Language of document : ECLI:EU:C:2021:8

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

14 ta’ Jannar 2021 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 17 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għall-proprjetà – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għal rimedju effettiv – Deċiżjoni Qafas 2005/212/ĠAI – Konfiska ta’ rikavati, mezzi strumentali u proprjetà marbuta mal-kriminalità – Direttiva 2014/42/UE – Iffriżar u konfiska ta’ mezzi strumentali u ta’ rikavati minn attività kriminali fl-Unjoni Ewropea – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-konfiska, favur l-Istat, tal-proprjetà użata sabiex jitwettaq ir-reat ta’ kuntrabandu doganali – Proprjetà li tappartjeni lil terz in bona fide”

Fil-Kawża C‑393/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Apelativen sad – Plovdiv (il-Qorti tal-Appell ta’ Plovdiv, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Mejju 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Mejju 2019, fil-proċeduri kriminali kontra

OM,

fil-preżenza ta’:

Okrazhna prokuratura – Haskovo,

Apelativna prokuratura – Plovdiv,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, L. Bay Larsen, C. Toader, M. Safjan (Relatur) u N. Jääskinen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Okrazhna prokuratura – Haskovo, minn V. Radeva-Rancheva, bħala aġent,

–        għall-Apelativna prokuratura – Plovdiv, minn I. Perpelov, bħala aġent,

–        għall-Gvern Elleniku, minn M. Tassopoulou, S. Charitaki u A. Magrippi, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn Y. Marinova u R. Troosters, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tal-25 ta’ Ġunju 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 17(1) u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra OM dwar il-konfiska, wara l-kundanna tiegħu għal kuntrabandu doganali kkwalifikat, ta’ proprjetà użata sabiex jitwettaq l-imsemmi reat li tappartjeni lil terz in bona fide.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Deċiżjoni Qafas 2005/212/ĠAI

3        Il-premessa 3 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2005/212/ĠAI tal-24 ta’ Frar 2005 dwar il-Konfiska ta’ Rikavati, Mezzi Strumentali u Proprjetà Konnessi mal-Kriminalità (ĠU 2006, L 159M, p. 223), tipprovdi:

“Skond il-paragrafu 50(b) tal-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Vjenna, fi żmien ħames snin mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam, id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jiggvernaw il-qbid u l-konfiska tar-rikavati tal-kriminalità għandhom jiġu mtejba u approssimati fejn meħtieġ, b’kont meħud tad-drittijiet tat-terzi in bona fide.”

4        Skont it-tielet u r-raba’ inċiżi tal-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni qafas, intitolat “Definizzjonijiet”:

“Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru:

[…]

–        ‘mezzi strumentali’ tfisser kwalunkwe proprjetà wżata jew intiża li tiġi wżata, bi kwalunkwe mod, kompletament jew parzjalment, sabiex jiġi mwettaq reat kriminali jew jiġu mwettqa reati kriminali,

–        ‘konfiska’ tfisser penali jew miżura, ordnata minn qorti b’segwitu għal proċedimenti fir-rigward ta’ reat kriminali jew reati kriminali, li jirriżultaw fil-privazzjoni finali ta’ proprjetà”.

5        L-Artikolu 2 tal-imsemmija deċiżjoni qafas, intitolat “Konfiska”, jipprovdi:

“1.      Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex ikun jista’ jikkonfiska, kompletament jew parzjalment, mezzi strumentali u rikavati ta’ reati kriminali punibbli bi priġunerija għal żmien ta’ iżjed minn sena, jew bil-privazzjoni ta’ proprjetà ta’ valur korrispondenti għal tali rikavati.

2.      Fir-rigward ta’ reati fiskali, l-Istati Membri jistgħu jużaw proċeduri oħra barra l-proċeduri kriminali sabiex jipprivaw lill-awtur tar-reat mir-rikavati tar-reat.”

6        Skont l-Artikolu 4 tal-istess deċiżjoni qafas, intitolat “Rimedji legali”:

“Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jiżgura li l-partijiet interessati milquta mill-miżuri taħt l-Artikoli 2 u 3 jkollhom rimedji legali effikaċi sabiex jippreżervaw id-drittijiet tagħhom.”

