Language of document : ECLI:EU:C:2016:418

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

9 ta’ Ġunju 2016 (*)

[Test rettifikat permezz ta’ digriet tas-7 ta’ Settembru 2016]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali u industrijali – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29/KE – Artikolu 5(2)(b) – Dritt ta’ riproduzzjoni – Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet – Kopja privata – Kumpens ġust – Finanzjament mill-baġit ġenerali tal-Istat – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet”

Fil-Kawża C‑470/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Supremo (qorti suprema, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Settembru 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Ottubru 2014, fil-proċedura

Entidad de Gestión de Derechos de los Productores Audiovisuales (EGEDA),

Derechos de Autor de Medios Audiovisuales (DAMA),

Visual Entidad de Gestión de Artistas Plásticos (VEGAP)

vs

Administración del Estado,

Asociación Multisectorial de Empresas de la Electrónica, las Tecnologías de la Información y la Comunicación, de las Telecomunicaciones y de los contenidos Digitales (Ametic),

fil-preżenza ta’:

Artistas Intérpretes, Sociedad de Gestión (AISGE),

Centro Español de Derechos Reprográficos (CEDRO),

Asociación de Gestión de Derechos Intelectuales (AGEDI),

Entidad de Gestión, Artistas, Intérpretes o Ejecutantes, Sociedad de Gestión de España (AIE),

Sociedad General de Autores y Editores (SGAE),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn J. Malenovský (Relatur), li qed jaġixxi bħala President tal-Awla, M. Safjan, A. Prechal, S. Rodin u K. Jürimäe, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-1 ta’ Ottubru 2015,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Entidad de Gestión de Derechos de los Productores Audiovisuales (EGEDA), Derechos de Autor de Medios Audiovisuales (DAMA) u Visual Entidad de Gestión de Artistas Plásticos (VEGAP), minn J. Suárez Lozano, avukat,

–        għal Asociación Multisectorial de Empresas de la Electrónica, las Tecnologías de la Información y la Comunicación, de las Telecomunicaciones y de los contenidos Digitales (Ametic), minn A. González García u D. Sarmiento Ramirez‑Escudero, avukati,

–        għal Artistas Intérpretes, Sociedad de Gestión (AISGE), minn J. Montes Relazón, avukat,

–        għal Centro Español de Derechos Reprográficos (CEDRO), minn S. Vázquez Senin, procuradora, assistita minn I. Aramburu Muñoz u J. de Fuentes Bardají, avukati,

–        għal Asociación de Gestión de Derechos Intelectuales (AGEDI), Entidad de Gestión, Artistas, Intérpretes o Ejecutantes, Sociedad de Gestión de España (AIE) u Sociedad General de Autores y Editores (SGAE), minn J. Marín López u R. Blanco Martínez, avukati,

–        għall-Gvern Spanjol, minn M. Sampol Pucurull, bħala aġent,

–        għall-Gvern Elleniku, minn A. Magrippi u S. Charitaki, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u D. Segoin, bħala aġenti,

–        [Kif rettifikat permezz ta’ digriet tas-7 ta’ Settembru 2016] għall-Gvern Finlandiż, minn J. Heliskoski, bħala aġent,

–        għall-Gvern Norveġiż, minn E. Leonhardsen u M. Schei, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn É. Gippini Fournier u J. Samnadda, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-19 ta’ Jannar 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, Entidad de Gestión de Derechos de los Productores Audiovisuales (EGEDA), Derechos de Autor de Medios Audiovisuales (DAMA) u Visual Entidad de Gestión de Artistas Plásticos (VEGAP) u, min-naħa l-oħra, l-Administración del Estado (amministrazzjoni tal-istat, Spanja) u l-l’Asociación Multisectorial de Empresas de la Electrónica, las Tecnologías de la Información y la Comunicación, de las Telecomunicaciones y de los contenidos Digitales (Ametic) dwar il-leġiżlazzjoni nazzjonali relatata mas-sistema ta’ kumpens ġust għal kopja privata ffinanzjat mill-baġit ġenerali tal-Istat.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessi 4, 9, 31, 35 u 38 tad-Direttiva 2001/29 jiddikjaraw:

