Language of document : ECLI:EU:C:2024:535

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

20 ta’ Ġunju 2024 (*)

Werrej


I. Ilkuntest ġuridiku

A. Iddritt talUnjoni

B. Iddritt Bulgaru

II. Ilproċedura prekontenzjuża

III. Ilproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

IV. Fuq irrikors

A. Fuq lewwel ilment ibbażat fuq lassenza ta’ identifikazzjoni tażżoni speċjali ta’ konservazzjoni

1. Largumenti talpartijiet

2. Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

B. Fuq ittieni lment, ibbażat fuq lassenza ta’ ffissar talgħanijiet ta’ konservazzjoni ddettaljati u speċifiċi għażżoni speċjali ta’ konservazzjoni

1. Largumenti talpartijiet

2. Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

C. Fuq ittielet ilment ibbażat fuq lassenza ta’ stabbiliment talmiżuri ta’ konservazzjoni neċessarji

1. Largumenti talpartijiet

2. Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

D. Fuq irraba’ lment ibbażat fuq ittraspożizzjoni mhux korretta fiddritt nazzjonali talArtikolu 6(1) tadDirettiva dwar ilhabitats

1. Largumenti talpartijiet

2. Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

Fuq l ispejjeż



“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Ambjent – Direttiva 92/43/KEE – Konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġa – Artikolu 4(4) u Artikolu 6(1) – Nuqqas ta’ identifikazzjoni ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni, ta’ għanijiet ta’ konservazzjoni u ta’ miżuri ta’ konservazzjoni”

Fil-Kawża C‑85/22,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, imressaq fit‑8 ta’ Frar 2022,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn C. Hermes u G. Koleva , bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika tal-Bulgarija, irrappreżentata inizjalment minn T. Mitova, E. Petranova u L. Zaharieva, sussegwentement minn T. Mitova u L. Zaharieva, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn F. Biltgen, President tal-Awla, J. Passer u M. L. Arastey Sahún (Relatriċi), Imħallfin,

Avukata Ġenerali: T. Ćapeta,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li r-Repubblika tal-Bulgarija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(4) u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal‑21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2013/17/UE tat‑13 ta’ Mejju 2013 (ĠU 2013, L 158, p. 193) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-habitats”):

–        billi ma identifikatx bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni kemm jista’ jkun malajr u f’terminu massimu ta’ sitt snin 194 mill‑229 sit ta’ importanza għall-Komunità elenkati fil-listi stabbiliti mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/91/KE tat‑12 ta’ Diċembru 2008 li tadotta, skont id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, it-tieni lista aġġornata tas-siti ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bijoġeografiku tal-Alpi (ĠU 2009, L 43, p. 21), mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/92/KE tat‑12 ta’ Diċembru 2008 li tadotta, skont id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, lista inizjali tas-siti ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bijoġeografiku tal-Baħar l-Iswed (ĠU 2009, L 43, p. 59), mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/93/KE tat‑12 ta’ Diċembru 2008 li tadotta, skont id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, it-tieni lista aġġornata tas-siti ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bijoġeografiku Kontinentali (ĠU 2009, L 43, p. 63), kif ukoll mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/23/UE tas‑16 ta’ Novembru 2012 li tadotta s-sitt lista aġġornata tas-siti ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bijoġeografiku Kontinentali (ĠU 2013, L 24, p. 58) (iktar ’il quddiem is-“siti ta’ importanza għall-Komunità inkwistjoni”);

–        billi naqset, b’mod sistematiku u persistenti, milli tistabbilixxi għanijiet ta’ konservazzjoni ddettaljati u speċifiċi għaż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni inkwistjoni;

–        billi naqset, b’mod sistematiku u persistenti, milli tistabbilixxi l-miżuri ta’ konservazzjoni neċessarji li jissodisfaw ir-rekwiżiti ekoloġiċi tat-tipi ta’ habitats naturali msemmija fl-Anness I tad-Direttiva dwar il-habitats u tal-ispeċi msemmija fl-Anness II ta’ din id-direttiva, u

–        billi ma ttrasponietx b’mod korrett fid-dritt nazzjonali l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats.

I.      Ilkuntest ġuridiku

A.      Iddritt talUnjoni

2        It-tielet u t-tmien premessa tad-Direttiva dwar il-habitats jipprovdu li:

“Billi, l-għan ewlieni ta’ din id-Direttiva huwa li tippromwovi l-manteniment ta’ biodiversità, billi tqis il-ħtiġiet ekonomiċi, soċjali, kulturali u reġjonali, din id-Direttiva tikkontribwixxi għall-għan ġenerali ta’ l-iżvilupp sostenibbli; billi l-manteniment ta’ dik il-biodiversità f’ċerti każijiet teħtieġ li jsiru, jew saħansitra jiġu mħajra, l-attivitajiet umani;

[…]

Billi jixraq li, f’kull żona nominata, jiġu mħaddma l-miżuri meħtieġa bbażati fuq l-għanjiet ta’ konservazzjoni segwiti”.

3        L-Artikolu 3(1) u (2) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“1.      Għandu jiġi stabbilit n etwork ekoloġiku Ewropew koerenti ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni taħt l-isem ta’ Natura 2000. Dan in-network, magħmul minn siti li jħaddnu fihom it-tipi ta’ habitat naturali elenkati fl-Anness I u l-habitat ta’ l-ispeċi elenkati fl-Anness II, għandhom jippermettu li t-tipi ta’ habitat naturali u l-habitat naturali ta’ l-ispeċi konċernati jinżammu jew, fejn jixraq, jiġu ripristinati fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli fil-firxa naturali tagħhom.

In-network Natura 2000 se jkun fiha ż-żoni ta’ protezzjoni speċjali klassifikati mill-Istati Membri skond id-Direttiva [tal-Kunsill] 79/409/KEE [tat‑2 ta’ April 1979 Dwar il-konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 98)].

2.      Kull Stat Membru għandu jikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ Natura 2000 skond ir-rappreżentanza fit-territorju tiegħu tat-tipi ta’ habitat naturali u l-habitat ta’ l-ispeċi msemmi fil-paragrafu 1. Għal dak il-għan kull Stat Membru għandu jinnomina, skond l-Artikolu 4, xi siti bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni waqt li jitqiesu l-għanjiet stabbiliti fil-paragrafu 1.”

4        L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva jiddisponi:

“1.      Skond il-kriterji stabbiliti fl-Anness III (Stadju 1) u l-informazzjoni xjentifika relevanti, kull Stat Membru għandu jipproponi lista ta’ siti li jindikaw liema tipi ta’ habitat naturali fl-Anness I u liema speċi fl-Anness II li hemm fis-siti huma endemiċi għat-territorju tagħhom. Għall-ispeċi ta’ l-annimali li jimirħu fuq żoni kbar, dawn is-siti għandhom jaqblu mal-postijiet fil-medda naturali ta’ dawk l-ispeċi li joffru l-fatturi fiżiċi jew bioloġiċi essenzjali għal ħajjithom u għar-riproduzzjoni. Għall-ispeċi akwatiċi mifruxa fuq żoni kbar, dawk is-siti jiġu proposti biss fejn hemm żona li tista’ tkun identifikata b’mod ċar li tirrappreżenta l-fattura fiżiċi u bioloġiċi essenzjali għall-għixien u r-riproduzzjoni tagħhom. Fejn jixraq, l-Istati Membri għandhom jipproponu l-adattament tal-lista in vista tar-riżultati tas-sorveljanza msemmija fl-Artikolu 11.

Il-lista għandha tkun mgħoddija lill-Kummissjoni, fi żmien tliet snin min-notifika ta’ din id-Direttiva, flimkien ma’ informazzjoni dwar kull sit. Dik l-informazzjoni jrid ikun fiha mappa tas-sit, isimha, il-post, id-daqs u l-fatti magħrufa li jirriżultaw mill-applikar tal-kriterji speċifikati fl-Anness III (Stadju 1) mogħtija f’għamla stabbilita mill-Kummissjoni skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21.