 Id-Direttiva 2014/42/UE

7        Il-premessi 9, 33 u 41 tad-Direttiva 2014/42/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar l-iffriżar u l-konfiska ta’ mezzi strumentali u r-rikavat minn attività kriminali fl-Unjoni Ewropea (ĠU 2014, L 127, p. 39, rettifika fil-ĠU 2014, L 138, p. 114) jipprovdu:

“(9)      Din id-Direttiva għandha l-għan li temenda u li tespandi d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjonijiet Kwadru 2001/500/ĠAI [tal-Kunsill tal-26 ta’ Ġunju 2001 dwar il-ħasil tal-flus, l-identifikazzjoni, l-intraċċar, l-iffriżar, il-qbid u l-konfiska tal-mezzi u l-qligħ mill-kriminalità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 158)] u 2005/212/ĠAI. Dawk id-Deċiżjonijiet Kwadru għandhom jiġu parzjalment sostitwiti għall-Istati Membri marbuta b’din id-Direttiva.

[…]

(33)      Din id-Direttiva taffettwa b’mod sostanzjali d-drittijiet tal-persuni, mhux biss ta’ dawk suspettati jew akkużati iżda anke ta’ partijiet terzi li ma jkunux qed jitressqu quddiem il-qorti. Għaldaqstant huwa meħtieġ li jkun hemm salvagwardji u rimedji ġudizzjarji speċifiċi sabiex jiġi ggarantit il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali tagħhom meta ssir l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva. Dan jinkludi d-dritt li jinstemgħu għall-partijiet terzi li jiddikjaraw li huma s-sidien tal-proprjetà kkonċernata, jew li jiddikjaraw li jkollhom drittijiet oħra ta’ proprjetà (“drittijiet reali”, “ius in re”), bħad-dritt ta’ użufrutt. L-ordni ta’ ffriżar għandha tiġi kkomunikata lill-persuna affettwata kemm jista’ jkun malajr wara li tiġi eżegwita. Minkejja dan, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jipposponu l-komunikazzjoni ta’ tali ordnijiet lill-persuna affettwata minħabba l-ħtiġijiet tal-investigazzjoni.”

[…]

(41)      Minħabba li l-għan ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li tiġi ffaċilitata l-konfiska tal-proprjetà fil-qasam kriminali, ma jistax jinkiseb suffiċjentement mill-Istati Membri iżda jista’ jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif inhu stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif inhu stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak il-għan.”

8        L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(3)      “mezzi strumentali” tfisser kwalunkwe proprjetà użata jew maħsuba biex tintuża, bi kwalunkwe mod, kompletament jew parzjalment, biex jitwettaq reat kriminali jew biex jitwettqu reati kriminali;

(4)      ‘konfiska’ tfisser ċaħda definittiva minn proprjetà ordnata minn qorti fir-rigward ta’ reat kriminali;

[…]”

9        L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għar-reati kriminali koperti minn:

(a)      Il-Konvenzjoni mfassla skont l-Artikolu K.3(2)(c) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej jew uffiċjali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea […];

(b)      Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2000/383/ĠAI tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar li tiżdied il-protezzjoni permezz ta’ pieni kriminali u sanzjonijiet oħra kontra l-iffalsifikar inkonnessjoni mad-dħul tal-ewro [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 187)];

(c)      Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2001/413/ĠAI tat-28 ta’ Mejju 2001 li tiġġieled frodi u ffalsifikar ta’ mezzi ta’ ħlas bi flus mhux kontanti [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 123)];

(d)      Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2001/500/ĠAI tal-26 ta’ Ġunju 2001 dwar ħasil tal-flus, l-identifikazzjoni, il-kanċellament, l-iffriżar jew il-qbid u l-konfiska tal-mezzi u l-qligħ mill-kriminalità [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 158)];

(e)      Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 18)];

(f)      Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2003/568/ĠAI tat-22 ta’ Lulju 2003 dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fis-settur privat [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 182)];

(g)      Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/757/ĠAI tal-25 ta’ Ottubru 2004 li tistabbilixxi dispożizzjonijiet minimi dwar l-elementi kostitwenti ta’ atti kriminali u ta’ pieni fil-qasam tat-traffikar illeċitu ta’ drogi [(ĠU 2006, L 153M, p. 94)];

(h)      Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2008/841/ĠAI tal-24 ta’ Ottubru 2008 dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata [(ĠU 2008, L 300, p. 42)];

(i)      Id-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/629/ĠAI [(ĠU 2011, L 101, p. 1)];

(j)      Id-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-13 ta’ Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/68/ĠAI [(ĠU 2011, L 335, p. 1)];

(k)      Id-Direttiva 2013/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Awwissu 2013 dwar attakki kontra s-sistemi tal-informazzjoni u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2005/222/ĠAI [(ĠU 2013, L 218, p. 8)],

kif ukoll strumenti legali oħrajn jekk dawk l-istrumenti jipprevedu speċifikament li din id-Direttiva tapplika għar-reati kriminali armonizzati fiha.”

