Language of document : ECLI:EU:C:2020:491

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

ippreżentati fil‑25 ta’ Ġunju 2020 (1)

Kawża C393/19

Okrazhna prokuratura — Haskovo,

Apelativna prokuratura — Plovdiv

vs

OM

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Apelativen sad — Plovdiv (il-Qorti tal-Appell ta’ Plovdiv, il-Bulgarija))

“Proċedura għal deċiżjoni preliminari — Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Dritt għall-proprjetà — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-konfiska favur l-Istat ta’ vettura użata għat-twettiq ta’ reat ta’ kuntrabandu — Vettura li hija l-proprjetà ta’ terz in bone fide — Deċiżjoni Kwadru 2005/212/ĠAI — Artikolu 2(1) — Direttiva 2014/42/UE — Artikolu 6”






1.        Is-sewwieq ta’ trakk tat-trasport internazzjonali li kien qiegħed jivvjaġġa mit-Turkija lejn il-Ġermanja, wara li ġie arrestat fil-Bulgarija b’teżor numismatiku moħbi f’din il-vettura, ġie akkużat u kkundannat f’dan il-pajjiż tal-aħħar għal reat ta’ kuntrabandu. Permezz ta’ din il-kundanna, ġiet deċiża l-konfiska tat-trattur tat-trakk, fost proprjetajiet oħra, li l-impriża proprjetarja tiegħu, skont il-qorti li għamlet id-domanda preliminari, “la kienet taf, la kien imissha taf u lanqas ma setgħet tkun taf li l-impjegat tagħha kien qiegħed iwettaq dan ir-reat”.

2.        Din il-qorti tistaqsi dwar l-effett ta’ żewġ artikoli tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) fuq ir-regoli nazzjonali applikati f’dan il-każ. B’mod partikolari, hija għandha dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ dawn ir-regoli:

‐      mal-Artikolu 17(1) tal-Karta, sa fejn il-Kodiċi Kriminali Bulgaru jordna l-konfiska tal-mezzi tat-trasport użati sabiex jitwettaq reat ta’ kuntrabandu, minkejja li jkunu l-proprjetà ta’ terz in bona fide.

‐      mal-Artikolu 47 tal-Karta, sa fejn terz in bona fide, proprjetarju tal-oġġett ikkonfiskat, ma jistax isostni l-pożizzjoni tiegħu quddiem il-qorti li tordna l-konfiska, skont il-leġiżlazzjoni proċedurali Bulgara.

3.        Fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, ser nillimita ruħi għall-analiżi tal-ewwel waħda minn dawn id-domandi.

I.      Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

1.      Il-Karta

4.        Skont l-Artikolu 17(1) tagħha:

“Kull persuna għandha d-dritt li tgawdi mill-proprjetà tal-beni tagħha li tkun akkwistat legalment, li tużahom, li tiddisponi minnhom u li tħallihom bħala wirt. L-ebda persuna ma tista’ tiġi mċaħħda mill-proprjetà tagħha, ħlief fl-interess pubbliku u fil-każijiet u skond il-kondizzjonijiet previsti mil-liġi, bi ħlas ta’ kumpens xieraq fi żmien utli għal dak li tkun tilfet. L-użu tal-proprjetà jista’ jiġi rregolat bil-liġi safejn ikun meħtieġ għall-interess pubbliku.”

2.      Id-Deċiżjoni Kwadru 2005/212/ĠAI (2)

5.        L-Artikolu 1 (“Definizzjonijiet”) jistabbilixxi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru:

[…]

‐      ‘mezzi strumentali’ tfisser kwalunkwe proprjetà wżata jew intiża li tiġi wżata, bi kwalunkwe mod, kompletament jew parzjalment, sabiex jiġi mwettaq reat kriminali jew jiġu mwettqa reati kriminali,

‐      ‘konfiska’ tfisser penali jew miżura, ordnata minn qorti b’segwitu għal proċedimenti fir-rigward ta’ reat kriminali jew reati kriminali, li jirriżultaw fil-privazzjoni finali ta’ proprjetà,

[…]”.

6.        L-Artikolu 2 (“Konfiska”) jipprovdi:

“1.      Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex ikun jista’ jikkonfiska, kompletament jew parzjalment, mezzi strumentali u rikavati ta’ reati kriminali punibbli bi priġunerija għal żmien ta’ iżjed minn sena, jew bil-privazzjoni ta’ proprjetà ta’ valur korrispondenti għal tali rikavati.

2.      Fir-rigward ta’ reati fiskali, l-Istati Membri jistgħu jużaw proċeduri oħra barra l-proċeduri kriminali sabiex jipprivaw lill-awtur tar-reat mir-rikavati tar-reat”.

7.        L-Artikolu 4 (“Rimedji legali”) jipprovdi:

“Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jiżgura li l-partijiet interessati milquta mill-miżuri taħt l-Artikoli 2 u 3 jkollhom rimedji legali effikaċi sabiex jippreżervaw id-drittijiet tagħhom”.

3.      Id-Direttiva 2014/42/UE (3)

8.        L-Artikolu 2 (“Definizzjonijiet”) jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(3)      ‘mezzi strumentali’ tfisser kwalunkwe proprjetà użata jew maħsuba biex tintuża, bi kwalunkwe mod, kompletament jew parzjalment, biex jitwettaq reat kriminali jew biex jitwettqu reati kriminali;

(4)      ‘konfiska’ tfisser ċaħda definittiva minn proprjetà ordnata minn qorti fir-rigward ta’ reat kriminali;

[…]”.

9.        L-Artikolu 4 (“Konfiska”) jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jikkonfiskaw, kompletament jew parzjalment, il-mezzi strumentali u r-rikavat jew il-proprjetà li l-valur tagħha jkun ekwivalenti għal tali mezzi strumentali jew rikavat, soġġett għal kundanna definittiva għal reat kriminali, li tista’ wkoll tirriżulta minn proċedimenti in absentia.

2.      Meta l-konfiska abbażi tal-paragrafu 1 ma tkunx possibbli, tal-inqas fejn din l-impossibbiltà tkun ir-riżultat ta’ mard jew ħarba tal-persuna suspettata jew akkużata, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex ikunu jistgħu jikkonfiskaw il-mezzi strumentali u r-rikavat f’każijiet fejn ikunu nbdew il-proċedimenti kriminali fir-rigward ta’ reat kriminali li jista’ jwassal, direttament jew indirettament, għal benefiċċju ekonomiku, u tali proċedimenti setgħu wasslu għal kundanna kriminali jekk il-persuna suspettata jew akkużata setgħet titressaq quddiem il-qorti”.

