Language of document : ECLI:EU:T:2014:141

Kawża T‑306/10

Hani El Sayyed Elsebai Yusef

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Politika barranija u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda kontra persuni u entitajiet marbuta ma’ Usama Bin Laden, in-netwerk ta’ Al-Qaida u t-Taliban – Regolament (KE) Nru 881/2002 – Iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi ta’ persuna wara l-inklużjoni tagħha f’lista stabbilita minn korp tan-Nazzjonijiet Uniti – Kumitat tas-sanzjonijiet – Inklużjoni sussegwenti fl-Anness I tar-Regolament Nru 881/2002 – Rifjut tal-Kummissjoni li tħassar din l-inklużjoni – Rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni – Drittijiet fundamentali – Dritt għal smigħ, dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv u dritt għar-rispett tal-proprjetà”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tal-21 ta’ Marzu 2014

1.      Proċedura ġudizzjarja – Rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni – Atti kkonċernati mill-Artikolu 263 TFUE – Evitar tal-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikos għal annullament – Inammissibbiltà – Limiti – Eżistenza ta’ fatti sostanzjali ġodda – Kunċett ta’ fatt ġdid sostanzjali – Miżuri restrittivi meħuda fil-kuntest tal-politika barranija u ta’ sigurtà komuni

(Artikoli 263 TFUE u 265 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 881/2002, Artikolu 7c)

2.      Politika barranija u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-netwerk ta’ Al-Qaida u t-Taliban – Deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi – Dritt tad-destinatarji li jitolbu eżami mill-ġdid billi jittieħdu inkunsiderazzjoni żviluppi ulterjuri – Stħarriġ ġudizzjarju – Nuqqas tal-Kummissjoni milli tilqa’ tali talba – Ommissjoni li tikkostitwixxi nuqqas

(Artikoli 263 TFUE u 265 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 881/2002; Regolament tal-Kunsill Nru 881/2002)

3.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Drittijiet tad-difiża – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-netwerk ta’ Al-Qaida u t-Taliban – Obbligu ta’ komunikazzjoni tar-raġunijiet individwali u speċifiċi li jiġġustifikaw id-deċiżjonijiet meħuda – Obbligu li jippermetti lill-persuna kkonċernata li ssostni l-argument tagħha dwar il-motivi użati kontriha

(Artikoli 220(1) TFUE u 296 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 881/2002; Regolament tal-Kummissjoni Nru 1629/2005)

1.      Ma huwiex permess li rikorrent jevita l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, indirizzat kontra att ta’ istituzzjoni, permezz tal-użu proċedurali ta’ rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni skont l-Artikolu 265 TFUE, indirizzat kontra r-rifjut ta’ din l-istituzzjoni li tannulla jew li tirrevoka l-imsemmi att.

F’dan ir-rigward, l-eżistenza ta’ fatti sostanzjali ġodda biss tista’ tiġġustifika t-tressiq ta’ talba intiża għall-eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni li ma ġietx ikkontestata fit-termini. Fil-kuntest ta’ miżura ta’ ffriżar tal-fondi skont ir-Regolament Nru 881/2002, li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-network ta’ Al-Qaida u t-Taliban, u li jħassar ir-Regolament Nru 467/2001, l-għoti tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fit-3 ta’ Settembru 2008, Kadi I (Kawżi C-402/05 P u C-415/05 P) li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet proċedurali u sostanzjali li fihom miżura ta’ ffriżar tal-fondi tista’ tiġi imposta kif ukoll il-garanziji proċedurali li għandhom jibbenefikaw minnhom il-persuni kkonċernati jikkostitwixxi tali fatti ġdid. Fil-fatt, din is-sentenza neċessarjament ġabet fil-Kummissjoni l-bidla fl-attitudni u fl-aġir li din tikkostitwixxi hija stess fatt ġdid u sostanzjali. Għalhekk, sa kemm ingħatat din is-sentenza l-Kummissjoni kienet tqis, minn naħa, li hija kienet strettament marbuta bid-deċiżjonijiet tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet stabbilit mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, mingħajr l-ebda setgħa diskrezzjonali awtonoma, u, min-naħa l-oħra, li l-garanziji normali tad-drittijiet tad-difiża ma kinux japplikaw fil-kuntest tal-adozzjoni jew tal-kontestazzjoni ta’ miżura ta’ ffriżar tal-fondi skont ir-Regolament Nru 881/2002. Min-naħa l-oħra, ħesrem wara l-għoti tas-sentenza Kadi I, il-Kummissjoni bidlet radikalment l-approċċ tagħha u qiegħdet lilha nnifisha f’pożizzjoni li teżamina mill-ġdid, jekk mhux minn jeddha, tal-inqas fuq talba espressa tal-persuni kkonċernati, il-każijiet kollha ta’ ffriżar tal-fondi skont ir-Regolament Nru 881/2002.

