Language of document : ECLI:EU:T:2017:462

Kawża T-392/15

European Dynamics Luxembourg SA et

vs

L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji

“Kuntratti pubbliċi għal servizzi – Proċedura ta’ sejħa għal offerti – Provvista ta’ servizzi esterni fid-dawl tal-iżvilupp ta’ sistemi ta’ informazzjoni għall-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-ferroviji – Klassifikazzjoni tal-offerta ta’ offerent – Ċaħda tal-offerta ta’ offerent – Obbligu ta’ motivazzjoni – Offerta anormalment baxxa”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tal-4 ta’ Lulju 2017

1.      Rikors għal annullament – Interess ġuridiku – Interess li jiġi stmat fid-data tal-preżentata tar-rikors – Rikors ta’ offerent eskluż intiż kontra d-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti li tiċħad l-offerta tiegħu – Invokazzjoni ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni – Għoti tar-raġunijiet tad-deċiżjoni wara l-preżentata tar-rikors iżda qabel l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors – Żamma tal-interess ġuridiku

(Artikolu 263 TFUE)

2.      Rikors għal annullament – Interess ġuridiku – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Rikors li jista’ jagħti benefiċċju lir-rikorrent – Effett tal-fondatezza tal-ilmenti fformultai mir-rikorrenti – Assenza

(Artikolu 263 TFUE)

3.      Proċedura ġudizzjarja – Tressiq ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża – Kundizzjonijiet – Motiv ibbażat fuq elementi rrilevati fil-mori tal-kawża

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 84(1) u 85(2) u(3))

4.      Proċedura ġudizzjarja – Prova – Valur probatorju – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Il-prinċipji tal-amministrazzjoni libera tal-prova u tal-libertà tal-prova – Konċiljazzjoni mad-dritt għal proċess xieraq u l-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 85)

5.      Proċedura ġudizzjarja – Trattament tal-kawżi quddiem il-Qorti Ġenerali – Protezzjoni mogħtija lill-partijiet kontra l-użu mhux xieraq tal-atti proċedurali – Konċiljazzjoni mal-prinċipji tal-libertà tal-prova – Użu ta’ att proċedurali li joriġina minn kawża oħra – Ħtieġa għall-parti li tipprovdi l-att proċedurali li tikseb il-qbil preliminari tal-parti li tkun ipproduċietu fil-kawża l-oħra – Assenza

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 85)

6.      Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Evalwazzjoni tal-obbligu ta’ motivazzjoni skont iċ-ċirkustanzi tal-każ – Obbligu li jiġu kkomunikati, wara talba bil-miktub, il-karatteristiċi u l-vantaġġi relatati mal-offerta magħżula kif ukoll l-isem tal-offerent magħżul

(It-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(2)(c))

7.      Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Deċiżjoni, fil-kuntest tal-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku għal servizzi, li ma tintgħażilx offerta – Teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi ta’ motivazzjoni pprovduti matul il-proċedura kontenzjuża – Ammissibbiltà – Natura eċċezzjonali

(Artikolu 296 TFUE)

8.      Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Deċiżjoni, fil-kuntest tal-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku għal servizzi, li ma tintgħażilx offerta

(Artikolu 296 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 966/2012, Artikolu 113(2); Regolament tal-Kummissjoni Nru 1268/2012, Artikolu 161(2))

9.      Rikors għal annullament – Motivi – Nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni – Motiv distint minn dak li jirrigwarda l-legalità fil-mertu

(Artikolu 263 TFUE u 296 TFUE)

10.    Kuntratti pubbliċi tal-Unjoni Ewropea – Konklużjoni ta’ kuntratt wara sejħa għal offerti – Offerta anormalment baxxa – Obbligu tal-awtorità kontraenti li tisma’ lill-offerent – Eżami mill-awtorità kontraenti tan-natura anormalment baxxa tal-offerta – Elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni

(Regolament tal-Kummissjoni Nru 1268/2012, Artikolu 151(1))

11.    Kuntratti pubbliċi tal-Unjoni Ewropea – Konklużjoni ta’ kuntratt wara sejħa għal offerti – Offerta anormalment baxxa – Obbligu ta’ motivazzjoni – Portata – Neċessita għall-awtorità kontraenti li tesponi b’mod dettaljat ir-raġunament tagħha fl-assenza ta’ talba f’dan is-sens – Assenza

(It-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 966/2012, Artikolu 113(2); Regolament tal-Kummissjoni Nru 1268/2012, Artikolu 151)