2.      Skond il-kriterji stabbiliti fl-Anness III (Stadju 2) u fl-istruttura kemm ta’ kull wieħed mid-disgħa reġjuni bioġeografiċi msemmija fl-Artikolu 1(ċ) (iii) kif ukoll dik tat-territorju kollu msemmi fl-Artikolu 2(1), il-Kummissjoni trid tistabilixxi, bi ftehim ma’ kull Stat Membru, lista preliminari tas-siti li huma ta’ importanza għall-Komunità msawra mil-listi ta’ l-Istati Membri li tidentifika dawk li jospitaw waħda jew aktar mit-tipi ta’ habitat naturali ta’ priorità jew l-ispeċi ta’ priorità.

L-Istati Membri li s-siti tagħhom li jilqgħu fihom wieħed jew aktar mit-tipi ta’ habitat naturali ta’ priorità u l-ispeċi ta’ priorità jirrappreżentaw aktar minn 5 % tat-territorju nazzjonali tagħhom jistgħu, bi ftehim mal-Kummissjoni, jitolbu li l-kriterji mniżżla fl-Anness III (Stadju 2) ikunu mħaddna b’mod iktar flessibbli meta jintagħżlu s-siti kollha ta’ importanza għall-Komunità fit-territorju tagħhom.

Il-lista tas-siti magħżula bħala siti ta’ importanza għall-Komunità, li tidentifika dawk li jilqgħu fihom waħda jew aktar mit-tipi ta’ habitat naturali ta’ priorità jew l-ispeċi ta’ priorità, għandha tiġi adottata mill-Kummissjoni skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21.

3.      Il-lista msemmija fil-paragrafu 2 għandha tiġi stabbilita fi żmien sitt snin min-notifika ta’ din id-Direttiva.

4.      Ladarba sit ta’ importanza għall-Komunità jkun adottat skond il-proċedura stabbilita fil-paragrafu 2, l-Istat Membru konċernat irid jinnomina dak is-sit bħala żona speċjali ta’ konservazzjoni kemm jista’ jkun malajr u f’mhux aktar minn sitt snin żmien, u jistabilixxi prioritajiet skond l-importanza tas-siti għaż-żamma jew ir-ripristinar, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, ta’ tip ta’ habitat naturali fl-Anness I jew speċi fl-Anness II u għall-koerenza ta’ Natura 2000, u fl-isfond tat-theddid ta’ degradazzjoni jew qerda li jkunu esposti għaliha dawk is-siti.

5.      Hekk kif sit jitniżżel fil-lista msemmija fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2 dan ikun suġġett għall-Artikolu 6(2), (3) u (4).”

5        Skont l-Artikolu 6(1) sa (3) tal-istess direttiva:

“1.      Għal żoni speċjali ta’ konservazzjoni, l-Istati Membri għandhom jistabilixxu l-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa li jinkludu, jekk hemm bżonn, pjanijiet ta’ tmexxija xierqa disinjati speċifikament għas-siti jew imdaħħla fil-pjanijiet ta’ żvilupp l-oħra, u miżuri xierqa statutorji, amminstrattivi jew kuntrattwali li jaqblu mal-ħtiġiet ekoloġiċi tat-tipi ta’ habitat naturali fl-Anness I u l-ispeċi fl-Anness II li hemm fis-siti.

2.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, id-deterjorament ta’ l-habitat naturali u l-habitat ta’ l-ispeċi kif ukoll t-tfixkil ta’ l-ispeċi li għalihom ġew nominati ż-żoni, safejn dak it-tfixkil jista’ jkun sinifikanti meta jitqies skond l-għanjiet ta’ din id-Direttiva.

3.      Kull pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma’ jew li ma hux meħtieġ għat-tmexxija tas-sit iżda li x’aktarx se jkollu effett sinifikanti fuqu, jew b’mod individwali jew inkella flimkien ma’ xi pjanijiet jew proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet tiegħu għas-sit in vista ta’ l-għanjiet ta’ konservazzjoni tas-sit. Fl-isfond tar-riżultati ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaqblu dwar il-pjan jew il-proġett biss wara li jkunu żguraw li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit konċernat u, jekk xieraq, wara li jkunu raw l-opinjoni tal-pubbliku ġenerali.”

B.      Iddritt Bulgaru

6        L-Artikolu 8 taż-Zakon za biologichnoto raznoobrazie (il-Liġi dwar id-Diversità Bijoloġika) (DV Nru 77, tad‑9 ta’ Awwissu 2002), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti tal-każ (iktar ’il quddiem iż-“ZBR”), jipprevedi:

“(1)      Il-Ministeru għall-Ambjent u għall-Ilmijiet għandu jiżgura l-istudju, l-evalwazzjoni u t-tfassil tad-dokumenti li jikkonċernaw is-siti msemmija fl-Artikolu 7, li jinkludu:

1.      l-isem:

2.      is-suġġett u l-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-sit protett;

4.      formoli standard mimlija li fihom data u evalwazzjonijiet;

5.      materjal kartografiku u lista ta’ dettalji tal-konfini tas-sit protett.

(2)      Proposti għal siti ta’ studju skont il-paragrafu 1 jistgħu jsiru minn korpi nazzjonali u organizzazzjonijiet pubbliċi u xjentifiċi.

(3)      Il-Ministeru għall-Agrikoltura, għall-Ikel u għall-Foresti, l-Aġenzija Eżekuttiva għall-Foresti, l-Aġenzija għall-Ġeodesija, għall-Kartografija u għall-Katast kif ukoll il-komuni għandhom iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Ministeru għall-Ambjent u għall-Ilmijiet id-data msemmija fil-punt 5 tal-paragrafu 1, kontra l-ħlas tal-ispejjeż biss magħmula għal kopji tad-dokumentazzjoni korrispondenti.

(4)      Il-Ministeru għall-Ambjent u għall-Ilmijiet għandu jinforma lill-pubbliku u lill-organizzazzjonijiet responsabbli għat-twettiq tal-istudju previst fil-paragrafu 2 tal-bidu tiegħu permezz ta’ reklam ippubblikat fuq is-sit internet tiegħu u, tal-inqas, f’gazzetta waħda.”

7        L-Artikolu 12 taż-ZBR jiddisponi:

“(1)      Il-Ministeru għall-Ambjent u għall-Ilmijiet għandu jħejji abbozz ta’ digriet għall-identifikazzjoni ta’ kull sit protett inkluż fil-lista msemmija fl-Artikolu 10(4).

(2)      L-abbozz ta’ digriet imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jindika:

1.      il-bażi tal-adozzjoni tiegħu;

2.      l-isem u l-post tas-sit protett;

3.      is-suġġett u l-għanijiet tas-sit protett;

4.      is-superfiċji totali, flimkien ma’ deskrizzjoni tal-oġġetti inklużi fis-sit protett u/jew lista tal-koordinati tal-konfini tas-sit protett;

5.      il-projbizzjonijiet jew ir-restrizzjonijiet ta’ attivitajiet li jmorru kontra l-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-sit protett.

(3)      Il-Ministeru għall-Ambjent u għall-Ilmijiet għandu jinforma lill-pubbliku dwar l-abbozz ta’ digriet imfassal, permezz ta’ avviż ippubblikat, minn tal-inqas, f’gazzetta waħda u fuq is-sit internet tiegħu. L-avviż għandu jindika fejn u taħt liema kundizzjonijiet it-test tal-abbozz ta’ digriet jista’ jiġi kkonsultat fl-intier tiegħu.

(4)      It-test sħiħ tal-abbozz ta’ digriet għandu jkun ippubblikat fuq is-sit internet tal-Ministeru għall-Ambjent u għall-Ilmijiet u għandu jkun aċċessibbli fil-bini amministrattiv tal-ispezzjonijiet reġjonali tal-ambjent u tal-ilmijiet li huma territorjalment kompetenti għas-sit protett.