“(4)      Qafas armonizzat legali dwar id-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati, permezz ta’ ċertezza legali akbar u waqt li jipprovdi għal livell għoli ta’ protezzjoni ta’ proprjetà intellettwali, jinkoraġġixxi investiment sostanzjali fil-kreattività u innovazzjoni, inkluż infrastruttura ta’ network, u li min-naħa tiegħu jwassal għal tkabbir u kompetittività akbar ta’ l-industrija Ewropea, sew fil-qasam li jipprovdi kontenut u teknoloġija ta’ l-informazzjoni u aktar ġenerali matul il-firxa tas-setturi industrijali u kulturali. Din tissalvagwardja l-impiegi u tinkuraġġixxi ħolqien ta’ impiegi ġodda.

[...]

(9)      Kull armonizzazzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati għandha tkun bażata fuq livell għoli ta’ protezzjoni, għar-raġuni li dawn id-drittijiet huma kruċjali għall-kreazzjoni intellettwali. Il-protezzjoni tagħhom tgħinhom jiżguraw it-tkomplija u l-iżvilupp tal-kreattivita fl-interessi ta’ l-awturi, artisti, produtturi, konsumaturi, kultura, industrija u l-pubbliku in ġenerali. Proprjetà intellettwali ġiet għalhekk rikonoxxuta bħala parti integrali ta’ proprjetà.

[...]

(31)      Bilanċ ġust ta’ drittijiet u interessi bejn il-kategoriji differenti ta’ detenturi ta’ drittijiet, kif ukoll bejn il-kategoriji differenti ta’ detenturi ta’ drittijiet u utentu ta’ materjal protett għandhom ikunu salvagwardati. L-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet eżistenti tad-drittijiet kif stipulati mill-Istati Membri għandhom ikunu stmati mill-ġdid fl-isfond ta’ l-ambjent elettroniku ġdid. Differenzi eżistenti fl-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet ta’ ċerti atti ristretti għandhom effetti diretti negattivi fuq il-funzjonament tas-suq intern tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati. Dawn id-differenzi jistgħu faċilment isiru aktar notevoli bħala riżultat ta’ żvilupp akbar ta’ sfruttament ta’ xogħolijiet li jaqsam il-fruntieri u attivitajiet transperiferali. Sabiex jiżguraw il-funzjonament sew tas-suq intern, dawn l-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għandhom ikunu mfissra aktar armonjożament. Il-grad ta’ armonizzazzjoni tagħhom għandu jkun ibbażat fuq l-impatt tagħhom fuq il-funzjonament faċli tas-suq intern.

[...]

(35)      F’ċerti każi ta’ eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet, detenturi ta’ drittijiet għandhom jirċievu kumpens ġust biex jikkumpensawhom b’mod adekwat għall-użu magħmul mix-xogħolijiet protetti tagħhom jew materjal ieħor. Meta jistabilixxu l-forma, l-arranġamenti dettaljati u livell possibbli ta’ dan il-kumpens ġust, għandhom jiġu kkunsidrati ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ. [...]

[...]

(38)      L-Istati Membri għandhom jitħallew jipprovdu għal eċċezzjoni jew limitazzjoni għad-dritt ta’ riproduzzjoni għal ċerti tipi ta’ riproduzzjoni ta’ materjal awdjo, viżiv jew awdjo-viżiv għal użu privat, akkumpanjat b’kumpens ġust. Dan jista’ jinkludi l-introduzzjoni jew kontinwazzjoni ta’ skemi ta’ rimunerazzjoni biex jikkumpensaw għal preġudizzju għal detenturi tad-drittijiet. [...]”

4        L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Dritt ta’ riproduzzjoni”, jipprovdi b’mod partikolari:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv li jawtorizza jew jipprojbixxi riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew parti:

(a)      għall-awturi, tax-xogħolijiet tagħhom;

(b)      għall-artisti, ta’ l-iffissar tal-wirjiet tagħhom;

[...]”

5        L-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet”, jipprovdi b’mod partikolari, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“L-Istati Membri jistgħu jipprovdu l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet għad-dritt ta’ riproduzzjoni provdut fl-Artikolu 2 fil-każi li ġejjin:

[...]