1.      L-interess ġuridiku jikkostitwixxi l-kundizzjoni essenzjali u primarja għal kull azzjoni ġudizzjarja. Fid-dawl tas-suġġett tar-rikors, dan għandu jeżisti fl-istadju tal-preżentata tiegħu taħt piena ta’ inammissibbiltà. Dan l-interess għandu jibqa’ jeżisti sal-mument tal-għoti tad-deċiżjoni ġudizzjarja taħt piena li ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni

Fir-rigward tar-rikors ta’ offerent eskluż intiż kontra d-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti li huwa jqis ivvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni, il-fatt li l-awtorità kontraenti pprovdiet, wara l-preżentata tar-rikors iżda qabel id-data tal-iskadenza tat-terminu tar-rikors, kjarifiki dwar il-motivi tal-att ikkontestat ma jiċħadx ir-rikors mill-effett utli tiegħu. Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata kienet toħloq preġudizzju fil-mument tal-preżentata tar-rikors. L-annullament ta’ din id-deċiżjoni għandu r-riżultat li l-awtorità kontraenti jkollha fil-prinċipju tevalwa mill-ġdid l-offerta tar-rikorrenti, li jista’ jkun ta’ benefiċċju għalihom, peress li ma jistax jiġi eskluż, b’mod partikolari, li wara l-evalwazzjoni mill-ġdid, il-lott ikonċernat fl-imsemmija offerta jista’ jingħata lir-rikorrenti. Barra minn hekk, annullament ta’ din id-deċiżjoni jista’ jwassal lill-awtorità kontraenti, fil-futur, sabiex tagħmel emendi xierqa għall-proċeduri ta’ sejħa għal offerti.

(ara l-punti 31, 34, 36, 37)

2.      Sabiex parti jkollha interess ġuridiku, huwa neċessajru, iżda suffiċjenti li, bir-riżultat tiegħu, ir-rikors għal annullament ippreżentat quddiem il-qorti tal-Unjoni Ewropea jkun suxxettibbli li jipprovdi benefiċċju lill-parti li tkun ippreżentatu. L-interess ġuridiku tar-rikorrenti għalhekk ma jiddependix mill-fondatezza tal-ilment tagħhom.

(ara l-punt 41)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 45)

4.      Il-prinċipju tal-amministrazzjoni libera tal-provi jimplika għall-qorti tal-Unjoni li l-uniku kriterju rilevanti għall-evalwazzjoni tal-provi prodotti jinsab fil-kredibbilta tagħhom. Il-prinċipju tal-amministrazzjoni libera tal-provi għandu bħala korollarju dak tal-libertà tal-prova li jagħti lill-partijiet il-possibbiltà li jipproduċu quddiem il-qorti tal-Unjoni kwalunkwe prova miksuba b’mod regolari li huma jqisu rilevanti sabiex isostnu l-pożizzjonijiet tagħhom. Din il-libertà tal-prova tikkontribwixxi sabiex jiġi ggarantit lill-partijiet dritt għal rikors effettiv stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Il-prinċipji tal-amministrazzjoni libera tal-prova u tal-libertà tal-prova għandhom madankollu jikkonċiljaw ruħhom mal-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni bħal dawk tad-dritt għal proċess xieraq u ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet. B’hekk, l-amministrazzjoni libera tal-provi għandha tikkonċilja ruħha mad-dritt għal kull parti li tiddefendi l-interessi tagħha indipendentement minn kull influwenza esterna, b’mod partikolari min-naħa tal-pubbliku, u li tkun protetta kontra l-użu mhux xieraq tal-atti proċedurali

(ara l-punti 50-53)

5.      Mill-prinċipju tal-libertà tal-prova jirriżulta li parti quddiem il-Qorti Ġenerali għandha, fil-prinċipju, id-dritt li tinvoka bħala prova atti prodotti matul proċedura ġudizzjarja oħra li hija stess kienet parti għaliha. Jekk il-parti kellha aċċess għal dawn l-atti b’mod regolari u ma humiex kunfidenzjali, l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja ma tipprekludix, bħala prinċipju, il-produzzjoni tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali. Għalhekk, parti fi proċedura quddiem il-qorti tal-Unjoni tista’ titlob l-irtirar ta’ att proċedurali biss jekk dan l-att proċedurali kien diġà ġie prodott mill-imsemmija parti fi proċedura oħra bejn l-istess partijiet