10      L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2014/42, intitolat “Traspożizzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sal-4 ta’ Ottubru 2016. Huma għandhom jibagħtu immedjatament it-test li jkun fih dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.”

11      l-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva, intitolat “Is-sostituzzjoni tal-Azzjoni Konġunta 98/699/ĠAI u ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Deċiżjonijiet Kwadru 2001/500/ĠAI u 2005/212/ĠAI”, jipprovdi

“1.      L-Azzjoni Konġunta 98/699/ĠAI [tat-3 ta’ Diċembru 1998 adottata mill-Kunsill fuq il-bażi ta’ Artikolu K.3 tat-Trattat ta’ l-Unjoni Ewropea dwar il-money laundering, l-identifikazzjoni, ir-rintraċċar, l-iffriżar, is-sekwestru u l-konfiska ta’ għodda u qligħ mill-kriminalità (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 97)], il-punt (a) tal-Artikolu 1 u l-Artikoli 3 u 4 tad-Deċiżjoni Kwadru 2001/500/ĠAI, u l-ewwel erba’ inċiżi tal-Artikolu 1 u l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Kwadru 2005/212/ĠAI, huma sostitwiti b’din id-Direttiva għall-Istati Membri marbuta minn din id-Direttiva, mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta’ dawk l-Istati Membri relatati mal-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni ta’ dawk id-Deċiżjonijiet Kwadru fil-liġi nazzjonali.

2.      Għall-Istati Membri marbuta b’din id-Direttiva, ir-referenzi għall-Azzjoni Konġunta 98/699/ĠAI u għad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjonijiet Kwadru 2001/500/ĠAI u 2005/212/ĠAI imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva.”

 Id-dritt Bulgaru

12      Skont l-Artikoli 37(1) tan-Nakazatelen kodeks (il-Kodiċi Kriminali, iktar ’il quddiem in-“NK”):

“Il-pieni huma:

[…]

3.      il-konfiska tal-proprjetà disponibbli;

[…]”

13      Mill-Artikolu 242(1) tan-NK jirriżulta li l-kuntrabandu kkwalifikat huwa punibbli b’piena ta’ priġunerija ta’ minn tliet snin sa għaxar snin u b’multa ta’ minn 20 000 sa 100 000 levi Bulgari (BGN) (madwar EUR 10 226 sa EUR 51 130).

14      L-Artikolu 242(7) u (8) tan-NK jipprovdi:

“(7)      […] L-oġġett tal-kuntrabandu għandu jiġi kkonfiskat favur l-Istat ikun min ikun il-proprjetarju, jekk ma jkunx għadu jeżisti jew ikun ġie ttrasferit, għandu jiġi ddeterminat ammont li jikkorrispondi għall-valur tiegħu skont il-prezzijiet tal-bejgħ bl-imnut nazzjonali.

(8)      […] Il-mezz ta’ trasport jew il-kontenitur użat għat-trasport tal-merkanzija li hija s-suġġett tal-kuntrabandu għandu jiġi kkonfiskat favur l-Istat, u dan ukoll meta dan ma jkunx jappartjeni għall-awtur tar-reat kriminali, ħlief jekk il-valur tiegħu ma jikkorrispondix għall-gravità tal-ksur.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15      Fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, OM, impjegat bħala xufier minn kumpannija tat-trasport stabbilita fit-Turkija, kien iwettaq trasport internazzjonali bi trattur u trejler proprjetà ta’ din il-kumpannija.

16      Fil-11 ta’ Ġunju 2018, filwaqt li kien qed jipprepara ruħu sabiex iwettaq trasport bejn Istanbul (it-Turkija) u Delmenhorst (il-Ġermanja), OM aċċetta l-proposta magħmula lilu minn persuna sabiex jittrasporta illegalment, bi ħlas, 2 940 munita antika fil-Ġermanja.

17      Fit-12 ta’ Ġunju 2018, wara li qasam il-fruntiera bejn it-Turkija u l-Bulgarija, OM kien suġġett għal kontroll doganali li matulu ġew skoperti l-muniti, li kienu ġew moħbija fit-trattur tal-ġarr tat-trejler.

18      Il-muniti, li perizja arkeoloġika u numismatika tagħhom evalwat il-valur għal BGN 73 500 (madwar EUR 37 600), it-trattur, it-trejler, iċ-ċavetta ta’ kuntatt u ċ-ċertifikati ta’ reġistrazzjoni tal-imsemmi trattur ittieħdu u nġabru bħala provi materjali tar-reat preżunt.