(b)      rigward riproduzzjonijiet ta’ kull mezz magħmula minn ċittadin fiżiku għal użu privat u għal skopijiet li huma la direttament u l-anqas indirettament kummerċjali, bil-kondizzjoni li d-detenturi jirċievu kumpens ġust li jikkunsidra li jiġu jew ma jiġux applikati miżuri teknoloġiċi msemmija fl-Artikolu 6 tax-xogħol jew tas-suġġett relatat;

[...]”

 Id-dritt Spanjol

6        Ir-Real Decreto-Ley 20/2011 sobre medidas urgentes en materia presupuestaria, tributaria y financiera para la corrección del déficit público (Digriet Liġi Rjali 20/2011 li jirrigwarda miżuri baġitarji, fiskali u finanzjarji urġenti intiżi sabiex jikkorreġu l-iżbilanċ pubbliku), tat-30 ta’ Diċembru 2011 (BOE Nru 315, tal-31 ta’ Diċembru 2011, p. 146574), jinkludi l-għaxar dispożizzjoni addizzjonali intitolata “Modifika tal-iskema ta’ kumpens ġust għal kopja privata” (iktar ’il quddiem l-“għaxar dispożizzjoni addizzjonali”), li tipprovdi b’mod partikolari:

“1.      Il-kumpens ġust għal kopja privata, previst fl-Artikolu 25 tat-[Texto Refundido de la Ley de Propiedad Intelectual (test ikkodifikat tal-liġi dwar il-proprjetà intellettwali)], approvat bir-[Real Decreto Legislativo 1/1996 (Digriet Liġi Rjali 1/1996)], tat-12 ta’ April 1996, u li l-limiti tiegħu huma ddefiniti fl-Artikolu 31(2) ta’ din il-liġi, huwa mħassar.

2.      Il-gvern għandu jistabbilixxi, permezz ta’ regolament, il-proċedura għall-ħlas lill-benefiċjarji tal-kumpens ġust iffinanzjat mill-baġit ġenerali tal-Istat.

[...]”

7        Ir-Real Decreto 1657/2012 que regula el procedimiento para el pago de la compensación por copia privada con cargo a los Presupuestos Generales del Estado (Digriet Irjali 1657/2012, dwar il-proċedura għall-ħlas tal-kumpens għal kopja privata ffinanzjat mill-baġit ġenerali tal-Istat), tas-7 ta’ Diċembru 2012 (BOE Nru 295, tat-8 ta’ Diċembru 2012, p. 84141), huwa intiż li jimplementa din l-għaxar dispożizzjoni addizzjonali.

8        L-Artikolu 1 ta’ dan id-digriet irjali, intitolat “Suġġett”, jipprovdi:

“L-għan ta’ dan id-digriet irjali huwa li jirregola:

a)      il-proċedura u l-kriterji oġġettivi għad-determinazzjoni tal-ammont annwali tal-kumpens ġust għal kopja privata bbażat fuq id-dannu kkawżat;

b)      il-proċedura għall-kalkolu u għall-ħlas lill-benefiċjarji tal-kumpens ġust għal kopja privata ffinanzjat mill-baġit ġenerali tal-Istat.”

9        L-Artikolu 3 tal-imsemmi digriet irjali, intitolat “Ammont tal-kumpens”, jipprovdi b’mod partikolari, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-ammont xieraq sabiex jiġi kkumpensat id-dannu subit mid-detenturi tad-drittijiet ta’ riproduzzjoni minħabba l-introduzzjoni tal-eċċezzjoni ta’ kopja privata ddefinita fl-Artikolu 31 tat-test ikkodifikat tal-liġi dwar il-proprjetà intellettwali, approvat bid-Digriet Irjali Leġiżlattiv 1/1996, tat-12 ta’ April 1996, huwa stabbilit, fil-limiti baġitarji stabbiliti għal kull sena finanzjarja, permezz ta’ digriet tal-ministru tal-edukazzjoni, tal-kultura u tal-isport, skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 4.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, awtorizzati sabiex jiġbru l-kumpens ġust intiż għad-detenturi ta’ drittijiet fil-każ ta’ kopja privata tax-xogħlijiet jew materjal protett tagħhom.

11      Fis-7 ta’ Frar 2013, huma ppreżentaw rikors għall-annullament tad-Digriet Irjali 1657/2012 quddiem it-Tribunal Supremo (qorti suprema, Spanja) bħala qorti b’ġurisdizzjoni fil-qasam tal-kontenzjuż amministrattiv.

