Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunalul București (ir-Rumanija) fit-28 ta’ Marzu 2023 – Engie România SA vs Autoritatea Națională de Reglementare în Domeniul Energiei

(Kawża C-205/23, Engie România)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Qorti tar-rinviju

Tribunalul București

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Engie România SA

Konvenut: Autoritatea Națională de Reglementare în Domeniul Energiei

Domandi preliminari

Allegat ksur tal-obbligu ta’ trasparenza li jaqa’ fuq il-fornituri tal-gass naturali fir-relazzjoni tagħhom mal-konsumaturi domestiċi u li huwa traspost fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, ksur li huwa meqjus bħala reat amministrattiv f’din il-leġiżlazzjoni, jista’ jwassal ukoll lill-awtorità nazzjonali kompetenti tobbliga lil fornitur ta’ gass naturali japplika fir-relazzjoni tiegħu mal-konsumaturi prezz, impost permezz ta’ mezzi amministrattivi, li ma jieħux inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ ffissar tal-prezz b’mod liberu fis-suq tal-gass naturali, prinċipju li huwa stabbilit mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE 1 ?

L-impożizzjoni ta’ sanzjoni fuq fornitur tal-gass naturali kemm mill-awtorità tal-protezzjoni tal-konsumatur kif ukoll mill-awtorità regolatorja tal-enerġija, permezz tal-ħruġ ta’ żewġ rapporti distinti ta’ reati li jimponu l-istess miżuri fuq il-fornitur (duplikazzjoni ta’ atti amministrattivi li jimponu miżuri), tista’ titqies bħala restrizzjoni ġġustifikata tal-prinċipju ne bis in idem, fis-sens tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jew jikser dan il-prinċipju?

Tali kumulu ta’ atti minn awtoritajiet differenti li jimponu l-istess miżuri, ibbażati fuq fatti identiċi, josserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità?

____________

1     ĠU 2009, L 211, p. 94.