(5)      F’terminu ta’ xahar li jibda jiddekorri mill-avviż imsemmi fil-paragrafu 3, il-persuni kkonċernati jistgħu jippreżentaw bil-miktub lill-Ministru għall-Ambjent u għall-Ilmijiet opinjonijiet, riżervi u proposti dwar l-abbozz ta’ digriet, li jikkonċernaw biss il-projbizzjonijiet jew ir-restrizzjonijiet imsemmija fil-punt 5 tal-paragrafu 2.

(6)      Fi żmien xahar mill-iskadenza tat-terminu previst fil-paragrafu 5, il-Ministru għall-Ambjent u għall-Ilmijiet għandu jieħu deċiżjoni definittiva fir-rigward tal-opinjonijiet, tar-riżervi u tal-proposti maħruġa u għandu joħroġ digriet ta’ identifikazzjoni tas-sit protett ikkonċernat.

(7)      Id-digriet imsemmi fil-paragrafu 6 huwa definittiv u ma jistax jiġi kkontestat.”

8        Skont l-Artikolu 19 taż-ZBR:

“(1)      Meta jkun hemm riskju ta’ degradazzjoni tas-siti inklużi fil-lista msemmija fl-Artikolu 10(2), qabel l-identifikazzjoni tagħhom bħala żoni ta’ konservazzjoni, il-Ministru għall-Ambjent u għall-Ilmijiet għandu jipprojbixxi jew jirrestrinġi, permezz ta’ digriet ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali, attivitajiet speċifiċi fuq dawn is-siti għal perijodu ta’ mhux iktar minn sentejn, ħlief fis-siti mqiegħda għad-dispożizzjoni tad-difiża nazzjonali u tal-forzi armati.

(2)      Appell kontra d-digriet imsemmi fil-paragrafu 1 ma għandux jissospendi l-eżekuzzjoni tagħha.”

9        L-Artikolu 27 taż-ZBR huwa fformulat kif ġej:

“Jistgħu jitħejjew pjanijiet ta’ ġestjoni għaż-żoni ta’ konservazzjoni msemmija fil-punt 1 tal-Artikolu 3(1).”

10      L-Artikolu 29 taż-ZBR jipprevedi:

“(1)      Il-pjanijiet ta’ ġestjoni msemmija fl-Artikolu 27 għandhom jipprevedu miżuri intiżi li jevitaw id-deterjorament tat-tipi ta’ habitats naturali u ta’ habitats tal-ispeċi, kif ukoll it-tqegħid fil-perikolu u t-tfixkil tal-ispeċi li għall-konservazzjoni tagħhom ġew identifikati ż-żoni korrispondenti.

(2)      Il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 jinkludi:

1.      projbizzjoni jew restrizzjoni ta’ attivitajiet li jmorru kontra r-rekwiżiti ta’ konservazzjoni tas-siti protetti kkonċernati;

2.      attivitajiet ta’ prevenzjoni sabiex jiġu evitati avvenimenti sfavorevoli prevedibbli;

3.      attivitajiet ta’ appoġġ, ta’ gwida u dawk regolatorji;

4.      l-irkupru ta’ habitats naturali u ta’ habitats ta’ speċi jew ta’ popolazzjonijiet ta’ speċi ta’ fawna u ta’ flora;

5.      it-twettiq ta’ riċerka xjentifika, ta’ attivitajiet edukattivi u ta’ monitoraġġ.

(3)      Meta jiġu stabbiliti l-miżuri msemmija fil-paragrafu 2, l-elementi li ġejjin għandhom jitqiesu sa fejn ikun possibbli:

1.      l-ispeċifiċitajiet reġjonali u lokali, ħlief dawk relatati mal-konservazzjoni tal-bijodiversità, kif ukoll ir-rekwiżiti tas-soċjetà;

2.      l-użu sostenibbli tar-riżorsi rinnovabbli,

(4)      Fiż-żoni protetti li għalihom huwa previst kofinanzjament skont l-Artikolu 10(6) u li għalihom ġew iddefiniti miżuri skont il-paragrafu 1, iżda li ġew posposti minħabba dewmien fil-kofinanzjament, ma għandha tiġi applikata l-ebda miżura ġdida li tista’ twassal għad-degradazzjoni taż-żona protetta kkonċernata.”

11      L-Artikolu 30 taż-ZBR jiddisponi:

“(1)      Il-pjanijiet ta’ żvilupp, il-pjanijiet reġjonali għall-iżvilupp taż-żoni forestali, il-pjanijiet u l-programmi forestali, il-programmi nazzjonali u reġjonali mfassla skont liġijiet oħra għandhom ikunu konformi mad-digrieti msemmija fl-Artikolu 12(6), fl-Artikolu 16(4) u mal-miżuri msemmija fl-Artikolu 29.

(2)      Sabiex jiġu żgurati r-rabtiet bejn iż-żoni ta’ konservazzjoni, il-pjanijiet u l-proġetti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu miżuri u azzjonijiet li jipproteġu l-elementi tal-pajsaġġ li, abbażi tal-istruttura lineari u kontinwa tagħhom jew ta’ funzjoni ta’ kollegament, huma importanti għall-migrazzjoni, għad-distribuzzjoni ġeografika u għall-iskambju ġenetiku tal-popolazzjonijiet u tal-ispeċijiet tal-pjanti u tal-annimali.”

12      Skont l-Artikolu 35 taż-ZBR:

“L-ispeċi veġetali, tal-annimali u fungali tal-flora, tal-fawna u tal-fungi selvaġġi tar-Repubblika tal-Bulgarija huma protetti fl-ambjent naturali tagħhom permezz:

1.      tal-konservazzjoni tal-habitats tagħhom fin-network ekoloġiku nazzjonali;

2.      tat-tqegħid tal-ispeċi taħt sistema regolata ta’ protezzjoni jew ta’ użu;

3.      taż-żamma jew tal-irkupru tal-kundizzjonijiet tal-habitat skont il-ħtiġijiet ekoloġiċi tal-ispeċi kkonċernati;

4.      tal-iżvilupp u tal-implimentazzjoni ta’ pjanijiet ta’ azzjoni għal speċijiet b’livelli differenti ta’ theddid;

5.      tal-introduzzjoni mill-ġdid ta’ speċi mitlufa u tar-rikostituzzjoni ta’ popolazzjonijiet ta’ speċi rari u mhedda;

6.      tal-kontroll u tar-regolamentazzjoni ta’ speċi mhux indiġeni li huma jew li jistgħu jiġu introdotti intenzjonalment jew aċċidentalment fis-selvaġġ u li jheddu l-ispeċi indiġeni.”

13      L-Artikolu 115 taż-ZBR huwa fformulat kif ġej:

“(1)      Il-Ministru għall-Ambjent u għall-Ilmijiet għandu:

1.      jimplimenta l-politika tal-Istat dwar il-protezzjoni u ż-żamma tal-bijodiversità;

[…]

4.      jistabbilixxi u jiġġestixxi n-network ekoloġiku nazzjonali;

[…]

6.      jikkoordina l-attivitajiet ta’ ministeri, ta’ dipartimenti, ta’ muniċipalitajiet, ta’ organizzazzjonijiet pubbliċi, ta’ istituzzjonijiet xjentifiċi u akkademiċi oħra fir-rigward tal-konservazzjoni tal-bijodiversità;

7.      jorganizza l-kontroll tal-attivitajiet tas-sidien jew tal-utenti tal-art, tal-forestrija u tal-korpi tal-ilma inklużi fin-network ekoloġiku nazzjonali;

[…]

9.      jiżviluppa u jimplimenta mekkaniżmi li jinkoraġġixxu attivitajiet ta’ sidien jew ta’ utenti, ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi, ta’ assoċjazzjonijiet u oħrajn għall-konservazzjoni, għaż-żamma u għall-irkupru tal-bijodiversità;

