Language of document : ECLI:EU:T:2017:462

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

4 ta’ Lulju 2017 (*)

“Kuntratti pubbliċi għal servizzi – Proċedura ta’ sejħa għal offerti – Provvista ta’ servizzi esterni fid-dawl tal-iżvilupp ta’ sistemi ta’ informazzjoni għall-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-ferroviji – Klassifikazzjoni tal-offerta ta’ offerent – Ċaħda tal-offerta ta’ offerent – Obbligu ta’ motivazzjoni – Offerta anormalment baxxa”

Fil-Kawża T-392/15,

European Dynamics Luxembourg SA, stabbilita fil-Lussemburgu (Lussemburgu),

Evropaïki Dynamiki Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE, stabbilita f’Ateni (il-Greċja),

European Dynamics Belgium SA, stabbilita fi Brussell (il-Belġju),

inizjalment irrappreżentati minn I. Ampazis, M. Sfyri, C.-N. Dede u D. Papadopoulou, sussegwentement minn Sfyri, Dede u Papadopoulou avukati,

rikorrenti,

vs

L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji, inizjalment irrappreżentata minn J. Doppelbauer, sussegwentement minn G. Stärkle u Z. Pyloridou, bħala aġenti, assistiti minn V. Christianos, avukat,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-ferroviji li tikklassifika offerti magħmula mir-rikorrenti għall-lottijiet 1 u 2 tal-kuntratt ERA/2015/01/OP “ESP EISD 5 – Kuntratt għal servizzi esterni fid-dawl tal-iżvilupp ta’ sistemi ta’ informazzjoni [għal din]”,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn S. Frimodt Nielsen, President, V. Kreuschitz (Relatur) u N. Półtorak, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit-28 ta’ Mejju 2013, l-avviż tal-kuntratt ERA/2013/16/RSU/OP “ESP EISD 4” (iktar 'il quddiem il-“kuntratt ESP EISD 4”) ġie ppubblikat fis-Supplement għall-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2013/S 101-172115). L-imsemmi kuntratt kellu bħala għan proċedura miftuħa għall-provvista ta’ servizzi esterni fid-dawl tal-iżvilupp ta’ sistemi ta’ informazzjoni għall-Aġenzija ferrovjarja Ewropea (ERA) li saret l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji (iktar 'il quddiem l-“Aġenzija”). Dan kien magħmul minn tliet lottijiet u kellu bħala kriterju ta’ għoti l-aħjar relazzjoni bejn kwalità u prezz. Għal kull wieħed mil-lottijiet tal-kuntratt, l-Aġenzija kellha tikkonkludi kuntratt-qafas mat-tliet kandidati li l-offerti tagħhom jiġu kklassifikati l-ewwel u wara tikkonkludi kuntratt ma’ kull wieħed minnhom matul it-tul tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt-qafas.

2        Fis-16 ta’ Settembru 2013, ir-rikorrenti, European Dynamics Luxembourg SA, Evropaïki Dynamiki – Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE u European Dynamics Belgium SA, għamlu offerta għal kull wieħed mil-lottijiet tal-kuntratt ESP EISD 4.

3        Fit-12 ta’ Settembru 2014, l-Aġenzija nnotifikat lir-rikorrenti li, għal kull wieħed mil-lottijiet tal-kuntratt ESP EISD 4, l-offerta tagħhom kienet ġiet ikklassifikata fl-ewwel pożizzjoni u li kienet ser toffrilhom kuntratt-qafas għal kull wieħed minn dawn il-lottijiet.

4        Fl-14 ta’ Ottubru 2014, l-Aġenzija nnotifikat lir-rikorrenti bid-deċiżjoni tagħha li tannulla l-kuntratt ESP EISD 4, minħabba li kien hemm formula matematika li tippermetti li ssir l-evalwazzjoni finanzjarja tal-offerti nieqsa. Fid-29 ta’ Ottubru 2014, din id-deċiżjoni ġiet ippubblikata fis-Supplement għall-Ġurnal Uffiċjali.

5        Fl-14 ta’ Ottubru 2014, ir-rikorrenti kkontestaw ir-raġunijiet tad-deċiżjoni tal-Aġenzija li tannulla l-għoti tal-kuntratt ESP EISD 4. Fit-13 ta’ Novembru 2014, l-Aġenzija rrispondiet għal din il-kontestazzjoni billi ppreċiżat li l-imsemmija deċiżjoni kienet ittieħdet għaliex l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt inkwistjoni ma kinux jippreċiżaw il-ponderazzjoni, espressa f’perċentwali, tal-livelli ta’ esperjenza. Hija indikat ukoll li kien ser jiġi ppubblikat avviż ġdid u li kien ser jikkjarifika l-formula magħżula għall-evalwazzjoni finanzjarja tal-offerti.

6        Fit-13 ta’ Novembru 2014, ir-rikorrenti kkontestaw mill-ġdid ir-raġuni għall-annullament tal-kuntratt ESP EISD 4. Fl-10 ta’ Diċembru 2014, l-Aġenzija rrispondiet għal din il-kontestazzjoni u, fil-15 ta’ Diċembru 2014, bagħtet lir-rikorrenti verżjoni ppubblikata tar-rapport ta’ evalwazzjoni relatat mal-imsemmi kuntratt.

7        Fit-28 ta’ Jannar 2015, l-avviż tal-kuntratt Nru 2015/S 019-029728 għall-kuntratt ERA/2015/01/OP “ESP EISD 5 – Kuntratt għal servizzi esterni fid-dawl tal-iżvilupp ta’ sistemi ta’ informazzjoni għall-[Aġenzija]” (iktar 'il quddiem il-“kuntratt ESP EISD 5”) ġie ppubblikat fis-Supplement għall-Ġurnal Uffiċjali (ĠU 2015/S 019-029728). L-imsemmi kuntratt kellu bħala suġġett proċedura miftuħa għall-provvista ta’ servizzi esterni fid-dawl tal-iżvilupp ta’ sistemi ta’ informazzjoni għall-Aġenzija. Dan kien magħmul minn tliet lottijiet u kellu bħala mod ta’ għoti l-aħjar rapport bejn il-kwalità u l-prezz. Għal kull wieħed mil-lottijiet ta’ dan il-kuntratt, l-Aġenzija kellha tikkonkludi kuntratt-qafas mat-tliet kandidati li l-offerti tagħhom jiġu kklassifikati l-ewwel. Id-data limitu għad-depożitu tal-offerti fil-kuntest tas-sejħa għal offerti kienet stabbilita għas-6 ta’ Marzu 2015 u r-rikorrenti għamlu l-offerti tagħhom bħala konsorzju f’dan it-terminu.

8        Fit-8 ta’ Mejju 2015, l-Aġenzija kkomunikat lir-rikorrenti d-deċiżjoni tagħha li tikklassifika l-offerta tagħhom relatata mal-lott 1 tal-kuntratt ESP EISD 5, intitolat, “Żvilupp ta’ sistemi ta’ informazzjoni fuq il-post abbażi taż-żmien u tal-mezzi allokati (inkluż studji u assistenza)” (iktar 'il quddiem il-“lott 1”), fit-tieni pożizzjoni (iktar 'il quddiem l-“ewwel deċiżjoni kkontestata”).

9        Fil-11 ta’ Mejju 2015, ir-rikorrenti ressqu quddiem l-Aġenzija talba għal informazzjoni supplementari dwar l-għoti tal-lott 1 lill-offerenti li l-offerti tagħhom kienu ġew ikklassifikati fl-ewwel u fit-tielet pożizzjoni.

10      Fl-20 ta’ Mejju 2015, l-Aġenzija rrispondiet għal din it-talba. Fir-risposta tagħha, hija tat informazzjoni dwar l-offerta li ġiet ikklassifikata fl-ewwel pożizzjoni u dik tar-rikorrenti. Hija indikat li l-kumitat tal-evalwazzjoni kien ikklassifika l-offerta tal-konsorzju Nexteral fl-ewwel pożizzjoni b’56 punt minn 60 wara l-evalwazzjoni teknika u 38.78 punt minn 40 wara l-evalwazzjoni finanzjarja. Fir-rigward tal-offerta tar-rikorrenti, din ġiet ikklassifikata fit-tieni pożizzjoni b’57 punt minn 60 wara l-evalwazzjoni teknika u 35.46 punt minn 40 wara l-evalwazzjoni finanzjarja.

11      Fit-8 ta’ Lulju 2015, ir-rikorrenti talbu u rċevew kopja tar-rapport ta’ evalwazzjoni dwar il-lott 1.

12      Fl-1 ta’ Lulju 2015, l-Aġenzija kkomunikat lir-rikorrenti d-deċiżjoni tagħha li tikklassifika l-offerta tagħhom relatata mal-lott 2 tal-kuntratt ESP EISD 5, intitolat “Żvilupp ta’ sistemi ta’ informazzjoni mhux fuq il-post (inkluż studji u assistenza)” (iktar 'il quddiem il-“lott 2”), fis-seba’ pożizzjoni u għaldaqstant li tiċħadha (iktar 'il quddiem it-“tieni deċiżjoni kkontestata”).

13      Fit-2 ta’ Lulju 2015, ir-rikorrenti talbu informazzjoni supplementari dwar l-għoti tal-lott 2 lit-tliet offerenti li l-offerti tagħhom intlaqgħu.

14      Fis-7 ta’ Lulju 2015, l-Aġenzija irrispondiet għal din it-talba billi bagħtet estratt tar-rapport tal-bord ta’ evalwazzjoni li kien jinkludi b’mod partikolari l-informazzjoni dwar l-offerti li ntlaqgħu għal-lott 2. B’mod partikolari, l-offerta ta’ Intrasoft kienet ġiet ikklassifikata fl-ewwel pożizzjoni b’51 punt minn 60 wara l-evalwazzjoni teknika u 39.04 minn 40 wara l-evalwazzjoni finanzjarja. L-offerta ta’ Atos Belgium kienet ġiet ikklassifikata fit-tieni pożizzjoni b’48.5 punt minn 60 wara l-evalwazzjoni teknika u 40 punt minn 40 wara l-evalwazzjoni finanzjarja. L-offerta tal-konsorzju Nextera2 kienet ġiet ikklassifikata fit-tielet pożizzjoni b’52.5 punt minn 60 wara l-evalwazzjoni teknika u 32.53 punt minn 40 wara l-evalwazzjoni finanzjarja. Fir-rigward tal-offerta tar-rikorrenti, din kisbet 52 punt minn 60 wara l-evalwazzjoni teknika u 26.23 punt minn 40 wara l-evalwazzjoni finanzjarja.