10.      L-Artikolu 5 (“Konfiska estiża”) jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jikkonfiskaw, kompletament jew parzjalment, il-proprjetà li tappartjeni lil persuna li tkun instabet ħatja ta’ reat kriminali li jista’ joħloq, direttament jew indirettament, benefiċċju ekonomiku, fejn qorti abbażi taċ-ċirkostanzi tal-każ, inklużi l-fatti speċifiċi u l-evidenza disponibbli, bħal li l-valur tal-proprjetà jkun sproporzjonat meta mqabbel mad-dħul legali tal-persuna li tinstab ħatja, tkun sodisfatta li l-proprjetà inkwistjoni nkisbet minn imġiba kriminali.

2.      Għall-fini tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-kunċett ta’ ‘reat kriminali’ għandu jinkludi tal-inqas dan li ġej:

[…]

(b)      reati marbuta mal-parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali, kif previst fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Kwadru 2008/841/ĠAI, tal-inqas f’każijiet fejn ir-reat wassal għal benefiċċju ekonomiku;

[…]

(e)      reat kriminali li huwa punibbli, f’konformità mal-istrument rilevanti fl-Artikolu 3 jew, f’każ li l-istrument inkwistjoni ma jkunx fih limitu tal-piena, f’konformità mal-liġi nazzjonali rilevanti, b’sentenza ta’ kustodja ta’ massimu tal-inqas ta’ erba’ snin”.

11.      Skont l-Artikolu 6 (“Konfiska fir-rigward ta’ parti terza”):

“1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex ikunu jistgħu jikkonfiskaw ir-rikavat, jew proprjetà oħra li l-valur tagħha jkun ekwivalenti għar-rikavat, li, direttament jew indirettament, tkun ġiet ittrasferita minn persuna suspettata jew akkużata lil partijiet terzi, jew li tkun ġiet akkwistata minn partijiet terzi mingħand il-persuna suspettata jew akkużata, tal-inqas jekk dawk il-partijiet terzi kienu jafu jew suppost li kienu jafu li l-għan tat-trasferiment jew tal-akkwist kien biex tiġi evitata l-konfiska, abbażi ta’ fatti u ċirkostanzi konkreti, inkluż li t-trasferiment jew l-akkwist sar mingħajr ħlas jew għal ammont ferm aktar baxx mill-valur fis-suq.

2.      Il-paragrafu 1 ma għandux jippreġudika d-drittijiet ta’ persuni terzi in bona fide”.

4.      Id-dritt Bulgaru. In-Nakazatelen kodeks (4)

12.      L-Artikolu 53(1) jipprovdi:

“1)      Indipendentement mir-responsabbiltà kriminali, għandhom jiġu kkonfiskati favur l-Istat:

a)      l-oġġetti li jappartjenu lill-persuna ħatja intiżi sabiex jintużaw jew li ntużaw sabiex jitwettaq delitt intenzjonali […];

b)      l-oġġetti li jappartjenu lill-persuna ħatja li kienu s-suġġett ta’ delitt intenzjonali – sa fejn huwa espressament previst fil-parti speċjali ta’ dan il-kodiċi.

2)      Jiġu wkoll ikkonfiskati favur l-Istat:

a)      l-oġġetti, li huma s-suġġett jew li huma l-istrument tar-reat kriminali, li l-pussess tagħhom huwa pprojbit; u

b)      il-prodotti miksuba direttament jew indirettament bħala riżultat tar-reat kriminali, jekk dawn ma jkollhomx jiġu rrimborsati jew irrestitwiti. Meta l-prodotti miksuba direttament jew indirettament ikunu sparixxew jew ġew ittrasferiti, għandu jiġi kkonfiskat ammont li jikkorrispondi għall-valur tagħhom”.

13.      L-Artikolu 242(8) jordna l-konfiska, favur l-Istat, tal-mezz użat għat-trasport tal-oġġetti ta’ kuntrabandu, anki jekk ma huwiex il-proprjetà tal-awtur tar-reat, ħlief jekk il-valur ma jikkorrispondix manifestament mal-gravità tar-reat.

II.    Il-fatti (skont id-digriet tar-rinviju) u d-domandi preliminari

14.      OM kien jaħdem ma’ impriża Torka ta’ trasport internazzjonali ta’ merkanzija, u hija l-proprjetarja ta’ trakk artikolat li OM kellu jsuq fi vjaġġ previst li jgħaddi minn diversi pajjiżi tal-Unjoni.

15.      Fil-bidu ta’ Ġunju 2018, individwu mhux magħruf għamel kuntatt ma’ OM u pproponielu li, bi ħlas, jittrasporta lejn il-Ġermanja, b’kuntrabandu, total ta’ 2 940 munita antika (5), filwaqt li japprofitta mill-fatt li huwa kellu jagħmel vjaġġ mill-belt Torka ta’ Istanbul lejn il-belt Ġermaniża ta’ Delmenhorst.

16.      OM aċċetta u, wara li rċieva l-muniti, poġġiehom fi spazju maħsub għall-bagalji, għall-għodda u għal aċċessorji oħra li, bħala standard, jinsabu taħt is-sedil tas-sewwieq, fejn ħeba l-eżistenza tagħhom fost oġġetti differenti.

17.      Nhar it‑12 ta’ Ġunju 2018 filgħodu, OM qasam il-punt tal-qsim tal-fruntiera Tork ta’ “Kapakule” u daħal fit-territorju tar-Repubblika tal-Bulgarija mill-punt tal-qsim tal-fruntiera “Kapitan Andreevo”. F’dan il-post, it-trakk ġie spezzjonat u l-pulizija tad-dwana skopriet il-muniti.

18.      Il-muniti antiki, it-trattur, it-trejler, iċ-ċavetta tal-kuntatt tal-vettura u ċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni ġew issekwestrati.

19.      Waqt l-investigazzjonijiet, l-amministratur tal-impriża proprjetarja tal-vettura talab il-kunsinna tat-trattur u tat-trejler. It-talba ġiet miċħuda l-ewwel mill-prosekutur inkarigat mill-kawża, imbagħad, wara li ġie ppreżentat ir-rikors, permezz ta’ digriet tal-Okrazhen sad -Haskovo (il-Qorti Reġjonali ta’ Haskovo, il-Bulgarija), tad‑19 ta’ Ottubru 2018.

20.      Permezz ta’ sentenza ta’ din il-qorti tat‑22 ta’ Marzu 2019, OM ġie kkundannat għal piena ta’ priġunerija ta’ tliet snin u għal multa ta’ 20 000 lev Bulgaru (BGN) bħala l-awtur ta’ reat ta’ kuntrabandu aggravat ta’ teżor numismatiku, li l-valur tiegħu jinkludi l-każ “fuq skala kbira” tal-Artikolu 242(1)(e) tan-NK.

