Language of document : ECLI:EU:T:2014:159

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

27 ta’ Marzu 2014 (*)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja figurattiva EQUITER — Trade mark Komunitarja verbali preċedenti EQUINET — Raġuni relattiva għal rifjut — Użu ġenwin mit-trade mark preċedenti — Artikolu 42(2) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 — Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑47/12,

Intesa Sanpaolo SpA, stabbilita f’Torino (l-Italja), irrappreżentata minn P. Pozzi, G. Ghisletti u F. Braga, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn P. Bullock, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI kienet

equinet Bank AG, stabbilit fi Frankfurt am Main (il-Ġermanja),

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI tas-6 ta’ Ottubru 2011 (Każ R 2101/2010‑1), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn equinet Bank AG u Intesa Sanpaolo SpA,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn S. Papasavvas, President, N. J. Forwood (Relatur) u E. Bieliūnas, Imħallfin,

Reġistratur: J. Weychert, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Jannar 2012,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Mejju 2012,

wara li rat ir-replika ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Awwissu 2012,

wara s-seduta tal-20 ta’ Novembru 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit-28 ta’ Frar 2008, ir-rikorrenti, Intesa Sanpaolo SpA, ippreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), abbażi tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat [issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)].

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni huwa s-sinjal figurattiv li ġej:

Image not found

3        Il-prodotti u s-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 9, 16, 35, 36, 38, 41 u 42 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

–        klassi 9: “Apparat u strumenti xjentifiċi, nawtiċi, għal skopijiet ta’ sondaġġi, fotografiċi, ċinematografiċi, ottiċi, li jiżnu, li jkejlu, li jissenjalaw, li jivverifikaw (superviżjoni), tas-salvataġġ u tat-tagħlim; Apparat u strumenti li jittrażmettu, jikkonnettjaw, ibiddlu, jakkumulaw, jirregolaw u jikkontrollaw l-elettriku; Apparat biex tirrekordja, għat-trasmissjoni u riproduzzjoni ta’ ħsejjes u stampi; Apparat li jġorr id-data b’mod manjetiku, diski li tirrekordja fuqhom; Distributuri awtomatiċi u mekkaniżmi għal apparat imħaddem bil-muniti; Cash registers, kalkulaturi, tagħmir għall-ipproċessar tad-data u kompjuters; Tagħmir għat-tifi tan-nar”;

–        klassi 16: “Karti, kartunċin u oġġetti magħmula minn dawn il-materjali mhux inklużi fi klassijiet oħra; Materjal stampat; Materjal għall-legatura tal-kotba; Ritratti; Kartoleriji; Sustanza li twaħħal għall-użu ta’ kartolerija u tad-dar; Materjali ta’ l-artisti; Pniezel taż-żebgħa; Tajprajters u oġġetti neċessarji għall-uffiċċju (minbarra għamara); Materjal istruttiv u għat-tagħlim (minbarra apparat); Materjali tal-plastik għall-ippakkjar (mhux inklużi fi klassijiet oħra); Tipa tal-printer; Inċiżjonijiet ta’ l-istampar”;

–        klassi 35: “Reklamar; ġestjoni ta’ negozju; amministrazzjoni ta’ negozju; funzjonijiet ta’ uffiċċju”;

–        klassi 36: “Assigurazzjoni; Affarijiet finanzjarji; Affarijiet monetarji; Affarijiet relatati mal-proprjetà immobbli”;

–        klassi 38: “Telekomunikazzjonijiet”;

–        klassi 41: “Edukazzjoni; Provvediment ta’ taħriġ; Divertiment; Attivitajiet kulturali u sportiviˮ;

–        klassi 42: “Servizzi xjentifiċi u teknoloġiċi u riċerka u disinn relatati ma’ l-istess; Analiżi industrijali u servizzi ta’ riċerka; Disinn u żvilupp ta’ ħardwer u softwer tal-kompjuter”.

4        L-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja ġiet ippubblikata fil-Bullettin tat-trade marks Komunitarji Nru 30/2008, tal-28 ta’ Lulju 2008.

5        Fis-27 ta’ Ottubru 2008, equinet Bank AG ippreżenta oppożizzjoni, skont l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009) kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għall-prodotti u servizzi msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq.