15      Fit-8 ta’ Lulju 2015, ir-rikorrenti bagħtu lill-Aġenzija ittra fejn allegaw li din kienet wettqet diversi irregolaritajiet li jaffettwaw id-deċiżjonijiet ikkontestati. Huma kkunsidraw b’mod partikolari li l-offerenti li l-offerti tagħhom kienu ntlaqgħu għal-lottijiet 1 u 2 kienu naqqsu b’mod irregolari l-prezzijiet tagħhom sabiex jiksbu vantaġġ kompetittiv. Huma indikaw ukoll li ma setgħux jifhmu kif l-Aġenzija setgħet taċċetta tali prezzijiet, li kienu artifiċjalment baxxi, mingħajr investigazzjoni jew spjegazzjoni.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

16      Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Lulju 2015, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors kontra d-deċiżjonijiet ikkontestati.

17      Fit-23 ta’ Lulju 2015, ir-rikorrenti indikaw lill-Aġenzija li ma kinux irċevew risposta għall-ittra tagħhom tat-8 ta’ Lulju 2015, fakkru li huma kienu jqisu li l-offerti magħżula kienu anormalment baxxi u indikaw li kienu ppreżentaw rikors kontra d-deċiżjonijiet ikkontestati.

18      Fl-24 ta’ Lulju 2015, l-Aġenzija rrispondiet għall-ittra tar-rikorrenti tat-8 ta’ Lulju 2015 fejn ikkontestat l-ilmenti mressqa minn dawn.

19      Fis-27 ta’ Lulju 2015, ir-rikorrenti kkontestaw l-argumenti tal-Aġenzija magħmula fl-ittra tagħha tal-24 ta’ Lulju 2015.

20      Fid-29 ta’ Lulju 2015, ir-rikors tar-rikorrenti ġie nnotifikat lill-Aġenzija mir-reġistru tal-Qorti Ġenerali.

21      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ Ottubru 2015, l-Aġenzija qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà abbażi tal-Artikolu 130 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, minħabba li r-rikors tar-rikorrenti kontra t-tieni deċiżjoni kkontestata huwa inammissibbli.

22      Fl-istess ġurnata, l-Aġenzija ppreżentat ir-risposta fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali.

23      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-26 ta’ Novembru 2015, l-Aġenzija ressqet argumenti ġodda u pproduċiet provi ġodda.

24      Fit-22 ta’ Frar 2016, ir-rikorrenti ppreżentaw fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali r-replika fejn ifformulaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar ir-risposta, dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà kif ukoll dwar l-argumenti u l-provi l-ġodda mressqa mill-Aġenzija.

25      Fil-21 ta’ April 2016, l-Aġenzija ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali l-kontroreplika.

26      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà;

–        tannulla d-deċiżjonijiet ikkontestati;

–        tiċħad il-motivi u l-provi l-ġodda ppreżentati mill-Aġenzija fin-nota tagħha tas-26 ta’ Novembru 2015;

–        tikkundanna lill-Aġenzija għall-ispejjeż tagħhom.

27      L-Aġenzija titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors inammissibbli sa fejn jirrigwarda t-tieni deċiżjoni kkontestata;

–        fil-każ li r-rikors kellu jiġi ddikjarat ammissibbli fl-intier tiegħu, tiċħad ir-rikors bħala infondat fl-intier tiegħu;

–        tirtira l-Anness C4 mill-proċess quddiem il-Qorti Ġenerali u ma tiħux inkunsiderazzjoni l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq dan l-anness;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

28      Permezz ta’ digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla), tal-21 ta’ Lulju 2016, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ġiet magħquda mal-mertu u l-ispejjeż ġew irriżervati.

29      Peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet, b’applikazzjoni tal-Artikolu 27(5) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Imħallef Relatur ġie maħtur għat-Tielet Awla, u din il-kawża, konsegwentement, ġiet assenjata lilha.

30      Fuq rapport tal-Imħallef relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) iddeċidiet, fl-assenza ta’ talba għall-iffissar ta’ seduta mill-partijiet u b’applikazzjoni tal-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura, li tiddeċiedi mingħajr il-fażi orali tal-proċedura. Il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt qieset li kienet biżżejjed informata mill-atti tal-proċess sabiex tiddeċiedi mingħajr ma tkompli l-proċedura.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà

 Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors kontra t-tieni deċiżjoni kkontestata

31      L-Aġenzija tqis li dan ir-rikors huwa inammissibbli sa fejn huwa intiż kontra t-tieni deċiżjoni kkontestata minħabba li r-rikorrenti ma għadx għandhom interess li jitolbu l-annullament ta’ din id-deċiżjoni peress li din hija allegatament ivvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni. Hija ssostni li, fl-ittra tagħha tal-24 ta’ Lulju 2015, hija pprovdiet lir-rikorrenti kjarifiki fir-rigward tar-raġunijiet għalfejn hija kienet qieset li l-offerti magħżula ma kinux jidhru anormalment baxxi. Dawn il-kjarifiki ġew ipprovduti wara s-17 ta’ Lulju 2015, li hija d-data tal-preżentata tar-rikors tar-rikorrenti, iżda qabel il-11 ta’ Settembru 2015, li hija d-data meta kien jiskadi t-terminu ta’ rikors kontra t-tieni deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, skont l-Aġenzija, bejn l-24 ta’ Lulju u l-11 ta’ Settembru 2015, ir-rikorrenti setgħu jippreżentaw rikors quddiem il-Qorti Ġenerali konxji minn din ir-raġuni u setgħu jeżerċitaw id-drittijiet ta’ difiża tagħhom. Billi għażlu li ma jużawx din il-possibbiltà, hija tqis li r-rikorrenti ċaħħdu r-rikors mill-effettività tiegħu u tilfu l-interess ġuridiku tagħhom.

32      Barra minn hekk, skont l-Aġenzija, ir-rikorrenti ma pprovawx li, fil-mument tal-preżentata tar-rikors, l-annullament tat-tieni deċiżjoni kkontestata seta’ jagħtihom vantaġġ minħabba l-għan u r-riżultat tiegħu. Insostenn ta’ dan l-argument, hija tosserva, minn naħa, li r-rikorrenti ma kinux kuntrarji għall-introduzzjoni ta’ rikors kontra t-tieni deċiżjoni kkontestata fis-17 ta’ Lulju 2015, għaliex it-terminu ta’ rikors kontra din id-deċiżjoni ma kienx jiskadi eżatt wara din id-data u, min-naħa l-oħra, li ma kienx hemm nuqqas “totali” ta’ motivazzjoni ta’ din id-deċiżjoni li kienet iċċaħħadhom milli jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom.

33      Ir-rikorrenti jikkontestaw l-argument li ma għadx għandhom interess ġuridiku kontra t-tieni deċiżjoni kkontestata. Huma jqisu li, fid-data tal-preżentata tar-rikors tagħom, il-motivi tad-deċiżjonijiet ikkontestati ma kinux jittrattaw il-kwistjoni tan-natura anormalment baxxa tal-offerti magħżula u li kellhom id-dritt li jeżerċitaw rikors kontra l-imsemmija deċiżjonijiet mingħajr ma jistennew l-aħħar mument qabel l-iskadenza tat-terminu għar-rikors. Fi kwalunkwe każ, huma jikkunsidraw li l-ittra tal-Aġenzija tal-24 ta’ Lulju 2015 ma tipprovdi ebda informazzjoni dwar il-verifika tal-offerti magħżula sabiex jiġi stabbilit li dawn ma kinux anormalment baxxi.

34      Il-Qorti Ġenerali tfakkar li l-interess ġuridiku jikkostitwixxi l-kundizzjoni essenzjali u primarja għal kull azzjoni ġudizzjarja (sentenzi tas-17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il-Kummissjoni, C-33/14 P, EU:C:2015:609, punt 58, u tal-10 ta’ April 2013, GRP Security vs Qorti tal-Awdituri, T-87/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:161, punt 44). Fid-dawl tas-suġġett tar-rikors, dan għandu jeżisti fl-istadju tal-preżentata tiegħu taħt piena ta’ inammissibbiltà (sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il-Kummissjoni, C-362/05 P, EU:C:2007:322, punt 42).

35      Rikors għal annullament ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika huwa ammissibbli biss sa fejn din il-persuna għandha interess tannulla l-att ikkontestat. Tali interess jippreżupponi li l-annullament ta’ dan l-att jista’ jkollu, minnu nnifsu, konsegwenzi legali u li r-rikors b’hekk jista’, bl-eżitu tiegħu, jipprovdi benefiċċju lill-parti li tkun ippreżentatu (digriet tal-5 ta’ Marzu 2009, Il-Kummissjoni vs Provincia di Imperia, C-183/08 P, mhux ippubblikat, EU:C:2009:136, punt 19; sentenza tas-17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il-Kummissjoni, C-33/14 P, EU:C:2015:609, punt 55; digriet tat-30 ta’ April 2007, EnBW Energie Baden-Württemberg vs Il-Kummissjoni, T-387/04, EU:T:2007:117, punt 96, u sentenza tat-22 ta’ Mejju 2012, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, T-17/09, mhux ippubblikata, EU:T:2012:243, punt 117).

36      Dan l-interess għandu jibqa’ jeżisti sal-mument tal-għoti tad-deċiżjoni ġudizzjarja taħt piena li ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni (ara s-sentenzi tas-7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il-Kummissjoni, C-362/05 P, EU:C:2007:322, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il-Kummissjoni, C-33/14 P, EU:C:2015:609, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan ir-rekwiżit jiggarantixxi fil-fatt, fuq livell proċedurali, li, fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, il-Qorti Ġenerali ma tiġix adita b’talbiet għal opinjoni jew domandi purament teoretiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2009, Socratec vs Il-Kummissjoni, T-269/03, mhux ippubblikata, EU:T:2009:211, punt 36).

37      F’dan il-każ, it-tieni deċiżjoni kkontestata kienet toħloq preġudizzju lir-rikorrenti fil-mument tal-preżentata tar-rikors, għaliex fl-imsemmija deċiżjoni, l-Aġenzija kienet tiċħad l-offerta tagħhom għal-lott 2 u kienet tagħżel tliet offerenti oħra. Annullament ta’ din id-deċiżjoni jkollu r-riżultat li l-Aġenzija jkollha fil-prinċipju tevalwa mill-ġdid l-offerta tar-rikorrenti li jista’ jkun ta’ benefiċċju għalihom, peress li ma jistax jiġi eskluż, b’mod partikolari, li wara l-evalwazzjoni mill-ġdid, il-lott 2 jista’ jingħata lir-rikorrenti. Barra minn hekk, annullament ta’ din id-deċiżjoni jista’ jwassal lill-Aġenzija, fil-futur, sabiex tagħmel emendi xierqa għall-proċeduri ta’ sejħa għal offerti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Mejju 2014, European Dynamics Luxembourg vs BĊE, T-553/11, mhux ippubblikata, EU:T:2014:275, punt 95 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, ir-rikorrenti kellhom interess ġuridiku kontra t-tieni deċiżjoni kkontestata fil-mument tal-preżentata tar-rikors u għaldaqstant dan tal-aħħar kien ammissibbli.