Barra minn hekk, jikkostitwixxi fatt ġdid il-fatt li l-gvern ta’ Stat Membru, li fl-istess ħin huwa membru permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, wara li eżamina, fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali, il-provi li fuqhom hija bbażata l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-lista tal-persuni kkonċernati minn dawn il-miżuri restrittivi, stabbilita mill-imsemmi Kumitat tas-Sanzjonijiet, kien ikkonkluda, wara din l-ewwel teħid ta’ pożizzjoni, li huwa ma kienx jissodisfa l-kriterji għall-inklużjoni tiegħu f’din il-lista u ħabbar l-intenzjoni tiegħu li jikteb lill-imsemmi kumitat bi ħsieb li jikseb it-tħassir ta’ ismu mill-imsemmija lista.

(ara l-punti 54, 55, 59, 60, 66, 69, 70, 72)

2.      Kuntrarjament għal atti intiżi li jipproduċu effetti definittivi, miżura ta’ ffriżar tal-fondi meħuda skont ir-Regolament Nru 881/2002, li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-network ta’ Al-Qaida u t-Taliban, u li jħassar ir-Regolament Nru 467/2001, tikkostitwixxi miżura kawtelatorja ta’ natura preventiva, li ma tistax iċċaħħad lill-persuni kkonċernati mill-proprjetà tagħhom. Il-validità ta’ tali miżura hija għalhekk dejjem suġġetta għat-tkattir ta’ punti ta’ fatt u ta’ liġi li jippreċedu l-adozzjoni tagħha, kif ukoll għall-ħtieġa taż-żamma tagħha sabiex jitwettaq l-għan marbut magħha. Għalhekk, miżura ta’ ffriżar tal-fondi skont l-imsemmi regolament għandha tkun is-suġġett ta’ talba għal eżami mill-ġdid f’kull mument, bi ħsieb li jiġi vverifikat jekk iż-żamma tagħha hijiex iġġustifikata, u n-nuqqas tal-Kummissjoni li tilqa’ tali talba jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni. Il-konsegwenza tal-fatt li jiġi aċċettat argument kuntraraju huwa li, ladarba jiskadi t-terminu għall-preżentata ta’ rikors għall-annullament ta’ miżura ta’ ffriżar tal-fondi, il-Kummissjoni tingħata s-setgħa eżorbitanti li tiffriża b’mod indefinittiv il-fondi tal-persuna u dan lil hinn minn kull stħarriġ ġudizzjarju u irrispettivament mill-iżvilupp, jew saħansitra l-għajbien, tal-fatti li inizjalment kienu jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ din il-miżura.

Barra minn hekk, l-Artikolu 7c tal-imsemmi Regolament Nru 88/2002, kif emendat, bir-Regolament Nru 1286/2009 jipprovdi, fl-ewwel tliet paragrafi tiegħu, proċedura ta’ eżami mill-ġdid speċifikament għall-benefiċċju tal-persuni li ġew inklużi fil-lista tal-persuni kkonċernati qabel it-3 ta’ Settembru 2008. Dawn il-persuni jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni biex tibagħtilhom l-espożizzjoni tal-motivi li wasslu għall-inklużjoni tagħhom f’din il-lista, huma jistgħu sussegwentement jifformulaw osservazzjonijiet f’dan ir-rigward u l-Kummissjoni għandha għalhekk teżamina mill-ġdid id-deċiżjoni tagħha li tinkludihom fil-lista inkwistjoni, u dan isir fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija dispożizzjoni tipprovdi, fil-paragrafu 4 tagħha, proċedura ta’ eżami mill-ġdid favur kull persuna inkluża fil-lista kontenzjuża li abbażi ta’ evidenza sostanzjali ġdida, tressaq talba ġdida għal tħassir. Bħal f’kull każ, ir-rimedju għal nuqqas li tittieħed azzjoni għandu jkun miftuħ skont l-Artikolu 265 TFUE, fil-każ li l-Kummissjoni tonqos milli tipproċedi b’eżami mill-ġdid previst mill-Artikolu 7c tar-Regolament Nru 881/2002.

