Language of document :

Rikors ippreżentat fis-17 ta’ Lulju 2015 – KPN vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-394/15)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: KPN BV (Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi) (rappreżentanti: J. de Pree u C. van der Hoeven, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2014) 7241 final, tal-10 ta’ Ottubru 2014, li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern u mal-Ftehim ŻEE (Każ M.7000 – Liberty Global vs Ziggo), u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-allegat ksur tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 139/20041 sa fejn il-Kummissjoni wettqet żball manifest fl-evalwazzjoni tal-effetti vertikali tal-konċentrazzjoni fis-suq tal-istazzjonijiet sportivi Premium Pay TV.

It-tieni motiv ibbażat fuq l-allegat ksur tal-Artikolu 296 TFUE sa fejn il-Kummissjoni naqset milli timmotiva d-deċiżjoni tagħha li ma tevalwax l-effetti antikompetittivi fis-suq tal-istazzjonijiet sportivi Premium Pay TV.It-tielet motiv ibbażat fuq l-allegat ksur tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 139/2004 sa fejn, fid-deċiżjoni, il-Kummissjoni wettqet żball manifest fl-evalwazzjoni fir-rigward tal-irwol u tal-influwenza ta’ J. Malone f’impriżi oħra attivi fl-istess swieq.

____________

1  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004, tal-20 ta’ Jannar 2004, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Volum 3, p. 40-61).