38      Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 36 iktar ’il fuq, l-interess ġuridiku għandu jibqa’ jeżisti matul l-istanza kollha u t-telf ta’ dan l-interess matul l-istanza ma jwassalx għall-inammissibbiltà tar-rikors iżda ma jibqax lok li tingħata deċiżjoni. Skont l-Artikolu 130(2) tar-Regoli tal-Proċedura parti tista’ titlob li l-Qorti Ġenerali tikkonstata li ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni. Barra minn hekk, l-Artikolu 131(2) tal-imsemmi regolament jippermetti lill-Qorti Ġenerali tikkonstata ex officio li ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni fil-każ ta’ assenza ta’ risposta ta’ rikorrent għad-domandi tal-Qorti Ġenerali.

39      Sa fejn l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Aġenzija tista’ tiġi kkunsidrata bħala talba li ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni, jaqbel li jiġi kkonstatat li l-Aġenzija ma għandhiex raġun meta tallega li r-rikorrenti tilfu l-interess ġuridiku tagħhom minħabba li fl-24 ta’ Lulju 2015, jiġifieri wara s-17 ta’ Lulju 2015, data tal-preżentata tar-rikors li kien esklużivament dwar nuqqas ta’ motivazzjoni, iżda qabel il-11 ta’ Settembru 2015, data tal-iskadenza tat-terminu tar-rikors, huma kienu rċevew motivazzjoni kompleta min-naħa tal-Aġenzija dwar in-natura mhux anormalment baxxa tal-offerti magħżula, iżda li ma kinux ikkontestaw il-fondatezza tagħhom qabel l-iskadenza tat-terminu għar-rikors.

40      Fil-fatt, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk l-Aġenzija setgħetx effettivament tipprovdi motivi għat-tieni deċiżjoni kkontestata wara l-preżentata tar-rikors mir-rikorrenti kontra l-imsemmija deċiżjoni, xorta jibqa’ l-fatt li l-motivazzjoni pprovduta mill-Aġenzija fl-24 ta’ Lulju 2015 hija effettivament konformi mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE. Issa, adita b’rikors għal annullament kontra deċiżjoni tal-Aġenzija, hija l-Qorti Ġenerali u mhux l-Aġenzija li għandha tiddeċiedi dwar in-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni li tinsab fl-imsemmija deċiżjoni.

41      Barra minn hekk, sa fejn l-Aġenzija trendi dipendenti fuq l-interess ġuridiku tar-rikorrenti l-fondatezza tal-ilmenti tagħhom, għandu jitfakkar li, sabiex parti jkollha interess ġuridiku, huwa neċessajru, iżda suffiċjenti li, bir-riżultat tiegħu, ir-rikors għal annullament ippreżentat quddiem il-qorti tal-Unjoni Ewropea jkun suxxettibbli li jipprovdi benefiċċju lill-parti li tkun ippreżentatu (sentenza tas-17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il-Kummissjoni, C-33/14 P, EU:C:2015:609, punt 76). L-interess ġuridiku tar-rikorrenti għalhekk ma jiddependix mill-fondatezza tal-ilment tagħhom. F’dan il-każ, fl-ipoteżi li t-tieni deċiżjoni hija vvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni, dan in-nuqqas jista’ jwassal għall-annullament tal-imsemmija deċiżjoni, li, għar-raġunijiet indikati fil-punt 37 iktar ’il fuq, jista’ joħloq benefiċċju għar-rikorrenti.

42      Fl-aħħar nett, l-Aġenzija tallega b’mod żbaljat li r-rikorrenti ma kkontestawx il-motivi li jinsabu fl-ittra tagħha tal-24 ta’ Lulju 2015. Fil-fatt, fir-risposta tagħhom, ir-rikorrenti jikkontestaw espressament in-natura adegwata tal-motivazzjoni li tinsab fl-imsemmija ittra. Il-fatt li din il-kontestazzjoni ma seħħitx fit-terminu għar-rikors huwa indifferenti għall-evalwazzjoni tal-interess ġuridiku tar-rikorrenti, peress li dan l-interess ma jiġi evalwat la fir-rigward tal-iskadenza tal-imsemmi terminu u lanqas fir-rigward tal-fondatezza tal-ilmenti mressqa.

43      Minħabba l-motivi kollha preċedenti, l-argumenti tal-Aġenzija bbażati fuq l-allegata assenza ta’ interess ġuridiku tar-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-ammissibbiltà tan-nota addizzjonali tal-Aġenzija tas-26 ta’ Novembru 2015

44      Fis-26 ta’ Novembru 2015, l-Aġenzija ppreżentat nota fejn iddikjarat il-fatt li fit-30 ta’ Ottubru 2015, hija kienet adottat id-deċiżjoni ta’ għoti tal-lott 3 tal-kuntratt ESP EISD 5. Hija tqis li dan il-fatt ġdid juri li r-rikorrenti jallegaw b’mod żbaljat li l-impriżi li jipparteċipaw għas-sejħa għal offerti għall-kuntratt ESP EISD 4 kienu jafu bi preċiżjoni l-offerti ta’ prezz tagħhom fl-imsemmija proċedura. Skont l-Aġenzija, din in-nota hija ammissibbli, peress li tinkludi “motivi ġodda” u provi ġodda. Ir-rikorrenti ma jikkontestawx l-ammissibbiltà ta’ din in-nota, iżda l-fondatezza tal-argumenti li huma magħmula fiha.

45      L-Artikolu 84(1) u l-Artikolu 85(2) u (3) tar-Regoli tal-Proċedura jippermettu, minn naħa, il-produzzjoni ta’ motivi ġodda matul l-istanza bil-kundizzjoni li jkunu bbażati fuq punti ta’ liġi jew ta’ fatt li jkunu ġew żvelati matul il-proċedura u, min-naħa l-oħra, il-preżentazzjoni ta’ provi tardivi bil-kundizzjoni li jkunu ġġustifikati. F’dan il-każ, id-deċiżjoni ta’ għoti tal-lott 3 tal-kuntratt ESP EISD 5 ġiet adottata fit-30 ta’ Ottubru 2015. Hija tikkostitwixxi element li ġie żvelat matul il-proċedura. In-nota tas-26 ta’ Novembru 2015 u l-produzzjoni tal-provi inkwistjoni għandhom għalhekk jiġu ddikjarati ammissibbli (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-29 ta’ Ottubru 2015, Vanbreda Risk & Benefits vs Il-Kummissjoni, T-199/14, EU:T:2015:820, punti 58 sa 62).

 Fuq l-ammissibbiltà tal-Anness C 4

46      L-Aġenzija tqis li l-Anness C 4 tar-replika, li jinkludi kopja tar-rapport tal-bord ta’ evalwazzjoni tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) relatat mal-kuntratt pubbliku inkwistjoni fis-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2013, European Dynamics Belgium vs EMA (T-638/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:530), huwa inammissibbli b’applikazzjoni tad-digriet tal-15 ta’ Ottubru 2009, Hangzhou Duralamp Electronics vs Il-Kunsill (T-459/07, EU:T:2009:403), u tal-15 ta’ Ottubru 2009, u tal-punt 25 tad-dispożizzjonijiet prattiċi ta’ eżekuzzjoni tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali (ĠU 2015, L 152, p. 1). Skont l-Aġenzija, ir-rikorrenti għandhom dan id-dokument għaliex huma kienu parti mill-kawża li wasslet għall-imsemmija sentenza. Madankollu, huma ma ġabux il-prova li kienu talbu u kisbu l-permess tal-EMA sabiex jipproduċu dan l-att ta’ proċedura f’din il-kawża. L-Aġenzija talbet li, b’applikazzjoni tal-Artikolu 130(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Anness C 4 jiġi rtirat mill-proċess ta’ din il-kawża u li ma jitteħdux inkunsiderazzjoni l-argumenti mressqa mir-rikorrenti fil-punt 36 tar-replika fir-rigward ta’ dan l-anness.

47      Ir-rikorrenti ma ħadux pożizzjoni dwar l-ammissibbiltà tal-Anness C 4, peress li l-Aġenzija qajmet l-inammissibbiltà tiegħu fil-kontroreplika.

48      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-punt 25 tad-dispożizzjonijiet prattiċi ta’ eżekuzzjoni tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi li att ta’ proċedura u l-annessi tiegħu prodotti f’kawża, infilzati fil-proċess ta’ din tal-aħħar, ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-bżonnijiet ta’ preparazzjoni ta’ kawża oħra. Din id-dispożizzjoni tirregola għalhekk il-preparazzjoni ta’ kawża quddiem u mill-Qorti Ġenerali fl-eżerċizzju tas-setgħa tagħha ta’ organizzazzjoni tal-proċedura. L-Anness C 4 tressaq mir-rikorrenti bħala prova u mhux bħala dokument intiż sabiex jiġi ppreparat il-proċess tagħhom wara talba f’dan is-sens min-naħa tal-Qorti Ġenerali. Għaldaqstant, l-invokazzjoni tal-punt 25 tad-dispożizzjonijiet prattiċi ta’ eżekuzzjoni tar-Regoli tal-Proċedura hija ineffettiva għall-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà tal-Anness C 4.

49      Barra minn hekk, sa fejn l-Aġenzija tinvoka d-digriet tal-15 ta’ Ottubru 2009, Hangzhou Duralamp Electronics vs Il-Kunsill (T-459/07, EU:T:2009:403), insostenn tal-argument tagħha skont liema l-Anness C 4 huwa inammissibbli, huwa importanti li jitfakkar li l-prinċipju li jipprevali fid-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-provi huwa dak tal-ammissjoni libera tal-provi (sentenzi tal-25 ta’ Jannar 2007, Dalmine vs Il-Kummissjoni, C-407/04 P, EU:C:2007:53, punt 63, u tat-12 ta’ Ġunju 2015, Health Food Manufacturers’ Association et vs Il-Kummissjoni, T-296/12, EU:T:2015:375, punt 42).