Barra minn hekk, il-kunsens tal-parti li jkun joriġina minnha l-att proċedurali ma jistax jikkostitwixxi l-kundizzjoni preliminari għall-ammissibbiltà ta’ att li jkun joriġina minn kawża oħra quddiem il-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, għalkemm il-ftehim tal-parti li jkun joriġina minnha l-att jista’ jkun element rilevanti għall-evalwazzjoni tan-natura xierqa tal-użu tiegħu, li jiġi impost li dan il-kunsens jinkiseb qabel il-produzzjoni tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali taħt piena ta’ inammissibbiltà jikkonferixxi fuq il-parti li jkun joriġina minnha s-setgħa li teskludih u b’hekk li ċċaħħad lill-Qorti Ġenerali milli tiddeċiedi dwar in-natura xierqa tal-użu tiegħu u, għaldaqstant, li tissodisfa l-obbligu tagħha li toffri lil kull parti possibbiltà raġonevoli li tippreżenta l-kawża tagħha, inkluż il-provi tagħha, f’kundizzjonijiet li ma jpoġġuhiex f’sitwazzjoni ta’ żvantaġġ nett meta mqabbla mal-avversarju tagħha, li huwa l-bażi tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet. Għalhekk, hija l-Qorti Ġenerali, f’kull każ, li għandha tibbilanċja minn naħa, il-libertà tal-prova u, min-naħa l-oħra, il-protezzjoni kontra l-użu mhux xieraq tal-atti proċedurali ta’ partijiet għall-proċedura ġudizzjarji.

(ara l-punti 55, 56)

6.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 72-75)

7.      Huma biss ċirkustanzi eċċezzjonali li jistgħu jiġġustifikaw it-teħid inkunsiderazzjoni mill-qorti tal-motivazzjoni pprovduti fil-mori tal-kawża.

Dan japplika fil-każ ta’ rikors ippreżentat minn offerent eskluż kontra d-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti li tiċħad l-offerta tiegħu, peress li huwa mingħajr ma stenna r-risposta tal-awtorità kontraenti għat-talba speċifika tiegħu għall-motivazzjoni tan-natura anormali tal-prezzijiet tal-offerti magħżula u mingħajr ma ħallielha terminu biżżejjed għal dan il-għan anki meta t-termini ta’ rikors ma kinux jostakolaw tali possibbiltà, li l-offerent eskluż ippreżenta r-rikors tiegħu fejn jinvoka esklużivament nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati minħabba l-fatt, b’mod partikolari, tan-nuqqas ta’ risposta għat-talba tiegħu. L-awtorità kontraenti, min-naħa tagħha, ipprovdiet spjegazzjonijiet dwar ir-raġunijiet li għalihom l-offerti magħżula ma kinux dehrulha anormalment baxxi, f’terminu raġonevoli.

(ara l-punti 74, 102)

8.      L-Artikolu 113(2) tar-Regolament Nru 966/2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, u l-Artikolu 161(2) tar-Regolament Nru 1268/2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-regolament finanzjarju, jipprovdu fir-rigward tal-offerenti esklużi motivazzjoni f’żewġ mumenti. L-awtorità kontraenti għandha tinnotifika, qabel xejn, lill-offerenti kollha eklużi li l-offerta tagħhom ġiet miċħuda u r-raġunijiet ta’ din iċ-ċaħda. Dawn il-motivi jistgħu jkunu fil-qosor fid-dawl tal-possibbiltà prevista minn din l-istess dispożizzjoni għall-offerent eskluż li jitlob motivazzjoni iktar preċiża. Sussegwentement, abbażi ta’ dawn l-istess dispożizzjonijiet, jekk offerent eskluż li jkun jissodisfa l-kriterji ta’ esklużjoni u ta’ għażla jagħmel it-talba bil-miktub, l-awtorità kontraenti għandha tikkomunika, kemm jista’ jkun malajr u fi kwalunkwe każ f’terminu ta’ ħmistax-il ġurnata minn meta tirċievi din it-talba, il-karatteristiċi u l-vantaġġi relattivi tal-offerta magħżula kif ukoll l-isem tal-persuna li tkun intgħażlet.

Dan l-iżvelar tal-motivi f’żewġ mumenti ma huwiex kuntrarju għall-finalità tal-obbligu ta’ motivazzjoni li jikkonsisti f’li jkun permess, minn naħa, lill-persuni interessati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda sabiex isostnu d-drittijiet tagħhom u, min-naħa l-oħra, lill-qorti li teżerċita l-istħarriġ tagħha.