19      Matul l-investigazzjoni, id-direttur tal-kumpannija Torka li timpjega lil OM talab ir-restituzzjoni tat-trattur u t-trejler, billi sostna li l-imsemmija kumpannija ma kellha ebda rabta mar-reat kriminali u li r-restituzzjoni tal-imsemmija beni ma kinitx ser ixxekkel l-investigazzjoni. Din it-talba ġiet miċħuda mill-prosekutur responsabbli għall-investigazzjoni minħabba li l-provi materjali kellhom jinżammu, skont id-dritt Bulgaru, sal-għeluq tal-proċeduri kriminali u minħabba li restituzzjoni kienet tfixkel l-investigazzjoni. Id-direttur ikkontesta d-deċiżjoni ta’ ċaħda quddiem l-Okrazhen sad Haskovo (il-Qorti Reġjonali ta’ Haskovo, il-Bulgarija), li kkonfermat id-deċiżjoni b’digriet tad-19 ta’ Ottubru 2018, li ma jistax jiġi kkontestat.

20      Permezz ta’ sentenza tat-22 ta’ Marzu 2019, OM ġie kkundannat mill-Okrazhen sad Haskovo (il-Qorti Reġjonali ta’ Haskovo) għal kuntrabandu doganali kkwalifikat għal piena ta’ priġunerija ta’ tliet snin u għal multa ta’ BGN 20 000 (madwar EUR 10 200). Il-muniti u t-trattur ġew suġġetti għal qbid favur l-Istat skont, rispettivament, l-Artikolu 242(7) u l-Artikolu 242(8) tan-NK. Min-naħa l-oħra, it-trejler, mhux direttament marbut mat-twettiq tar-reat, ingħata lura lill-kumpannija li tħaddem lil OM.

21      OM ippreżenta appell minn din is-sentenza quddiem l-Apelativen sad – Plovdiv (il-Qorti tal-Appell ta’ Plovdiv, il-Bulgarija) sa fejn din ordnat il-qbid tat-trattur, fejn sostna li dan il-qbid kien jikser b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE u tal-Karta.

22      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-qbid favur l-Istat tal-vettura li serviet sabiex jiġi ttrasportat l-oġġett tal-kuntrabandu, previst fl-Artikolu 242(8) tan-NK, huwa, ċertament, qbid obbligatorju wara t-twettiq tar-reat ta’ kuntrabandu, iżda ma jikkostitwixxix piena, kuntrarjament għall-konfiska tal-proprjetà tal-persuna ħatja, imsemmija fil-punt 3 tal-Artikolu 37(1) tan-NK.

23      Madankollu, dik il-qorti għandha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-Artikolu 242(8) tan-NK, li ġie adottat qabel l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija mal-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Jannar 2007, mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mal-Artikolu 17(1) u mal-Artikolu 47 tal-Karta.

24      B’mod iktar partikolari, l-imsemmija qorti tqis li l-qbid previst minn din id-dispożizzjoni, inkluż meta l-mezz ta’ trasport li jkun serva sabiex jiġi ttrasportat l-oġġett tal-kuntrabandu ma jkunx jappartjeni lill-awtur tar-reat, jista’ jwassal għal żbilanċ bejn l-interess tat-terz proprjetarju li ma jkunx ipparteċipa u bl-ebda mod ma jkun marbut mar-reat kriminali, u l-interess tal-Istat li jaqbad din il-proprjetà għar-raġuni li din tkun intużat għat-twettiq tar-reat.

25      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirreferi għas-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tat-13 ta’ Ottubru 2015, Ünsped Paket Servisi San. Ve TiC. Ve TIC. A. Ș. vs Il-Bulgarija (CE:ECHR:2015:1013JUD000350308), li permezz tagħha hija ddeċidiet li l-qbid, abbażi tal-Artikolu 242(8) tan-NK, ta’ trakk li jappartjeni lil kumpannija stabbilita fit-Turkija kien kuntrarju għall-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, li l-kontenut tiegħu huwa identiku għal dak tal-Artikolu 17(1) tal-Karta. Fil-fatt, din il-qorti rrilevat li l-kumpannija proprjetarja tat-trakk kienet ġiet imċaħħda minn aċċess għall-ġustizzja, peress li l-proċedura nazzjonali ma ppermettitilhiex tesponi l-perspettiva tagħha, b’tali mod li ma ġiex żgurat bilanċ bejn l-interessi kollha.