21.      Skont l-Artikolu 242(7) tan-NK, il-muniti maqbuda ġew ikkonfiskati favur l-Istat. Skont l-Artikolu 242(8) tan-NK, it-trattur li fih ġew ittrasportati l-muniti ġie kkonfiskat ukoll favur l-Istat. It-trejler, li ma kienx marbut direttament mat-trasport, ġie rritornat lura lill-proprjetarju tiegħu.

22.      OM appella kontra s-sentenza tar-rikors quddiem l-Apelativen sad- Plovdiv (il-Qorti tal-Appell ta’ Plovdiv, il-Bulgarija), sa fejn din tikkonċerna l-konfiska tat-trattur.

23.      Il-Qorti tal-Appell tispeċifika li l-konfiska ma hijiex piena u li, skont l-Artikolu 242(8) tan-NK, għandha neċessarjament tiġi ordnata fir-rigward tal-proprjetà użata fit-twettiq ta’ reat ta’ kuntrabandu.

24.      Minkejja s-sostenn legali tal-konfiska hekk deċiża, din il-qorti għandha dubji dwar jekk dan l-artikolu tan-NK, adottat qabel id-dħul tal-Bulgarija fl-Unjoni Ewropea, huwiex kompatibbli mal-Artikolu 17(1) tal-Karta.

25.      B’mod partikolari, tqis li l-konfiska, favur l-Istat, tal-mezz tat-trasport użat bħala strument sabiex jitwettaq reat ta’ kuntrabandu, meta l-proprjetarju tiegħu ma jkunx ipparteċipa fih, jista’ jwassal għal żbilanċ bejn l-interess ta’ proprjetarju li ma jafx bit-twettiq tar-reat u l-interess tal-Istat fis-sekwestru tal-istrumenti tar-reat kriminali.

26.      Barra minn hekk, hija tenfasizza li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tipprevedix li l-proprjetarju tal-mezz tat-trasport jinstema’ fil-proċedura li twassal għall-konfiska, li jista’ jikkomprometti l-kompatibbiltà tagħha mal-Artikolu 47 tal-Karta u mad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

27.      F’dan il-kuntest, l-Apelativen sad- Plovdiv (il-Qorti tal-Appell ta’ Plovdiv) tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 17(1) tal-Karta […] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi, sabiex ma jiġix kompromess bilanċ ġust bejn l-interess pubbliku u r-rekwiżit li jiġi protett id-dritt għall-proprjetà, dispożizzjoni legali nazzjonali, bħal dik prevista fl-Artikolu 242(8) tan-Nakazatelen Kodeks (il-Kodiċi Kriminali) tar-Repubblika tal-Bulgarija, li tipprevedi l-konfiska favur l-Istat ta’ vettura użata għat-twettiq ta’ kontrabandu, liema vettura tkun il-proprjetà ta’ terz li la kien jaf, la kien imissu kien jaf u lanqas ma seta’ jkun jaf li l-impjegat tiegħu kien qiegħed iwettaq dan ir-reat?

2)      L-Artikolu 47 tal-Karta […] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni legali nazzjonali, bħal dik prevista fl-Artikolu 242(8) tal-Kodiċi Kriminali tar-Repubblika tal-Bulgarija, li tippermetti l-konfiska ta’ vettura li tkun il-proprjetà ta’ terz li ma jkunx l-istess individwu li wettaq ir-reat, mingħajr ma huwa previst aċċess dirett għall-ġustizzja għal dan it-terz proprjetarju sabiex iressaq il-pożizzjoni tiegħu?”

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

28.      Id-digriet tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari ġie ppreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil‑21 ta’ Mejju 2019.

29.      L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Haskovo, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Plovdiv, il-Gvern Grieg kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

IV.    Evalwazzjoni

A.      Fuq l-ammissibbiltà

30.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikoli 17(1) u 47 tal-Karta jipprekludux dispożizzjoni legali nazzjonali (l-Artikolu 242(8) tan-NK) li tippermetti l-konfiska tal-proprjetà użata sabiex jitwettaq reat ta’ kuntrabandu, anki jekk hija l-proprjetà ta’ terz li ma pparteċipax fih.

31.      Peress li l-Karta hija indirizzata lill-Istati Membri “biss meta jkunu qed jimplimentaw il-liġi ta’ l-Unjoni” (Artikolu 51), iċ-ċitazzjoni iżolata ta’ wieħed mill-artikoli tagħha ma hijiex biżżejjed sabiex tiġġustifika domanda preliminari jekk ma jkunx hemm rabta ma’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni.

32.      Huwa minnu, madankollu, li d-digriet tar-rinviju jsemmi l-premessa 33 tad-Direttiva 2014/42. Din id-direttiva hija marbuta mal-fatti li huma s-suġġett tal-ilment, sa fejn: a) tistabbilixxi regoli minimi dwar il-konfiska tal-istrumenti tar-reat u b) tipprevedi l-istituzzjoni ta’ azzjonijiet ġudizzjarji sabiex jiġu protetti d-drittijiet ta’ terzi.

33.      Madankollu, huwa dubjuż li d-Direttiva 2014/42 hija applikabbli f’din il-kawża, fid-dawl tar-reati kriminali koperti mill-Konvenzjoni, id-deċiżjonijiet qafas u d-direttivi li jinsabu fil-lista eżawrjenti tal-Artikolu 3 tagħha. Sakemm il-kuntrabandu tal-muniti li huwa ssanzjonat hawnhekk ikun jista’ jiġi inkluż f’xi wieħed minn dawn ir-reati (pereżempju, f’dak kopert mid-Deċiżjoni Kwadru 2008/841/ĠAI (6), il-fatti rrapportati jibqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

34.      Fi kwalunkwe każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tipprovdi lill-qorti tar-rinviju l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li hija ma għamlitx riferiment għalihom fid-digriet tar-rinviju tagħha (7). Dan sar reċentement, bi tweġiba għal talba għal deċiżjoni preliminari oħra (8) fejn il-qorti Bulgara għamlitilha domanda dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2014/42. Il-Qorti tal-Ġustizzja għażlet, f’din il-kawża, li tipprovdilha l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Kwadru 2005/212, peress li d-Direttiva 2014/42 ma kinitx applikabbli (9).

35.      Id-Deċiżjoni Kwadru 2005/212 kienet ġiet sostitwita parzjalment mid-Direttiva 2014/42 mingħajr ma din l-emenda affettwat l-Artikoli 2, 4 u 5 tad-deċiżjoni, li baqgħu fis-seħħ (10). Bħalma tindika l-Kummissjoni, il-limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/42 hija r-raġuni għaliex uħud mid-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Kwadru 2005/212 ma ġewx issostitwiti minnha.