50      Il-prinċipju tal-amministrazzjoni libera tal-provi jimplika għall-Qorti Ġenerali li l-uniku kriterju rilevanti għall-evalwazzjoni tal-provi prodotti jinsab fil-kredibbilta tagħhom (sentenzi tal-25 ta’ Jannar 2007, Dalmine vs Il-Kummissjoni, C-407/04 P, EU:C:2007:53, punt 63, u tad-19 ta’ Diċembru 2013, Siemens et vs Il-Kummissjoni, C-239/11 P, C-489/11 P u C-498/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:866, punt 128).

51      Il-prinċipju tal-amministrazzjoni libera tal-provi għandu bħala korollarju dak tal-libertà tal-prova (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2005, General Electric vs Il-Kummissjoni, T-210/01, EU:T:2005:456, punt 297), li jagħti lill-partijiet il-possibbiltà li jipproduċu quddiem il-qorti tal-Unjoni kwalunkwe prova miksuba b’mod regolari li huma jqisu rilevanti sabiex isostnu l-pożizzjonijiet tagħhom. Din il-libertà tal-prova tikkontribwixxi sabiex jiġi ggarantit lill-partijiet dritt għal rikors effettiv stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

52      Il-prinċipji tal-amministrazzjoni libera tal-prova u tal-libertà tal-prova għandhom madankollu jikkonċiljaw ruħhom mal-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni bħal dawk tad-dritt għal proċess xieraq u ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet.

53      B’hekk, l-amministrazzjoni libera tal-provi għandha tikkonċilja ruħha mad-dritt għal kull parti li tiddefendi l-interessi tagħha indipendentement minn kull influwenza esterna, b’mod partikolari min-naħa tal-pubbliku, u li tkun protetta kontra l-użu mhux xieraq tal-atti proċedurali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Ġunju 1998, Svenska Journalistförbundet vs Il-Kunsill, T-174/95, EU:T:1998:127, punti 135 u 136).

54      Għalhekk hija l-Qorti Ġenerali li għandha tevalwa n-natura xierqa tal-użu li jsir minn parti minn att proċedurali li jkun joriġina minn kawża oħra.

55      Mill-prinċipju tal-libertà tal-prova jirriżulta li parti quddiem il-Qorti Ġenerali għandha, fil-prinċipju, id-dritt li tinvoka bħala prova atti prodotti matul proċedura ġudizzjarja oħra li hija stess kienet parti għaliha. Jekk il-parti kellha aċċess għal dawn l-atti b’mod regolari u ma humiex kunfidenzjali, l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja ma tipprekludix, bħala prinċipju, il-produzzjoni tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li parti fi proċedura quddiemha ma setgħetx titlob l-irtirar ta’ att proċedurali jekk dan l-att proċedurali kien diġà ġie prodott mill-imsemmija parti fi proċedura oħra bejn l-istess partijiet (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-15 ta’ Mejju 1991, Weddel vs Il-Kummissjoni, C-54/90, mhux ippubblikat, punti 1 sa 5).

56      Barra minn hekk, il-kunsens tal-parti li jkun joriġina minnha l-att proċedurali ma jistax jikkostitwixxi l-kundizzjoni preliminari għall-ammissibbiltà ta’ att li jkun joriġina minn kawża oħra quddiem il-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, għalkemm il-ftehim tal-parti li jkun joriġina minnha l-att jista’ jkun element rilevanti għall-evalwazzjoni tan-natura xierqa tal-użu tiegħu, li jiġi impost li dan il-kunsens jinkiseb qabel il-produzzjoni tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali taħt piena ta’ inammissibbiltà jikkonferixxi fuq il-parti li jkun joriġina minnha s-setgħa li teskludih u b’hekk li ċċaħħad lill-Qorti Ġenerali milli tiddeċiedi dwar in-natura xierqa tal-użu tiegħu u, għaldaqstant, li tissodisfa l-obbligu tagħha li toffri lil kull parti possibbiltà raġonevoli li tippreżenta l-kawża tagħha, inkluż il-provi tagħha, f’kundizzjonijiet li ma jpoġġuhiex f’sitwazzjoni ta’ żvantaġġ nett meta mqabbla mal-avversarju tagħha, li huwa l-bażi tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2012, Otis et, C-199/11, EU:C:2012:684, punt 71). Għalhekk, hija l-Qorti Ġenerali, f’kull każ, li għandha tibbilanċja minn naħa, il-libertà tal-prova u, min-naħa l-oħra, il-protezzjoni kontra l-użu mhux xieraq tal-atti proċedurali ta’ partijiet għall-proċedura ġudizzjarji.

57      F’dan il-każ, l-Anness C 4 prodott mir-rikorrenti jinkludi kopja tar-rapport tal-bord ta’ evalwazzjoni tal-EMA, adottat fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt bir-referenza EMA-2011-05-DV, fejn l-ismijiet ta’ ċerti subkuntratturi u ismijiet tal-membri tal-bord ta’ evalwazzjoni huma kkanċellati.

58      Ir-rikorrenti kellhom aċċess għar-rapport tal-bord ta’ evalwazzjoni inkwistjoni, għaliex għamlu offerta għall-ksib ta’ kuntratt pubbliku bir-referenza EMA-2011-05-DV. Wara d-deċiżjoni tal-EMA li tagħti dan il-kuntratt lil offerent ieħor u tiċħad l-offerta tagħhom, ir-rikorrenti ressqu rikors quddiem il-Qorti Ġenerali li ta lok għas-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2013, European Dynamics Belgium et vs EMA (T-638/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:530).

59      Mis-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2013, European Dynamics Belgium et vs EMA (T-638/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:530) jirriżulta li r-rapport tal-bord ta’ evalwazzjoni inkwistjoni kkostitwixxa att proċedurali infilzat fil-proċess ta’ din il-kawża. Il-Qorti Ġenerali tirreferi għal dan b’mod partikolari fil-punti 31, 34 u 37 tal-imsemmija sentenza.

60      Barra minn hekk, fis-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2013, European Dynamics Belgium et vs EMA (T-638/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:530), il-Qorti Ġenerali indikat li r-rapport tal-bord ta’ evalwazzjoni inkwistjoni ġie kkomunikat lir-rikorrenti mill-EMA qabel ma dawn ippreżentaw rikors kontra d-deċiżjonijiet tal-EMA li tagħti dan il-kuntratt lil offerent ieħor u li tiċħad l-offerta tagħhom. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 11 tal-imsemmija sentenza, permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Ottubru 2011, l-EMA bagħtet lir-rikorrenti kopja tal-imsemmi rapport, bl-ismijiet tal-membri tal-bord ta’ evalwazzjoni kkanċellati, u l-ismijiet tat-tliet offerenti li l-offerti tagħhom kienu ġew magħżula ma ġewx ikkanċellati. Dan ir-rapport kien jagħmel parti mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni adottata mill-EMA li tagħti l-kuntratt lil offerenti oħra u mhux lir-rikorrenti. Abbażi tal-istess rapport, ir-rikorrenti setgħu jevalwaw jekk kienx jaqbel li tiġi attakkata fil-qrati d-deċiżjoni ta’ għażla meħuda mill-EMA, li fil-fatt għamlu fit-12 ta’ Diċembru 2011 meta ppreżentaw rikors quddiem il-Qorti Ġenerali.

61      B’hekk, ir-rikorrenti għandhom ir-rapport tal-bord ta’ evalwazzjoni inkwistjoni minħabba li kienu għamlu offerta wara sejħa għal offerti għal kuntratt pubbliku organizzata mill-EMA u li, bħala offerent eskluż, huma talbu r-raġunijiet għaċ-ċaħda tal-offerta tagħhom. Għaldaqstant, ir-rikorrenti kisbu dan ir-rapport b’mod regolari.

62      Il-fatt li r-rapport tal-bord ta’ evalwazzjoni inkwistjoni kkostitwixxa sussegwentement att proċedurali fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2013, European Dynamics Belgium et vs EMA (T-638/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:530), u li r-rikorrenti ma kisbux il-kunsens mingħand l-EMA sabiex jużawh f’din il-kawża ma jippermettix li l-użu tiegħu jiġi kkwalifikat bħala mhux xieraq. Fil-fatt, minbarra l-fatt li r-rikorrenti kisbu dan ir-rapport b’mod regolari, għandu jiġi kkonstatat li d-data u l-evalwazzjonijiet tal-EMA li jinsabu fl-imsemmi rapport ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala kunfidenzjali fil-konfront tal-Aġenzija. Barra minn hekk, fid-dawl tal-kontenut ta’ dan id-dokument u tal-libertà tal-prova tar-rikorrenti, l-EMA ma setgħetx effettivament tirrifjuta li jiġi żvelat lill-Aġenzija fil-kuntest ta’ din il-proċedura. Minn dan isegwi li l-kunsens tal-EMA għall-użu ta’ dan id-dokument f’din il-proċedura ma kienx meħtieġ. Konsegwentement, li l-produzzjoni tal-Anness C 4 tiġi miċħuda bħala inammissibbli huwa kuntrarju għall-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja sa fejn tali ċaħda tillimita, mingħajr motiv ġust, il-libertà tal-prova tar-rikorrenti.

63      Minħabba l-motivi preċedenti, l-Anness C 4 għandu jiġi ddikjarat ammissibbli.

 Fuq l-ammissibbiltà tal-argumenti tar-rikorrenti li jinsabu fir-risposti tagħhom fir-rigward taż-żamma ta’ seduta

64      Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Ġunju 2016, ir-rikorrenti indikaw li ma kinux qegħdin jitolbu ż-żamma ta’ seduta, iżda li kienu disponibbli sabiex jipparteċipaw fiha jekk il-Qorti Ġenerali kellha tiddeċiedi li żżomm seduta. Huma ġġustifikaw l-għażla tagħhom li ma jitolbux li tinżamm seduta billi ġibdu l-attenzjoni tal-Qorti Ġenerali fuq ċerti punti tal-kontroreplika.

65      Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Ġunju 2016, l-Aġenzija indikat li hija kienet se toqgħod fuq id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali fir-rigward ta’ possibbli seduta. Barra minn hekk, permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Ġunju 2016, hija qieset li r-rikorrenti kienu ppreżentaw motivi ġodda fl-osservazzjonijiet tagħhom dwar iż-żamma ta’ seduta tas-7 ta’ Ġunju 2016. Prinċipalment, hija talbet li l-imsemmija ittra tiġi mibgħuta lir-rikorrenti filwaqt li ppreċiżat li kienet inaċċettabbli u li l-Qorti Ġenerali ma għandhiex tieħu inkunsiderazzjoni l-motivi li kienu jinsabu fiha. Sussidjarjament, hija talbet li tkun tista’ tirrispondi għal dawn il-motivi jew bil-miktub jew matul is-seduta fil-każ li l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li żżomm waħda.