12      Dik il-qorti sussegwentement awtorizzat lil Artistas Intérpretes, Sociedad de Gestión (AISGE), lil Centro Español de Derechos Reprográficos (CEDRO) kif ukoll lil Asociación de Gestión de Derechos Intelectuales (AGEDI), lil Entidad de Gestión, Artistas, Intérpretes o Ejecutantes, lil Sociedad de Gestión de España (AIE) u lil Sociedad General de Autores y Editores (SGAE) sabiex jintervjenu fil-proċedura. Uħud minn dawn is-soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ppreżentaw rikorsi kontra d-Digriet Irjali 1657/2012 huma stess.

13      Insostenn tat-talbiet tagħhom, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu li d-Digriet Irjali 1657/2012 huwa inkompatibbli, f’żewġ aspetti, mal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29. Fl-ewwel lok, huma jsostnu, essenzjalment, li din id-dispożizzjoni tal-aħħar teżiġi li l-kumpens ġust mogħti lid-detenturi ta’ drittijiet fil-każ ta’ kopja privata jiġi sostnut, tal-inqas finalment, mill-persuni fiżiċi li jikkaġunaw id-dannu li tali kopja tikkawża lid-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni tagħhom, filwaqt li s-sistema stabbilita mill-għaxar dispożizzjoni addizzjonali u mid-Digriet Irjali 1657/2012 timputa dan il-kumpens lill-baġit ġenerali tal-Istat, u għalhekk lill-persuni taxxabbli kollha. Fit-tieni lok, huma jsostnu li din il-leġiżlazzjoni ma tiggarantixxix in-natura ġusta tal-imsemmi kumpens.

14      Min-naħa tagħhom, il-konvenuti fil-kawża prinċipali jsostnu li l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 ma jipprekludix li Stat Membru jistabbilixxi sistema bħal dik stabbilita mill-għaxar dispożizzjoni addizzjonali u mid-Digriet Irjali 1657/2012.

15      Wara li fakkret il-kuntest li wassal lill-awtoritajiet Spanjoli sabiex jissostitwixxu s-sistema ta’ tariffa diġitali li kienet fis-seħħ sas-sena 2011 b’sistema ta’ kumpens ġust għal kopja privata ffinanzjat mill-baġit ġenerali tal-Istat, il-qorti tar-rinviju tirrileva l-ewwel nett li, skont il-prinċipju li d-dħul baġitarju ma għandux jiġi allokat għal għan speċifiku, dan il-mekkaniżmu l-ġdid, b’differenza minn dak li ppreċedieh, huwa ffinanzjat mill-persuni taxxabbli Spanjoli kollha indipendentement minn jekk huma jistgħux jagħmlu kopji privati jew le. It-tieni nett, hija tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2001/29 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li timponi fuq l-Istati Membri li jagħżlu tali mekkaniżmu li jiżguraw, bl-istess mod bħal meta jiffavorixxu l-istabbiliment ta’ tariffa, li l-ispiża tiegħu tiġi sostnuta biss, b’mod dirett jew indirett, mill-persuni li jitqiesu li jkunu kkawżaw dannu lid-detenturi ta’ drittijiet minħabba li jagħmlu, jew għandhom il-kapaċità li jagħmlu, kopji privati. Fil-każ ta’ risposta negattiva, dik il-qorti tistaqsi jekk il-fatt li s-somma allokata għall-ħlas tal-kumpens ġust imħallas lid-detenturi ta’ drittijiet hija ddeterminata minn qabel għal kull sena finanzjarja jippermettix li tiġi ggarantita n-natura ġusta ta’ dan il-kumpens.

16      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Supremo (qorti suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Sistema ta’ kumpens ġust għal kopja privata li, filwaqt li tibbaża l-istima tagħha tal-ammont tal-kumpens fuq id-dannu effettivament ikkawżat, hija ffinanzjata mill-baġit ġenerali tal-Istat, b’tali mod li ma huwiex possibbli li jiġi ggarantit li l-ispiża ta’ dan il-kumpens tiġi sostnuta mill-utenti ta’ kopji privati, hija konformi mal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29?