36.      Issa, skont id-Deċiżjoni Kwadru 2005/212 (Artikolu 2(1)), “[k]ull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex ikun jista’ jikkonfiska, kompletament jew parzjalment, mezzi strumentali u rikavati ta’ reati kriminali punibbli bi priġunerija għal żmien ta’ iżjed minn sena […]”.

37.      B’differenza mill-kriterju tad-Direttiva 2014/42, li jirrestrinġi l-portata tagħha bil-mod deskritt iktar ’il fuq, id-Deċiżjoni Kwadru 2005/212 tista’ tapplika għar-reati ta’ kuntrabandu mwettqa fil-Bulgarija, peress li n-NK jissanzjonahom b’piena ta’ priġunerija ta’ bejn tliet snin u għaxar snin.

38.      Essenzjalment, nifhem li d-Deċiżjoni Kwadru 2005/212, f’din il-kawża għandha tiġi interpretata b’tali mod li tneħħi d-dubji tal-qorti tar-rinviju (11). Fl-istess ħin, l-applikabbiltà tagħha tippermetti li tiġi rrikonoxxuta rabta diretta, “ta’ ċertu grad, li tmur lil hinn mill-affinità bejn l-oqsma meħuda inkunsiderazzjoni u l-effetti indiretti ta’ qasam fuq l-ieħor” (12), ma’ regola tad-dritt sekondarju u għalhekk twassal għall-invokazzjoni tal-Karta.

B.      Fuq il-mertu

39.      Il-qorti tar-rinviju tiddikjara li l-impriża proprjetarja tat-trattur (tat-trakk) “la kienet taf, la kien imissha tkun taf u lanqas ma setgħet tkun taf li l-impjegat tagħha kien ser iwettaq dan ir-reat”. Għaldaqstant, dan huwa terz in bona fide, li huwa mċaħħad mill-proprjetà tiegħu mingħajr ma pparteċipa fit-twettiq ta’ reat. Kien biss l-awtur materjali tar-reat li uża dan il-mezz ta’ trasport bħala strument sabiex iwettaq il-kuntrabandu tat-teżor numismatiku.

40.      Sabiex jiġi ddeterminat jekk proprjetarju mqiegħed f’din is-sitwazzjoni jistax jinvoka favurih l-Artikolu 17(1) tal-Karta, l-ewwel nett għandu jsir riferiment għall-kontenut tad-Deċiżjoni Kwadru 2005/212.

41.      Ir-raba’ inċiż tal-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni kwadru jiddefinixxi l-konfiska bħala “penali jew miżura, ordnata minn qorti b’segwitu għal proċedimenti fir-rigward ta’ reat kriminali jew reati kriminali, li jirriżultaw fil-privazzjoni finali ta’ proprjetà”.

42.      Din id-dispożizzjoni ma ssemmix is-sjieda tal-proprjetà li hija kkonfiskata. Bħala prinċipju, hija ma teskludix li din il-proprjetà tappartjeni lil terz, għajr l-awtur jew persuni oħra involuti fir-reat.

43.      Ċerti siltiet mid-Deċiżjoni Kwadru 2005/212 iservu sabiex jiġi ppreċiżat il-qasam suġġettiv tal-konfiska:

‐      L-Artikolu 2(2) jipprovdi li “[l]-awtur [tal-ksur fiskali] tar-reat” jiġi pprivat “mir-rikavati tar-reat”.

‐      L-Artikolu 3(1) jagħmel riferiment għall-fatt li “jikkonfiska […] proprjetà li tappartjeni lil persuna kundannata għal reat”.

‐      Dan l-istess Artikolu 3(3) jiċċita l-konfiska ta’ “proprjetà akkwistata mill-qraba l-aktar qrib is-suġġett konċernat jew proprjetà trasferita lil xi persuna ġuridika li fir-rigward tagħha s-suġġett konċernat għandu influwenza ta’ kontroll”, diretta jew indiretta.

‐      Fl-aħħar nett, it-tielet premessa twissi li “[d]-dispożizzjonijiet nazzjonali li jiggvernaw il-qbid u l-konfiska tar-rikavati tal-kriminalità għandhom jiġu mtejba u approssimati fejn meħtieġ, b’kont meħud tad-drittijiet tat-terzi in bona fide”.

44.      Għaldaqstant, id-Deċiżjoni Kwadru 2005/212 kienet toffri bażi suffiċjenti sabiex jiġi sostnut li l-konfiska kellha, bħala prinċipju, tirrigwarda l-proprjetà li tappartjeni lill-awtur tar-reat, iżda fl-istess ħin kienet tippermetti l-possibbiltà li testendiha għall-proprjetà ta’ terzi.

45.      Dawn it-terzi jistgħu jsibu ruħhom f’sitwazzjonijiet differenti ħafna. Ikun inġenwu li wieħed jinjora li, f’ħafna każijiet, l-awturi (involuti, issuspettati jew akkużati) materjali tar-reati kriminali jfittxu li jintroduċu terz sabiex jevitaw, preċiżament, il-konfiska tal-proprjetà tagħhom (13).

46.      Għaldaqstant, jista’ jkun li t-terzi, anki jekk ma kinux awturi materjali tar-reat,

‐      kellhom ċertu grad ta’ intervent fih jew fil-preparazzjoni tiegħu, pereżempju bħala instigaturi jew kompliċi jew aċċessorji;

‐      kienu proprjetarji ta’ proprjetà miżmuma illegalment, pereżempju, armi pprojbiti, drogi jew elementi oħra maħsuba, b’mod partikolari, għat-twettiq ta’ reati u li ntużaw fihom;

‐      huma akkwistaw din il-proprjetà meta kienu jafu bil-provenjenza illeċita tagħha, preċiżament sabiex jevitaw il-konfiska tagħha.

47.      F’dawn l-ipoteżijiet (u forsi għal xi wħud simili oħra), xejn ma jipprekludi l-konfiska tal-proprjetà ssekwestrata, anki jekk din tkun tappartjeni lil persuni oħra għajr l-awtur materjali tar-reat.

48.      Il-panorama tinbidel fil-każ tat-terzi in bona fide, li d-dispożizzjonijiet li japplikaw għalihom jeħtieġu studju speċifiku.

1.      Drittijiet tat-terz in bona fide fir-rigward tal-konfiska tal-proprjetà tiegħu

49.      Il-protezzjoni (proċedurali u materjali) tad-drittijiet tat-terz in bona fide kienet preżenti f’moħħ il-leġiżlatur tal-Unjoni, kif tirrifletti l-premessa 3 tad-Deċiżjoni Kwadru 2005/212 u kif issemmi d-Direttiva 2014/42.