66      Il-Qorti Ġenerali tosserva li l-argumenti mressqa mir-rikorrenti fl-ittra tagħhom tas-7 ta’ Ġunju 2016 jikkostitwixxu l-motivi tan-nuqqas ta’ talba tagħhom li tinżamm seduta. Dawn il-motivi ma jinkludux argumenti ġodda meta mqabbla ma’ dawk li kienu diġà tressqu mir-rikorrenti fir-rikors u fir-replika. L-Aġenzija ma tesponix biżżejjed fuq liema bażi hija ssostni li r-rikorrenti ppreżentaw motivi awotnomi b’reazzjoni għall-argumenti tagħha msemmija fil-kontroreplika.

67      Konsegwentement, ma hemmx lok li tintlaqa’ t-talba tal-Aġenzija li l-ittra tar-rikorrenti tas-7 ta’ Ġunju 2016 tiġi kkunsidrata inammissibbli u lanqas għat-talba li tingħatalha l-possibbiltà li tirrispondi għaliha. Barra minn hekk, peress li l-argumenti mressqa mir-rikorrenti fl-ittra tagħhom tas-7 ta’ Ġunju 2016 jikkostitwixxu unikament motivi li jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ talba tagħhom li tinżamm seduta, il-Qorti Ġenerali ma hijiex ser tieħu inkunsiderazzjoni l-motivi tagħhom fl-evalwazzjoni tal-motiv uniku mressaq mir-rikorrenti bbażat fuq ksur, mill-aġenzija, tal-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni.

 Fuq il-mertu

 Introduzzjoni

68      Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw motiv uniku bbażat fuq il-ksur mill-Aġenzija tal-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha. Huma jqisu, essenzjalment, li d-deċiżjonijiet ikkontestati kkompletati bir-rendikont tal-bord ta’ evalwazzjoni huma vvizzjati minn nuqqas ta’ motivazzjoni f’dak li jikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk l-offerti magħżula għal kull lott inkwistjoni għandhomx “natura eċċessivament baxxa”.

69      Insostenn tal-motiv uniku, ir-rikorrenti jallegaw li l-kuntratti ESP EISD 4 u ESP EISD 5 kellhom l-istess suġġett u deskrizzjoni simili tad-diversi lottijiet u li l-offerenti fil-kuntest tas-sejħa għal offerti relatata mal-kuntratt ESP EISD 5 kienu jafu preċiżament il-prezzijiet li kienu pproponew fil-kuntest tas-sejħa għal offerti relatata mal-kuntratt ESP EISD 4. L-applikazzjoni inversa tal-formula matematika ta’ evalwazzjoni finanzjarja tal-offerti prevista fis-sejħa għal offerti li tikkonċerna l-kuntratt ESP EISD 4 kkombinata ma’ serje ta’ ipoteżi raġonevoli osservati fuq is-suq tippermetti lill-offerenti li jifhmu l-prezzijiet użati mill-kompetituri tagħhom. L-offerenti li ġew milqugħa l-offerti tagħhom għal-lottijiet 1 u 2 tal-kuntratt ESP EISD 5 naqqsu l-prezzijiet tagħhom b’mod anormali meta mqabbla ma’ dawk li kienu pproponew fil-profili korrispondenti tas-sejħa għal offerti fir-rigward tal-kuntratt ESP EISD 4. L-imsemmija offerenti pproċedew b’dan il-mod sabiex jikkontrobilanċjaw in-nuqqas ta’ kwalità fl-offerti tekniċi tagħhom u sabiex jaraw l-offerti tagħhom jiġu kklassifikati f’pożizzjoni aħjar għall-imsemmija lottijiet. Ir-rikorrenti jinvokaw f’dan ir-rigward ċerti offerti tal-offerenti inkwistjoni. Skont ir-rikorrenti, l-Aġenzija kellha għalhekk timmotiva għal-liema raġuni l-offerti milqugħa ma kinux anormalment baxxi u tali motivazzjoni timplika li hija tesponi r-raġunament li abbażi tiegħu, minn naħa, ikkonkludiet li, minħabba l-karatteristiċi prinċipalment finanzjarji tagħhom, tali offerti kienu jirrispettaw b’mod partikolari l-leġiżlazzjojni tal-pajjiż fejn is-servizzi kellhom jiġu pprovduti, fil-qasam ta’ remunerazzjoni tal-persunal, ta’ kontribuzzjoni għas-sistema ta’ sigurtà soċjali u ta’ osservanza tar-regoli ta’ sigurtà u ta’ saħħa fuq ix-xogħol, u, min-naħa l-oħra, hija vverifikat li l-prezzijiet proposti kienu jinkludu l-ispejjeż kollha involuti mill-aspetti tekniċi tal-offerti magħżula. Issa, l-ebda dokument ipprovdut mill-Aġenzija ma kien jagħmel riferiment għall-kwistjoni tal-offerti anormalment baxxi. Għaldaqstant, l-Aġenzija kisret l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni u d-deċiżjonijiet ikkontestati għandhom jiġu annullati.

70      L-Aġenzija tikkontesta li kisret l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni. Hija tqis li l-informazzjoni kkomunikata lir-rikorrenti kienet tosserva l-kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza fil-qasam tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Ir-rikorrenti ma wrew la għal liema raġuni, f’dan il-każ, l-eżami tal-offerti anormalment baxxi kien jikkostitwixxi element obbligatorju tal-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestata u lanqas għal liema raġuni l-offerti finanzjarji tal-offerenti magħżula kienu jidhru anormalment baxxi.

71      Fid-dawl ta’ dawn l-argumenti, huwa importanti, l-ewwel nett, li titfakkar il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni li għandha l-Aġenzija bħala awtorità kontraenti, it-tieni nett, li tiġi ppreċiżata l-portata tar-regoli li jirregolaw l-offerti anormalment baxxi u, fit-tielet nett, li jiġi vverifikat jekk, f’dan il-każ, l-Aġenzija rrispettatx l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha.

 Fuq il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-Aġenzija bħala awtorità kontraenti

72      Skont l-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali, l-amministrazzjoni għandha l-obbligu li timmotiva d-deċiżjonijiet tagħha. Dan l-obbligu ta’ motivazzjoni jimplika, skont ġurisprudenza stabbilita sew li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, l-awtur ta’ att għandu juri b’mod ċar u inekwivoku ir-raġunament li huwa bbażat fuqu l-imsemmi att, b’mod li jippermetti lill-partijiet interessati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda sabiex isostnu d-drittijiet tagħhom u, min-naħa l-oħra, b’mod li jippermetti lill-qorti teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenzi tal-25 ta’ Frar 2003, Strabag Benelux vs Il-Kunsill, T-183/00, EU:T:2003:36, punt 55; tal-24 ta’ April 2013, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, T-32/08, mhux ippubblikata, EU:T:2013:213, punt 37, u tat-28 ta’ Ġunju 2016, AF Steelcase vs EUIPO, T-652/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:370, punt 43).

73      L-obbligu ta’ motivazzjoni huwa ddefinit b’hekk mill-funzjoni tiegħu, jiġifieri li jippermetti lill-partijiet interessati jsostnu d-drittijiet tagħhom u lill-qorti li teżerċita l-istħarriġ tagħha. Dan jipparteċipa fil-garanzija ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara s-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2011, Evropaïki Dynamiki vs BEI, T-461/08, EU:T:2011:494, punt 122 u l-ġurisprudenza ċċitata).

74      Minn dan isegwi li l-kwistjoni dwar jekk l-obbligu ta’ motivazzjoni ġiex osservat għandha, bħala regola, tiġi evalwata abbażi tal-informazzjoni li r-rikorrenti jkollhom, l-iktar tard, sal-mument tal-preżentata tar-rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta’ Frar 2003, Renco vs Il-Kunsill, T-4/01, EU:T:2003:37, punt 96; tad-19 ta’ April 2012, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, T-49/09, mhux ippubblikata, EU:T:2012:186, punt 36; tal-21 ta’ Frar 2013, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, T-9/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:88, punti 27 u 28, u tat-23 ta’ Mejju 2014, European Dynamics Luxembourg vs BĊE, T-553/11, mhux ippubblikata, EU:T:2014:275, punt 167 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-motivazzjoni tista’ tiġi espressa għall-ewwel darba u a posteriori quddiem il-qorti. Huma biss ċirkustanzi eċċezzjonali li jistgħu jiġġustifikaw it-teħid inkunsiderazzjoni mill-qorti ta’ elementi pprovduti fil-mori tal-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Mejju 2009, VIP Car Solutions vs Il-Parlament, T‑89/07, EU:T:2009:163, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

75      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-ħtieġa ta’ motivazzjoni għandha tkun evalwata abbażi taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li d-destinatarji tal-att jew kull persuna oħra kkonċernata direttament u individwalment mill-att jista’ jkollha li tirċievi spjegazzjonijiet. Il-motivazzjoni ma għandhiex bilfors tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem tagħha, iżda wkoll f’dak tal-kuntest tagħha u tar-regoli kollha tad-dritt li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat (ara s-sentenza tat-23 ta’ Mejju 2014, European Dynamics Luxembourg vs BĊE, T-553/11, mhux ippubblikata, EU:T:2014:275, punt 153 u l-ġurisprudenza ċċitata).

76      Ir-regoli li jirregolaw il-kuntratti pubbliċi tal-Unjoni Ewropea li jinsabu b’mod partikolari fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ottubru 2012, dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU 2012, L 298, p. 1), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-każ inkwistjoni (iktar 'il quddiem ir-“Regolament finanzjarju”) u r-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tal-Kummissjoni, tad-29 ta’ Ottubru 2012, dwar ir-regoli ta’ applikazzjoni tar-Regolament finanzjarju (ĠU 2012, L 362, p. 1), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-każ inkwistjoni (iktar 'il quddiem ir-“regoli ta’ implementazzjoni”), u li jappliaw għall-Aġenzija [ara l-Artikoli 22 u 40 tar-Regolament (KE) Nru 881/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea tal-Ferroviji (ĠU 2004, L 164, p.1), moqri flimkien mal-Artikolu 85 tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013, tat-30 ta’ Settembru 2013, dwar Regolament Finanzjarju ta’ qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2013, L 328, p. 42) applikabbli f’dan il-każ], jippreċiżaw l-obbligu ta’ motivazzjoni tal-awtorità kontraenti.

