Language of document : ECLI:EU:T:2011:27

Kawża T-3/09

Ir-Repubblika Taljana

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Għajnuna mill-Istat — Mekkaniżmu temporanju difensiv għall-bini tal-bastimenti — Modifika prevista mill-awtoritajiet Taljani ta’ skema ta’ għajnuna awtorizzata minn qabel mill-Kummissjoni — Deċiżjoni li tiddikjara l-iskema ta’ għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni”

Sommarju tas-sentenza

1.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Projbizzjoni — Derogi — Kategoriji ta’ għajnuna, iddefiniti permezz ta’ regolament, li jistgħu jitqiesu li huma kompatibbli mas-suq komuni

(Artikoli 87(3) KE u 88(3) KE)

2.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Proġetti ta’ għajnuna — Eżami mill-Kummissjoni — Applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet legali sostantivi fis-seħħ fil-mument tat-teħid tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni

(Artikolu 88(3) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikolu 4)

3.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Deċiżjoni tal-Kummissjoni — Obbligu ta’ diliġenza tal-Istat Membru li jagħti l-għajnuna u tal-benefiċjarju tagħha fir-rigward tal-komunikazzjoni ta’ kull element rilevanti

(Artikolu 88(2) KE)

4.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Eżami mill-Kummissjoni — Nuqqas ta’ osservazzjonijiet tal-partijiet interessati — Nuqqas ta’ effett fuq il-validità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni

(Artikolu 88(2) KE)

1.      Skont l-Artikolu 87(3) KE, ċerti kategoriji ta’ għajnuna “[jistgħu jkunu kkunsidrati] bħala kompatibbli mas-suq komuni”. Meta regolament huwa bbażat fuq l-Artikolu 87(3) KE u jiddefinixxi l-għajnuna li tista’ tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq komuni, dan ma jfissirx li huwa neċessarjament il-każ. Fil-fatt, hija l-Kummissjoni li għandha tivverifika, skont l-Artikolu 88(3) KE, li din l-għajnuna tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha sabiex tkun kompatibbli mas-suq komuni.

(ara l-punti 35-37)

2.      Fir-rigward tal-applikazzjoni ratione temporis ta’ dispożizzjoni legali fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet tranżitorji, għandha ssir distinzjoni bejn id-dispożizzjonijiet dwar il-kompetenza u d-dispożizzjonijiet legali sostantivi. F’dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-kompetenza tal-istituzzjonjiet tal-Unjoni Ewropea, id-dispożizzjoni li tikkostitwixxi l-bażi legali ta’ att u li tawtorizza lill-istituzzjoni tal-Unjoni li tadotta l-att inkwistjoni għandha tkun fis-seħħ fil-mument tal-adozzjoni tiegħu. Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet legali sostantivi, dawn jirregolaw sa mid-dħul fis-seħħ tagħhom l-effetti futuri kollha ta’ sitwazzjonijiet li nħolqu taħt il-kamp tal-leġiżlazzjoni preċedenti. Bħala konsegwenza, id-dispożizzjonijiet legali sostantivi ma japplikawx għall-effetti stabbiliti preċedentement għad-dħul fis-seħħ tagħhom, sakemm il-kundizzjonijiet eċċezzjonali tal-applikazzjoni retroattiva ma jkunux sodisfatti.

Fir-rigward tal-għajnuna nnotifikata u mhux imħallsa, fil-kuntest tas-sistema ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat tal-Unjoni, id-data li fiha l-effetti tal-għajnuna maħsuba jiġu stabbiliti tikkoinċidi mal-mument fejn il-Kummissjoni tadotta d-deċiżjoni billi tagħti deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq komuni. Fil-fatt, ir-regoli, il-prinċipji u l-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat fis-seħħ fid-data li fiha l-Kummissjoni tieħu d-deċiżjoni tagħha jistgħu, bħala prinċipju, jiġu kkunsidrati bħala l-iktar adattati għall-kuntest kompetittiv. Dan huwa minħabba l-fatt li l-għajnuna inkwistjoni ma tagħtix lok għal vantaġġi jew għal żvantaġġi reali fis-suq komuni għall-inqas qabel id-data li fiha l-Kummissjoni tiddeċiedi jew le li tawtorizzaha. Min-naħa l-oħra, għall-għajnuna mħallsa illegalment mingħajr notifika bil-quddiem, id-dispożizzjonijiet legali sostantivi applikabbli huma dawk fis-seħħ fil-mument meta l-għajnuna kienet tħallset, peress li l-vantaġġi u l-iżvantaġġi li jirriżultaw minn tali għajnuna seħħew matul il-perijodu li fih l-għajnuna inkwistjoni kienet tħallset.

Ċertament, il-fatt li d-data li tiddetermina d-dispożizzjonijiet legali sostantivi applikabbli tikkoinċidi, fir-rigward ta’ għajnuna nnotifikata u mhux imħallsa, mal-adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna jwassal li din l-istituzzjoni tista’, billi taġġusta t-tul ta’ eżami tal-miżura ta’ għajnuna nnotifikata, twassal għall-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni legali sostantiva li daħlet fis-seħħ wara n-notifika ta’ din il-miżura lill-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-possibbiltà għall-Kummissjoni li tagħżel l-applikazzjoni kemm tar-regola l-ġdida u kemm tar-regola l-antika hija limitata u kontrobilanċjata, minn naħa, mill-fatt li l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali fir-rigward tad-data li fiha huma jinnotifikaw il-miżuri ta’ għajnuna u, min-naħa l-oħra, mill-fatt li l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 659/1999, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 88 KE, jistieden lill-Kummissjoni, skont il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, li taġixxi b’diliġenza.

(ara l-punti 56, 57, 59-61, 64, 65)

3.      Meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE, huma l-Istat Membru u l-benefiċjarju potenzjali tal-għajnuna mill-Istat li għandhom iressqu l-argumenti tagħhom sabiex juru li l-proġett ta’ għajnuna jikkorrispondi għall-eċċezzjonijiet previsti fl-applikazzjoni tat-Trattat, fejn l-għan tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali huwa proprju dak li l-Kummissjoni tkun informata kompletament dwar l-elementi kollha tal-każ. Minkejja li l-Kummissjoni hija meħtieġa tesprimi b’mod ċar id-dubji tagħha dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq komuni meta tiftaħ proċedura formali, sabiex tippermetti lill-Istat Membru u lill-partijiet interessati sabiex iwieġbu bl-aħjar mod possibbli, jibqa’ l-fatt li b’mod partikolari huwa l-kompitu ta’ min japplika għall-għajnuna li jneħħi dawn id-dubji u li jistabbilixxi li l-proġett ta’ għajnuna kien jissodisfa l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna.

(ara l-punt 83)

4.      Għalkemm l-Artikolu 88(2) KE jimponi fuq il-Kummissjoni, qabel ma tieħu d-deċiżjoni tagħha, l-obbligu li tirċievi l-informazzjoni tal-partijiet interessati, dan ma jipprojbixxix lilha milli tikkonkludi, fin-nuqqas ta’ tali osservazzjonijiet, li għajnuna hija inkompatibbli mas-suq komuni. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata li ma ħaditx inkunsiderazzjoni punti ta’ fatt jew ta’ liġi eventwali li setgħu ġew ippreżentati lilha matul il-proċedura amministrattiva, iżda li ma kinux, peress li l-Kummmissjoni ma għandhiex l-obbligu li teżamina ex officio u permezz ta’ evalwazzjoni ġenerali liema huma l-punti li setgħu jitressqu quddiemha.

(ara l-punt 84)