatt li l-konsumatur medju jżomm f'moħħu biss immaġni imperfetta tat-trademark jagħti importanza akbar lill-element dominanti tat-trademark in kwistjoni [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-23 ta' Ottobru 2002, Oberhauser vs l-UASI – Petit Liberto (Fifties), T-104/01, Ġabra p. II‑4359, punt 47]. Għalhekk, l-element dominanti tat-trademark li għaliha saret applikazzjoni li jikkonsisti f'platt tond mżejjen bil-lumi għandu importanza akbar fl-analiżi tat-totalità tas-sinjal minħabba li l-konsumatur li jara tikketta ta' xarba alkoħolika qawwija jikkunsidra u jiftakar l-element predominanti tas-sinjal li jippermettilu, f'xirja ulterjuri, li jirrepeti l-esperjenza.

68     Il-predominanza tal-komponent figurattiv kostitwit minn platt tond mżejjen bil-lumi fit-trademark li għaliha saret applikazzjoni jrendi, fil-każ in kwistjoni, l-evalwazzjoni ta' l-elementi distintivi tat-trademark preċedenti mingħajr ebda effett fuq l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. Fil-fatt, jekk l-importanza tal-karattru distintiv ta' trademark verbali preċedenti tista' twassal biex tinfluenza l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta' konfużjoni [ara, f'dan ir-rigward, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' Novembru 1997, SABEL, C-251/95, Ġabra p. I‑6191, punt 24), dan il-kriterju jissupponi li jkun hemm, mill-inqas, ċertu tip ta' probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trademark preċedenti u t-trademark li għaliha saret applikazzjoni. Madankollu, mill-evalwazzjoni tat-totalità tal-probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trademarks ikkonċernati jirriżulta li predominanza, fit-trademark li għaliha saret applikazzjoni, ta' platt tond mżejjen bil-lumi timpedixxi kull probabbiltà ta' konfużjoni mat-trademark preċedenti. Konsegwentement, m'hemmx aktar bżonn li tittieħed deċiżjoni fuq il-karattru distintiv tat-trademark preċedenti [ara, f'dan ir-rigward, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-12 ta' Diċembru 2002, Vedial/UASI – France Distribution (HUBERT), T-110/01, Ġabra. p. II‑5275, punti 64 u 65, ikkonfermata fl-Appell permezz tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Ottobru 2004, Vedial vs l-UASI, C-106/03 P, li għada mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 54; tat-22 ta' Ottubru 2003, Éditions Albert René vs l-UASI – Trucco (Starix), T-311/01, Ġabra p. II‑4625, punt 61, u tat-30 ta' Ġunju 2004, M+M vs l-UASI – Mediametrie (M+M EUROdATA), T-317/01, li għada ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 74 u 75].

69     Fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet, hemm lok li jiġi kkonstatat li, minkejja l-identiċità tal-prodotti kkonċernati, il-livell ta' xebħ bejn it-trademarks in kwistjoni mhuwiex għoli biżżejjed biex ikun jista' jiġi kkunsidrat li l-pubbliku Spanjol li qed issir riferenza għalih jista' jemmen li l-prodotti konċernati joriġinaw mill-istess impriża jew, skond il-każ, minn impriżi marbuta ekonomikament. Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li kkonkluda l-UASI fid-deċiżjoni kkontestata, ma teżistix probabbiltà ta' konfużjoni bejn dawn ta' l-aħħar fis-sens ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

70     Konsegwentement, l-ewwel allegazzjoni tar-rikorrenti għandha tiġi milqugħa.

II –  Rigward it-tieni u t-tielet allegazzjonijiet, ibbażati rispettivament fuq abbuż ta' poter u fuq in-nuqqas ta' motivazzjoni

71     Peress li l-ewwel allegazzjoni għandha tiġi milqugħa, m'hemmx bżonn li jiġu eżaminati l-allegazzjonijiet l-oħra tar-rikorrenti.

72     Għaldaqstant, jaqbel, konformement ma' l-Artikolu 63(3) tar-Regolament Nru 40/94, li tiġi annullata d-deċiżjoni kontestata u li tiġi mibdula fis-sens li l-appell ippreżentat quddiem il-Bord ta' l-Appell huwa fondat u, konsegwentement, l-oppożizzjoni għandha tiġi miċħuda.

 Dwar l-ispejjeż

73     Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi l-konvenut tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat jbati l-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (it-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeciedi li:

1)      Id-deċiżjoni tat-Tieni Bord ta' l-Appell ta' l-Uffiċċju ta' l-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trademarks u Disinni) (UASI) tal-24 ta’ Ottubru 2003 (kawża R 933/2002-2) hija annullata u mbiddla fis-sens li l-appell quddiem l-UASI ppreżentat mir-rikorrenti huwa fondat u, konsegwentement, l-oppożizzjoni għandha tiġi miċħuda.

2)      L-UASI għandu jbati l-ispejjeż.

Jaeger

Azizi

Cremona

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu

H. Jung

 

M. Jaeger

Reġistratur

 

President


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.