77      B’hekk, l-Artikolu 113(2) tar-Regolament finanzjarju jipprovdi li l-awtorità kontraenti għandha tinnotifika, minn naħa, lill-offerenti kollha li ma jintgħażlux il-motivi għaċ-ċaħda tal-offerta tagħhom u, min-naħa l-oħra, lil kull offerent li jkun jissodisfa l-kriterju ta’ esklużjoni u ta’ għażla u li jkun għamel it-talba bil-miktub, il-karatteristiċi u l-vantaġġi relattivi tal-offerta magħżula kif ukoll l-isem ta’ min jingħatalu l-kuntratt. Barra minn hekk, abbażi tal-Artikolu 161(2) tar-regoli ta’ applikazzjoni, l-awtorità kontraenti għandha tibgħat din l-aħħar informazzjoni f’terminu ta’ ħmistax-il ġurnata mid-data ta’ meta tirċievi talba bil-miktub. L-Artikolu 161(3) ta’ dan l-aħħar regolament itenni b’mod partikolari li l-offerenti esklużi jistgħu jiksbu, fuq talba bil-miktub, informazzjoni komplementari dwar ir-raġunijiet ta’ ċaħda u dwar il-vantaġġi relattivi tal-offerta magħżula kif ukoll l-isem ta’ min jingħata l-kuntratt.

78      L-Artikolu 113(2) tar-Regolament finanzjarju u tal-Artikolu 161(2) tar-regoli ta’ implementazzjoni jipprovdu għalhekk fir-rigward tal-offerenti esklużi motivazzjoni f’żewġ mumenti. L-awtorità kontraenti għandha tinnotifika, qabel xejn, lill-offerenti kollha eklużi li l-offerti tagħhom ġiet miċħuda u r-raġunijiet ta’ din iċ-ċaħda. Dawn il-motivi jistgħu jkunu fil-qosor fid-dawl tal-possibbiltà prevista minn din l-istess dispożizzjoni għall-offerent eskluż li jitlob motivazzjoni iktar preċiża. Sussegwentement, abbażi ta’ dawn l-istess dispożizzjonijiet, jekk offerent eskluż li jkun jissodisfa l-kriterji ta’ esklużjoni u ta’ għażla jagħmel it-talba bil-miktub, l-awtorità kontraenti għandha tikkomunika, kemm jista’ jkun malajr u fi kwalunkwe każ f’terminu ta’ ħmistax-il ġurnata minn meta tirċievi din it-talba, il-karatteristiċi u l-vantaġġi relattivi tal-offerta magħżula kif ukoll l-isem tal-persuna li tkun intgħażlet.

79      Il-Qorti Ġenerali qieset li dan l-iżvelar tal-motivi f’żewġ mumenti ma huwiex kuntrarju għall-finalità tal-obbligu ta’ motivazzjoni li jikkonsisti f’li jkun permess, minn naħa, lill-persuni interessati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda sabiex isostnu d-drittijiet tagħhom u, min-naħa l-oħra, lill-qorti li teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta’ Frar 2003, Renco vs Il-Kunsill, T-4/01, EU:T:2003:37, punt 93; tal-15 ta’ Ottubru 2013, European Dynamics Belgium et vs EMA, T-638/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:530, punt 24, u tas-17 ta’ Settembru 2015, Ricoh Belgium vs Il-Kunsill, T-691/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:641, punt 38).

80      Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE jikkostitwixxi formalità sostanzjali li għandha tkun distinta mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, li taqa’ taħt il-legalità fil-mertu tal-att ikkontestat (sentenzi tat-23 ta’ Mejju 2014, European Dynamics Luxembourg vs BĊE, T-553/11, mhux ippubblikata, EU:T:2014:275, punt 154, u tat-28 ta’ Ġunju 2016, AF Steelcase vs EUIPO, T-652/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:370, punt 47).

81      Peress li l-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ att jiddependi mill-kuntest fattwali u ġuridiku li ġie adottat fih, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi segwenti tal-kuntest leġiżlattiv applikabbli f’dan il-każ li jirregola l-offerti anormalment baxxi.

 Fuq il-portata tar-regoli li jirregolaw l-offerti anormalment baxxi

82      L-Artikolu 151(1) tar-regoli ta’ implementazzjoni jipprovdi:

“1. Jekk, għal kuntratt partikolari, l-offerti jidhru anormalment baxxi, l-awtorità kontraenti, qabel ma tirrifjuta dawk l-offerti fuq dik il-bażi waħedha, trid titlob bil-miktub dettalji tal-elementi kostitwenti tal-offerta li hija tikkunsidra bħala rilevanti u għandha tivverifika dawk l-elementi kostitwenti, wara smigħ xieraq tal-partijiet, billi tqis l-ispjegazzjonijiet li tkun ingħatat. Dawn id-dettalji jistgħu jirrigwardaw b’mod partikolari l-osservanza tad-dispożizzjonijiet relatati mal-ħarsien tal-impjiegi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol li jkun hemm fis-seħħ fil-post fejn ikunu jridu jitwettqu x-xogħol, servizz jew provvista.

L-awtorità kontraenti tista’, b’mod partikolari, tikkunsidra spjegazzjonijiet dwar:

a)      l-ekonomija tal-proċess tal-manifattura, tal-forniment tas-servizzi jew tal-metodu ta’ kostruzzjoni;

b)      is-soluzzjonijiet tekniċi magħżula jew il-kundizzjonijiet eċċezzjonalment favorevoli għall-offerent;

c)      l-oriġinalità tal-offerta.

2. Meta l-awtorità kontraenti tistabbilixxi li offerta tkun anormalment baxxa b’riżultat tal-għajnuna pprovduta mill-Istat, hija tista’ tirrifjuta l-offerta fuq dik il-bażi biss jekk l-offerent ma jkunx kapaċi jipprova, fi żmien raġonevoli stabbilit mill-awtorità kontraenti, li l-għajnuna inkwistjoni tkun ingħatat b’mod definittiv u skont il-proċeduri u d-deċiżjonijiet speċifikati fir-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.”

83      Il-kunċett ta’ “offerta anormalment baxxa” ma huwa ddefinit la fid-dispożizzjonijiet tar-Regolament finanzjarju u lanqas f’dawk tar-regoli ta’ implementazzjoni. Madankollu ġie deċiż li n-natura anormalment baxxa ta’ offerta għandha tiġi evalwata inkonnessjoni mal-kompożizzjoni tal-offerta u inkonnessjoni mas-servizz inkwistjoni (sentenza tat-28 ta’ Jannar 2016, Agriconsulting Europe vs Il-Kummissjoni, T-570/13, EU:T:2016:40, punt 55).

84      Abbażi tal-Artikolu 158(4), tar-regoli ta’ implementazzjoni, f’każ ta’ offerti anormalment baxxi, il-kumitat ta’ evalwazzjoni għandu jitlob l-ispeċifikazzjonijiet rilevanti dwar il-kompożizzjoni tal-offerta.

85      Fir-rigward ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-obbligu, għal awtorità kontraenti, li tivverifika s-serjetà ta’ offerta jirriżulta mill-eżistenza preliminari ta’ dubji fir-rigward tal-affidibbiltà tagħha, sa fejn din id-dipożizzjoni għandha bħala għan prinċipali li tippermetti lil offerent li ma jitwarrabx mill-proċedura mingħajr ma jkun ingħata l-opportunità li jiġġustifika l-kontenut tal-offerta tiegħu li tkun tidher anormalment baxxa. Għalhekk huwa biss fejn ikunu jeżistu tali dubji li l-bord ta’ evalwazzjoni għandu jitlob preċiżazzjonijiet opportuni dwar il-kompożizzjoni tal-offerta, qabel, jekk ikun il-każ, ma jirrifjutaha. Min-naħa l-oħra, fl-ipoteżi fejn offerta ma tkunx tidher anormalment baxxa skont it-termini tal-Artikolu 158(4) tar-regoli ta’ implementazzjoni, l-imsemmi artikolu ma għandux japplika [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Lulju 2005, TQ3 Travel Solutions Belgium vs Il-Kummissjoni, T-148/04, EU:T:2005:274, punti 49 u 50; tal-11 ta’ Mejju 2010, PC-Ware Information Technologies vs Il-Kummissjoni, T-121/08, EU:T:2010:183, punt 72; tal-5 ta’ Novembru 2014, Computer Resources International (Luxembourg) vs Il-Kummissjoni, T-422/11, EU:T:2014:927, punt 57, u tal-15 ta’ Settembru 2016, European Dynamics Luxembourg u Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, T-698/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:476, punt 59].

86      Tali dubji jistgħu, b’mod partikolari, jeżistu jekk ikun jidher mhux ċert, minn naħa, li offerta tosserva l-leġiżlazzjoni tal-pajjiż li fih ikollhom jiġu pprovduti s-servizzi, fil-qasam ta’ remunerazzjoni tal-persunal, ta’ kontribuzzjoni għas-sistema ta’ sigurtà soċjali u ta’ osservanza tar-regoli ta’ sigurtà u ta’ saħħa fuq ix-xogħol, u, min-naħa l-oħra, li l-prezz propost kien jinkludi l-ispejjeż kollha involuti mill-aspetti tekniċi tal-offerti magħżula (sentenza tat-8 ta’ Ottubru 2015, Secolux vs Il-Kummissjoni, T-90/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:772, punt 62).

87      Minn dak li jippreċedi jirriżulta li l-evalwazzjoni, mill-awtorità kontraenti, tal-eżistenza ta’ offerti anormalment baxxi għandha ssir f’żewġ partijiet.

88      L-ewwel nett, l-awtorità kontraenti għandha tevalwa jekk l-offerti proposti jkunux “jidhru” anormalment baxxi [ara l-Artikolu 151(1) tar-regoli ta’ implementazzjoni]. L-użu tal-verb “jidhru” fir-regoli ta’ implementazzjoni jimplika li l-awtorità kontraenti għandha tagħmel evalwazzjoni prima facie tan-natura anormalment baxxa ta’ offerta. Ir-regoli ta’ implementazzjoni madankollu ma jimponux lill-awtorità kontraenti li twettaq ex officio analiżi ddettaljata tal-kompożizzjoni ta’ kull offerta sabiex tistabbilixxi li ma tikkostitwixxix offerta anormalment baxxa. B’hekk, fl-ewwel lok, l-awtorità kontraenti għandha tiddetermina biss jekk l-offerti magħmula jinkludux indizji ta’ natura li jqajjem is-suspett li jistgħu jkunu anormalment baxxi. Dan huwa b’mod partikolari l-każ meta l-prezz propost f’offerta magħmula jkun konsiderevolment inferjuri għal dak ta’ offerti oħra magħmula jew għall-prezz abitwali tas-suq. Jekk l-offerti magħmula ma jkunux jinkludu tali indizjii u ma jkunux jidhru anormalment baxxi, l-awtorità kontraenti tista’ tkompli l-evalwazzjoni ta’ din l-offerta u l-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt.