26      F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tesponi li, skont il-premessa 33 tad-Direttiva 2014/42, fid-dawl tal-fatt li din tippreġudika b’mod sinjifikattiv id-drittijiet tal-persuni, huwa neċessarju li jiġu previsti garanziji speċifiċi u rimedji ġudizzjarji sabiex jiġi żgurat il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali ta’ dawn il-persuni, jiġifieri mhux biss tal-persuni ssuspettati jew tal-persuni akkużati iżda wkoll ta’ terzi li ma humiex suġġetti għal prosekuzzjoni, u li dan jinkludi d-dritt għal smigħ għat-terzi li jsostnu li huma l-proprjetarji tal-beni kkonċernati.

27      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Apelativen sad Plovdiv (il-Qorti tal-Appell ta’ Plovdiv) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 17(1) tal-Karta […] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi, sabiex ma jiġix kompromess bilanċ ġust bejn l-interess pubbliku u r-rekwiżit li jiġi protett id-dritt għall-proprjetà, dispożizzjoni legali nazzjonali, bħal dik prevista fl-Artikolu 242(8) tan-[Nk], li tipprevedi l-konfiska favur l-Istat ta’ vettura użata għat-twettiq ta’ kontrabandu, liema vettura tkun il-proprjetà ta’ terz li la kien jaf, la kien imissu kien jaf u lanqas ma seta’ jkun jaf li l-impjegat tiegħu kien qiegħed iwettaq dan ir-reat?

2)      L-Artikolu 47 tal-Karta […] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni legali nazzjonali, bħal dik prevista fl-Artikolu 242(8) tan-[NK], li tippermetti l-konfiska ta’ vettura li tkun il-proprjetà ta’ terz li ma jkunx l-istess individwu li wettaq ir-reat, mingħajr ma huwa previst aċċess dirett għall-ġustizzja għal dan it-terz proprjetarju sabiex iressaq il-pożizzjoni tiegħu?”

 Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

28      L-Apelativna prokuratura – Plovdiv (il-Prosekutur tal-Appell ta’ Plovdiv, il-Bulgarija) u l-Gvern Grieg isostnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi preliminari, peress li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Huma jsostnu, b’mod partikolari, li l-qorti nazzjonali ma tinvoka ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tippermetti li tiġi stabbilita rabta suffiċjenti bejn it-tilwima fil-kawża prinċipali u d-dritt tal-Unjoni.

29      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-domandi preliminari jirrigwardaw espliċitament biss dispożizzjonijiet tal-Karta, jiġifieri l-Artikolu 17, dwar id-dritt għall-proprjetà, kif ukoll l-Artikolu 47, dwar id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali.

30      Għandu jitfakkar li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta, fir-rigward tal-azzjoni tal-Istati Membri, huwa ddefinit fl-Artikolu 51(1) tagħha, li jipprovdi li d-dispożizzjonijiet tal-Karta japplikaw għall-Istati Membri biss meta dawn ikunu qegħdin jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni (sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Delvigne, C‑650/13, EU:C:2015:648, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      L-Artikolu 51(1) tal-Karta jikkonferma l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi li d-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni għandhom japplikaw fis-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni, iżda mhux lil hinn minn tali sitwazzjonijiet (sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Delvigne, C‑650/13, EU:C:2015:648, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      Għaldaqstant, meta sitwazzjoni legali ma tkunx taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tagħha u d-dispożizzjonijiet eventwalment invokati tal-Karta ma jistgħux, fihom innifishom, jistabbilixxu dik il-ġurisdizzjoni (sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Delvigne, C‑650/13, EU:C:2015:648, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      Konsegwentement, għandu jiġi ddeterminat jekk sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha l-proprjetà ta’ terz ġiet ikkonfiskata favur l-Istat Membru kkonċernat minħabba li ntużat fil-kuntest ta’ reat kriminali, taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

34      F’dan il-każ, fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tirreferi għad-Direttiva 2014/42, li timponi obbligi fuq l-Istati Membri sabiex, kif tispeċifika l-premessa 41 tagħha, tiffaċilita l-konfiska tal-proprjetà f’materji kriminali.

35      Madankollu, ir-reat ta’ kuntrabandu, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jinsabx fost dawk li għalihom tapplika din id-direttiva skont l-Artikolu 3 tagħha, b’tali mod li s-suġġett tal-proċedura nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-imsemmija direttiva.