2)      Fil-każ ta’ risposta affermattiva, il-fatt li l-ammont totali allokat mill-baġit ġenerali tal-Istat għall-kumpens ġust għal kopja privata, minkejja li jkun ikkalkolat fuq il-bażi tad-dannu effettivament ikkawżat, għandu jiġi stabbilit fil-limiti baġitarji stabbiliti għal kull sena finanzjarja, huwa konformi mad-Direttiva 2001/29?”

 Fuq id-domandi preliminari

17      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi sistema ta’ kumpens ġust għal kopja privata li, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija ffinanzjata mill-baġit ġenerali tal-Istat, b’mod li ma huwiex possibbli li jiġi ggarantit li l-ispiża ta’ dan il-kumpens ġust tiġi sostnuta mill-utenti ta’ kopji privati.

18      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li, skont l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu eċċezzjoni jew limitazzjoni għad-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni previst fl-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, fil-każ ta’ riproduzzjonijiet magħmula fuq kull mezz minn persuni fiżiċi għal użu privat u għal skopijiet li la huma direttament u lanqas indirettament kummerċjali, bil-kundizzjoni li d-detenturi jirċievu kumpens ġust li jieħu inkunsiderazzjoni l-miżuri teknoloġiċi previsti fl-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva (iktar ’il quddiem l-“eċċezzjoni ta’ kopja privata”).

19      Kif jirriżulta mill-premessi 35 u 38 tad-Direttiva 2001/29, din id-dispożizzjoni tirrifletti r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea li jistabbilixxi sistema speċifika ta’ kumpens li l-implementazzjoni tagħha tiskatta bl-eżistenza ta’ dannu kkawżat lid-detenturi ta’ drittijiet, li jagħti lok, bħala prinċipju, għall-obbligu li dawn tal-aħħar “ji[ġu ]kkumpensa[ti]” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2010, Padawan, C‑467/08, EU:C:2010:620, punt 41).

20      Minn dan isegwi li, meta l-Istati Membri jiddeċiedu li jimplementaw l-eċċezzjoni ta’ kopja privata prevista mill-imsemmija dispożizzjoni fid-dritt intern tagħhom, huma obbligati, b’mod partikolari, li jipprovdu għall-ħlas ta’ kumpens ġust, għall-benefiċċju tad-detenturi ta’ drittijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Ottubru 2010, Padawan, C‑467/08, EU:C:2010:620, punt 30, u tal-5 ta’ Marzu 2015, Copydan Båndkopi, C‑463/12, EU:C:2015:144, punt 19).

21      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà enfasizzat li, sakemm ma jiġix ammess li l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 huwa mċaħħad minn kull effett utli, din id-dispożizzjoni għandha titqies li timponi obbligu ta’ riżultat fuq l-Istati Membri li jimplementaw l-eċċezzjoni ta’ kopja privata, fis-sens li dawn tal-aħħar huma obbligati jiżguraw, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, il-ġbir effettiv tal-kumpens ġust intiż sabiex jikkumpensa d-detenturi ta’ drittijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Ġunju 2011, Stichting de Thuiskopie, C‑462/09, EU:C:2011:397, punt 34, u tal-11 ta’ Lulju 2013, Amazon.com International Sales et, C‑521/11, EU:C:2013:515, punt 57).

22      Madankollu, sa fejn din id-dispożizzjoni hija biss ta’ natura fakultattiva u sa fejn ma tagħtix iktar dettalji dwar id-diversi parametri tas-sistema ta’ kumpens ġust li hija timponi li tiġi stabbilita, l-Istati Membri għandhom jitqiesu li għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ sabiex jiddefinixxu dawn il-parametri fid-dritt intern tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Ottubru 2010, Padawan, C‑467/08, EU:C:2010:620, punt 37; tal-11 ta’ Lulju 2013, Amazon.com International Sales et, C‑521/11, EU:C:2013:515, punt 20, u tal-5 ta’ Marzu 2015, Copydan Båndkopi, C‑463/12, EU:C:2015:144, punt 20).