6        L-oppożizzjoni kienet ibbażata, b’mod partikolari, fuq it-trade mark Komunitarja verbali EQUINET, ippreżentata fl-10 ta’ April 2000 u rreġistrata fid-19 ta’ Marzu 2003 għas-servizzi li jaqgħu fil-klassijiet 35, 36 u 38 u li jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni segwenti:

–        klassi 35: “Reklamar; servizzi ta’ ġestjoni fin-negozju; amministrazzjoni ta’ negozju; funzjonijiet ta’ uffiċju; organizzazzjoni u t-tmexxija ta’ fieri u esibizzjonijiet għal skopijiet kummerċjali, aġenziji ta’ impjieg temporanju; kumpilazzjoni ta’ statistika; verifika tan-negozju; servizzi ta’ irkant; stħarriġ għal skopijiet kummerċjali; servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni; studji dwar ir-riċerka tas-suq u dwar il-kummerċjalizzazzjoni; arranġament ta’ vetrini tal-ħwienet; konsulenza finanzjarja jew konsulenza rigward l-organizzazzjoni; servizzi ta’ konsulenza dwar in-negozju; konsulenza dwar il-persunal; kiri ta’ magni u tagħmir tal-uffiċini; medjazzjoni u konklużjoni ta’ negozju f’isem terzi; medjazzjoni ta’ ftehim rigward il-bejgħ u x-xiri ta’ oġġetti; distribuzzjoni ta’ oġġetti għal finijiet ta’ reklamar; Riproduzzjoni ta’ dokumenti; reklamar; reklamar jew reklamar fuq ir-radju u t-televiżjoni; reklamar fiċ-ċinema; minbarra servizzi ta’ provvista ta’ konnessjoni mal-internetˮ;

–        klassi 36: “Assigurazzjoni u finanzi; finanzjament tad-dħul mill-bejgħ u ġbir ta’ djun, ħruġ ta’ karti tal-kreditu, self b’garanzija, aġenziji ta’ rkupru, finanzi jew ħruġ ta’ ċekkijiet tal-vjaġġaturi, servizz ta’ intermedjarju fil-qasam tas-sigurtajiet, negozju fil-qasam ta’ skambju ta’ flus, negozju fil-qasam tal-investiment, konsulenza dwar kreditu, sensarija fuq kreditu, riċerka dwar affarijiet monetarji, depożiti ta’ sigurtà ta’ oġġetti ta’ valur, ġestjoni tal-art u ta’ proprjetà immobbli, sensarija fuq proprjetà immobbli u sensarija fuq self b’ipoteka, kiri bi kreditu, valutazzjoni ta’ proprjetà immobbli, sensarija ta’ assigurazzjoni, ġestjoni ta’ assi, assigurazzjoni, kiri ta’ appartamentiˮ;

–        klassi 38: “Informazzjoni u telekomunikazzjoni; xandir ta’ programmi tar-radju u tat-televiżjoni, servizzi ta’ teleks, komunikazzjoni bit-telefon (tħaddim ta’ netwerk tat-telefon), servizz ta’ komunikazzjoni bir-radju (trasmissjoni ta’ messaġġi), ġbir u għoti ta’ informazzjoni, trasmissjoni ta’ ħsejjes u ta’ xbihat permezz ta’ satelliti, kiri ta’ modems, telefonijiet u apparat ieħor ta’ telekomunikazzjoniˮ.

7        Ir-raġunijiet invokati insostenn tal-oppożizzjoni kienu dawk imsemmija fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009].

8        L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq is-servizzi kollha koperti mit-trade mark preċedenti u intiża kontra parti mill-prodotti u servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għal trade mark, jiġifieri dawk li jinsabu fil-klassijiet 9, 35, 36 u 38. Permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Mejju 2009, ir-rikorrenti talbet li l-parti li qed topponi tipproduċi l-prova tal-użu ġenwin mit-trade mark preċedenti invokata insostenn tal-oppożizzjoni, skont l-Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 207/2009.

9        Fl-10 ta’ Settembru 2010, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjoni, għar-raġuni li, minkejja li l-provi prodotti mill-parti li qed topponi kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet dwar il-post, il-perijodu u l-portata tal-użu mit-trade mark preċedenti, huma ma kinux jissodisfaw ir-rekwiżit dwar in-natura tal-użu tal-imsemmija trade mark.

10      Fis-26 ta’ Ottubru 2010, il-parti li qed topponi appellat quddiem l-UASI mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009.