89      Min-naħa l-oħra, jekk ikunu jeżistu indizji ta’ natura li jqajmu s-suspett li offerta tista’ tkun anormalment baxxa, l-awtorità kontraenti għandha, fit-tieni lok, tivverifika l-kompożizzjoni tal-offerta sabiex tiżgura ruħha li din ma hijiex anormalment baxxa. Meta ssir din il-verifika, l-awtorità kontraenti għandha l-obbligu li tagħti lill-offerent tal-imsemmija offerta l-possibbiltà li jesponi għal liema raġunijiet huwa jqis li l-offerta tiegħu ma hijiex anormalment baxxa. L-awtorità kontraenti għandha tevalwa l-ispjegazzjonijiet ipprovduti u tiddetermina jekk l-offerta inkwistjoni hijiex ta’ natura anormalment baxxa, f’liema każ hija tkun obbligata tiċħadha.

90      Peress li l-ħtieġa ta’ motivazzjoni għandha b’mod partikolari tiġi evalwata fid-dawl tar-regoli ġudizzjarji applikabbli (ara l-punt 75 iktar 'il fuq), l-eżistenza ta’ dan l-eżami f’żewġ partijiet tinfluwixxi fuq il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-awtorità kontraenti.

 Analiżi tal-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni mill-Aġenzija f’dan il-każ

91      Il-Qorti Ġenerali diġà kellha l-okkażjoni li tiddeċiedi dwar l-obbligu ta’ motivazzjoni li għandha l-awtorità kontraenti meta, fil-fażi tal-evalwazzjoni tal-offerti, din ikollha dubju fir-rigward tan-natura anormalment baxxa ta’ offerta magħmula u li hija tkun ikkunsidrat, wara li tkun semgħet lill-offerent inkwistjoni u tkun għamlet analiżi iktar fil-fond, li din l-offerta ma hijiex anormalment baxxa (sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2013, European Dynamics Belgium et vs EMA, T-638/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:530, punti 64 u 65) jew li hija [sentenza tal-5 ta’ Novembru 2014, Computer Resources International (Luxembourg) vs Il-Kummissjoni, T-422/11, EU:T:2014:927, punti 39 u 40]. B’mod partikolari, ġie deċiż li sabiex tipprovdi motivazzjoni suffiċjenti tal-fatt li l-offerta magħżula ma kinitx anormalment baxxa, l-awtorità kontraenti kellha tesponi r-raġunament li abbażi tiegħu hija kienet ikkonkludiet li, minħabba l-karatteristiċi prinċipalment finanzjarji tagħha, tali offerta kienet tosserva b’mod partikolari l-leġiżlazzjoni tal-pajjiż li kellhom jiġu pprovduti fih is-servizzi, fil-qasam ta’ remunerazzjoni tal-persunal, ta’ kontribuzzjoni għas-sistema ta’ sigurtà soċjali u ta’ osservanza tar-regoli ta’ sigurtà u ta’ saħħa fuq ix-xogħol, u, min-naħa l-oħra, li hija kienet ivverifikat li l-prezz propost kien jinkludi l-ispejjeż kollha involuti mill-aspetti tekniċi tal-offerti magħżula (sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2013, European Dynamics Belgium et vs EMA, T-638/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:530, punt 68).

92      Fir-rigward tal-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni li għandha l-awtorità kontraenti meta tikkunsidra li l-offerta magħżula ma tkunx tidher anormalment baxxa, mir-regoli li jirregolaw l-offerti anormalment baxxi msemmija fil-punt 82 iktar 'il fuq, u b’mod partikolari, mill-fatt li l-awtorità kontraenti għandha, l-ewwel nett, tagħmel biss evalwazzjoni prima facie tan-natura anormalment baxxa ta’ offerta jirriżulta li l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha għandu portata limitata. Fil-fatt, li l-awtorità kontraenti tkun obbligata tesponi b’mod iddettaljat għal liema raġuni offerta ma tkunx tidhrilha anormalment baxxa ma jiħux inkunsiderazzjoni d-distinzjoni bejn iż-żewġ fażijiet tal-analiżi prevista mill-Artikolu 151 tar-regoli ta’ implementazzjoni.

93      B’mod partikolari, meta awtorità kontraenti tagħżel offerta, hija ma għandhiex l-obbligu li tindika espliċitament, b’risposta għal kull talba ta’ motivazzjoni li ssirilha skont l-Artikolu 113(2) tar-Regolament finanzjarju, ir-raġunijiet għalfejn l-offerta li tkun għażlet ma tkunx dehritilha bħala anormalment baxxa. Fil-fatt, jekk offerta tintgħażel mill-awtorità kontraenti, minn dan isegwi impliċitament iżda neċessarjament li hija tkun ikkunsidrat li ma jeżistux indizji li l-imsemmija offerta kienet anormalment baxxa. Min-naħa l-oħra, tali motivi għandhom jiġu nnotifikati lill-offerent li jkun għamel talba espressa għalihom.

94      F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li, fit-talbiet tagħhom tal-11 ta’ Mejju 2015 dwar l-għoti tal-lott 1 u tat-2 ta’ Lulju 2015 dwar l-għoti tal-lott 2 b’applikazzjoni tal-Artikolu 113(2) tar-Regolament finanzjarju, ir-rikorrenti ma talbux espressament lill-awtorità kontraenti li tipprovdi r-raġunijiet għalfejn l-offerta kklassifikata fl-ewwel post għal-lott 1 u l-offerti magħżula għal-lott 2 ma jidhrux anormalment baxxi.

95      Madankollu, fir-rigward tal-ewwel deċiżjoni kkontestata, mill-motivazzjoni addizzjonali tal-20 ta’ Mejju 2015 jirriżulta li n-numru ta’ punti mogħtija lill-offerta kklassifikata fl-ewwel pożizzjoni għal-lott 1 (38.78 punt) u lill-offerta tar-rikorrenti għall-istess lott (35.46 punt) fl-evalwazzjoni finanzjarja tal-offerti ġie kkomunikat lilhom mill-Aġenzija. Ġielhom ikkomunikat ukoll li l-prezz propost fl-offerta kklassifikata fl-ewwel pożizzjoni mil-lott 1 kien jitla’ għal EUR 867 000 meta dak propost mir-rikorrenti fl-offerta tagħhom għall-istess lott kien jitla’ għal EUR 948 100.

96      Fir-rigward tat-tieni deċiżjoni kkontestata, mill-motivazzjoni addizzjonali tas-7 ta’ Lulju 2015 jirriżulta li, f’dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni finanzjarja tal-offerti, ir-rikorrenti kienu jafu bil-punti mogħtija lill-offerta tagħhom għal-lott 2 kif ukoll il-punti mogħtija għall-offerti magħżula, jiġifieri, għall-offerta kklassifikata fl-ewwel pożizzjoni, 39.04 punt, għall-offerta kklassifikata fit-tieni pożizzjoni, 40 punt u, għall-offerta kklassifikata fit-tielet pożizzjoni, 32.53 punt. Barra minn hekk, l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt kienu jippreċiżaw li, għall-imsemmi lott, il-punti fil-kuntest tal-evalwazzjoni finanzjarja tal-offerti kienu jiġu kkalkolati b’applikazzjoni tal-formula segwenti “il-prezz l-iktar baxx/il-prezz propost fl-offerta tal-offerent * 40”. Abbażi ta’ din l-informazzjoni, ir-rikorrenti setgħu jikkalkolaw il-prezz propost fl-offerta kklassifikata fl-ewwel pożizzjoni u sussegwentement il-prezzijiet proposti fl-offerti magħżula l-oħra.

97      B’hekk, qabel il-preżentata tar-rikors, ir-rikorrenti kienu jafu li l-Aġenzija kienet ikkunsidrat li l-offerti magħżula ma kinux jidhru anormalment baxxi, peress li l-imsemmija offerti kienu ġew magħżula. Barra minn hekk, abbażi tal-informazzjoni pprovduta fil-motivazzjoni addizzjonali tal-20 ta’ Mejju u tas-7 ta’ Lulju 2015, ir-rikorrenti kienu jafu bil-kuntest li fih id-deċiżjonijiet ikkontestati kienu ġew adottati li wassalhom biex jikkontestaw il-fondatezza tiegħu f’dan ir-rigward.

98      Din l-aħħar evalwazzjoni hija kkonfermata mill-kontenut tal-ittra tar-rikorrenti tat-8 ta’ Lulju 2015. Fil-fatt huma indikaw fiha:

“L-offerenti tal-offerti magħżula għal-lottijiet 1 u 2 sempliċement baxxew b’mod irregolari l-prezzijiet tagħhom sabiex jiggwadanjaw vantaġġ kompetittiv. Aħna għadna ma nafux kif l-[Aġenzija] setgħet taċċetta tali prezzijiet baxxi li huma artifiċjalment baxxi u li l-[Aġenzija] ddeċidiet li tagħmel hekk mingħajr investigazzjoni jew spjegazzjoni. Il-prezzijiet ta’ Intrasoft International għal-lott 1 tal-kuntratt ESP EISD 4 kienu 15.78 % iktar għoljin mill-prezzijiet tagħna. Min-naħa l-oħra, il-prezz ta’ Intrasoft International għal-lott 2 tal-kuntratt ESP EISD 5 huma issa 32.81 % iktar baxxi minn tagħna u, dawk għal-lott 1 tal-kuntratt ESP EISD 5.88% iktar baxxi minn tagħna […]. Barra minn hekk, il-prezzijiet ta’ Ingegneria Informatica SPA għal-lott 1 tal-kuntratt ESP EISD 4 kienu 23.73% iktar għoljin minn tagħna. Min-naħa l-oħra, il-prezzijiet tal-konsorzju Nextera1 għal-lott 1 tal-kuntratt ESP EISD 5 huma issa 8.56% iktar baxxi mill-prezzijiet tagħna, kif ukoll, il-prezzijiet tal-konsorzju Nextera2 immexxija minn Ingegneria Informatica SPA […] għal-lott 2 tal-kuntratt ESP EISD5 huma 19.37% iktar baxx minn tagħna”.