[…]”

14      L-Artikolu 118(1) taż-ZBR jipprevedi:

“Il-Ministeru għall-Agrikoltura, għall-Ikel u għall-Foresti, il-Ministeru għall-Iżvilupp Reġjonali u għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-korpi nazzjonali l-oħra u s-suddiviżjonijiet tagħhom, kif ukoll il-komuni, fil-kuntest tal-kompetenzi rispettivi tagħhom għandhom:

1.      iwettqu azzjonijiet għall-konservazzjoni tal-bijodiversità;

2.      jintegraw il-konservazzjoni tal-bijodiversità u l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi bijoloġiċi fil-pjanijiet, fil-proġetti, fil-programmi, fil-politiki u fl-istrateġiji kollha fis-settur korrispondenti, billi jinkludu qabel kollox attivitajiet ta’ konservazzjoni tal-bijodiversità, b’mod konformi mal-prijoritajiet stabbiliti minn din il-liġi, l-istrateġija nazzjonali u l-pjan nazzjonali ta’ konservazzjoni tal-bijodiversità;

[…]”

15      L-Artikolu 119(1) taż-ZBR jiddisponi:

“Il-Ministeru għall-Ambjent u għall-Ilmijiet, il-Ministeru għall-Agrikoltura, għall-Ikel u għall-Foresti, il-muniċipalitajiet kif ukoll il-persuni fiżiċi u ġuridiċi – proprjetarji u utenti tat-territorji forestali, tal-artijiet u tal-korpi tal-ilma tan-netwerk ekoloġiku nazzjonali, għandhom jiżguraw il-ġestjoni tagħhom u l-protezzjoni tagħhom konformement mad-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi u tal-liġijiet speċjali l-oħra.”

II.    Ilproċedura prekontenzjuża

16      Permezz tad-Deċiżjonijiet 2009/91, 2009/92 u 2009/93 kif ukoll id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/23, il-Kummissjoni stabbilixxiet listi ta’ siti ta’ importanza għall-Komunità għar-reġjuni bijoġeografiċi Alpini, tal-Baħar l-Iswed u Kontinentali. Dawn il-listi ġew aġġornati bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2375 tas‑26 ta’ Novembru 2015 li tadotta t-tielet aġġornament tal-lista tas-siti ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bijoġeografiku tal-Baħar l-Iswed (ĠU 2015, L 338, p. 938), kif ukoll bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/43 tat‑12 ta’ Diċembru 2017 li tadotta l-ħdax-il aġġornament tal-lista tas-siti ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bijoġeografiku Kontinentali (ĠU 2018, L 15, p. 397).

17      It-terminu ta’ sitt snin għall-identifikazzjoni ta’ dawn is-siti bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni, konformement mal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-habitats, skada fit‑12 ta’ Diċembru 2014 għas-siti koperti mid-Deċiżjonijiet 2009/91, 2009/92 u 2009/93, kif ukoll fis‑16 ta’ Novembru 2018 għal dawk koperti mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/23.

18      Permezz ta’ ittra tal‑5 ta’ Ottubru 2016, il-Kummissjoni stiednet lir-Repubblika tal-Bulgarija tikkomunikalha l-miżuri meħuda għall-finijiet tal-identifikazzjoni tas-siti ta’ importanza għall-Komunità bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni, konformement ma’ dan l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-habitats, u għall-adozzjoni tal-miżuri ta’ konservazzjoni neċessarji konformement mal-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva.

19      Fid-dawl tar-risposta tar-Repubblika tal-Bulgarija tal‑14 ta’ Diċembru 2016, il-Kummissjoni qieset li dan l-Istat Membru kien naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-imsemmija dispożizzjonijiet u bagħtitlu, fil‑25 ta’ Jannar 2019, ittra ta’ intimazzjoni.

20      Fir-risposta tagħhom għal din l-ittra ta’ intimazzjoni, tal‑21 ta’ Mejju 2019, l-awtoritajiet Bulgari ppreżentaw fid-dettall l-approċċ il-ġdid adottat għall-ġestjoni taż-żoni protetti fil-kuntest ta’ Natura 2000. F’dan ir-rigward, dawn l-awtoritajiet indikaw li kien qiegħed jitfassal dokument bl-għan li jiġi ddeterminat metodu għall-iffissar tal-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ dawn iż-żoni.

21      Fit‑18 ta’ Mejju 2020, dawn l-awtoritajiet informaw lill-Kummissjoni b’mod partikolari bil-progress tat-tħejjija tal-imsemmi dokument u bl-identifikazzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni.

22      Wara li eżaminat din l-informazzjoni pprovduta mir-Repubblika tal-Bulgarija, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 258 TFUE, li dan l-Istat Membru rċieva fit‑2 ta’ Lulju 2020, fejn stednitu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mad-Direttiva dwar il-habitats. F’din l-opinjoni motivata, il-Kummissjoni lmentat li l-imsemmi Stat Membru naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 4(4) u l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva:

–        billi ma identifikax, fit-terminu previst, 207 mill‑229 sit ta’ importanza għall-Komunità inkwistjoni bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni;

–        billi naqas, b’mod sistematiku u persistenti, milli jistabbilixxi għanijiet ta’ konservazzjoni ddettaljati u speċifiċi għaż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni inkwistjoni;

–        billi naqas, b’mod sistematiku u persistenti, milli jistabbilixxi l-miżuri ta’ konservazzjoni neċessarji li jissodisfaw ir-rekwiżiti ekoloġiċi tat-tipi ta’ habitats naturali msemmija fl-Anness I tad-Direttiva dwar il-habitats u tal-ispeċi naturali msemmija fl-Anness II ta’ din id-direttiva, u

–        billi ma ttrasponiex b’mod korrett fid-dritt Bulgaru l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats.

23      It-terminu għall-konformità mal-opinjoni motivata kien iffissat għat‑2 ta’ Ottubru 2020.

24      Permezz ta’ ittra tad‑29 ta’ Settembru 2020, ir-Repubblika tal-Bulgarija wieġbet għal din l-opinjoni motivata.

25      Peress li qieset, wara li analizzat din it-tweġiba tal-awtoritajiet Bulgari kif ukoll l-informazzjoni l-oħra disponibbli, li r-Repubblika tal-Bulgarija ma kinitx ħadet il-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mal-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(4) u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats, il-Kummissjoni, fit‑8 ta’ Frar 2022, ippreżentat dan ir-rikors.

III. Ilproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

26      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑21 ta’ Frar 2023, il-proċedura f’din il-kawża ġiet sospiża sakemm tingħata s-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni) (C‑116/22, EU:C:2023:687).

27      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑27 ta’ Settembru 2023, il-proċedura tkompliet f’din il-kawża.

28      Permezz ta’ ittra tal‑1 ta’ Diċembru 2023, il-Qorti tal-Ġustizzja stiednet lir-Repubblika tal-Bulgarija u lill-Kummissjoni sabiex jiddeċiedu dwar l-effett, fuq din il-kawża, tas-sentenzi tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni) (C‑444/21, EU:C:2023:524), u tal‑21 ta’ Settembru 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni) (C‑116/22, EU:C:2023:687).

29      Bi tweġiba għal din l-ittra, il-Kummissjoni indikat, permezz ta’ ittra tal‑15 ta’ Diċembru 2023, li, fir-rikors tagħha, hija kienet fakkret ir-rekwiżiti ta’ speċifiċità u ta’ preċiżjoni tal-għanijiet ta’ konservazzjoni sa fejn dawn għandhom, l-ewwel nett, ikunu speċifiċi għaż-żona speċjali ta’ konservazzjoni kkonċernata, it-tieni nett, ikopru l-ispeċi kollha u t-tipi kollha ta’ habitats ta’ importanza għall-Komunità, it-tielet nett, jidentifikaw b’mod ċar it-tipi differenti ta’ habitats u ta’ speċi kkonċernati, ir-raba’ nett, jidentifikaw b’mod ċar l-istat li għandhom jilħqu t-tip ta’ habitats u l-ispeċi taż-żona inkwistjoni u, il-ħames nett, ikunu kwantifikabbli u li jistgħu jitkejlu.