11      Permezz tad-deċiżjoni tat-6 ta’ Ottubru 2011 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), l-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI laqa’ l-appell, annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u bagħat il-każ lura quddiem din tal-aħħar.

12      Essenzjalment, il-Bord tal-Appell qies li l-parti li qed topponi kienet ippreżentat kontijiet awditjati għas-snin 2005 u 2007, li kienu jipprovdu li l-grupp equinet, kompost minn equinet Bank AG bħala l-kumpannija parent u minn ċertu numru ta’ sussidjarji li jinsabu fl-Unjoni Ewropea u li l-isem kummerċjali tagħhom kien jinkludi l-kelma “equinet”, kienet ipproduċiet dħul sinjifikattiv fil-qasam tas-servizzi finanzjarji. Barra minn hekk, il-kontijiet inkwistjoni huma kkorroborati minn diversi fatturi rilevanti indirizzati lill-klijenti tal-istess grupp. Il-Bord tal-Appell osserva wkoll li t-trade mark preċedenti kienet intużat f’forma li ma kinitx tbiddel il-karattru distintiv tagħha. Barra minn hekk, il-parti li qed topponi kienet ipprovat l-użu mit-trade mark preċedenti bħala element tal-isem kummerċjali tal-kumpanniji tal-grupp equinet, b’tali mod li kien hemm stabbilita rabta bejn l-imsemmija ismijiet kummerċjali u s-servizzi pprovduti. F’dan il-kuntest, is-siltiet mill-paġni tas-sit tal-internet tal-parti li qed topponi kif ukoll id-diversi analiżi tal-istampa prodotti kienu juru l-użu ġenwin mit-trade mark preċedenti għal servizzi finanzjarji. Għaldaqstant, il-parti li qed topponi pprovat użu ġenwin mit-trade mark preċedenti għal servizzi finanzjarji, għal servizzi ta’ evalwazzjoni u ta’ riċerka, għal servizzi ta’ relazzjonijiet pubbliċi u għal servizzi ta’ konsulenza dwar in-negozju.

 It-talbiet tal-partijiet

13      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

14      L-UASI jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

15      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009 moqri flimkien mal-Artikolu 15(1)(a) tal-istess regolament.

16      Skont ir-rikorrenti, l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell hija vvizzjata bi żbalji li jirrigwardaw il-post, it-tul, l-importanza u n-natura tal-użu mit-trade mark preċedenti, ir-rabta bejn l-użu minn din it-trade mark u s-servizzi li għalihom ġiet irreġistrata u, fl-aħħar nett, ir-rabta bejn it-trade mark preċedenti kif irreġistrata u t-trade mark użata.

17      F’dan ir-rigward, għandu qabelxejn jitfakkar li skont l-Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 207/2009 jipprovdi li “[f]uq talba tal-applikant, il-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja preċedenti li jkun għamel notifika għandu iġib provi li, waqt il-perjodu ta’ ħames snin qabel id-data ta’ pubblikazzjoni tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, ikun sar użu ġenwin mit-trade mark Komunitarja preċedenti fil-Komunità f’konnessjoni mal-prodotti jew servizzi li għalihom hija tkun reġistrata u li huwa qiegħed isemmi bħala ġustifikazzjoni għall-oppożizzjoni tiegħu, jew li hemm raġunijiet validi għalfejn m’għandhiex tintuża, sakemm it-trade mark Komunitarja preċedenti tkun f’dik id-data ilha reġistrata għal mhux inqas minn ħames snin. F’nuqqas ta’ provi ta’ din ix-xorta, l-oppożizzjoni għandha tiġi miċħuda. Jekk it-trade mark Komunitarja preċedenti tkun intużat f’konnessjoni ma’ parti biss mill-prodotti jew servizzi li għalihom tkun reġistrata, hija għandha, għall-finijiet tal-eżaminazzjoni tal-oppożizzjoni, titqies li hija reġistrata biss f’konnessjoni ma’ dik il-parti tal-prodotti jew servizzi”.

18      Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li dak li trid turi l-parti li tkun qed topponi meta l-applikant ta’ trade mark Komunitarja jippreżenta rikors f’dan is-sens, jikkonċerna l-użu mit-trade mark preċedenti invokat għall-prodotti jew servizzi li għalihom hija rreġistrata jew li fuqhom hija bbażata l-oppożizzjoni.