50.      Din il-protezzjoni tikkonċerna kemm id-dritt (sostantiv) għall-proprjetà, stabbilit fl-Artikolu 17 tal-Karta, kif ukoll id-dritt (proċedurali) li titressaq kawża quddiem qorti sabiex tiddefendi dan id-dritt, skont l-Artikolu 47 tal-Karta. Ser niddiskuti biss l-ewwel wieħed (14).

51.      Għalkemm ma japplikawx għall-kawża prinċipali, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/42 dwar terzi in bona fide jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi interpretata d-Deċiżjoni Kwadru 2005/212, għaliex it-tnejn li huma jsegwu l-istess pjanijiet, latenti diġà fiha.

52.      Il-premessa 33 tad-Direttiva 2014/42 tirrikonoxxi li “taffettwa b’mod sostanzjali d-drittijiet tal-persuni, mhux biss ta’ dawk suspettati jew akkużati iżda anke ta’ partijiet terzi li ma jkunux qed jitressqu quddiem il-qorti”. Dawn it-terzi għandhom igawdu mid-“dritt li [meta] jiddikjaraw li huma s-sidien tal-proprjetà kkonċernata, jew […] jiddikjaraw li jkollhom drittijiet oħra ta’ proprjetà (‘drittijiet reali’, ‘ius in re’)”.

53.      Skont din il-premessa, id-Direttiva 2014/42 tiddedika dispożizzjoni (l-Artikolu 6) għall-konfiska tal-proprjetà ta’ terzi, li tipprovdi:

‐      il-paragrafu 1 jirreferi għall-proprjetà “li l-valur tagħha jkun ekwivalenti għar-rikavat, li, direttament jew indirettament, tkun ġiet ittrasferita minn persuna suspettata jew akkużata lil partijiet terzi, jew li tkun ġiet akkwistata minn partijiet terzi mingħand il-persuna suspettata jew akkużata […]” (15);

‐      il-paragrafu 2 jissalvagwardja d-“drittijiet ta’ persuni terzi in bona fide”.

54.      Din il-leġiżlazzjoni tissostitwixxi l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Kwadru 2005/212. Anki jekk dan l-aħħar artikolu ma għadux fis-seħħ, ikun żbaljat, fil-fehma tiegħi, li jiġi dedott li ma baqgħetx teżisti l-possibbiltà li l-proprjetà ta’ terzi tiġi kkonfiskata fil-kuntest tad-Deċiżjoni Kwadru 2005/212.

55.      Għall-kuntrarju, jiena tal-fehma li t-trattament tal-konfiska ta’ proprjetà ta’ terzi li jinsab fid-Direttiva 2014/42, anki jekk jiddevja formalment mir-regoli li jinsabu fid-Deċiżjoni Kwadru 2005/212, jista’ jgħin sabiex tinftiehem il-portata ta’ din tal-aħħar (16).

56.      Konsegwentement, xejn ma jipprekludi li l-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni Kwadru 2005/212 jiġi interpretat fis-sens li jippermetti l-konfiska ta’ proprjetà ta’ terzi, sakemm din ma tkunx in bona fide.

57.      Ladarba tiġi stabbilita din il-premessa, il-profili tad-dritt għall-proprjetà ggarantit mill-Artikolu 17(1) tal-Karta ġew riprodotti fis-sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2019 (17), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja:

‐      tirrikonoxxi li l-protezzjoni pprovduta minn dan l-artikolu ma hijiex assoluta u tippermetti ċ-ċaħda ta’ proprjetà meta din tkun iġġustifikata għal raġunijiet ta’ utilità pubblika. F’dan ir-rigward, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-Artikolu 52(1) tal-Karta (18).

‐      tiddikjara li “[q]ari flimkien tal-Artikolu 17(1) tal-Karta u tal-Artikolu 52(1) tagħha jwassal li wieħed iqis, minn naħa, li meta għan ta’ utilità pubblika jiġi invokat biex jiġġustifika privazzjoni ta’ proprjetà, huwa fid-dawl ta’ din ir-raġuni u ta’ dawn l-għanijiet ta’ interess ġenerali li hija tiġbor li għandha tiġi mistħarrġa l-konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità previst fl-Artikolu 52(1) tal-Karta”.

‐      Hija ssostni li “dan il-qari jimplika li, fin-nuqqas tal-eżistenza ta’ tali għan ta’ utilità pubblika li jista’ jiġġustifika ċ-ċaħda ta’ proprjetà, jew, jekk tali għan ta’ utilità pubblika jintwera, fin-nuqqas li jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fit-tieni frażi tal-Artikolu 17(1) tal-Karta, id-dritt għal proprjetà ggarantit minn dik id-dispożizzjoni jinkiser” (19).

58.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena tal-opinjoni li, bħala regola ġenerali, ma għandhiex tiġi kkonfiskata l-proprjetà li, filwaqt li tappartjeni lil terzi in bona fide, intużat bħala strument tar-reat.

59.      Din ir-regola, madankollu, jista’ jkun hemm eċċezzjonijiet għaliha, minħabba raġunijiet ta’ utilità pubblika, permezz ta’ regola nazzjonali li tfittex għanijiet leġittimi ta’ interess ġenerali, jekk hija tkun xierqa sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu (20). Barra minn hekk, ikun essenzjali li ċ-ċaħda tal-proprjetà tiġi kkumpensata permezz tal-ħlas ta’ kumpens ġust fi żmien raġonevoli (21).

60.      Jidhirli li huwa utli, fi kwalunkwe każ, li ssir riflessjoni addizzjonali dwar il-kunċett ta’ bona fide f’dan il-kuntest. Nirrikonoxxi li dan il-qasam huwa evidentement każwistiku u li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk kienx hemm bona fide jew le (f’din il-kawża, hija tikkonferma li għamlet dan bit-termini enerġetiċi msemmija iktar ’il fuq) (22). Dak li nixtieq infisser huwa li n-nuqqas ta’ frodi ma huwiex biżżejjed: in-negliġenza mhux deliberata tista’ telimina wkoll il-bona fide, f’ċerti ċirkustanzi.

61.      Diffiċilment wieħed jista’ jikkunsidra in bona fide, pereżempju, l-imġiba ta’ terz li, anki jekk ma jkunx jaf jekk il-vettura li jsellef lil individwu ieħor hijiex ser isservi sabiex jitwettaq reat konkret ta’ kuntrabandu (jew ta’ traffikar tad-droga), iċediha, meta jkun jista’ faċilment jissuponi li ċ-ċessjonarju normalment iwettaq tali attivitajiet.