(ara l-punti 78, 79)

9.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 80, 106)

10.    L-evalwazzjoni, mill-awtorità kontraenti, tal-eżistenza ta’ offerti anormalment baxxi għandha ssir f’żewġ partijiet. L-ewwel nett, l-awtorità kontraenti għandha tevalwa jekk l-offerti proposti jkunux “jidhru” anormalment baxxi. L-użu tal-verb “jidhru” fl-Artikolu 151(1) tar-Regolament Nru 1268/2012, dwar ir-regoli ta’ implementazzjoni tar-regolament finanzjarju, jimplika li l-awtorità kontraenti għandha tagħmel evalwazzjoni prima facie tan-natura anormalment baxxa ta’ offerta. L-imsemmi regolament madankollu ma jimponix lill-awtorità kontraenti li twettaq ex officio analiżi ddettaljata tal-kompożizzjoni ta’ kull offerta sabiex tistabbilixxi li ma tikkostitwixxix offerta anormalment baxxa. B’hekk, fl-ewwel lok, l-awtorità kontraenti għandha tiddetermina biss jekk l-offerti magħmula jinkludux indizji ta’ natura li jqajjmu s-suspett li jistgħu jkunu anormalment baxxi. Dan huwa b’mod partikolari l-każ meta l-prezz propost f’offerta magħmula jkun konsiderevolment inferjuri għal dak ta’ offerti oħra magħmula jew għall-prezz abitwali tas-suq. Jekk l-offerti magħmula ma jkunux jinkludu tali indizjii u ma jkunux jidhru anormalment baxxi, l-awtorità kontraenti tista’ tkompli l-evalwazzjoni ta’ din l-offerta u l-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt.

Min-naħa l-oħra, jekk ikunu jeżistu indizji ta’ natura li jqajmu s-suspett li offerta tista’ tkun anormalment baxxa, l-awtorità kontraenti għandha, fit-tieni lok, tivverifika l-kompożizzjoni tal-offerta sabiex tiżgura ruħha li din ma hijiex anormalment baxxa. Meta ssir din il-verifika, l-awtorità kontraenti għandha l-obbligu li tagħti lill-offerent tal-imsemmija offerta l-possibbiltà li jesponi għal liema raġunijiet huwa jqis li l-offerta tiegħu ma hijiex anormalment baxxa. L-awtorità kontraenti għandha tevalwa l-ispjegazzjonijiet ipprovduti u tiddetermina jekk l-offerta inkwistjoni hijiex ta’ natura anormalment baxxa, f’liema każ hija tkun obbligata tiċħadha.

(ara l-punti 87-89)

11.    Fir-rigward tal-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni li għandha l-awtorità kontraenti meta tikkunsidra li l-offerta magħżula ma tkunx tidher anormalment baxxa, mill-Artikolu 151(1) tar-Regolament Nru 1268/2012, dwar ir-regoli ta’ implementazzjoni tar-regolament finanzjarju, u b’mod partikolari, mill-fatt li l-awtorità kontraenti għandha, l-ewwel nett, tagħmel biss evalwazzjoni prima facie tan-natura anormalment baxxa ta’ offerta jirriżulta li l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha għandu portata limitata. Fil-fatt, li l-awtorità kontraenti tkun obbligata tesponi b’mod iddettaljat għal liema raġuni offerta ma tkunx tidhrilha anormalment baxxa ma jiħux inkunsiderazzjoni d-distinzjoni bejn iż-żewġ fażijiet tal-analiżi prevista mill-Artikolu 151 tar-Regolament Nru 1268/2012.

B’mod partikolari, meta awtorità kontraenti tagħżel offerta, hija ma għandhiex l-obbligu li tindika espliċitament, b’risposta għal kull talba ta’ motivazzjoni li ssirilha skont l-Artikolu 113(2) tar-Regolament Nru 966/2012, dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, ir-raġunijiet għalfejn l-offerta li tkun għażlet ma tkunx dehritilha bħala anormalment baxxa. Fil-fatt, jekk offerta tintgħażel mill-awtorità kontraenti, minn dan isegwi impliċitament iżda neċessarjament li hija tkun ikkunsidrat li ma jeżistux indizji li l-imsemmija offerta kienet anormalment baxxa. Min-naħa l-oħra, tali motivi għandhom jiġu nnotifikati lill-offerent li jkun għamel talba espressa għalihom.

(ara l-punti 92, 93)