99      Dan huwa wkoll ikkonfermat mill-punti 20 sa 22 tar-rikors. F’dawn il-punti, ir-rikorrenti indikaw li ġej:

“Fir-rigward tal-kuntratt ESP EISD 5, meta r-rikorrenti rċevew id-deċiżjonijiet ikkontestati u d-dokumenti supplimentari, huma għamlu l-osservazzjonijiet li ġejjin:

a)      fir-rigward tal-lott 1, huma osservaw li l-konsorzju Nextera1, li tipparteċipa fih Engineering Ingegneria informatica SPA, kiseb 38.78 punt [matul] l-evalwazzjoni tal-offerta finanzjara tiegħu filwaqt li [l-offerta tar-rikorrenti kienet] kisbet 35.46 punt […]. Konsegwentement, l-offerta tal-konsorzju Nextera 1 kienet 8.56 % iktar ekonomika minn dik tar-rikorrenti (filwaqt li l-offerta tal-konsorzju Encripta li kienet tipparteċipa fih ukoll il-kumpannija Engineering Ingegneria Informatica SPA fil-lott 1 tal-kuntratt ESP EISD 4 kienet 23.73 % iktar għolja). Konsegwentement, l-offerta tal-konsorzju li kienet tipparteċipa fih l-imsemmija kumpannija kienet anormalment baxxa fil-kuntest tal-kuntratt ESP EISD 5;

b)      fir-rigward tal-lott 2, huma osservaw li l-kumpannija Intrasoft International SA kienet kisbet 39.04 punt [meta saret] l-evalwazzjoni tal-offerta finanzjarja tagħha, filwaqt li r-rikorrenti [kienu] kisbu 26.23 punt […]. Konsegwentement, l-offerta finanzjarja ta’ Intrasoft International SA kienet, din id-darba, 32.81 % iktar baxxa minn dik tar-rikorrenti (filwaqt li l-offerta magħmula mill-istess kumpannija għal-lott 2 tal-kuntratt ESP EISD 4 kienet 3.45 % iktar baxxa). Hawn ukoll, l-offerta ta’ Intrasoft International fil-kuntest tal-kuntratt ESP EISD 5 kienet anormalment baxxa.

[…] Konxji tal-fatt li l-offerta finanzjarja tagħhom kienet diġà baxxa (iżda f’livell normali), ir-rikorrenti ma jistgħux jispjegaw din id-differenza kbira fil-punti li ngħataw lill-offerti finanzjarji, li deher għall-ewwel darba fil-kuntratt ESP EISD 5, b’mod ieħor ħlief li l-konsorzji magħżula offrew prezzijiet anormalment baxxi. Din il-konklużjoni hija msaħħa wkoll mill-fatt li, fil-kuntest tal-kuntratt ESP EISD 4 li kellu bħala suġġett l-istess servizzi u deskrizzjoni simili tad-diversi lottijiet, l-offerta finanzjarja tar-rikorrenti (li kienu kklassifikati fl-ewwel post [għal] kull wieħed mit-tliet lottijiet) kienet jew iktar ekonomika mill-oħra kollha (lott 1), jew ftit iktar għolja (lottijiet 2 u 3). Konsegwentement, l-ammont ta’ dawn l-offerti jista’ jikkostitwixxi kriterju żgur u ċar tal-prezzijiet osservati fuq is-suq u tal-livell normali tal-prezzijiet li għandhom ikunu proposti fil-kuntest tal-[kuntratt] ESP EISD 5. Min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal-kuntratt inkwistjoni, erba’ konsorzji (Nextera1, On Track, Intrasoft/Charles Oakes, Atos integration) ipproponew prezzijiet iktar baxxi għal-lott 1 (Atos Integration ipproponiet prezzijiet jerġa’ iktar baxxi minn 11.35 %) […], filwaqt li, għal-lott 2, l-[offerti magħżula] kienu jerġa’ iktar anormalment baxxi minn dawk tar-rikorrenti (Atos Belgium SA, sa 34.42 %, Intrasoft International SA, sa 32.81 % u Nextera2, sa 19.36 %, sa 34.42 %, Intrasoft International SA, sa 32,81 % u Nextera2, sa 19.36 %) […].

Il-punti iktar ’il fuq juru li l-offerti finanzjarji tal-konsorzji magħżula fiż-żewġ lottijiet tal-kuntratt inkwistjoni kellhom il-karatteristiċi ta’ offerta […] anormalment baxxa meta mqabbla mal-prezzijiet eżistenti fuq is-suq […].”

100    Dawn l-elementi juru li r-rikorrenti setgħu, abbażi tal-informazzjoni li kellhom fil-mument tal-introduzzjoni tar-rikors, jikkontestaw il-fondatezza tal-evalwazzjoni tal-Aġenzija skont liema l-offerti magħżula ma kienu jinkludu ebda indizju dwar in-natura anormalment baxxa u għalhekk ma kinux jidhru anormalment baxxi.

101    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li ċirkustanzi eċċezzjonali, is-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 74 iktar 'il fuq, jippermettu f’dan il-każ lill-Qorti Ġenerali tieħu inkunsiderazzjoni l-motivazzjoni speċifika pprovduta mill-Aġenzija fil-mori tal-kawża.

102    Fil-fatt, għandu jiġi osservat li huwa biss fit-8 ta’ Lulju 2015 li r-rikorrenti bagħtu, għaż-żewġ lottijiet, talba speċifika ta’ motivazzjoni lill-Aġenzija dwar in-natura anormalment baxxa tal-offerti magħżula (ara l-punt 15 iktar ’il fuq). Issa, huwa mingħajr ma stennew ir-risposta tal-Aġenzija, u mingħajr ma ħallewlha terminu suffiċjenti għal dan il-għan anki meta t-terminu tar-rikors ma kinux jostakolaw tali possibbiltà, li, fis-17 ta’ Lulju 2015, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors fejn jinvokaw esklużivament nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati minħabba l-fatt, b’mod partikolari, tan-nuqqas ta’ risposta għat-talba tagħhom tat-8 ta’ Lulju 2015 (ara l-punt 16 iktar ’il fuq). L-Aġenzija, min-naħa tagħha, ipprovdiet spjegazzjonijiet dwar ir-raġunijiet li għalihom l-offerti magħżula ma kinux dehrulha anormalment baxxi permezz ta’ ittra tal-24 ta’ Lulju 2015, f’temp ta’ żmien li, fid-dawl tal-fatti inkwistjoni, għandu jkun ikkunsidrat raġonevoli. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li ċ-ċirkustanzi kollha jikkaratterizzaw sitwazzjoni eċċezzjonali, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 74 iktar ’il fuq, li tiġġustifika t-teħid inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-ittra tal-24 ta’ Lulju 2015 sabiex tevalwa l-osservanza mill-Aġenzija tal-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha f’dak li jikkonċerna r-raġunijiet għalfejn hija ma qisietx li l-offerti magħżula kienu anormalment baxxi.

103    F’ittra tal-24 ta’ Lulju 2015, l-Aġenzija indikat, b’mod partikolari, dan li ġej:

“F’dak li jikkonċerna l-affermazzjoni li ‘l-offerenti magħżula għal-lottijiet 1 u 2 sempliċement baxxew il-prezzijiet tagħhom b’mod irregolari sabiex jiksbu vantaġġ kompetittiv’, ninformawkom li

–        għal-lott 1, il-prezzijiet tal-offerenti magħżula jinsabu fl-istess skala ta’ prezzijiet. Meta l-prezz tal-ġurnata l-iktar baxx jitqabbel mal-prezz l-iktar għoli inkluż fl-offerti finanzjarji tal-offerenti magħżula, European Dynamics għandha l-profil oneruż l-iktar baxx u Nextera 1 għandha l-profil l-iktar għoli bi prezz konvenjenti.

–        għal-lottijiet 2, sitta mit-tnax-il offerent magħżula għall-fażi ta’ għoti għamlu offerta finanzjarja iktar baxxa minn dik ta’ European Dynamics. Tlieta mis-sitt impriżi bl-offerta finanzjarja l-iktar baxxa ngħataw il-kuntratt u l-offerti finanzjarji tal-ewwel żewġ offertenti magħżula kienu viċini ħafna.

Abbażi ta’ dawn l-elementi, għandna provi konkludenti tal-fatt li l-offerti finanzjarji ma kienux anormalment baxxi.”

104    Tali indikazzjonijiet, jiġifieri l-viċinanza relattiva, għal kull wieħed mil-lottijiet, tal-prezzijiet offerti minn diversi offerenti, jippermettu b’hekk li jinftiehmu r-raġunijiet għalfejn l-awtorità kontraenti ma qisietx, f’dan il-każ, li l-offerti magħżula kellhom, prima facie, natura anormalment baxxa. Għandu jiġi kkonstatat, barra minn hekk, li r-rikorrenti kienu f’pożizzjoni li jikkontestaw in-natura suffiċjenti ta’ din il-motivazzjoni fir-replika u li fil-fatt użaw din il-possibbiltà.

105    L-indikazzjonijiet kollha li ġew mgħarrfa bihom ir-rikorrenti għalhekk kienu jissodisfaw ir-rekwiżiti li kellha tissodisfa l-Aġenzija f’dan il-qasam, kif ġew ippreċiżati fil-punti 100 u 101 iktar ’il fuq. Għaldaqstant, ir-rikorrenti jiżbaljaw meta jallegaw, f’dan il-każ, li hemm ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

106    Il-fatt li f’dan ir-rikors ir-rikorrenti naqsu milli jippreżentaw motiv li jikkontesta l-fondatezza tal-evalwazzjoni tal-Aġenzija ma jindikax li dawn ma kinux f’pożizzjoni li jifhmu l-motivi li kienet ibbażata fuqhom din l-evalwazzjoni. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, kontestazzjonijiet eventwali dwar il-fondatezza ta’ din il-motivazzjoni ma jistgħux jiġu evalwati mill-Qorti Ġenerali peress li, abbażi tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 80 iktar ’il fuq, il-kwistjoni tal-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE għandha tkun distinta minn dik tal-fondatezza tal-motivazzjoni.

107    Minħabba l-motivi kollha preċedenti, il-motiv uniku bbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni mill-Aġenzija għandu jiġi miċħud u, għaldaqstant, ir-rikors kollu fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

108    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

109    Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li huma jiġu kkundannati għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Aġenzija.

110    Din l-evalwazzjoni ma hijiex ikkontestata mit-talba tar-rikorrenti li l-Aġenzija tiġi kkundannata għall-ispejjeż kollha anki fil-każ fejn ir-rikors jiġi miċħud. Fil-fatt, ir-rikorrenti jinvokaw insostenn ta’ din it-talba l-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni li jaffettwa d-deċiżjonijiet ikkontestati kif ukoll l-attitudni tal-Aġenzija mingħajr iktar preċiżjoni. Dawn il-motivi ma jippermettux li l-Aġenzija tiġi kkundannata għal spejjeż f’dan il-każ.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      European Dynamics Luxembourg SA, Evropaïki Dynamiki - Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE u European Dynamics Belgium SA huma kkundannati għall-ispejjeż.

Frimodt Nielsen

Kreuschitz

Półtorak

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-4 ta’ Lulju 2017.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Grieg.