Language of document : ECLI:EU:T:2014:680

Kawża T‑48/12

Euroscript – Polska Sp. z o.o.

vs

Il-Parlament Ewropew

“Kuntratti pubbliċi għal servizzi — Proċedura ta’ sejħa għal offerti — Provvista ta’ servizzi ta’ traduzzjoni għall-Pollakk — Deċiżjoni li temenda d-deċiżjoni li r-rikorrenti titqiegħed fl-ewwel pożizzjoni fil-lista tal-offerenti magħżula — Għoti tal-kuntratt qafas prinċipali lil offerent ieħor — Talba għal evalwazzjoni mill-ġdid — Terminu — Sospensjoni tal-proċedura — Trasparenza — Ugwaljanza fit-trattament”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) tas-16 ta’ Lulju 2014

1.      Kuntratti pubbliċi tal-Unjoni Ewropea — Proċedura ta’ sejħa għal offerti — Għoti ta’ kuntratti — Terminu ta’ stennija qabel l-iffirmar tal-kuntratt — Possibbiltà għall-offerenti li jippreżentaw talbiet, kummenti jew informazzjoni lill-awtorità kontraenti wara l-iskadenza tat-terminu — Inammissibbiltà

(Regolament tal-Kummissjoni Nru 2342/2002, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 158a(1))

2.      Kuntratti pubbliċi tal-Unjoni Ewropea — Proċedura ta’ sejħa għal offerti — Obbligu li jiġi osservat il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-offerenti — Neċessità li tiġi żgurata l-ugwaljanza tal-opportunitajiet u li wieħed ikun konformi mal-prinċipju ta’ trasparenza — Eżami mill-ġdid tal-offerta ta’ offerent wara l-għoti tal-kuntratt mingħajr sospensjoni tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti u mingħajr ma jiġu informati l-offerenti l-oħra — Ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

(Regolament tal-Kunsill Nru 1605/2002, l-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 103; Regolament tal-Kummissjoni Nru 2342/2002)

1.      Ittra indirizzata lill-awtorità kontraenti li biha offerent jitlob is-sospensjoni tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti u l-eżami mill-ġdid tal-offerti magħżula tidħol taħt id-dispożizzjonijiet tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 158a(1) tar-Regolament Nru 2342/2002, li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implementazzjoni tar-Regolament Finanzjarju, u konsegwentement għandha tiġi riċevuta fit-terminu ta’ erbatax-il jum stabbilit mill-imsemmi regolament. Issa, it-twettiq tal-għan ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti jkun kompromess li kieku l-offerenti setgħu jibagħtu lill-awtorità kontraenti, f’kull mument tal-proċedura, it-talbiet, kummenti jew informazzjoni tagħhom, u b’hekk jobbligaw lill-awtorità kontraenti tirrispondi għalihom u, jekk ikun il-każ, tissospendi jew terġa’ tibda l-proċedura sabiex tikkoreġi irregolaritajiet possibbli.

(ara l-punti 52, 53, 55)

2.      Tkun tikser l-obbligu ta’ trasparenza, kif ukoll il-proċedura prevista bir-Regolamenti Nru 1605/2002, rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, u Nru 2342/2002, li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implementazzjoni tar-Regolament Finanzjarju, is-sejħa mill-istituzzjoni kontraenti ta’ laqgħa ġdida tal-kumitat ta’ evalwazzjoni tal-offerti biex jeżamina mill-ġdid, wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt, l-offerta ta’ offerent wieħed, mingħajr madankollu ma jissospendi l-proċedura pendenti jew mingħajr ma javża lil ebda wieħed mill-offerenti li lilhom kienet ġiet innotifikata d-deċiżjoni msemmija. Issa, meta tonqos milli twettaq evalwazzjoni ġdida tal-offerti kollha li ġew ippreżentati quddiemha, l-istituzzjoni msemmija twettaq b’hekk trattament differenti tal-offerta ta’ wieħed mill-offerenti parteċipanti fil-proċedura ta’ sejħa għal offerti, bi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

Fil-fatt, l-istituzzjoni kontraenti għandha tosserva, f’kull fażi ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti, kemm il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-offerenti kif ukoll dak ta’ trasparenza. Dan tal-aħħar jobbliga lill-awtorità kontraenti tagħmel pubblika l-informazzjoni preċiża kollha dwar l-iżvolġiment kollu tal-proċedura. L-għanijiet ta’ pubbliċità li l-awtorità kontraenti għandha tosserva fil-kuntest tal-obbligu ta’ trasparenza huma, minn naħa, li jiġi ggarantit li l-offerenti kollha jkollhom l-istess opportunitajiet u, min-naħa l-oħra, li jiġu protetti l-aspettattivi leġittimi tal-offerenti magħżula. F’dan ir-rigward, skont l-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 103 tar-Regolament Nru 1605/2002, l-istituzzjoni kontraenti tista’, jekk din tikkonstata żball sostanzjali wara l-għoti tal-kuntratt, tissospendi l-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt u, jekk ikun il-każ, twettaq evalwazzjoni ġdida tal-offerti tal-offerenti.

(ara l-punti 58-61)