23      B’mod partikolari, huma l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw il-persuni li għandhom iħallsu dan il-kumpens ġust u jistabbilixxu l-forma, il-modalitajiet u l-livell tiegħu, b’osservanza tad-Direttiva 2001/29 u, b’mod iktar ġenerali, tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Ġunju 2011, Stichting de Thuiskopie, C‑462/09, EU:C:2011:397, punt 23; tal-11 ta’ Lulju 2013, Amazon.com International Sales et, C‑521/11, EU:C:2013:515, punt 21, u tal-5 ta’ Marzu 2015, Copydan Båndkopi, C‑463/12, EU:C:2015:144, punt 20).

24      Fid-dawl ta’ dan il-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’, u minkejja li l-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 19 sa 23 ta’ din is-sentenza żviluppat fil-kuntest tas-sistemi ta’ kumpens ġust iffinanzjat permezz ta’ tariffa, l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 ma jistax jitqies li jipprekludi, bħala prinċipju, lill-Istati Membri li ddeċidew li jistabbilixxu l-eċċezzjoni ta’ kopja privata milli jagħżlu li jistabbilixxu, f’dan il-kuntest, sistema ta’ kumpens iffinanzjat mhux permezz ta’ tali tariffa, iżda permezz tal-baġit ġenerali tagħhom.

25      Fil-fatt, bil-kundizzjoni li tali sistema alternattiva tiżgura l-ħlas ta’ kumpens ġust, għall-benefiċċju tad-detenturi ta’ drittijiet, minn naħa, u li l-modalitajiet tagħha jiggarantixxu l-ġbir effettiv tiegħu, min-naħa l-oħra, hija għandha titqies li, bħala prinċipju, hija kompatibbli mal-għan essenzjali tad-Direttiva 2001/29 li jikkonsisti, kif jirriżulta mill-premessi 4 sa 9 tagħha, li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-proprjetà intellettwali u tad-drittijiet tal-awtur.

26      Fit-tieni lok, mill-premessi 35 u 38 tad-Direttiva 2001/29 jirriżulta li l-għan tal-kumpens ġust previst fl-Artikolu 5(2)(b) ta’ din id-direttiva huwa li d-detenturi ta’ drittijiet jiġu kkumpensati, b’mod adegwat, għall-użu mhux awtorizzat tax-xogħlijiet jew materjal protett tagħhom. Sabiex jiġi ddeterminat il-livell ta’ dan il-kumpens, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, bħala kriterju utli, id-dannu sostnut mid-detentur ta’ drittijiet ikkonċernat minħabba l-att ta’ riproduzzjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2010, Padawan, C‑467/08, EU:C:2010:620, punt 39).

27      Minn dan jirriżulta li huma l-persuni li jirriproduċu xogħlijiet jew materjal protett mingħajr l-awtorizzazzjoni minn qabel tad-detenturi ta’ drittijiet ikkonċernati, u li b’dan il-mod jikkawżawlhom dannu, li għandhom, bħala prinċipju, jagħmlu tajjeb għal dan tal-aħħar, billi jiffinanzjaw il-kumpens ġust previst għal dan il-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Ottubru 2010, Padawan, C‑467/08, EU:C:2010:620, punt 45, u tat-12 ta’ Novembru 2015, Hewlett-Packard Belgium, C‑572/13, EU:C:2015:750, punt 69).

28      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li bl-ebda mod ma huwa neċessarju li tali persuni jkunu effettivament għamlu kopji privati. Fil-fatt, meta apparat u mezzi ta’ riproduzzjoni jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tagħhom, dan it-tqegħid għad-dispożizzjoni huwa suffiċjenti sabiex jiġġustifika l-kontribuzzjoni tagħhom għall-finanzjament tal-kumpens ġust previst għall-benefiċċju tad-detenturi ta’ drittijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Ottubru 2010, Padawan, C‑467/08, EU:C:2010:620, punti 54 sa 56, u tal-5 ta’ Marzu 2015, Copydan Båndkopi, C‑463/12, EU:C:2015:144, punti 24, 25 u 64).

29      Issa mill-kliem ċar tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 jirriżulta li l-eċċezzjoni ta’ kopja privata hija maħsuba għall-benefiċċju esklużiv tal-persuni fiżiċi li jagħmlu jew għandhom il-kapaċità li jagħmlu riproduzzjonijiet ta’ xogħlijiet jew ta’ materjal ieħor protett għal użu privat u għal finijiet mhux direttament jew indirettament kummerċjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Ottubru 2010, Padawan, C‑467/08, EU:C:2010:620, punti 43 sa 45 u 54 sa 56, u tal-5 ta’ Marzu 2015, Copydan Båndkopi, C‑463/12, EU:C:2015:144, punti 22 sa 25 u 64).

