Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Ustavni sud Republike Hrvatske (il-Kroazja) fit-28 ta’ April 2023 – E. P. vs Ministarstvo financija Republike Hrvatske, Samostalni sektor za drugostupanjski upravni postupak

(Kawża C-277/23, Ministarstvo financija)

Lingwa tal-kawża: il-Kroat

Qorti tar-rinviju

Ustavni sud Republike Hrvatske

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: E. P.

Parti oħra fil-proċedura: Ministarstvo financija Republike Hrvatske, Samostalni sektor za drugostupanjski upravni postupak

Domandi preliminari

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 18 TFUE, 20 TFUE u 21 TFUE u tat-tieni inċiż tal-Artikolu 165(2) TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li l-ġenitur jitlef id-dritt għal żieda fit-tnaqqis annwali bażiku fit-taxxa fuq id-dħul fir-rigward ta’ wild dipendenti għar-raġuni li dan il-wild, bħala student dipendenti li eżerċita l-libertà tiegħu ta’ moviment u ta’ residenza fi Stat Membru ieħor għall-finijiet tal-edukazzjoni tiegħu, abbażi ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw miżuri previsti fl-Artikolu 6(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi ‘Erasmus+’: il-programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni, taħriġ, żgħażagħ u sport u li jħassar id-Deċiżjonijiet Nru 1719/2006/KE, Nru 1720/2006/KE u Nru 1298/2008/KE (ĠU 2013, L 347, p. 50), intiżi li jintlaħaq l-għan ta’ mobbiltà ta’ student minn Stat Membru b’livell ta’ għoli tal-ħajja baxx jew medju lejn Stat Membru b’livell ta’ għoli tal-ħajja ogħla, skont il-kriterji ddeterminati mill-Kummissjoni Ewropea fis-sens tal-Artikolu 18(7) ta’ dan ir-regolament, irċieva għajnuna għall-mobbiltà tal-istudenti li l-ammont tagħha kien ogħla minn limitu fiss iddeterminat minn qabel?

L-Artikolu 67 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72) għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li l-ġenitur jitlef id-dritt għal żieda fit-tnaqqis annwali bażiku fit-taxxa fuq id-dħul fir-rigward ta’ student dipendenti li, matul is-soġġorn tiegħu fi Stat Membru għall-finijiet tal-edukazzjoni tiegħu, irċieva għajnuna għall-mobbiltà tal-istudenti fis-sens tal-Artikolu 6(1)(a) tar-Regolament Nru 1288/2013?

____________