30      Fil-fehma tal-Kummissjoni, is-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni) (C‑116/22, EU:C:2023:687), hija irrilevanti għal din il-kawża sa fejn ma tagħtix preċiżazzjonijiet fir-rigward ta’ dawn ir-rekwiżiti ta’ speċifiċità u ta’ preċiżjoni tal-imsemmija għanijiet ta’ konservazzjoni.

31      Fir-rigward tar-rekwiżit dwar in-natura kwantifikabbli u li tista’ titkejjel tal-għanijiet ta’ konservazzjoni, il-Kummissjoni fakkret li, fir-rikors tagħha, hija kienet qieset li l-għanijiet ta’ konservazzjoni stabbiliti mir-Repubblika tal-Bulgarija fi 11‑il digriet ta’ identifikazzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni adottati matul il-perijodu bejn l‑2015 u l‑2019 kif ukoll f’25 digriet ta’ identifikazzjoni ta’ tali żoni adottati matul l‑2020 la kienu speċifiċi għaż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni kkonċernati u lanqas kienu suffiċjentement preċiżi, minħabba l-fatt li la kienu kwantifikabbli u lanqas ma setgħu jitkejlu, iżda wkoll minħabba li ma kinux jissodisfaw rekwiżiti oħra fil-qasam tal-ispeċifiċità, meħtieġa mill-Qorti tal-Ġustizzja.

32      Il-Kummissjoni żiedet li, insostenn tal-ilment ibbażat fuq l-assenza ta’ ffissar, b’mod sistematiku u persistenti, mir-Repubblika tal-Bulgarija, tal-għanijiet ta’ konservazzjoni kif ukoll tal-miżuri ta’ konservazzjoni, bi ksur, rispettivament, tal-Artikolu 4(4) u tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats, hija kienet ipprovdiet eżempji rappreżentattivi, peress li r-rikors kien jirrigwarda l-għanijiet ta’ konservazzjoni kollha kif ukoll il-miżuri ta’ konservazzjoni kollha li r-Repubblika tal-Bulgarija kienet iddefinixxiet u adottat fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata.

33      Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats, li hija semmiet fil-kuntest tar-raba’ lment, kienet konformi mas-sentenzi tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni) (C‑444/21, EU:C:2023:524), u tal‑21 ta’ Settembru 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni) (C‑116/22, EU:C:2023:687).

34      Permezz ta’ ittra tat‑18 ta’ Diċembru 2023, ir-Repubblika tal-Bulgarija sostniet li, fir-rigward tal-identifikazzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, hija ma kinitx f’pożizzjoni li tqabbel il-protezzjoni mogħtija, minn naħa, mil-leġiżlazzjoni Bulgara lis-siti ta’ importanza għall-Komunità inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali msemmija fis-sentenzi tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni) (C‑444/21, EU:C:2023:524), u tal‑21 ta’ Settembru 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni) (C‑116/22, EU:C:2023:687).

35      Madankollu, hija indikat li r-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 4(4) u fl-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-habitats huma de facto implimentati, skont il-leġiżlazzjoni Bulgara, għas-siti kollha ta’ importanza għall-Komunità inkwistjoni.

36      Fir-rigward tal-iffissar tal-għanijiet ta’ konservazzjoni, ir-Repubblika tal-Bulgarija qieset li, b’differenza mill-konvenuti fil-kawżi li taw lok għall-imsemmija sentenzi, hija kienet sostniet matul il-fażi bil-miktub tal-proċedura li, fil-każ tagħha, għanijiet ta’ konservazzjoni kienu ġew stabbiliti fit-termini fir-rigward taż-żoni speċjali kollha ta’ konservazzjoni inkwistjoni.

37      Hija ppreċiżat li, fid-dawl tas-sentenzi tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni) (C‑444/21, EU:C:2023:524), u tal‑21 ta’ Settembru 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni) (C‑116/22, EU:C:2023:687), l-approċċ tal-Kummissjoni dwar il-mod kif jiġu stabbiliti l-imsemmija għanijiet ta’ konservazzjoni huwa, fil-fehma tagħha, formali wisq sa fejn ma jiħux inkunsiderazzjoni d-diversità tal-ispeċi u tal-habitats kif ukoll iċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull Stat Membru.

38      Fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-miżuri ta’ konservazzjoni, ir-Repubblika tal-Bulgarija enfasizzat li hija kienet adottat miżuri speċifiċi, inklużi miżuri attivi, intiżi għal gruppi ta’ speċi u ta’ habitats speċifiċi, filwaqt li ssottomettiet id-dokumenti rilevanti f’dan ir-rigward.

39      Issa, il-Kummissjoni ma fformulatx osservazzjonijiet dwar l-imsemmija dokumenti, filwaqt li affermat b’mod ġenerali li l-prattika tar-Repubblika tal-Bulgarija ma hijiex konformi mad-Direttiva dwar il-habitats mingħajr madankollu ma ssostni din l-affermazzjoni bi provi konkreti.

IV.    Fuq irrikors

A.      Fuq lewwel ilment ibbażat fuq lassenza ta’ identifikazzjoni tażżoni speċjali ta’ konservazzjoni

1.      Largumenti talpartijiet

40      Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni tallega li r-Repubblika tal-Bulgarija kisret l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-habitats, billi naqset milli tidentifika, bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni, 194 mill‑229 sit ta’ importanza għall-Komunità inkwistjoni, qabel it‑12 ta’ Diċembru 2014 għas-siti koperti mid-Deċiżjonijiet 2009/91, 2009/92 u 2009/93, kif ukoll qabel is‑16 ta’ Novembru 2018 għal dawk koperti mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/23.

41      Il-Kummissjoni ssostni li t-terminu ta’ sitt snin li għandhom l-Istati Membri sabiex jikkonformaw ruħhom mar-rekwiżiti tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-habitats huwa twil biżżejjed sabiex ikunu f’pożizzjoni li jadottaw il-miżuri nazzjonali effikaċi li jippermettu l-ġestjoni tan-network Natura 2000 u li jiddeterminaw il-kompetenzi tal-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali f’dan ir-rigward.

42      Qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, jiġifieri t‑2 ta’ Ottubru 2020, ir-Repubblika tal-Bulgarija identifikat bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni biss 35 mill‑229 sit ta’ importanza għall-Komunità inkwistjoni. 150 sit addizzjonali ġew identifikati bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni permezz ta’ digrieti ppubblikati wara dan it-terminu, b’tali mod li n-numru ta’ siti li għad iridu jiġu identifikati bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni huwa ta’ 44.

43      Fir-risposta tagħha, ir-Repubblika tal-Bulgarija tirribatti li l-Ministru għall-Ambjent u għall-Ilmijiet adotta, qabel il‑31 ta’ Marzu 2021, id-digrieti ta’ identifikazzjoni taż-żoni speċjali kollha ta’ konservazzjoni mhux identifikati sa dak iż-żmien, li għalihom l-ebda adattament tal-limiti spazjali ma kien neċessarju. Ir-Repubblika tal-Bulgarija madankollu tammetti li, sal-lum, id-digrieti ta’ identifikazzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni għadhom ma ġewx adottati għal 44 mis-siti li huma s-suġġett ta’ din il-kawża, peress li l-limiti spazjali ta’ dawn iż-żoni għandhom jinbidlu wara l-iskoperta ta’ ineżattezzi fid-dawl tal-għanijiet ta’ konservazzjoni tagħhom.