30      Minn dan jirriżulta li, b’differenza mill-persuni fiżiċi, li jaqgħu taħt l-eċċezzjoni ta’ kopja privata fil-kundizzjonijiet speċifikati mid-Direttiva 2001/29, il-persuni ġuridiċi huma fi kwalunkwe każ esklużi mill-benefiċċju ta’ din l-eċċezzjoni, b’mod li ma għandhomx dritt jagħmlu kopji privati mingħajr ma jiksbu l-awtorizzazzjoni minn qabel mingħand id-detenturi ta’ drittijiet fuq ix-xogħlijiet jew materjal ikkonċernati.

31      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-applikazzjoni tat-tariffa għal kopja privata, b’mod partikolari, fir-rigward ta’ tagħmir, ta’ apparat u ta’ mezzi ta’ riproduzzjoni diġitali li jiġu akkwistati minn persuni li ma humiex persuni fiżiċi, għal finijiet manifestament differenti minn dawk ta’ tali kopja privata, ma hijiex konformi mal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2001/29 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Ottubru 2010, Padawan, C‑467/08, EU:C:2010:620, punt 53, u tal-11 ta’ Lulju 2013, Amazon.com International Sales et, C‑521/11, EU:C:2013:515, punt 28).

32      Madankollu, tali interpretazzjoni tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 ma tipprekludix li, jekk ikun il-każ, persuni ġuridiċi jkunu responsabbli għall-finanzjament tal-kumpens ġust intiż għad-detenturi ta’ drittijiet, bħala korrispettiv għal din il-kopja privata.

33      Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li, fid-dawl tad-diffikultajiet prattiċi li jistgħu jinqalgħu fl-implementazzjoni ta’ tali finanzjament, kien possibbli għall-Istati Membri li jiffinanzjaw dan il-kumpens ġust permezz ta’ tariffa imposta, qabel ma jsiru kopji privati, fuq il-persuni li jkollhom tagħmir, apparat jew mezzi ta’ riproduzzjoni u li jqegħduhom għad-dispożizzjoni ta’ persuni fiżiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Ottubru 2010, Padawan, C‑467/08, EU:C:2010:620, punt 46; tas-16 ta’ Ġunju 2011, Stichting de Thuiskopie, C‑462/09, EU:C:2011:397, punt 27; tal-11 ta’ Lulju 2013, Amazon.com International Sales et, C‑521/11, EU:C:2013:515, punt 24, u tal-5 ta’ Marzu 2015, Copydan Båndkopi, C‑463/12, EU:C:2015:144, punt 46).

34      Fil-fatt, xejn ma jipprekludi lil dawn il-persuni responsabbli għall-ħlas tat-tariffa milli jinkludu l-ammont tal-tariffa għal kopja privata fil-prezz tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-imsemmija tagħmir, apparat u mezzi ta’ riproduzzjoni jew fil-prezz tas-servizz ta’ riproduzzjoni pprovdut. Għalhekk, l-oneru ta’ tali tariffa fl-aħħar mill-aħħar ser jiġi sostnut mill-utenti privati li jħallsu dan il-prezz. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-utent privat li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tiegħu t-tagħmir, l-apparat u l-mezzi ta’ riproduzzjoni diġitali jew li jibbenefika minn servizz ta’ riproduzzjoni għandu jitqies li huwa, fir-realtà, il-“persuna indirettament responsabbli għall-ħlas” tal-kumpens ġust, fi kliem ieħor il-persuna effettivament responsabbli għall-ħlas tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2010, Padawan, C‑467/08, EU:C:2010:620, punt 48).

