Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Mainz (il-Ġermanja) fil-31 ta’ Marzu 2023 – FT u RRC Sports GmbH vs Fédération internationale de football association (FIFA)

(Kawża C-209/23, RRC Sports)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Landgericht Mainz

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: FT, RRC Sports GmbH

Konvenut: Fédération internationale de football association (FIFA)

Domanda preliminari

L-Artikolu 101 (projbizzjoni ta’ akkordji), l-Artikolu 102 (projbizzjoni ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti) u l-Artikolu 56 TFUE (libertà li jiġu pprovduti servizzi) kif ukoll l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data1 , għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu regolament adottat minn assoċjazzjoni dinjija tal-isports (f’dan il-każ, il-FIFA) li magħha jappartjenu 211-il assoċjazzjoni sportiva nazzjonali tal-isport inkwistjoni (f’dan il-każ, il-futbol) u li r-regolamenti tagħha għalhekk japplikaw fi kwalunkwe każ għall-maġġoranza tal-plejers attivi fil-kampjonati professjonali nazzjonali rispettivi tal-isport inkwistjoni (f’dan il-każ, il-klabbs [inklużi l-klabbs tal-futbol organizzati bħala korporazzjonijiet], il-plejers [li huma membri ta’ klabb] u l-aġenti tal-plejers) u li jinkludu dan li ġej:

1)    huwa pprojbit li wieħed jiftiehem jew iħallas lilll-aġenti tal-plejers remunerazzjoni li taqbeż limitu kkalkolat bħala perċentwali tas-somma miftiehma għat-trasferiment jew ir-remunerazzjoni annwali ta’ dak il-plejer,

kif previst fl-Artikolu 15(2) tal-FIFA Football Agent Regulations (FFAR),

2)    huwa pprojbit li terzi jħallsu, f’isem plejer, lill-aġent tal-plejer, remunerazzjoni li tkun dovuta taħt il-kuntratt ta’ aġenzija tal-plejer,

kif previst fl-Artikolu 14(2) u (3) tal-FFAR,

3)    il-klabbs huma pprojbiti milli jħallsu iktar minn 50 % tar-remunerazzjoni totali dovuta minn plejer u minn klabb għas-servizzi tal-aġent tal-plejer f’każijiet fejn aġent ta’ plejer ikun qiegħed jaġixxi għall-klabb u għall-plejer,

kif previst fl-Artikolu 14(10) tal-FFAR,

4)    għall-ħruġ ta’ liċenzja bħala aġent ta’ plejer, li huwa prerekwiżit sabiex jitħalla jipprovdi servizzi ta’ aġent tal-plejers, huwa meħtieġ li l-applikant jikkonforma mar-regolamenti interni tal-assoċjazzjoni dinjija tal-isports (f’dan il-każ, il-FFAR, l-Istatuti tal-FIFA, il-Kodiċi Dixxiplinari tal-FIFA, il-Kodiċi tal-Etika tal-FIFA, ir-Regolamenti tal-FIFA dwar l-Istatus u t-Trasferiment tal-Plejers kif ukoll l-Istatuti, ir-Regolamenti, il-Linji Gwida u d-Deċiżjonijiet tal-korpi u tal-kumitati) kif ukoll mal-ġurisdizzjoni kompetenti tagħha u mal-ġurisdizzjoni kompetenti tal-konfederazzjonijiet u tal-assoċjazzjonijiet membri,

kif previst fl-Artikolu 4(2), fl-Artikolu 16(2)(b) u fl-Artikolu 20 tal-FFAR flimkien mal-Artikolu 8(3), l-Artikolu 57(1), u l-Artikolu 58(1) u (2) tal-Istatuti tal-FIFA, l-Artikolu 5(a), l-Artikolu 49, u l-Artikolu 53(3) tal-Kodiċi Dixxiplinari tal-FIFA, u l-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 82(1) tal-Kodiċi tal-Etika,