44      Ir-Repubblika tal-Bulgarija żżid li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi mekkaniżmi xierqa ta’ protezzjoni preventiva għall-perijodu qabel il-pubblikazzjoni uffiċjali tad-digrieti ta’ identifikazzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni. Għalhekk, dan l-Istat Membru jindika, bħala eżempju, li, skont l-Artikolu 8(1) taż-ZBR, id-dokumentazzjoni ta’ kull sit propost sabiex jiġi identifikat bħala żona speċjali ta’ konservazzjoni għandha tinkludi l-isem, is-suġġett u l-għanijiet ta’ konservazzjoni għaż-żona inkwistjoni, il-formola standard li fiha data u evalwazzjonijiet, il-materjal kartografiku u r-reġistru tal-koordinati tal-limiti spazjali taż-żona kkonċernata. Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Bulgarija tipproduċi data li turi l-istat sodisfaċenti, fil-fehma tagħha, tal-protezzjoni tas-siti ta’ importanza għall-Komunità fil-Bulgarija.

45      Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni tenfasizza, b’mod partikolari, li l-konservazzjoni tas-siti ta’ importanza għall-Komunità qabel l-identifikazzjoni tagħhom bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni ma teżentax lill-Istat Membru kkonċernat mill-obbligu tiegħu, previst fl-Artikolu 4(4) ta’ din id-direttiva, li jipproċedi b’tali identifikazzjoni.

46      Fil-kontroreplika tagħha, ir-Repubblika tal-Bulgarija rrikonoxxiet id-dewmien fil-pubblikazzjoni uffiċjali tal-atti amministrattivi ġenerali għall-finijiet tal-identifikazzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, iżda ssostni li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 4(4) u fl-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-habitats kienet ġiet żgurata għas-siti kollha ta’ importanza għall-Komunità inkwistjoni, peress li s-suġġett u l-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ dawn is-siti huma ddefiniti permezz tad-dokumentazzjoni prevista fl-Artikolu 8(1) taż-ZBR.

47      Ir-Repubblika tal-Bulgarija tenfasizza li l-piż amministrattiv marbut mal-identifikazzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni huwa ikbar għall-Istati Membri li, bħar-Repubblika tal-Bulgarija, huma kkaratterizzati mill-firxa sinjifikattiva tan-network tas-siti ta’ importanza għall-Komunità fir-rigward tat-territorju nazzjonali tagħhom, kif ukoll min-numru kbir ta’ speċi u ta’ tipi ta’ habitats naturali protetti f’dawn is-siti. Barra minn hekk, il-bijodiversità tkun protetta aħjar fi ħdan l-imsemmija Stati, peress li dawn ikkonformaw iktar mal-obbligi tagħhom taħt l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar il-habitats.

2.      Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

48      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva dwar il-habitats jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu sabiex jikkontribwixxu għall-kostituzzjoni tan-network Natura 2000 skont ir-rappreżentanza, fit-territorji rispettivi tagħhom, tat-tipi ta’ habitats naturali li jinsabu fl-Anness I ta’ din id-direttiva u tal-habitats tal-ispeċi elenkati fl-Anness II tal-imsemmija direttiva, kif ukoll li jidentifikaw, għal dan l-għan, konformement mal-Artikolu 4 tal-istess direttiva u fi tmiem il-proċedura stabbilita minnha, siti bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni (sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni), C‑116/22, EU:C:2023:687, punt 26).

49      Il-proċedura ta’ identifikazzjoni tas-siti ta’ importanza għall-Komunità bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni, kif prevista fl-imsemmi Artikolu 4 tad-Direttiva dwar il-habitats, tiżvolġi f’erba’ stadji. Skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, kull Stat Membru għandu jipproponi lista ta’ siti li tindika t-tipi ta’ habitats naturali u l-ispeċi indiġeni li fihom, li għandu jibgħat lill-Kummissjoni (l-ewwel stadju). Konformement mal-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, bi ftehim ma’ kull Stat Membru, abbozz ta’ lista ta’ siti ta’ importanza għall-Komunità, ibbażata fuq il-listi stabbiliti mill-Istati Membri (it-tieni stadju). Fuq il-bażi ta’ dan l-abbozz ta’ lista, il-Kummissjoni għandha tadotta l-lista tas-siti magħżula (it-tielet stadju). Skont il-paragrafu 4 tal-istess artikolu, ladarba sit ta’ importanza għall-Komunità jkun intgħażel, l-Istat Membru kkonċernat għandu jidentifikah bħala żona speċjali ta’ konservazzjoni kemm jista’ jkun malajr u f’terminu massimu ta’ sitt snin billi jistabbilixxi l-prijoritajiet skont l-importanza tas-siti għaż-żamma jew għall-irkupru, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, ta’ tip ta’ habitat naturali jew ta’ speċi kif ukoll għall-koerenza ta’ Natura 2000 (ir-raba’ stadju) (sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni), C‑116/22, EU:C:2023:687, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      Ir-Repubblika tal-Bulgarija ma tikkontestax li ma identifikatx formalment is-siti kollha ta’ importanza għall-Komunità inkwistjoni bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni fi tmiem it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, jiġifieri t‑2 ta’ Ottubru 2020. Madankollu, hija tinvoka l-fatt li, minkejja l-assenza ta’ din l-identifikazzjoni formali, il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli tipprevedi mekkaniżmi xierqa ta’ protezzjoni preventiva għall-perijodu ta’ qabel il-pubblikazzjoni uffiċjali tad-digrieti dwar l-identifikazzjoni tas-siti ta’ importanza għall-Komunità bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni.

51      F’dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat li argument simili tressaq minn diversi Stati Membri fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li wassal għall-kundanna ta’ dawn l-Istati, jiġifieri mir-Repubblika Portugiża (sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (Identifikazzjoni u protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni), C‑290/18, EU:C:2019:669, punti 31, 35 u 37), mill-Irlanda (sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni), C‑444/21, EU:C:2023:524, punti 46 sa 56), kif ukoll mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni), C‑116/22, EU:C:2023:687, punti 30 sa 37).

52      Issa, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva għandhom jiġu implimentati b’saħħa vinkolanti inkontestabbli, bl-ispeċifiċità, bil-preċiżjoni u biċ-ċarezza meħtieġa sabiex jiġi ssodisfatt ir-rekwiżit ta’ ċertezza legali (sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni), C‑116/22, EU:C:2023:687, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53      Il-fatt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru tagħti protezzjoni lis-siti ta’ importanza għall-Komunità ma huwiex ta’ natura li jeżenta lil dan l-Istat mill-obbligu speċifiku tiegħu, previst fl-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-habitats, li jidentifika formalment l-imsemmija siti bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni), C‑444/21, EU:C:2023:524, punt 51, kif ukoll tal‑21 ta’ Settembru 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni), C‑116/22, EU:C:2023:687, punt 33).

54      Fil-fatt, tali identifikazzjoni tikkostitwixxi stadju indispensabbli fil-kuntest tas-sistema ta’ protezzjoni tal-habitats u tal-ispeċi prevista minn din id-direttiva (sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni), C‑116/22, EU:C:2023:687, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, billi naqset milli tidentifika bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni, kemm jista’ jkun malajr u fit-terminu massimu ta’ sitt snin imsemmi fl-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-habitats, 194 mill‑229 sit ta’ importanza għall-Komunità inkwistjoni, ir-Repubblika tal-Bulgarija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt din id-dispożizzjoni.

B.      Fuq ittieni lment, ibbażat fuq lassenza ta’ ffissar talgħanijiet ta’ konservazzjoni ddettaljati u speċifiċi għażżoni speċjali ta’ konservazzjoni

1.      Largumenti talpartijiet

56      Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni tikkritika lir-Repubblika tal-Bulgarija talli kisret l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-habitats, billi naqset, b’mod sistematiku u persistenti, milli tistabbilixxi għanijiet ta’ konservazzjoni suffiċjentement iddettaljati u speċifiċi għal kull żona speċjali ta’ konservazzjoni.