2.      Ċaħda mill-mezzi ta’ trasport tat-terz in bona fide fid-dritt nazzjonali

62.      L-estensjoni tal-konfiska għall-mezzi tat-trasport (karozzi, bastimenti u inġenji tal-ajru) użati fit-twettiq tar-reat hija xi ħaġa li, fil-prinċipju, tikkorrispondi għal-leġiżlazzjoni ta’ kull Stat (23). Mill-perspettiva tad-Deċiżjoni Kwadru 2005/212, ma hemm l-ebda oġġezzjoni li jiġu inklużi dawn il-mezzi tat-trasport fost l-istrumenti li bihom twettaq jew ġie attentat ir-reat kriminali.

63.      Il-qorti tar-rinviju tassumi li l-Artikolu 242(8) tan-NK japplika f’dan il-każ, b’tali mod li jista’ jiġi kkonfiskat, favur l-Istat, it-trattur tat-trakk, minkejja li dan ikun il-proprjetà ta’ terz in bona fide.

64.      Din l-istess qorti tfakkar li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“QEDB”), f’sentenza tal‑2015 (24) iddeċidiet li konfiska deċiża fil-Bulgarija abbażi ta’ din id-dispożizzjoni kienet kisret l-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, li għandu kontenut simili għal dak tal-Artikolu 17(1) tal-Karta (dritt għall-proprjetà).

65.      L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Plovdiv, li fl-osservazzjonijiet tiegħu jinvoka din l-istess sentenza, jiċċita, b’appoġġ għall-argument tiegħu dwar il-validità tal-konfiska, sentenza oħra sussegwenti tal-QEDB (25), dwar konfiska mwettqa fil-Bulgarija abbażi tal-Artikolu 233(6) (li qabel kien l-Artikolu 233(3)), taż-Zakon za mitnitsite (il-Liġi doganali) (26) li l-formulazzjoni tagħha hija simili, għall-qasam doganali, għal dik tal-Artikolu 242(8) tan-NK (27).

66.      Fir-realtà, ir-rilevanza ta’ dawn iż-żewġ sentenzi sabiex jispiraw (skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta) ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-ewwel domanda preliminari hija limitata:

‐      fir-rigward tas-sentenza Atanasov, il-QEDB, għalkemm ċertament ma kkonstatatx li l-applikazzjoni tal-Artikolu 233(3) tal-Liġi doganali kienet kisret id-dritt għall-proprjetà, qieset li l-indħil f’dan id-dritt kien iġġustifikat, peress li Atanasov wettaq reat doganali (28);

‐      fir-rigward tas-sentenza Ünsped, li l-fatti tagħha huma simili għal dawk ta’ din il-kawża (konfiska ta’ trakk li kien jittrasporta d-drogi, abbażi tal-Artikolu 242(8) tan-NK mingħajr ma l-proprjetarju tiegħu pparteċipa fit-twettiq tar-reat), il-QEDB, wara li analizzat il-prinċipji ġenerali relatati mal-protezzjoni tad-dritt għall-proprjetà, tidderieġi l-attenzjoni prijoritarja tagħha fuq l-aspetti proċedurali (29).

67.      Skont is-sentenza Ünsped, l-awtoritajiet nazzjonali, f’dik il-kawża għandhom ikunu eżaminaw il-grad ta’ negliġenza jew ta’ diliġenza tal-proprjetarju fir-rigward tal-proprjetà kkonfiskata jew, tal-inqas, ir-relazzjoni bejn l-imġiba adottata u r-reat (30). Peress li ma sarx dan u, fuq kollox, peress li l-proprjetarju ma ngħatax il-possibbiltà li jikkontesta l-konfiska tal-proprjetà tiegħu li tirriżulta mill-proċedura kriminali, id-dritt protett mill-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1 inkiser (31).

68.      Peress li l-aspetti proċedurali ta’ dan ir-rinviju ġew diskussi fit-tieni domanda preliminari, id-dibattitu dwar l-ewwel domanda għandu jiffoka fuq il-kwistjoni dwar jekk il-konfiska tal-mezzi ta’ trasport użati għall-kuntrabandu, meta dawn jappartjenu lil terz in bona fide, hijiex iġġustifikata biżżejjed u jekk hijiex proporzjonata.

69.      Fid-digriet tar-rinviju, ma hemmx riferiment għal din il-ġustifikazzjoni eventwali u l-Gvern Bulgaru ma intervjeniex fil-kwistjoni preliminari sabiex jiddefendiha. Il-prosekuturi Bulgari li ppreżentaw osservazzjonijiet rigward dan l-inċident għamlu riferiment għalih. Barra minn hekk, huma invokaw argumenti oħra favur it-teżi li huma kienu sostnew fil-kuntest tal-proċedura kriminali quddiem il-qrati tal-istanza u tal-appell.

70.      Minn dawn l-argumenti (esposti, b’mod partikolari, mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Plovdiv), inqis, prima facie, bħala inammissibbli, dak li jirrakkomanda l-validità tal-konfiska minħabba li l-Artikolu 242(8) tan-NK huwa regola suffiċjentement aċċessibbli, preċiża, prevedibbli u li ssegwi għan ta’ interess ġenerali. Dak li ssostni l-qorti tar-rinviju huwa, preċiżament, il-kompatibbiltà ta’ din id-dispożizzjoni legali, kif interpretata minnha, mad-dritt tal-Unjoni.

71.      Lanqas ma huwa aċċettabbli li jiġi sostnut, b’difiża għar-regola applikata, li tosserva impenji internazzjonali tal-Bulgarija u li l-konfiska hija forma ta’ akkwist (u telf korrispondenti) tal-proprjetà ex lege, li ma taqax taħt il-kompetenza tal-Unjoni.

72.      F’dan ir-rigward, ser infakkar biss li d-Deċiżjoni Kwadru 2005/212 ġiet adottata fil-qafas ta’ kompetenzi tal-Unjoni u li l-osservanza tad-dritt għall-proprjetà jagħmel parti mill-Artikolu 17 tal-Karta, applikabbli għall-Istati fit-termini msemmija iktar ’il fuq. L-impenji internazzjonali li hemm riferiment għalihom ma jobbligawx il-konfiska tal-proprjetà ta’ terzi in bona fide.

73.      Fir-rigward tal-argument li l-Liġi Bulgara dwar l-obbligi u l-kuntratti tippermetti li l-kumpannija proprjetarja tal-vettura tħarrek lis-sewwieq għad-danni li jirriżultaw mill-konfiska (li biha, fil-verità, hija ma sofrietx ċaħda tad-drittijiet tagħha, peress li hija għandha l-possibbiltà ta’ rikors sabiex titlob mingħand il-persuna kkundannata l-kumpens korrispondenti), huwa biżżejjed li jsir riferiment għal dak li l-Qorti tal-Ġustizzja esponiet fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs L-Ungerija (Użufrutt fuq l-artijiet agrikoli) fid-dawl ta’ tali raġunament (32).

