Language of document :

Rikors ippreżentat fil-25 ta' Jannar 2010 - Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-21/10)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (rappreżentanti: J. Möller u C. von Donat, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 9049, tat-13 ta' Novembru 2009, innotifikata lir-rikorrenti permezz ta' ittra fis-16 ta' Novembru 2009, dwar it-tnaqqis tal-għajnuna mogħtija mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), għad-Dokument ta' programmar individwali (DOCUP) fir-reġjun Objettiv 2 tas-Saarland (1997-1999) fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, permezz tad-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni C (97) 1123, tas-7 ta' Mejju 1997, u C (1999) 4928, tat-28 ta' Diċembru 1999;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni naqqset l-għajnuna finanzjarja tal-FEŻR mogħtija għad-Dokument ta' programmar individwali (1997-1999) għar-reġjun Objettiv 2 tas-Saarland fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

Ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi insostenn tar-rikors tagħha.

L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li ma hemm l-ebda bażi legali għall-kalkolu b'rata fissa u l-estrapolazzjoni tal-korrezzjonijiet finanzjarji għall-perjodu 1994 1999, li jkopri d-Dokument ta' programmar individwali.

It-tieni nett, ir-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 24(2) tar-Regolament (KEE) Nru 4253/88 1 billi l-kundizzjonijiet għat-tnaqqis ma humiex sodisfatti. Hija ssostni b'mod partikolari li l-Kummissjoni evalwat b'mod żbaljat il-kunċett ta' "irregolarità". Barra minn dan, il-Kummissjoni identifikat żbalji sistematiċi imma ma kkonstatatx li l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-amministrazzjoni tal-Fondi Strutturali ma kinux issodisfaw l-obbligi imposti fuqhom mill-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 4253/88. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kienet identifikat l-iżbalji sistematiċi fl-amministrazzjoni u l-kontroll tal-Fond billi bbażat ruħha, barra minn dan, fuq allegazzjonijiet ta' fatt żbaljati. Elementi importanti tal-konstatazzjonijiet tagħha huma fil-fatt żbaljati u hija evalwathom b'mod żbaljat.

Sussidjarjament, ir-rikorrenti ssostni bħala t-tielet motiv il-fatt li t-tnaqqis ordnat fid-deċiżjoni meħuda huwa sproporzjonat. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma eżerċitatx id-diskrezzjoni mogħtija lilha mill-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 4253/88. Il-korrezzjonijiet b'rata fissa applikati jeċċedu l-ħsara (potenzjali) lill-baġit Komunitarju. Ir-rikorrenti tqis ukoll li l-estrapolazzjoni ta' żbalji magħmula mill-Kummissjoni kienet sproporzjonata minħabba li żbalji speċifiċi ma jistgħux jiġu trasposti għal assjem eteroġenu.

Ir-rikorrenti ssostni bħala r-raba' motiv tagħha ksur tal-forom proċedurali essenzjali. Il-Kummissjoni ma mmotivatx suffiċjentement id-deċiżjoni meħuda u ma segwitx il-proċedura korretta fi tmiem dan il-perijodu. Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni meħuda ma tindikax kif jew għaliex il-Kummissjoni ffissat l-ammont tal-kalkoli b'rata fissa li hija applikat. Barra minn dan, il-Kummissjoni mmodifikat il-konstatazzjonijiet magħmula mill-ispetturi mibgħuta fuq il-post mingħajr kontroll ġdid u hija ma ħaditx jew ma ħaditx biżżejjed inkunsiderazzjoni x-xhieda tal-awtoritajiet Ġermaniżi.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tinvoka bħala l-ħames motiv il-fatt li l-konvenuta kisret il-prinċipju ta' kollaborazzjoni, għaliex minkejja li l-ewwel tikkonferma l-kapaċità ta' funzjonament tas-sistema ta' amministrazzjoni u ta' kontroll fi ftehim amministrattiv, fid-deċiżjoni meħuda minnha hija tibbaża ruħha fuq nuqqas sistematiku f'dawn is-sistemi.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4253/88, tad-19 ta' Diċembru 1988, li jipprovdi dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 2052/88 dwar il-koordinazzjoni tad-diversi attivitajiet tal-Fondi Strutturali bejniethom u bejn dawn u l-operazzjonijiet tal-Bank Ewropew għall-Investiment u l-istrumenti finanzjarji eżistenti l-oħra (ĠU L 374, p. 1).