(ara l-punti 62, 63, 65, 68)

3.      Istituzzjoni tal-Unjoni, billi tiddeċiedi li tiffriża l-fondi ta’ persuna skont ir-Regolament Nru 881/2002, li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-network ta’ Al-Qaida u t-Taliban, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 467/2001, għandha, biex tirrispetta d-drittijiet tad-difiża tagħha, u b’mod partikolari d-dritt għal smigħ tagħha u d-dritt tagħha għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv, tikkomunika lill-persuna kkonċernata l-elementi użati kontriha jew li tagħtiha d-dritt li ssir taf dwarhom f’terminu raġonevoli wara l-iffissar ta’ din il-miżura u li tagħtiha l-possibbiltà li ssemma’ b’mod utli l-perspettiva tagħha f’dan ir-rigward.

Barra minn hekk, meta osservazzjonijiet huma fformulati mill-persuna kkonċernata dwar l-espożizzjoni tal-motivi, l-awtorità kompetenti tal-Unjoni għandha l-obbligu li teżamina, b’reqqa u imparzjalità, il-fondatezza tal-motivi allegati, fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet u l-eventwali elementi li jiskaġunaw mehmuża magħhom. F’dan ir-rigward, hija din l-awtorità li għandha tevalwa, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-kontenut ta’ dawn l-osservazzjonijiet eventwali, in-neċessità li titlob il-kollaborazzjoni tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet stabbilit mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u, permezz ta’ dan tal-aħħar, tal-membru tan-Nazzjonijiet Uniti li ppropona l-inklużjoni tal-persuna kkonċernata fil-lista ta’ dan il-kumitat, sabiex tikseb, fil-kuntest tal-klima ta’ kooperazzjoni effettiva li, skont l-Artikolu 220(1) TFUE, għandha tirrenja fir-relazzjonijiet tal-Unjoni mal-korpi tan-Nazzjonijiet Uniti fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali, il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni jew ta’ provi, kunfidenzjali jew mhux, li jippermettulha li twettaq dan id-dmir ta’ eżami bir-reqqa u b’imparzjalità. Fl-aħħar nett, mingħajr ma tiġi imposta l-ħtieġa li tingħata risposta dettaljata għall-osservazzjonijiet imqajma mill-persuna kkonċernata, l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE jimplika fi kwalunkwe każ, inkluż meta l-motivazzjoni tal-att tal-Unjoni tikkorrispondi għall-motivi esposti minn korp internazzjonali, li din il-motivazzjoni tidentifika r-raġunijiet individwali, speċifiċi u konkreti li abbażi tagħhom l-awtoritajiet kompetenti qiesu li l-persuna kkonċernata kellha tkun is-suġġett tal-miżuri restrittivi.

Fl-aħħar nett, ir-rispett tar-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva jeħtieġ, minn naħa, mill-awtorità kompetenti tal-Unjoni li hija tikkomunika lill-persuna kkonċernata espożizzjoni tal-motivi pprovdut mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, li fuqu hija bbażat id-deċiżjoni dwar inklużjoni jew ta’ żamma ta’ isem ta’ din il-persuna fil-lista tal-persuni kkonċernati minn dawn il-miżuri restrittivi, li hija tippermettilu u li tagħraf utilment l-osservazzjonijiet tagħha fuq dan is-suġġett u li hija teżamina, bir-reqqa u imparzjalità, il-fondatezza tal-motivi allegati fid-dawl tal-osservazzjonijiet ifformulati u ta’ eventwali provi li jiskaġunaw provi prodotti minn din il-persuna.

Minn dan isegwi li, meta l-Kummissjonui tibbaża ruħha biss fuq l-eżistenza ta’ sempliċi stqarrija għall-istampa li ma hijiex immotivata mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet sabiex tadotta tali miżuri restrittivi meta għandha tassew l-obbligu li tieħu azzjoni fir-rigward tar-rikorrent u minkejja li tqis li l-impożizzjoni fuq ir-rikorrenti tal-miżuri restrittivi hija ġġustifikata, fuq il-mertu, fid-dawl tas-sitwazzjoni personali tal-persuna kkonċernata kif tirriżulta mill-proċess, fir-rigward tal-elementi fattwali ġodda mressqa għall-konoxxenza tagħha, hija għandha fi kwalunkwe każ tirrimedja mill-iktar fiss possibbli għall-ksur tal-prinċipji applikabbli fil-kuntest tal-proċedura segwita meta ġew adottati dawn il-miżuri, u fin-nuqqas ta’ din hija tkun f’sitwazzjoni li fiha naqset milli tieħu azzjoni. F’dan ir-rigward, huwa irrelevanti li fil-frattemp il-Kummissjoni bdiet il-proċedura ta’ eżami mill-ġdid u li din il-proċedura għadha pendenti.

(ara l-punti  90, 92, 93, 95, 96, 98, 99, 101)