Language of document : ECLI:EU:T:2014:159

Kawża T‑47/12

Intesa Sanpaolo SpA

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja figurattiva EQUITER – Trade mark Komunitarja verbali preċedenti EQUINET – Raġuni relattiva għal rifjut – Użu ġenwin mit-trade mark preċedenti – Artikolu 42(2) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tas-27 ta’ Marzu 2014

1.      Trade mark Komunitarja – Osservazzjonijiet ta’ terzi u oppożizzjoni – Eżami tal-oppożizzjoni – Prova tal-użu mit-trade mark preċedenti – Użu parzjali – Effett

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 42(2))

2.      Trade mark Komunitarja – Dispożizzjonijiet proċedurali – Motivazzjoni tad-deċiżjonijiet – L-ewwel sentenza tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009 – Portata identika għal dik tal-Artikolu 296 TFUE

(Artikolu 296 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 75)

1.      Proċedimenti ta’ oppożizzjoni bbażati fuq l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja għandhom l-għan li jippermettu lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) jevalwa l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni li, fil-każ ta’ xebh tat-trade mark kunfliġġenti, tinvolvi eżami tax-xebh bejn il-prodotti u servizzi koperti minn dawn it-trade marks. F’dan il-kuntest, jekk it-trade mark Komunitarja preċedenti ntużat biss għal parti mill-prodotti jew mis-servizzi li għalihom ġiet irreġistrata, għall-finijiet tal-eżami tal-oppożizzjoni, hija għandha titqies irreġistrata biss għal din il-parti mill-prodotti jew mis-servizzi, skont l-aħħar sentenza tal-Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 207/2009. Fl-istess kuntest, hemm lok ukoll għall-Bord tal-Appell li, fil-każ li l-prova tal-użu hija provduta biss għal parti mill-prodotti jew mis-servizzi li jaqgħu taħt kategorija li għaliha t-trade mark preċedenti ġiet irreġistrata u li fuqha hija bbażata l-oppożizzjoni, jevalwa jekk din il-kategorija tinkludix sottokategoriji awtonomi li taħthom jaqgħu l-prodotti u servizzi li għalihom jintwera l-użu, b’mod li għandu jitqies li l-imsemmija prova ġiet prodotta biss għal din is-sottokategorija ta’ prodotti jew ta’ servizzi jew, min-naħa l-oħra, jekk tali sottokategoriji ma humiex konċepibbli.

Konsegwentement, il-missjoni li tikkonsisti fl-evalwazzjoni jekk sarx użu ġenwin mit-trade mark invokata insostenn ta’ oppożizzjoni fis-sens tal-Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 207/2009 tinqasam f’żewġ partijiet inseparabbli. L-ewwel parti hija intiża sabiex jiġi stabbilit jekk sarx użu ġenwin fl-Unjoni mit-trade mark inkwistjoni, anki taħt forma li hija differenti imma biss fir-rigward ta’ ċerti elementi li ma jbiddlux il-karattru distintiv ta’ din it-trade mark fil-forma li taħtha ġiet irreġistrata. It-tieni parti hija intiża sabiex tistabbilixxi liema huma l-prodotti jew is-servizzi li għalihom it-trade mark preċedenti hija rreġistrata u li fuqhom hija bbażata l-oppożizzjoni, li huma koperti mill-użu ġenwin li ġie pprovat.

(ara l-punti 20, 21)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 24)