36      F’dan ir-rigward, għandu jiġi indikat li d-Direttiva 2014/42 issostitwixxiet parzjalment id-Deċiżjoni Qafas 2005/212, li tirrigwarda, bħal din id-direttiva, il-konfiska tal-mezzi strumentali u tar-rikavati mill-kriminalità. Fil-fatt, konformement mal-premessa 9 tal-imsemmija direttiva, din hija intiża sabiex temenda u testendi d-dispożizzjonijiet b’mod partikolari ta’ din id-deċiżjoni qafas.

37      B’mod iktar preċiż, mill-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2014/42 jirriżulta li din issostitwixxiet biss l-ewwel erba’ inċiżi tal-Artikolu 1 kif ukoll l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212 għall-Istati Membri li din id-direttiva torbot, fatt li kellu bħala konsegwenza li l-Artikoli 2, 4 u 5 ta’ din id-deċiżjoni qafas inżammu fis-seħħ wara l-adozzjoni tal-imsemmija direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2020, “Agro In 2001”, C‑234/18, EU:C:2020:221, punt 48).

38      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-Deċiżjoni Qafas 2005/212 tipprevedi, fl-Artikolu 2(1) tagħha, f’termini iktar ġenerużi minn dawk li jinsabu fid-Direttiva 2014/42 li “[k]ull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex ikun jista’ jikkonfiska, kompletament jew parzjalment, mezzi strumentali u rikavati ta’ reati kriminali punibbli bi priġunerija għal żmien ta’ iżjed minn sena, jew bil-privazzjoni ta’ proprjetà ta’ valur korrispondenti għal tali rikavati”.

39      F’dan il-każ, ir-reat ta’ kuntrabandu kkwalifikat inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa punibbli b’piena ta’ priġunerija ta’ minn tliet snin sa għaxar snin, flimkien mal-possibbiltà li l-mezz ta’ trasport użat għat-trasport tal-merkanzija, suġġett tal-kuntrabandu, ikun suġġett għal qbid konformement mal-Artikolu 242(8) tan-NK.

40      Minn dan isegwi li d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212 neċessarjament jagħmlu parti mill-elementi ta’ dritt tal-Unjoni li, fid-dawl tal-kawża prinċipali u tal-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex din tal-aħħar tagħti risposta utli għad-domandi li sarulha. Għalhekk, is-sitwazzjoni legali fil-kawża prinċipali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, ta’ din id-deċiżjoni qafas.

41      Barra minn hekk, din tal-aħħar tipprevedi regoli dwar il-konfiska ta’ “mezzi strumentali u rikavati ta’ reati kriminali” u dwar ir-rimedji ġudizzjarji li l-persuni affettwati minn miżura ta’ konfiska għandu jkollhom, fl-Artikoli 2 u 4 tagħha, rispettivament. Minn dan isegwi li, permezz tad-domandi tagħha, li jirrigwardaw il-legalità tal-konfiska tal-proprjetà li tappartjeni lil terz in bona fide kif ukoll ir-rimedji ġudizzjarji li għandhom ikunu miftuħa għal terz affettwat minn miżura ta’ konfiska, il-qorti tar-rinviju tfittex, fir-realtà, li tingħata interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212, moqrija fid-dawl tal-Artikoli 17 u 47 tal-Karta.

42      Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għat-talba għal deċiżjoni preliminari.

 Fuq l-ewwel domanda

43      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212, moqri fid-dawl tal-Artikolu 17(1) tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti l-konfiska ta’ mezz strumentali użat sabiex jitwettaq reat ta’ kuntrabandu kkwalifikat, meta dan jappartjeni lil terz in bona fide.

44      F’dan ir-rigward, hemm lok, qabelxejn, li jiġi rrilevat li l-kunċett ta’ “konfiska” huwa ddefinit fir-raba’ inċiż tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212.

45      Madankollu, kif jirriżulta mill-punt 37 ta’ din is-sentenza, ir-raba’ inċiż ta’ dan l-Artikolu 1 ġie ssostitwit bid-Direttiva 2014/42 għall-Istati Membri li din id-direttiva torbot.

46      Issa, f’dan il-każ, peress li l-fatti fil-kawża prinċipali seħħew wara t-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/42, stabbilit għall-4 ta’ Ottubru 2016, konformement mal-Artikolu 12(1) tagħha, f’kawża bħal dik fil-kawża prinċipali, għandu jsir riferiment għall-imsemmija direttiva għall-finijiet tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “konfiska”.

47      Skont il-punt 4 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, dan il-kunċett ta’ “konfiska” huwa ddefinit bħala li jikkostitwixxi “ċaħda definittiva minn proprjetà ordnata minn qorti fir-rigward ta’ reat kriminali”.