74.      Fir-rigward tal-ġustifikazzjoni tal-miżura, il-konfiska għandha t-tendenza, min-natura tagħha, li tostakola l-inċentiv patrimonjali tad-delinkwent, billi ċċaħħdu mill-proprjetà, mill-istrumenti u mill-effetti kollha tar-reat. Tali ġustifikazzjoni, marbuta mal-ġlieda kontra l-kriminalità, ma hijiex issodisfatta, bħala prinċipju, meta l-proprjetà kkonfiskata tappartjeni lil terz in bona fide.

75.      Skont l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Haskovo, it-tneħħija ta’ din il-konsegwenza prevista mil-liġi tinkoraġġixxi lill-kriminalità organizzata tuża mezzi ta’ trasport esterni għat-twettiq tar-reat ta’ kuntrabandu. Ir-risposta għal dan it-tħassib (leġittimu) għandha tinstab fl-investigazzjoni fuq ir-rabtiet bejn il-proprjetarji tal-mezzi ta’ trasport u l-awturi tar-reat, jew li tibdel il-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-bona fide ta’ dawn il-proprjetarji f’oħrajn iktar stretti (33).

76.      Jekk il-liġi nazzjonali tagħżel li timponi b’mod assolut il-konfiska tal-mezzi tat-trasport użati, meta l-proprjetarji tagħhom fil-verità jkunu aġixxew in bona fide (jew ikunu batew ukoll miċ-ċaħda tal-vettura tagħhom: aħseb fil-każ ta’ individwu li nsterqitlu l-karozza sabiex iktar tard tintuża fit-twettiq ta’ reat ta’ kuntrabandu), hija tkun qiegħda tirrikorri għal strument ġuridiku mhux xieraq sabiex tikkonfiska dik il-proprjetà.

77.      It-trasformazzjoni tal-konfiska f’ċaħda forzata tal-proprjetà tkun teħtieġ, f’tali ċirkustanzi, raġuni suffiċjenti sabiex din tiġi ġġustifikata u, finalment, l-għoti tal-garanzija kumpensatorja prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 17(1) tal-Karta.

V.      Konklużjoni

78.      Fid-dawl ta’ dak li esponejt iktar ’il fuq, nissuġġerixxi li l-ewwel domanda preliminari tal-Apelativen sad- Plovdiv (il-Qorti tal-Appell ta’ Plovdiv, il-Bulgarija) tingħata risposta fit-termini li ġejjin:

“L-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2005/212/ĠAI tal‑24 ta’ Frar 2005 dwar il-Konfiska ta’ Rikavati, Mezzi Strumentali u Proprjetà Konnessi mal-Kriminalità, moqri flimkien mal-Artikolu 17(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li jopponi dispożizzjoni li tippermetti l-konfiska, favur l-Istat, ta’ mezz tat-trasport użat sabiex jitwettaq reat ta’ kuntrabandu aggravat, meta dan il-mezz tat-trasport huwa l-proprjetà ta’ terz in bona fide, li la kien jaf, la kien imissu kien jaf u lanqas ma seta’ jkun jaf li dan il-mezz kien ser jintuża sabiex jitwettaq ir-reat”.


1      Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2      Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill tal‑24 ta’ Frar 2005 dwar il-Konfiska ta’ Rikavati, Mezzi Strumentali u Proprjetà Konnessi mal-Kriminalità (ĠU 2006, L 159M, p. 223).


3      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑3 ta’ April 2014 dwar l-iffriżar u l-konfiska ta’ mezzi strumentali u r-rikavat minn attività kriminali fl-Unjoni Ewropea (ĠU 2014, L 127, p. 39, Rettifika fil-ĠU 2014, L 138, p. 114).


4      Il-Kodiċi Kriminali (iktar ’il quddiem in-“NK”).


5      Fl-osservazzjonijiet tiegħu, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Plovdiv jitkellem dwar “muniti tal-bronż tal-belt antika ta’ Amisos, iddatati mis-sekli II u I qabel Kristu”. Skont id-digriet tar-rinviju, ir-rapport ta’ valutazzjoni arkeoloġika-numismatika stabbilixxa li l-muniti kienu awtentiċi u kienu jikkostitwixxu oġġetti arkeoloġiċi. Ir-rapport ikompli jgħid li dawn kienu skoperti ta’ importanza storika straordinarja.


6      Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill tal‑24 ta’ Ottubru 2008 dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata (ĠU 2008, L 300, p. 42).


7      “[F]il-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha taqta’ l-kawża li jkollha quddiemha. Konsegwentement, anki jekk formalment, il-qorti tar-rinviju llimitat id-domanda tagħha għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni partikolari tad-dritt tal-Unjoni, tali ċirkustanza ma tipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdilha l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li għandha quddiemha, kemm jekk din il-qorti tkun għamlet riferiment għalihom fid-domandi tagħha kif ukoll jekk ma tkunx għamlet dan. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li tislet, mill-elementi kollha pprovduti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-elementi tal-imsemmi dritt li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima”. Sentenza tat‑18 ta’ Settembru 2019, VIPA (C‑222/18, EU:C:2019:751), punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata.


8      Sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2020, Agro In 2001 (C‑234/18, EU:C:2020:221), punti 46 sa 50.


9      Ibidem, punt 47: “l-atti […], hekk kif deskritti fid-deċiżjoni tar-rinviju, ma jikkostitwixxux wieħed mill-ksur kopert mill-istrumenti ġuridiċi elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2014/42, fejn għalhekk is-suġġett tal-proċedura nazzjonali […] jevita l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-imsemmija direttiva”.


10      Ibidem, punt 48.


11      Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet domanda lill-partijiet u lill-Istati intervenjenti fil-kwistjoni preliminari sabiex huma jressqu argumenti fuq dan il-punt.


12      Sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2014, Siragusa (C‑206/13, EU:C:2014:126), punt 24.


13      Ara l-premessa 24 tad-Direttiva 2014/42.


14      Ara l-punt 3 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


15      “[…] mill-inqas meta dawn it-terzi kellhom jew kellhom ikunu jafu li l-għan tat-trasferiment jew tal-akkwist kien li tiġi evitata l-konfiska fuq il-bażi ta’ fatti u ċirkustanzi konkreti”. Huwa meħtieġ test triplu: i) il-kundizzjonijiet tal-konfiska għandhom ikunu ssodisfatti mill-persuna ssuspettata jew akkużata; ii) il-persuni ssuspettati jew akkużati għandhom ikunu ttrasferixxew il-proprjetà lil terz; u iii) it-terz kien jaf jew kellu jkun jaf li l-intenzjoni tat-trasferiment kienet li tiġi evitata l-konfiska (D. Nitu, “Extended and third party confiscation in the European Union”, f’F. Rossi (coord.), Improving confiscation procedures in the European Union, Jovene Editore, Napoli, 2019, p. 78).