19      Fil-fatt, minn naħa, l-użu ġenwin mit-trade mark preċedenti jikkostitwixxi kwistjoni preliminari li, ladarba tkun tqajmet mill-applikant tat-trade mark, għandha tiġi solvuta qabel ma tingħata deċiżjoni dwar l-oppożizzjoni nnifisha [sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑22 ta’ Marzu 2007, Saint-Gobain Pam vs UASI – Propamsa (PAM PLUVIAL), T‑ 36 4/05, Ġabra p. II‑757, punt 37].

20      Min-naħa l-oħra, proċedimenti ta’ oppożizzjoni bbażati fuq l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 għandhom l-għan li jippermettu lill-UASI jevalwa l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni li, fil-każ ta’ xebh tat-trade mark kunfliġġenti, tinvolvi eżami tax-xebh bejn il-prodotti u servizzi koperti minn dawn it-trade marks. F’dan il-kuntest, jekk it-trade mark Komunitarja preċedenti ntużat biss għal parti mill-prodotti jew mis-servizzi li għalihom ġiet irreġistrata, għall-finijiet tal-eżami tal-oppożizzjoni, hija għandha titqies irreġistrata biss għal din il-parti mill-prodotti jew mis-servizzi, skont l-aħħar sentenza tal-Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 207/2009. Fl-istess kuntest, hemm lok ukoll għall-Bord tal-Appell li, fil-każ li l-prova tal-użu hija provduta biss għal parti mill-prodotti jew mis-servizzi li jaqgħu taħt kategorija li għaliha t-trade mark preċedenti ġiet irreġistrata u li fuqha hija bbażata l-oppożizzjoni, jevalwa jekk din il-kategorija tinkludix sottokategoriji awtonomi li taħthom jaqgħu l-prodotti u servizzi li għalihom jintwera l-użu, b’mod li għandu jitqies li l-imsemmija prova ġiet prodotta biss għal din is-sottokategorija ta’ prodotti jew ta’ servizzi jew, min-naħa l-oħra, jekk tali sottokategoriji ma humiex konċepibbli [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Ottubru 2006, Armour Pharmaceutical vs UASI – Teva Pharmaceutical Industries (GALZIN), T‑483/04, Ġabra p. II‑ 4109, punti 26 u 27].

21      Konsegwentement, il-missjoni li tikkonsisti fl-evalwazzjoni jekk sarx użu ġenwin mit-trade mark invokata insostenn ta’ oppożizzjoni fis-sens tal-Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 207/2009 tinqasam f’żewġ partijiet inseparabbli. L-ewwel parti hija intiża sabiex jiġi stabbilit jekk sarx użu ġenwin fl-Unjoni mit-trade mark inkwistjoni, anki taħt forma li hija differenti imma biss fir-rigward ta’ ċerti elementi li ma jbiddlux il-karattru distintiv ta’ din it-trade mark fil-forma li taħtha ġiet irreġistrata. It-tieni parti hija intiża sabiex tistabbilixxi liema huma l-prodotti jew is-servizzi li għalihom it-trade mark preċedenti hija rreġistrata u li fuqhom hija bbażata l-oppożizzjoni, li huma koperti mill-użu ġenwin li ġie pprovat.

22      F’dan il-każ, minkejja li fil-punti 14 u 17 tar-rikors ir-rikorrenti sostniet li l-użu ġenwin, fis-sens tal-Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 207/2009, kellu jintwera għal dak li kien jikkonċerna s-servizzi li għalihom it-trade mark preċedenti kienet irreġistrata, hija ma qajmitx, b’mod formali, motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni. Madankollu, nuqqas ta’ motivazzjoni jew motivazzjoni insuffiċjenti jaqgħu taħt ksur ta’ forom proċedurali sostanzjali, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, u jikkostitwixxu motiv ta’ ordni pubbliku li jista’, jew anki għandu, jitqajjem ex officio mill-qorti tal-Unjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, C‑89/08 P, Ġabra p. I‑11245, punt 34).

