Language of document :

Rikors ippreżentat fid-29 ta’ Marzu 2023 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Bulgarija

(Kawża C-206/23)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Partijiet

Rikorrent: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: B. De Meester, Е. Rousseva)

Konvenut: Ir-Repubblika tal-Bulgarija

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tikkonstata li billi naqset milli tadotta d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi kollha neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mad-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli 1 , u billi naqset milli tikkomunika dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni, ir-Repubblika tal-Bulgarija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 36 ta’ din id-direttiva;

tikkundanna lir-Repubblika tal-Bulgarija tħallas lill-Kummissjoni somma f’daqqa li tikkorrispondi għall-ogħla wieħed minn dawn l-ammonti: (a) somma ta’ kuljum ta’ EUR 1 800, immultiplikata bin-numru ta’ ġranet bejn il-ġurnata ta’ wara dik li fiha skada t-terminu għat-traspożizzjoni previst fid-Direttiva u l-ġurnata li fiha jintemm il-ksur, jew, fil-każ li l-ksur ma jintemmx, il-ġurnata li fiha tingħata deċiżjoni f’din il-kawża; (b) somma f’daqqa ta’ minn tal-inqas EUR 504 000;

fil-każ li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt il-punt 1 jippersisti sal-ġurnata li fiha tingħata d-deċiżjoni f’din il-kawża, tikkundanna lir-Repubblika tal-Bulgarija tħallas lill-Kummissjoni pagamenti perjodiċi ta’ penali fl-ammont ta’ EUR 9 720 kuljum għal kull ġurnata bejn dik li fiha tingħata d-deċiżjoni f’din il-kawża u dik li fiha r-Repubblika tal-Bulgarija tikkonforma ruħha mal-obbligi tagħha taħt id-Direttiva;

tikkundanna lir-Repubblika tal-Bulgarija għall-ispejjeż tal-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli tistabbilixxi l-qafas legali għall-promozzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli fis-settur tal-elettriku, fis-settur tat-tisħin u tat-tkessiħ, kif ukoll fis-settur tat-trasport fl-Unjoni Ewropea. Id-Direttiva tistabbilixxi mira ġenerali vinkolanti għall-Unjoni li, sas-sena 2030, minn tal-inqas 32 % tal-enerġija tkun prodotta minn sorsi rinnovabbli. Id-Direttiva tipprevedi miżuri li jiggarantixxu li l-appoġġ għall-enerġija minn sorsi rinnovabbli tkun ekonomikament effettiva kif ukoll li l-proċeduri amministrattivi fejn jidħlu proġetti ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli jkunu inqas onerużi. Hija tiffaċilita wkoll il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fit-tranżizzjoni tal-enerġija sa fejn tippermetti l-użu tal-elettriku ġġenerat minnhom stess minn sorsi rinnovabbli u l-ħolqien ta’ komunitajiet ta’ enerġija rinnovabbli. Barra minn hekk, id-Direttiva tipprevedi miri konkreti intiżi li jiżdied is-sehem ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli fis-settur tat-tisħin u fis-settur tat-tkessiħ, kif ukoll fis-settur tat-trasport sas-sena 2030, setturi li fihom it-tranżizzjoni lejn enerġija minn sorsi rinnovabbli tieħu iktar żmien milli fis-settur tal-elettriku. Id-Direttiva ssaħħaħ ukoll il-kriterji li jiżguraw in-natura sostenibbli tal-bijoenerġija.

Fit-23 ta’ Lulju 2021 il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika tal-Bulgarija ittra ta’ intimazzjoni li fiha fakkret li t-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva kien għadda u li l-Kummissjoni kienet għadha ma rċevietx komunikazzjoni dwar il-miżuri meħuda għat-traspożizzjoni kompleta tagħha. Fit-2 ta’ Diċembru 2021 il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika tal-Bulgarija opinjoni motivata skont l-Artikolu 258 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Minkejja dan, il-miżuri għat-traspożizzjoni tad-Direttiva għadhom ma ġewx adottati jew, fi kwalunkwe każ, ma ġewx ikkomunikati lill-Kummissjoni.

____________

1     ĠU 2018, L 328, p. 82, rettifiki fil-ĠU 2020, L 311, p. 11, fil-ĠU 2021, L 224, p. 42, u fil-ĠU 2022, L 41, p. 37.