57      Dik l-istituzzjoni tqis li l-obbligu li jiġu stabbiliti, fit-terminu ta’ sitt snin imsemmi f’din id-dispożizzjoni, għanijiet ta’ konservazzjoni għal kull żona speċjali ta’ konservazzjoni, li għandhom ikunu speċifiċi għal kull waħda minn dawn iż-żoni u għad-diversi tipi ta’ habitats u ta’ speċi, eżawrjenti, kwantifikati u li jistgħu jitkejlu, huwa bbażat fuq is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑849/19, EU:C:2020:1047, punti 46 sa 52).

58      Il-Kummissjoni ssostni, b’mod partikolari, li, matul il-perijodu bejn l‑2015 u l‑2019, ir-Repubblika tal-Bulgarija adottat 11‑il digriet ta’ identifikazzjoni ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni, li jindikaw għanijiet ta’ konservazzjoni identiċi għal kull żona, ifformulati b’mod ġenerali wisq, bi ksur tar-rekwiżiti li jirriżultaw mis-sentenza msemmija fil-punt preċedenti.

59      Fir-rigward tal‑25 digriet ta’ identifikazzjoni ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni adottati matul l‑2020, dawn huma fformulati b’mod ġenerali wisq, u sempliċement jipprevedu l-konservazzjoni u ż-żamma tal-habitats naturali u, jekk ikun il-każ, titjib tal-istat tal-habitats u/jew tal-ispeċi inkwistjoni.

60      Il-Kummissjoni twieġeb, barra minn hekk, għall-argument imressaq mir-Repubblika tal-Bulgarija matul il-proċedura prekontenzjuża, li l-għanijiet ta’ konservazzjoni għas-siti ta’ importanza għall-Komunità li ma ġewx identifikati bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni huma stabbiliti f’digrieti ta’ identifikazzjoni ta’ żoni ta’ protezzjoni speċjali, adottati skont id-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU 2010, L 20, p. 7), kif emendata bid-Direttiva 2013/17 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar l-għasafar”), peress li l-limiti spazjali taż-żoni ta’ protezzjoni speċjali jikkorrispondu għal dawk tas-siti ta’ importanza għall-Komunità, jew fid-dokumentazzjoni dwar kull sit ta’ importanza għall-Komunità ppubblikata fis-sit internet tal-Ministeru għall-Ambjent u għall-Ilmijiet.

61      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tikkonstata li l-għanijiet ta’ konservazzjoni tal-habitats tal-għasafar ma jistgħux jitqiesu li huma speċifiċi għall-ispeċi li ma humiex għasafar u għat-tipi ta’ habitats li jaqgħu biss taħt id-Direttiva dwar il-habitats u li, fi kwalunkwe każ, l-għanijiet ta’ konservazzjoni stabbiliti mir-Repubblika tal-Bulgarija għaż-żoni ta’ protezzjoni speċjali huma fformulati b’mod ġenerali u, minħabba f’hekk, ma jissodisfawx ir-rekwiżiti marbuta man-natura speċifika u ddettaljata ta’ tali għanijiet.

62      Fir-rigward tad-dokument li jirrigwarda l-metodu ta’ ffissar tal-għanijiet ta’ konservazzjoni taż-żoni protetti fil-kuntest ta’ Natura 2000, li kien qiegħed jitfassal mill-awtoritajiet Bulgari fl-istadju prekontenzjuż tal-proċedura, kif imsemmi fil-punt 20 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni tikkunsidra li dan id-dokument, li għandu natura “informattiva” u “konsultattiva”, ma jistabbilixxix u ma jeżaminax mill-ġdid l-għanijiet ta’ konservazzjoni konkreti u speċifiċi tas-siti ta’ importanza għall-Komunità inkwistjoni, iżda sempliċement jagħti indikazzjonijiet dwar l-iffissar ta’ għanijiet futuri ta’ konservazzjoni.

63      Fir-risposta tagħha, ir-Repubblika tal-Bulgarija tirribatti li d-Direttiva dwar il-habitats ma tistabbilixxix ir-rekwiżiti dwar l-ispeċifiċità u n-natura li tista’ titkejjel tal-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-siti ta’ importanza għall-Komunità.

64      F’dan ir-rigward, l-osservanza tal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali jipprekludi lill-Kummissjoni milli timponi fuq l-Istati Membri rekwiżiti li jmorru lil hinn minn dawk espressament previsti, b’mod ċar u preċiż mid-Direttiva dwar il-habitats.

65      Skont ir-Repubblika tal-Bulgarija, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑849/19, EU:C:2020:1047), li għaliha tagħmel riferiment il-Kummissjoni fir-rikors tagħha, ma timponix fuq l-Istati Membri li jifformulaw l-għanijiet ta’ konservazzjoni b’mod kwantifikabbli.

66      Ir-Repubblika tal-Bulgarija tqis li, kuntrarjament għal dak li tallega l-Kummissjoni, hija ma kinitx sostniet matul il-proċedura prekontenzjuża li l-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ għasafar selvaġġi stabbiliti għaż-żoni ta’ protezzjoni speċjali kienu rilevanti fir-rigward tas-siti ta’ importanza għall-Komunità previsti mid-Direttiva dwar il-habitats. Fil-fatt, l-istess japplika għal dak li jirrigwarda mhux l-għanijiet ta’ konservazzjoni iżda dak li jikkonċerna l-miżuri ta’ konservazzjoni.

67      Barra minn hekk, fil-Bulgarija, l-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-siti ta’ importanza għall-Komunità huma previsti fiż-ZBR u, b’mod iktar preċiż, fid-dokumenti msemmija fl-Artikolu 8(1) tagħha, fl-atti amministrattivi u fid-dokumenti rilevanti f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, dan l-Istat Membru bagħat lill-Kummissjoni l-formoli standard debitament mimlija msemmija f’din id-dispożizzjoni, li jinkludu l-evalwazzjonijiet kwantitattivi u kwalitattivi speċifiċi għall-habitats u għall-ispeċi għal kull sit ta’ importanza għall-Komunità inkwistjoni.

68      Barra minn hekk, id-dokument dwar il-metodu ta’ ffissar tal-għanijiet ta’ konservazzjoni taż-żoni protetti fil-kuntest ta’ Natura 2000, imsemmi fil-punt 20 ta’ din is-sentenza, huwa attwalment ippubblikat fis-sit internet tas-sistema ta’ informazzjoni Bulgara dwar is-siti li jaqgħu taħt in-network Natura 2000.

69      Ir-Repubblika tal-Bulgarija żżid li, minn meta rċeviet l-ittra ta’ intimazzjoni tal-Kummissjoni, hija adottat diversi digrieti ta’ identifikazzjoni ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti mill-Kummissjoni. Dawn id-digrieti jipprevedu l-għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi għaż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni inkwistjoni u jagħmluhom għalhekk vinkolanti.

70      Sabiex jiġi ssodisfatt ir-rekwiżit, invokat mill-Kummissjoni, li l-imsemmija għanijiet ta’ konservazzjoni jiġu fformulati b’mod iddettaljat, huwa neċessarju li jkun hemm data li ġejja minn studji sistematiċi li jkopru perijodu ta’ żmien sinjifikattiv u li juru l-iżvilupp tal-istat tal-ispeċi u l-fatturi prinċipali li jaffettwawhom. Issa, il-lakuni fl-għarfien xjentifiku akkumulat matul il-perijodu qabel l‑2007 ma jistgħux jiġu rrimedjati fi żmien qasir.

71      Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-għanijiet ta’ konservazzjoni fformulati b’mod ġenerali wisq fil-prattika amministrattiva tal-awtoritajiet Bulgari ma jissodisfawx ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

72      Dik l-istituzzjoni ssostni li r-Repubblika tal-Bulgarija ma wrietx, fir-risposta tagħha, li l-għanijiet ta’ konservazzjoni stabbiliti minn din tal-aħħar kienu suffiċjentement preċiżi. Fil-fatt, dan l-Istat Membru llimita ruħu li jiċċita diversi atti riprodotti fl-annessi tar-risposta tiegħu. Issa, la hija l-Kummissjoni u lanqas il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha teżamina tali annessi peress li l-kontenut tagħhom ma huwiex espost b’mod suffiċjenti fir-risposta.