35      Għalhekk, finanzjament bħal dak li għalih jirreferi l-punt 33 ta’ din is-sentenza għandu jitqies li huwa konformi mal-bilanċ ġust li għandu jinstab, skont il-premessa 31 tad-Direttiva 2001/29, bejn l-interessi tad-detenturi ta’ drittijiet u dawk tal-utenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Ottubru 2010, Padawan, C‑467/08, EU:C:2010:620, punt 49; tas-16 ta’ Ġunju 2011, Stichting de Thuiskopie, C‑462/09, EU:C:2011:397, punti 28 u 29, u tal-5 ta’ Marzu 2015, Copydan Båndkopi, C‑463/12, EU:C:2015:144, punt 53).

36      Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, għalkemm huwa tabilħaqq possibbli għall-Istati Membri li jistabbilixxu sistema li permezz tagħha persuni ġuridiċi jkunu responsabbli, taħt ċerti kundizzjonijiet, għall-ħlas tat-tariffa intiża li tiffinanzja l-kumpens ġust previst fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, tali persuni ġuridiċi, fi kwalunkwe każ, ma jistgħux fl-aħħar mill-aħħar jibqgħu l-persuni effettivament responsabbli għall-ħlas tal-imsemmi oneru.

37      Il-kunsiderazzjonijiet li fuqhom hija bbażata din il-ġurisprudenza japplikaw fil-każijiet kollha fejn Stat Membru jkun introduċa l-eċċezzjoni ta’ kopja privata, indipendentement minn jekk dan tal-aħħar ikunx stabbilixxa sistema ta’ kumpens ġust iffinanzjat permezz ta’ tariffa jew, bħal fil-kawża prinċipali, permezz tal-baġit ġenerali tiegħu.

38      Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ kumpens ġust ma huwiex iddefinit b’riferiment għad-dritt nazzjonali, b’mod li għandu jitqies li huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni u għandu jiġi interpretat b’mod uniformi fit-territorju ta’ din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Ottubru 2010, Padawan, C‑467/08, EU:C:2010:620, punti 31 sa 33 u 37, u tat-12 ta’ Novembru 2015, Hewlett-Packard Belgium, C‑572/13, EU:C:2015:750, punt 35).

39      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fid-dawl tal-fatt li ma hemmx allokazzjoni ta’ dħul konkret – bħal dak li jkun ġej minn imposta speċifika – għal infiq partikolari, il-partita baġitarja intiża għall-ħlas tal-kumpens ġust għandha titqies li hija alimentata mir-riżorsi kollha inklużi fil-baġit ġenerali tal-Istat, u għalhekk ukoll mill-persuni taxxabbli kollha, inklużi l-persuni ġuridiċi.

40      Barra minn hekk, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li, f’dan il-każ, teżisti xi sistema li tippermetti lill-persuni ġuridiċi, li kif kwalunkwe każ ma jaqgħux taħt l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, jitolbu li jiġu eżentati mill-obbligu li jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-imsemmi kumpens jew, tal-inqas, jitolbu r-rimbors tiegħu (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2013, Amazon.com International Sales et, C‑521/11, EU:C:2013:515, punti 25 sa 1 u 37, u tal-5 ta’ Marzu 2015, Copydan Båndkopi, C‑463/12, EU:C:2015:144, point 45), skont modalitajiet li huma biss l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw.

41      F’dawn iċ-ċirkustanzi, u kif tenfasizza l-qorti tar-rinviju fil-kliem innifsu tad-domanda tagħha, tali sistema ta’ finanzjament tal-kumpens ġust mill-baġit ġenerali tal-Istat Membru kkonċernat ma tistax tiggarantixxi li l-ispiża ta’ dan il-kumpens jiġi sostnut biss, fl-aħħar mill-aħħar, mill-utenti ta’ kopji privati.

42      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi sistema ta’ kumpens ġust għal kopja privata li, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija ffinanzjata mill-baġit ġenerali tal-Istat, b’mod li ma huwiex possibbli li jiġi ggarantit li l-ispiża ta’ dan il-kumpens ġust tiġi sostnuta mill-utenti ta’ kopji privati.

43      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tiġi eżaminata t-tieni domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja.

 Fuq l-ispejjeż

44      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi sistema ta’ kumpens ġust għal kopja privata li, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija ffinanzjata mill-baġit ġenerali tal-Istat, b’mod li ma huwiex possibbli li jiġi ggarantit li l-ispiża ta’ dan il-kumpens ġust tiġi sostnuta mill-utenti ta’ kopji privati.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.