48      Mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li, f’dan il-kuntest, ma huwiex rilevanti jekk il-konfiska tikkostitwixxix jew le piena taħt id-dritt kriminali. Għalhekk, miżura, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tagħti lok għal ċaħda definittiva tal-proprjetà maqbuda, ordnata minn qorti b’rabta ma’ reat kriminali, taqa’ taħt l-imsemmi kunċett ta’ “konfiska”.

49      Sussegwentement, l-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212 jipprovdi li kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex ikun jista’ jikkonfiska, kompletament jew parzjalment, mezzi strumentali u rikavati ta’ reati kriminali punibbli bi priġunerija għal żmien ta’ iżjed minn sena, jew bil-privazzjoni ta’ proprjetà ta’ valur korrispondenti għal tali rikavati.

50      F’dan ir-rigward, huwa minnu li din id-dispożizzjoni ma tirreferix espliċitament għall-persuna li l-proprjetà tagħha tista’ tkun is-suġġett ta’ miżura ta’ konfiska. Hija tirreferi biss għall-“mezzi strumentali” li huma marbuta ma’ reat kriminali, mingħajr ma huwa importanti li jiġi ddeterminat min għandu l-pussess jew huwa l-proprjetarju tagħhom.

51      Madankollu, l-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212 għandu jinqara fid-dawl tal-premessa 3 ta’ din id-deċiżjoni qafas, li minnha jirriżulta li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni d-drittijiet ta’ terzi in bona fide. Minn dan isegwi li, bħala prinċipju, id-dispożizzjonijiet tal-imsemmija deċiżjoni qafas japplikaw ukoll għall-konfiska tal-proprjetà li tappartjeni lil terzi, filwaqt li jeżiġu, b’mod partikolari, li d-drittijiet ta’ dawn tal-aħħar ikunu protetti meta jkunu in bona fide.

52      F’dan il-kuntest, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-Artikolu 17(1) tal-Karta, li jipprevedi, b’mod partikolari, li kull persuna għandha d-dritt li tgawdi mill-proprjetà tal-beni li tkun akkwistat legalment, li tużahom u li tiddisponi minnhom.

53      Ċertament, id-dritt għall-proprjetà ggarantit minn din id-dispożizzjoni ma huwiex prerogattiva assoluta. Fil-fatt, konformement mal-Artikolu 52(1) tal-Karta, jistgħu jsiru limitazzjonijiet għall-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet stabbiliti minnha, bil-kundizzjoni li dawn il-limitazzjonijiet jissodisfaw effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali segwiti mill-Unjoni u ma jikkostitwixxux, fid-dawl tal-għan imfittex, intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika s-sustanza stess tad-dritt hekk iggarantit (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2020, Adusbef u Federconsumatori, C‑686/18, EU:C:2020:567, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54      F’dan il-każ, il-Prosekutur tal-Appell ta’ Plovdiv, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, indika li l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa dak li jipprekludi, fl-interess ġenerali, l-importazzjoni illegali ta’ merkanzija fil-pajjiż.

55      Issa, fid-dawl tal-preġudizzju sinjifikattiv għad-drittijiet tal-persuni li l-konfiska ta’ proprjetà tinvolvi, jiġifieri t-tneħħija definittiva tad-dritt għall-proprjetà fuq oġġett, għandu jiġi rrilevat li, fir-rigward ta’ terz in bona fide, li ma kienx jaf u ma setax ikun jaf li l-proprjetà tiegħu intużat sabiex jitwettaq reat, tali konfiska tikkostitwixxi, fid-dawl tal-għan imfittex, intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika s-sustanza stess tad-dritt għall-proprjetà tiegħu.

56      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tirrispettax id-dritt għall-proprjetà ggarantit fl-Artikolu 17(1) tal-Karta, sa fejn tipprevedi li l-proprjetà ta’ terz in bona fide użata għat-twettiq ta’ reat ta’ kuntrabandu kkwalifikat tista’ tkun is-suġġett ta’ miżura ta’ konfiska.

57      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li fil-kuntest tal-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212, il-konfiska ma tistax tiġi estiża għall-proprjetà ta’ terzi in bona fide.

58      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212, moqri fid-dawl tal-Artikolu 17(1) tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti l-konfiska ta’ mezz strumentali użat sabiex jitwettaq reat ta’ kuntrabandu kkwalifikat, meta dan jappartjeni lil terz in bona fide.

