Language of document : ECLI:EU:C:2017:7

Kawża C28/16

MVM Magyar Villamos Művek Zrt.

vs

Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatóság

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Kúria)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Taxxa fuq il-valur miżjud: – Direttiva 2006/112/KE – Artikoli 2, 9, 26, 167, 168 u 173 – Tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa – Persuna taxxabbli li twettaq kemm attivitajiet ekonomiċi kif ukoll attivitajiet mhux ekonomiċi – Kumpannija holding li tipprovdi servizzi mingħajr ħlas lis-sussidjarji tagħha”

Sommarju – Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tat-12 ta’ Jannar 2017

1.        Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Attivitajiet ekonomiċi fis-sens tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2006/112 – Interferenza ta’ kumpannija holding fl-amministrazzjoni tal-kumpanniji sussidjarji tagħha – Inklużjoni ssuġġettata għall-implementazzjoni tat-tranżazzjonijiet suġġetti għat-taxxa fuq il-valur miżjud skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva

(Direttiva tal-Kunsill 2006/112, Artikoli 2 u 9(1))

2.        Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa – Persuna taxxabbli li twettaq kemm attivitajiet ekonomiċi kif ukoll attivitajiet mhux ekonomiċi – Kumpannija holding li tipprovdi servizzi mingħajr ħlas lis-sussidjarji tagħha – Dritt għal tnaqqis – Servizzi li jirrigwardaw tranżazzjonijiet li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/112 – Esklużjoni

(Direttiva tal-Kunsill 2006/112, Artikoli 2, 9, 26, 167, 168 u 173)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 31‑34)

2.      L-Artikoli 2, 9, 26, 167, 168 u 173 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandhom jiġu interpretati fis-sens li billi l-interferenza ta’ kumpannija holding, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fil-ġestjoni tas-sussidjarji tagħha, meta hija ma tkunx iffatturat lil dawn tal-aħħar la bil-prezz tas-servizzi li hija akkwistat fl-interess tal-grupp ta’ kumpanniji jew ta’ xi wħud mis-sussidjarji tagħha u lanqas bit-taxxa fuq il-valur miżjud relatata, ma hijiex “attività ekonomika” fis-sens ta’ din id-direttiva, tali kumpannija holding ma tistax tibbenefika minn dritt għat-tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud imħallsa għal dawn is-servizzi akkwistati, sa fejn dawn tal-aħħar huma relatati ma’ tranżazzjonijiet li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

(ara l-punt 48 u d-dispożittiv)