Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Supremo (Spanja) fit-22 ta’ Lulju 2022 – Novo Banco SA - Sucursal en España, Banco de Portugal, Fundo de Resolução vs Proyectos, Obras y Servicios de Badajoz SL

(Kawża C-500/22)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Tribunal Supremo

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Novo Banco SA - Sucursal en España, Banco de Portugal, Fundo de Resolução

Konvenut: Proyectos, Obras y Servicios de Badajoz SL

Domandi preliminari

Interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2001/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ April 2001 fuq ir-riorganizzazzjoni u l-istralċ ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu 1 , li tinvolvi r-rikonoxximent, fi Stat Membru ospitanti, tal-effetti ta’ deċiżjoni tal-awtorità amministrattiva kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini li ma ġietx ippubblikata fit-termini meħtieġa mill-Artikolu 6(1) sa (4) tad-Direttiva 2001/24, hija kompatibbli mad-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva previst fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), mal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali u mal-prinċipju ta’ ugwaljanza u ta’ projbizzjoni ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità previst fl-Artikolu 21(2) tal-Karta?

Interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2001/24, li tinvolvi r-rikonoxximent, fi Stat Membru ospitanti, tal-effetti ta’ deċiżjoni tal-awtorità amministrattiva kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini li ttrasferixxiet mill-ġdid lill-bank mhux vijabbli li għalih ġew applikati l-miżuri ta’ riżoluzzjoni l-obbligi u r-responsabbiltajiet li jirriżultaw minn titolu ta’ dejn mhux subordinat li nxtara minn terz meta dawn l-obbligi u responsabbiltajiet kienu fil-patrimonju tal-“bank tranżitorju” hija konformi mad-dritt fundamentali għall-proprjetà previst fl-Artikolu 17 tal-Karta u mal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali?

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 15.