5)    huma stabbiliti kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ liċenzja bħala aġent ta’ plejer, li jistabbilixxu li l-ħruġ ta’ liċenzja hija eskluża b’mod permanenti fil-każ ta’ kundanna jew ta’ tranżazzjoni fi proċeduri kriminali jew is-sospensjoni ta’ mill-inqas sentejn, il-projbizzjoni, ir-revoka ta’ liċenzja, jew kwalunkwe skwalifika oħra minn awtorità jew minn assoċjazzjoni sportiva, mingħajr il-possibbiltà li l-liċenzja tinħareġ iktar tard,

kif previst fl-Artikolu 5(1)(a)(ii) u (iii) tal-FFAR,

6)    l-aġenti tal-plejers huma pprojbiti milli jipprovdu servizzi ta’ aġenzija tal-plejers jew servizzi oħra b’rabta mal-konklużjoni ta’ ftehim ta’ trasferiment u/jew kuntratt ta’ impjieg liż-żewġ partijiet fl-istess waqt, u milli jirċievu remunerazzjoni għal dan

a)    mill-klabb ta’ rilaxx u mill-klabb ta’ ingaġġ,

b)    mill-klabb ta’ rilaxx u mill-plejer,

c)    mill-partijiet kollha involuti (il-klabb ta’ rilaxx, il-klabb ta’ ingaġġ u l-plejer),

kif previst fl-Artikolu 12(8) u (9) tal-FFAR rispettivament,

6a)    l-aġenti tal-plejers huma pprojbiti milli jipprovdu servizzi ta’ aġenzija tal-plejers jew servizzi oħra b’rabta mal-konklużjoni ta’ ftehim ta’ trasferiment u/jew kuntratt ta’ impjieg liż-żewġ partijiet fl-istess waqt, permezz ta’ aġenti tal-plejers konnessi magħhom, u milli jirċievu remunerazzjoni għal dan

a)    mill-klabb ta’ rilaxx u mill-klabb ta’ ingaġġ,

b)    mill-klabb ta’ rilaxx u mill-plejer,

c)    mill-partijiet kollha involuti (il-klabb ta’ rilaxx, il-klabb ta’ ingaġġ u l-plejer),

fil-każ li t-terminu “Connected Football Agent” jinkludi kooperazzjoni skont id-definizzjoni prevista fil-FFAR għal “Connected Football Agent” (p. 6, inċiż iv tal-FFAR),

kif previst fl-Artikolu 12(10) tal-FFAR flimkien mad-definizzjoni għal “Connected Football Agent” (p. 6, inċiż iv tal-FFAR),

7)    l-aġenti tal-plejers huma pprojbiti milli jikkuntattjaw jew jikkonkludu kuntratt ta’ aġenzija ma’ klabb, plejer, assoċjazzjoni membru tal-assoċjazzjoni dinjija tal-isports jew entità legali li topera l-hekk imsejħa Single-Entity-League, li hija awtorizzata li timpjega aġenti tal-plejers u li għandha kuntratt esklużiv ma’ aġent ieħor ta’ plejers,

kif previst fl-Artikolu 16(1)(b) u (c) tal-FFAR,

8)    l-ismijiet u d-dettalji tal-aġenti tal-plejers kollha, l-ismijiet tal-klijenti li jirrappreżentaw, is-servizzi tal-aġenzija tal-plejers li jipprovdu għal kull klijent u/jew id-dettalji ta’ kwalunkwe tranżazzjoni li fiha huma involuti l-aġenti tal-plejers, inkluż l-ammont tar-remunerazzjoni pagabbli lill-aġenti tal-plejers, għandhhom jittellgħu fuq pjattaforma tal-assoċjazzjoni dinjija tal-isports u klabbs oħra, plejers jew aġenti tal-plejers għandu jkollhom aċċess parzjali għal din l-informazzjoni,