23      Wara li waqt is-seduta l-partijiet instemgħu dwar in-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata għal dak li jikkonċerna l-korrispondenza bejn, minn naħa, is-servizzi li għalihom il-Bord tal-Appell qies li użu ġenwin mit-trade mark preċedenti kien intwera u, min-naħa l-oħra, dawk li għalihom l-imsemmija trade mark hija rreġistrata u li fuqhom hija bbażata l-oppożizzjoni, dan il-motiv għandu jitqajjem ex officio. Fil-fatt, jekk id-deċiżjoni kkontestata ma tinkludix il-motivi relattivi għal dawn iż-żewġ partijiet tal-missjoni tal-Bord tal-Appell imsemmija fil-punt 21 iktar ’il fuq, ikun impossibbli għall-Qorti Ġenerali li tistħarreġ il-legalità tal-konklużjoni tiegħu dwar l-użu ġenwin mit-trade mark preċedenti invokat insostenn tal-oppożizzjoni.

24      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni, stabbilit fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009, għandu l-istess portata bħal dak stabbilit fl-Artikolu 296 TFUE u li l-għan tiegħu huwa li jippermetti, minn naħa, lill-persuni kkonċernati jsiru jafu bil-ġustifikazzjoni tal-miżura li ttieħdet sabiex jiddefendu d-drittijiet tagħhom u, min-naħa l-oħra, lill-Qorti tal-Unjoni teżerċita l-istħarriġ tagħha dwar il-legalità tad-deċiżjoni. Il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tissodisfax dawn ir-rekwiżiti għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-kliem tagħha iżda wkoll tal-kuntest tagħha kif ukoll tar-regoli legali li jirregolaw il-qasam ikkonċernat [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ April 2011, Safariland vs UASI – DEF-TEC Defense Technology (FIRST DEFENSE AEROSOL PEPPER PROJECTOR), T‑262/09, Ġabra p. II‑1629, punti 90 u 91].

25      F’dan ir-rigward, skont il-punt 19 tad-deċiżjoni kkontestata, il-parti li qed topponi invokat, quddiem il-Bord tal-Appell, użu ġenwin mit-trade mark preċedenti għal servizzi finanzjarji, għal servizzi ta’ evalwazzjoni u ta’ riċerka, għal servizzi ta’ relazzjonijiet pubbliċi u għal servizzi ta’ konsulenza dwar in-negozju.

26      Fi tmiem ir-raġunament tiegħu dwar il-provi ppreżentati insostenn ta’ użu ġenwin, il-Bord tal-Appell ikkonkluda, fil-punt 45 tad-deċiżjoni kkontestata, li dan l-użu “madankollu ma kienx intwera għall-prodotti u servizzi rilevanti kollha, iżda biss għal prdotti u servizzi finanzjarji, għal servizzi ta’ evalwazzjoni u ta’ riċerka, għal servizzi ta’ relazzjonijiet pubbliċi u servizzi ta’ konsulenza dwar in-negozju”.

27      Madankollu, is-servizzi finanzjarji, is-servizzi ta’ evalwazzjoni u ta’ riċerka u s-servizzi ta’ relazzjonijiet pubbliċi ma jinsabux, bħala tali, fost is-servizzi li għalihom it-trade mark preċedenti hija rreġistrata. Issa, kif jirriżulta mill-punti 20 u 21 iktar ’il fuq, meta l-Bord tal-Appell jeżamina l-kwistjoni dwar jekk sarx użu ġenwin mit-trade mark preċedenti fis-sens tal-Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 207/2009, huwa għandu juri bi preċiżjoni liema huma l-prodotti jew is-servizzi li għalihom it-trade mark preċedenti hija rreġistrata u li fuqhom hija bbażata l-oppożizzjoni, li huma koperti mill-użu ġenwin li ġie pprovat. L-assenza ta’ dan jivvizzja b’nuqqas ta’ motivazzjoni deċiżjoni li, minn naħa, tikkonkludi li kien sar użu ġenwin mit-trade mark preċedenti fis-sens tal-Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 207/2009 u, min-naħa l-oħra, tkopri prodotti jew servizzi li ma humiex dawk li għalihom ġiet irreġistrata din it-trade mark. Fil-fatt, il-korrispondenza bejn il-prodotti jew servizzi li għalihom il-Bord tal-Appell iqis li ntwera użu ġenwin u t-totalità jew parti mill-prodotti jew servizzi li għalihom l-imsemmija trade mark hija rreġistrata hija imposta minn din id-dispożizzjoni tal-aħħar, li tinkludi r-regoli li jirregolaw il-qasam ikkonċernat, sabiex irendi possibbli l-evalwazzjoni sussegwenti ta’ possibbiltà ta’ konfużjoni, kif espost fil-punt 20 iktar ’il fuq.