 Fuq it-tieni domanda

59      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti l-konfiska, fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali, ta’ proprjetà li tappartjeni lil persuna differenti minn dik li wettqet ir-reat kriminali, mingħajr ma din l-ewwel persuna jkollha rimedju ġudizzjarju effettiv.

60      Għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 4 ta’ din id-deċiżjoni qafas tipprevedi obbligu għal kull Stat Membru li jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jiżgura li l-partijiet interessati milquta mill-miżuri previsti b’mod partikolari fl-Artikolu 2 tal-imsemmija deċiżjoni qafas ikollhom rimedji ġudizzjarji effettivi sabiex jippreżervaw id-drittijiet tagħhom.

61      Fid-dawl tan-natura ġenerali tal-formulazzjoni tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212, il-persuni li lilhom l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu rimedji ġudizzjarji effettivi ma humiex biss dawk misjuba ħatja ta’ reat iżda wkoll il-persuni l-oħra kollha affettwati mill-miżuri previsti fl-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni qafas, inklużi t-terzi.

62      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat ukoll li, skont l-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 47 tal-Karta, kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni ġew miksura għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skont il-kundizzjonijiet previsti f’dan l-artikolu u b’mod partikolari li l-kawża tagħha tinstema’ b’mod ġust.

63      B’mod partikolari, id-dritt għal rimedju effettiv ifisser li terz li l-proprjetà tiegħu tkun is-suġġett ta’ miżura ta’ konfiska għandu jkun jista’ jikkontesta l-legalità ta’ din il-miżura sabiex jirkupra din il-proprjetà meta l-konfiska ma tkunx iġġustifikata.

64      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju enfasizzat fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha li terz li l-proprjetà tiegħu kienet is-suġġett ta’ miżura ta’ konfiska ma għandux aċċess dirett għall-ġustizzja skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, b’tali mod li ma huwiex f’pożizzjoni li jinvoka validament id-drittijiet tiegħu.

65      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, f’kawża bħal dik tal-kawża prinċipali, terz li l-proprjetà tiegħu hija kkonfiskata huwa mċaħħad mid-dritt għal rimedju effettiv.

66      Barra minn hekk, għar-raġuni esposta fil-punt 63 ta’ din is-sentenza, din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kkonfutata mill-argument invokat mill-Prosekutur tal-Appell ta’ Plovdiv, li jipprovdi li, f’sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, iż-Zakon za zadalzheniata i dogovorite (il-Liġi dwar l-Obbligi u l-Kuntratti) tippermetti lill-proprjetarju tal-proprjetà kkonfiskata li jfittex lill-persuna kkundannata għad-danni li jirriżultaw minn din il-konfiska.

67      Barra minn hekk, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet, essenzjalment, li, f’sitwazzjoni fejn l-Istat huwa l-awtur tal-konfiska u fejn il-leġiżlazzjoni u l-prassi nazzjonali ma jipprevedux proċedura li permezz tagħha l-proprjetarju jista’ jiddefendi d-drittijiet tiegħu, dan l-Istat ma jistax jissodisfa l-obbligu, li jirriżulta għalih mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, li jistabbilixxi tali proċedura billi jitlob lil persuna li ma kinitx ġiet iġġudikata għar-reat kriminali li wassal għall-konfiska li tfittex li tirkupra l-proprjetà tagħha mingħand terz (il-Qorti EDB, 13 ta’ Ottubru 2015, Ünsped Paket Servisi SaN. Ve TiC. Ve TIC. A. Ș. vs Il-Bulgarija, CE:ECHR:2015:1013JUD000350308, punt 32).

68      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti l-konfiska, fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali, ta’ proprjetà li tappartjeni lil persuna differenti minn dik li wettqet ir-reat kriminali, mingħajr ma din l-ewwel persuna jkollha rimedju ġudizzjarju effettiv.

 Fuq l-ispejjeż

69      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2005/212/ĠAI tal-24 ta’ Frar 2005 dwar il-Konfiska ta’ Rikavati, Mezzi Strumentali u Proprjetà Konnessi mal-Kriminalità, moqri fid-dawl tal-Artikolu 17(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti l-konfiska ta’ mezz strumentali użat sabiex jitwettaq reat ta’ kuntrabandu kkwalifikat, meta dan ikun jappartjeni lil terz in bona fide.

2)      L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti l-konfiska, fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali, ta’ proprjetà li tappartjeni lil persuna differenti minn dik li wettqet ir-reat kriminali, mingħajr ma din l-ewwel persuna jkollha rimedju ġudizzjarju effettiv.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.