kif previst fl-Artikolu 19 tal-FFAR,

9)    huwa pprojbit li wieħed jiftiehem dwar remunerazzjoni għal servizzi ta’ aġenzija tal-plejers b’xi mod ieħor għajr fuq il-bażi tar-remunerazzjoni ta’ plejer jew tas-somma miftiehma għat-trasferiment,

kif previst fl-Artikolu 15(1) tal-FFAR,

10)    huwa preżunt li servizzi oħra pprovduti minn aġent tal-plejers jew aġent tal-plejers konnessi miegħu 24 xahar qabel jew wara l-provvista ta’ servizz ta’ aġent tal-plejers lil klijent involut fit-tranżazzjoni li għaliha ġew ipprovduti s-servizzi tal-aġent tal-plejers huma parti tas-servizzi tal-aġent tal-plejers, u sal-punt li l-preżunzjoni ma tistax tiġi kkonfutata, ir-remunerazzjoni għas-servizzi l-oħra titqies bħala parti mir-remunerazzjoni għas-servizz tal-aġenzija tal-plejers,

kif previst fl-Artikolu 15(3) u (4) tal-FFAR,

11)    l-ammont tar-remunerazzjoni tal-aġent tal-plejers li għandu jiġi kkalkolat bħala perċentwali għandu jkun ibbażat biss fuq is-salarju effettivament imħallas lill-plejer,

kif previst fl-Artikolu 14(7) u (12) tal-FFAR,

12)    l-aġenti tal-plejers huma obbligati li jiżvelaw l-informazzjoni li ġejja lill-assoċjazzjoni dinjija tal-isports:

a)    fi żmien 14-il jum mill-konklużjoni: ta’ kwalunkwe ftehim ma’ klijent li ma huwiex ftehim ta’ aġenzija, inkluż iżda mhux limitat għal servizzi oħra, u l-informazzjoni mitluba fuq il-pjattaforma,

b)    fi żmien 14-il jum wara l-ħlas ta’ remunerazzjoni: l-informazzjoni mitluba fuq il-pjattaforma,

c)    fi żmien 14-il jum wara l-ħlas ta’ remunerazzjoni fir-rigward ta’ kwalunkwe ftehim ma’ klijent li ma huwiex ftehim ta’ aġenzija: l-informazzjoni mitluba fuq il-pjattaforma,

d)    fi żmien 14-il jum minn meta jseħħ: kwalunkwe ftehim, kuntrattwali jew ieħor bejn l-aġenti tal-plejers sabiex jikkooperaw fil-provvista ta’ kwalunkwe servizz jew sabiex jaqsmu d-dħul jew il-profitti minn kwalunkwe parti mis-servizzi tagħhom bħala aġenti tal-plejers,

e)    sakemm in-negozju tagħhom jitmexxa permezz ta’ aġenzija, fi żmien 14-il jum mill-ewwel tranżazzjoni li tinvolvi l-aġenzija: in-numru ta’ aġenti tal-plejers li qegħdin imexxu n-negozju tagħhom permezz tal-istess aġenzija u l-ismijiet tal-impjegati kollha,

kif previst fl-Artikolu 16(2)(j)(ii) sa (v), (k)(ii) tal-FFAR,

13)    il-klabbs huma pprojbiti milli jiftiehmu dwar remunerazzjoni jew komponenti ta’ remunerazzjoni għall-bejgħ ta’ plejer ma’ aġenti tal-plejers jew milli jħallsu remunerazzjoni jew komponenti ta’ remunerazzjoni lill-aġenti tal-plejers, li l-bażi ta’ valutazzjoni tagħhom hija (ukoll) dipendenti fuq remunerazzjoni minn trasferiment fil-futur li l-klabb jirċievi minn trasferiment ieħor tal-plejer,

kif previst fl-ewwel alternattiva tal-Artikolu 18b(1) tar-Regolamenti tal-FIFA dwar l-Istatus u t-Trasferiment tal-Plejers u fl-Artikolu 16(3)(e) tal-FFAR?

____________

1     ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2.