Language of document :

Rikors ippreżentat fis-27 ta' Jannar 2012 - Ir-Renju Unit vs BĊE

(Kawża T-45/12)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq (rappreżentanti: K. Beal, Barrister, u E. Jenkinson, aġent)

Konvenut: Il-Bank Ċentrali Ewropew

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla l-Qafas ta' Standards tal-Bank Ċentrali Ewropew ippubblikat fit-18 ta' Novembru 2011, sa fejn jistabbilixxi l-politika ta' post ta' residenza għas-sistemi ċentrali ta' kumpens b'kontroparti ('CCPs'); u

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż ta' dawn il-proċeduri.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka sitt motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta' kompetenza tal-konvenut li jippubblika l-att ikkontestat, jew kompletament, jew sussidjarjament mingħajr ma saret promulgazzjoni ta' att leġiżlattiv bħalma huwa Regolament, adottat jew mill-Kunsill jew inkella mill-Bank Ċentrali Ewrope (BĊE) innifsu.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li l-att ikkontestat ser jimponi, de jure jew de facto, rekwiżit ta' residenza fuq is-sistemi ċentrali ta' kumpens b'kontroparti ('CCPs') li jixtiequ jwettqu operazzjonijiet ta' kumpens jew ta' ħlas fil-munita Euro u li n-negozjar ta' kuljum tagħhom jeċċedi ċertu volum. L-att ikkontestat jikser, flimkien jew separatament, l-Artikoli 48, 56 u/jew 63 TFUE, sa fejn:

CCPs stabbiliti fi Stati Membri li ma adottawx l-Euro, bħar-Renju Unit, ser ikollhom jittrasferixxu ċ-ċentri ta' amministrazzjoni u ta' kontroll tagħhom lejn Stati Membri li huma membri taż-Żona Euro. Huma ser ikollhom ukoll jerġgħu jinkorporaw ruħhom mill-ġdid bħala persuni ġuridiċi rrikonoxxuti mid-dritt nazzjonali ta' Stat Membru ieħor;

fil-każ fejn tali CCPs ma jirrilokawx kif meħtieġ, huma ser ikunu preklużi mill-aċċess għas-swieq finanzjarji tal-Istati Membri fiż-Żona Euro, jew kompletament jew inkella taħt l-istess kundizzjonijiet bħas-CCPs stabbiliti f'dawk it-territorji;

dawn ic-CCPs mhux residenti mhux ser ikunu intitolati jużaw il-faċilitajiet offruti mill-BĊE jew mill-Banek Ċentrali Nazzjonali ("BĊN") taż-Żona Ewro, jew kompletament jew inkella taħt l-istess kundizzjonjiet; u

b'riżultat ta' dan, il-possibbiltà li tali CCPs joffru servizzi ta' kumpens jew ta' ħlas fil-munita Euro lill-klijenti fl-Unjoni ser tiġi limitata jekk mhux saħansitra pprojbita kompletament.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li l-att ikkontestat jikser l-Artikoli 101 u/jew 102 TFUE, moqrija flimkien mal-Artikolu 106 TFUE u l-Artikolu 13 TUE, peress li:

huwa effettivament jeżiġi li kull operazzjoni ta' kumpens fil-munita Euro li taqbeż ċertu livell għandha ssir minn CCPs stabbiliti fi Stat Membu li huwa membru taż-Żona Euro;

huwa effettivament jagħti istruzzjonijiet lill-BĊN sabiex ma jipprovdux riżervi fil-munita Euro lill-CCPs stabbiliti fi Stati Membri li ma humiex membri taż-Żona Euro jekk huma jaqbżu l-limitu stabbilit fid-deċiżjoni.

Ir-raba' motiv ibbażat fuq il-fatt li r-rekwiżit li s-CCPs stabbiliti fi Stati Membri li ma humiex fiż-Żona Euro jadottaw personalità ġuridika u residenza differenti jammonta għal diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq iċ-ċittadinanza. Dan jikser ukoll il-prinċipju ġenerali tal-UE ta' ugwaljanza, peress li CCPs stabbiliti fi Stati Membri differenti huma suġġetti għal trattament mhux ugwali mingħajr ma dan huwa oġġettivament iġġustifikat.

Il-Ħames motiv ibbażat fuq il-fatt li l-att ikkontestat jikser b'mod sħiħ jew parti mill-Artikoli II, XI, XVI u XVII tal-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS).

Is-sitt motiv ibbażat fuq il-fatt li mingħajr ma jassumi l-oneru li jistabbilixxi li ma teżisti ebda ġustifikazzjoni ta' interess pubbliku għal tali restrizzjonijiet (peress li huwa l-BĊE li għandu l-oneru li jiġġustifika opinjoni favorevoli għal deroga, jekk huwa jagħżel dan), ir-Renju Unit jallega li kull ġustifikazzjoni ta' politika pubblika li tista' tiġi invokata mill-BĊE ma tkunx tissodisfa r-rekwiżit ta' proporzjonalità, peress li jeżistu miżuri oħra inqas restrittivi sabiex jiġi żgurat kontroll tal-istituzzjonijiet finanzjarji residenti fl-Unjoni iżda stabbiliti fi Stati Membri barra ż-Żona Euro.

____________