28      Interrogat bil-miktub dwar dan il-punt fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, l-UASI rrisponda, permezz ta’ ittra tal-10 ta’ April 2013, li ma kienx possibbli għalih li jiddetermina jekk kienx hemm korrispondenza bejn is-servizzi li għalihom kien tqies li kien sar użu ġenwin mit-trade mark preċedenti u s-servizzi li għalihom din it-trade mark kienet irreġistrata. B’mod partikolari, id-deċiżjoni kkontestata tirrigwarda biss is-servizzi li għalihom it-trade mark preċedenti kienet intużat, filwaqt li l-kwistjoni dwar jekk dawn is-servizzi kinux jaqgħu taħt dawk li għalihom din it-trade mark kienet irreġistrata hija eżaminata mid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, li quddiemha kienet reġgħet intbagħtet il-kawża.

29      Madankollu, din ir-risposta kienet tmur kontra l-portata tal-Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 207/2009, li jiddefinixxi l-użu ġenwin bħala l-użu għall-prodotti jew għas-servizzi li għalihom it-trade mark hija rreġistrata u li fuqhom hija bbażata l-oppożizzjoni billi jeskludi għalhekk il-possibbiltà li konklużjoni tiġi mmotivata billi jiġi affermat tali użu b’riferiment ma’ prodotti u servizzi oħra. Barra minn hekk, l-approċċ tal-UASI għandu l-effett li jiżdiedu l-proċeduri li għandhom l-għan li jeżaminaw l-eżistenza ta’ użu ġenwin u dan b’tali mod li jmur kontra kemm il-kliem kif ukoll l-ispirtu tad-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq.

30      Barra minn hekk, il-fajl tal-UASI lanqas ma jagħti indikazzjoni ta’ korrispondenza possibbli bejn, min-naħa, is-servizzi finanzjarji, is-servizzi ta’ evalwazzjoni u ta’ riċerka u s-servizzi ta’ relazzjonijiet pubbliċi u, min-naħa l-oħra, is-servizzi li għalihom it-trade mark preċedenti hija rreġistrata. Kif jirriżulta mill-paġna 159 tal-fajl tal-UASI, il-Bord tal-Appell jidher li sempliċement irripproduċa din it-terminoloġija tal-motivi fl-appell quddiemu.

31      F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni sa fejn il-Bord tal-Appell ikkonkluda li użu ġenwin mit-trade mark preċedenti fis-sens tal-Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 207/2009 ntwera filwaqt li afferma li dan l-użu jikkonċerna servizzi finanzjarji, servizzi ta’ evalwazzjoni u ta’ riċerka u servizzi ta’ relazzjonijiet pubbliċi, li ma jinsabux fost dawk li għalihom din it-trade mark hija rreġistrata (ara l-punt 27 iktar ’il fuq).

32      Għandu jingħad ukoll li l-fatt li ċerti servizzi li jaqgħu fil-klassi 36 elenkati fil-punt 6 iktar ’il fuq jistgħu jiġu kklassifikat bħala servizzi finanzjarji ma huwiex rimedju għan-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata għal dak li jikkonċerna dan it-tip ta’ servizzi. F’dan ir-rigward, minn naħa, il-Bord tal-Appell imkien fid-deċiżjoni kkontestata ma jagħti x’jifhem li, permezz tal-espressjoni “servizzi finanzjarji”, huwa jkopri t-totalità jew anki parti mis-servizzi li jaqgħu fil-klassi 36 li għalihom it-trade mark preċedenti hija rreġistrata. L-ittra tal-UASI tal-10 ta’ April 2013 tikkonferma din l-evalwazzjoni (ara l-punt 28 iktar ’il fuq). Min-naħa l-oħra, tali nuqqas ta’ preċiżjoni jrendi impossibbli kemm l-applikazzjoni tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 207/2009, li tipprovdi li “[j]ekk it-trade mark Komunitarja preċedenti tkun intużat f’konnessjoni ma’ parti biss mill-prodotti jew servizzi li għalihom tkun reġistrata, hija għandha, għall-finijiet tal-eżaminazzjoni tal-oppożizzjoni, titqies li hija reġistrata biss f’konnessjoni ma’ dik il-parti tal-prodotti jew servizzi”, kif ukoll, skont il-każ, l-eżami deskritt fl-aħħar sentenza tal-punt 20 iktar ’il fuq. F’dan ir-rigward, l-UASI ppreċiża, waqt is-seduta, li ċerti servizzi l jaqgħu fil-klassi 36 u msemmija fil-punt 6 iktar ’il fuq, bħall-ġestjoni tal-art u ta’ proprjetà immobbli, ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala servizzi finanzjarji, u dan jeskludi l-possibbiltà li d-deċiżjoni kkontestata tinftiehem bħal li tirreferi għal dawn is-servizzi kollha, Għaldaqstant, peress li huma impossibbli li jsir magħruf jekk permezz tar-riferiment “servizzi finanzjarji”, il-Bord tal-Appell ikopri t-totalità jew anki parti mis-servizzi li jaqgħu fil-klassi 36 li għalihom it-trade mark preċedenti ġiet irreġistrata, huwa impossibbli fil-prattika li jiġi ddeterminat għal liema servizzi t-trade mark preċedenti għandha titqies irreġistrata għall-bżonnijiet tal-oppożizzjoni, u dan huwa tali li jipprekludi li evalwazzjoni dwar l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni titwettaq sussegwentement.