16      Il-premessa 25 tad-Direttiva 2014/42 tipprovdi li “[l]-Istati Membri huma liberi li jiddefinixxu l-konfiska ta’ parti terza bħala sussidjarja jew alternattiva għal konfiska diretta, kif adatt f’konformità mal-liġi nazzjonali”.


17      Sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2019, Il‑Kummissjoni vs L-Ungerija (Użufrutt fuq artijiet agrikoli) (C‑235/17, EU:C:2019:432).


18      Ibidem, punti 87 u 88.


19      Ibidem, punt 89.


20      Ibidem, punt 94: “[i]r-raġunijiet ġustifikattivi li jistgħu jiġu invokati minn Stat Membru għandhom ikollhom magħhom provi adegwati jew analiżi tal-adegwatezza u tal-proporzjonalità tal-miżura restrittiva adottata minn dan l-Istat, kif ukoll provi preċiżi li jippermettu li jsostnu l-argument tiegħu”.


21      Ibidem, punt 126. “[…] leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti lok għal ċaħda ta’ proprjetà trid tipprovdi, b’mod ċar u preċiż, li tali privazzjoni tagħti dritt għal kumpens kif ukoll il-kundizzjonijiet tagħha”.


22      Punti 1 u 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


23      F’ċerti pajjiżi, il-konfiska ssir biss meta l-vettura tintuża bħala strument għal reat li, min-naħa tiegħu, jeħtieġ it-trasport ta’ ċerti oġġetti (pereżempju, id-droga li hija moħbija ġewwa), b’tali mod li din il-vettura tirrappreżenta fattur indispensabbli fid-dinamika kriminali.


24      Sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2015, Ünsped Paket Servisi San. VE TİC. A.Ş. vs Il-Bulgarija (CE:ECHR:2015:1013JUD000350308, iktar ’il quddiem is-“sentenza Ünsped”).


25      L-ipoteżi fattwali kienet tikkonsisti fl-importazzjoni ta’ vettura mingħajr ma ġew osservati l-prekawzjonijiet doganali, li wassal għall-konfiska bħala oġġett ta’ kuntrabandu.


26      Liġi doganali, DV Nru 15, tas‑6 ta’ Frar 1998. Skont dan l-artikolu, “[i]l-merkanzija li hija s-suġġett tal-kuntrabandu doganali għandha tinqabad mill-Istat ikun min ikun il-proprjetarju tagħha u meta din tkun nieqsa jew tneħħiet, għandu jiġi attribwit lilha valur li jikkorrispondi għall-valur doganali tagħha jew għall-valur għall-esportazzjoni tagħha”.


27      Sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 2017, Atanasov vs Il-Bulgarija (CE:ECHR:2017:1207JUD000604608, iktar ’il quddiem is-“sentenza Atanasov”).


28      Ibidem, punti 38 sa 49. Hija tippreċiża li, f’dan il-każ, l-awtoritajiet doganali Bulgari kellhom raġun jikkonkludu li r-rikorrent kien neħħa l-vettura mill-kontroll doganali billi introduċieha illegalment fit-territorju tagħhom, b’tali mod li huma ma jistgħux jiġu kkritikati talli kklassifikawha bħala oġġett ta’ kuntrabandu. Barra minn hekk, hija tevalwa ċ-ċirkustanzi professjonali tar-rikorrent sabiex tikkorrobora l-fatt li huwa kellu l-obbligu jgħarraf ruħu dwar il-proċeduri amministrattivi u tal-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ dan.


29      Il-QEDB tevalwa l-bilanċ ġust bejn l-interferenza u t-twettiq tal-għan imfittex u, għalkemm tqis li dan kien leġittimu, hija tafferma li l-prinċipju ta’ proporzjonalità ma ġiex osservat peress li l-leġiżlazzjoni Bulgara ma kinitx toffri lill-proprjetarju l-possibbiltà li jikkontesta effettivament il-konfiska tal-oġġett li huwa proprjetà tiegħu.


30      Sentenza Ünsped, punt 45: “Nor did [the national courts] examine the conduct of the confiscated lorry’s owner or the relationship between the conduct of the latter and the offence. There is no evidence before this Court suggesting that the owner could or should have known of an offence being committed and the owner was clearly not given an opportunity to put its case”.


31      Ibidem, punt 38: għalkemm l-Artikolu 1 tal-Protokoll ma jinkludix rekwiżit proċedurali, in-neċessità għall-persuni affettwati minn miżuri li jħallu effett fuq il-proprjetà tagħhom li jibbenefikaw minn possibbiltà raġonevoli li jiddefendu l-pożizzjoni ġuridika tagħhom quddiem l-awtoritajiet kompetenti ġiet stabbilita mill-ġurisprudenza.


32      Sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2019 (C‑235/17, EU:C:2019:432), punti 127 u 128. “[I]r-referenza għar-regoli ġenerali tal-liġi ċivili […] ma tistax tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 17(1) tal-Karta. Barra minn hekk, anki bis-suppożizzjoni li kien legalment possibbli li Stat Membru, fir-rigward ta’ dik id-dispożizzjoni, jimponi fuq individwi l-kumpens għal privazzjoni ta’ proprjetajiet li huwa stess kien esklużivament responsabbli minnu, għandu jiġi kkonstatat li tali referenza […] tibbaża ruħha fuq id-detenturi tad-drittijiet […], il-piż tal-ħtieġa li jiġi segwit l-irkupru, permezz ta’ proċeduri li jistgħu jiġu rrivelati fit-tul u jiswew il-flus, eventwali kumpens […]. Dawn ir-regoli tal-liġi ċivili jagħmluha impossibbli li jiġi stabbilit b’mod faċli u preċiż biżżejjed jekk wieħed jistax jipprevedi jekk il-kumpens jistax jinkiseb wara tali proċeduri, jew li wieħed ikun jaf, fejn xieraq, x’inhi n-natura u l-limitu tiegħu”.


33      Dan jista’ jseħħ, pereżempju, fil-każ ta’ mezzi tat-trasport li l-karatteristiċi tagħhom jagħmluhom partikolarment xierqa sabiex jitwettaq reat ta’ kuntrabandu, bħalma huma d-dgħajjes b’funzjonijiet li jippermettulhom jevitaw is-sorveljanza marittima doganali. Xejn ma jwassal sabiex tiġi stabbilita, għal dawn il-każijiet, il-preżunzjoni (iuris tantum) li tgħid li min jittrasferixxi din id-dgħajsa lil terz ma jaġixxix in bona fide, li mbagħad jaqleb l-oneru tal-prova.