33      Għal dak li jirrigwarda servizzi ta’ konsulenza dwar in-negozju, li jaqgħu taħt il-klassi 35 imsemmija fil-punt 6 iktar ’il fuq, minkejja li fil-punt 45 tad-deċiżjoni kkontestata l-Bord tal-Appell jikkonkludi li jeżisti użu ġenwin mit-trade mark preċedenti fir-rigward tagħhom, huwa ma jirreferix għall-provi prodotti li juru l-imsemmi użu.

34      B’mod partikolari, kif jirriżulta mill-punti 29, 30, 40 u 42 tad-deċiżjoni kkontestata, sabiex jagħti motivazzjoni għall-konklużjoni tiegħu, il-Bord tal-Appell ibbaża ruħu fuq il-provi esposti hawn isfel.

35      Qabelxejn, dawn huma dikjarazzjonijiet finanzjarji u serje ta’ fatturi tal-proprjetarju tat-trade mark preċedenti. Madankollu, skont il-punti 29 u 31 tad-deċiżjoni kkontestata, dawn il-provi juru użu ġenwin għal servizzi finanzjarji.

36      Dan jgħodd ukoll, sussegwentement, għas-siltiet mis-sit tal-internet tal-proprjetarju tat-trade mark preċedenti kif ukoll għall-analiżi tal-istampa, li skont il-Bord tal-Appell juru użu ġenwin minn din it-trade mark għal servizzi finanzjarji (ara l-punti 40 u 42 tad-deċiżjoni kkontestata).

37      Barra minn hekk, peress li l-punti 33 sa 39 tad-deċiżjoni kkontestata jikkonċernaw il-forma li biha t-trade mark preċedenti ntużat kif ukoll il-kwistjoni dwar jekk l-użu mit-trade mark bħala isem kummerċjali jistax jikkostitwixxi użu, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata ma tesponix il-motivi li fuqhom hija bbażata l-konklużjoni tagħha, li tipprovdi li kien sar użu ġenwin mit-trade mark preċedenti għal servizzi ta’ konsulenza dwar in-negozju.

38      Għaldaqstant hemm lok li jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni sa fejn, minn naħa, hija ma tippermettix li jinftiehem għal liema servizzi, fost dawk li għalihom it-trade mark preċedenti hija rreġistrata u li fuqhom hija bbażata l-oppożizzjoni sar użu ġenwin minn din it-trade mark u, min-naħa l-oħra, hija ma tesponix ir-raġunijiet li għalihom il-Bord tal-Appell qies li użu ġenwin mit-trade mark preċedenti kien intwera għal servizzi ta’ konsulenza dwar in-negozju, li jaqgħu fil-klassi 35.

39      F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata.

 Fuq l-ispejjeż

40      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-UASI tilfet, hemm lok li huwa jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk tar-rikorrenti, skont it-talbiet ta’ din tal-aħħar.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) tas-6 ta’ Ottubru 2011 (Każ R 2101/2010‑1) hija annullata.

2)      L-UASI għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti minn Intesa Sanpaolo SpA.

Papasavvas

Forwood

Bieliūnas

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-27 ta’ Marzu 2014.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.