73      Fir-rigward tal-formoli standard ippreżentati mir-Repubblika tal-Bulgarija, bħal dawk imsemmija fil-punt 67 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni ssostni li dawn jinkludu deskrizzjoni tal-istat reali taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni inkwistjoni mingħajr madankollu ma jippreċiżaw l-istat li għandhom jilħqu l-ispeċi u t-tipi ta’ habitats f’dawn iż-żoni. Għaldaqstant, l-imsemmija formoli ma jistgħux itaffu l-għanijiet ta’ konservazzjoni għal dawn iż-żoni li Stat Membru għandu jistabbilixxi.

74      Fir-rigward tal-assenza ta’ għarfien xjentifiku suffiċjenti li ma jistax jiġi rrimedjat fi żmien qasir, invokata mir-Repubblika tal-Bulgarija, il-Kummissjoni tfakkar, billi tiċċita s-sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Qasam ta’ mtieħen tar-riħ ta’ Derrybrien) (C‑261/18, EU:C:2019:955, punt 89), li l-Istati Membri ma jistgħux jeċċepixxu dispożizzjonijiet, prattiki jew sitwazzjonijiet tal-ordinament ġuridiku intern tagħhom sabiex jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni.

75      Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-proċessi naturali dinamiċi fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni inkwistjoni jistgħu xi drabi jeħtieġu l-adattament tal-għanijiet ta’ konservazzjoni kif ukoll tal-miżuri ta’ konservazzjoni għal dawn iż-żoni. Madankollu, l-Istati Membri ma jistgħux jevitaw li jagħmlu tali adattamenti billi sempliċement jiddefinixxu għanijiet ta’ konservazzjoni ġenerali ħafna.

76      Fil-kontroreplika tagħha, ir-Repubblika tal-Bulgarija tenfasizza li l-għanijiet ġenerali tas-siti tan-network Natura 2000 huma diġà previsti fl-Artikolu 5 taż-ZBR, li jipprovdi li ż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni huma intiżi għall-protezzjoni jew għall-irkupru tal-istat favorevoli tal-habitats naturali li dawn iż-żoni jospitaw, kif ukoll tal-ispeċi fil-firxa naturali tagħhom.

77      Fir-rigward tal-għanijiet ta’ konservazzjoni speċifikati fid-digrieti ta’ identifikazzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, dan l-Istat Membru jippreżenta, bħala eżempju, l-għanijiet previsti fid-digriet ta’ identifikazzjoni taż-żona “BG0000119 ‘Trite bratiya’”.

78      Ir-Repubblika tal-Bulgarija tqis li r-rekwiżiti tal-Kummissjoni dwar in-natura speċifika u ddettaljata tal-għanijiet ta’ konservazzjoni huma eċċessivi, peress li l-irkupru tal-istatus tat-tipi ta’ habitats naturali u tal-ispeċi huwa proċess kumpless u dinamiku, li jeħtieġ riżorsi importanti u monitoraġġ sostenibbli.

2.      Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

79      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, għalkemm il-formulazzjoni tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-habitats ma ssemmix espressament l-obbligu li jiġu stabbiliti għanijiet ta’ konservazzjoni, din id-dispożizzjoni teżiġi, madankollu, li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat, meta jidentifikaw iż-żona speċjali ta’ konservazzjoni, jistabbilixxu l-prijoritajiet skont l-importanza tas-siti għaż-żamma jew għall-irkupru, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, ta’ tip ta’ habitat. Issa, l-istabbiliment ta’ dawn il-prijoritajiet jimplika li dawn l-għanijiet ta’ konservazzjoni jkunu ġew stabbiliti minn qabel (sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni), C‑116/22, EU:C:2023:687, punt 105 u l-ġurisprudenza ċċitata).

80      Sabiex jitqiesu bħala “għanijiet ta’ konservazzjoni”, fis-sens tad-Direttiva dwar il-habitats, l-għanijiet stabbiliti ma għandhomx jiġu ddikjarati b’mod ġenerali, iżda għandhom ikunu speċifiċi u preċiżi (sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni), C‑116/22, EU:C:2023:687, punti 107 u 114 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

81      L-għanijiet ta’ konservazzjoni għandhom, konsegwentement, jiġu stabbiliti fid-dawl ta’ informazzjoni bbażata fuq eżami xjentifiku tas-sitwazzjoni tal-ispeċi u tal-habitats tagħhom f’sit inkwistjoni. Fil-fatt, peress li, skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar il-habitats, matul il-proċedura ta’ identifikazzjoni tas-siti bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni, is-siti proposti mill-Istati Membri għandhom jiġu proposti abbażi tal-kriterji stabbiliti fl-Anness III ta’ din id-direttiva u tal-informazzjoni xjentifika rilevanti, tali informazzjoni tista’ wkoll tiggarantixxi l-ispeċifiċità u l-preċiżjoni tal-għanijiet ta’ konservazzjoni (sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni), C‑116/22, EU:C:2023:687, punt 115).

82      Barra minn hekk, għalkemm l-għanijiet ta’ konservazzjoni stabbiliti minn Stat Membru għandhom jippermettu li jiġi vverifikat jekk il-miżuri ta’ konservazzjoni bbażati fuqhom humiex adatti sabiex jintlaħaq l-istat ta’ konservazzjoni mixtieq tas-sit inkwistjoni, xorta jibqa’ l-fatt li n-neċessità li dawn l-għanijiet jiġu fformulati b’mod kwantitattiv u li jista’ jitkejjel għandha tiġi eżaminata f’kull każ konkret u ma tistax tiġi rrikonoxxuta bħala obbligu ġenerali għall-Istati Membri (sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni), C‑116/22, EU:C:2023:687, punt 116).

83      Fil-fatt, jista’ jirriżulta li l-approċċ kwantitattiv u li jista’ jitkejjel tad-determinazzjoni tal-għanijiet ta’ konservazzjoni ma jkunx adattat għal ċerti habitats kumplessi u għal ċerti żoni ta’ konservazzjoni ta’ natura dinamika, li l-elementi tagħhom ivarjaw b’mod kunsiderevoli skont il-fatturi esterni tal-ambjent jew jinteraġixxu b’mod sinjifikattiv mal-habitats u maż-żoni ta’ konservazzjoni l-oħra (sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni), C‑116/22, EU:C:2023:687, punt 117).

84      Għaldaqstant, bħala prinċipju, hija l-Kummissjoni li għandha tipproduċi l-prova li, f’kull każ konkret, l-Istat Membru kkonċernat huwa obbligat jifformula l-għanijiet ta’ konservazzjoni b’mod kwantitattiv u li jista’ jitkejjel sabiex jiżgura l-istat ta’ konservazzjoni mixtieq tas-sit inkwistjoni (sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni), C‑116/22, EU:C:2023:687, punt 118).

85      Barra minn hekk, fid-dawl tal-obbligu impost fuqha li tipprova n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat, il-Kummissjoni ma tistax, bl-iskuża li tikkritika lill-Istat Membru kkonċernat dwar nuqqas ta’ twettiq ġenerali u persistenti tal-obbligi imposti fuq dan tal-aħħar skont id-dritt tal-Unjoni, ma tosservax dan l-obbligu li tipproduċi l-prova tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkritikat abbażi ta’ elementi konkreti li jikkaratterizzaw il-ksur tad-dispożizzjonijiet speċifiċi li hija tinvoka u tibbaża ruħha fuq sempliċi preżunzjonijiet jew kawżali skematiċi (sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni), C‑116/22, EU:C:2023:687, punt 112 u l-ġurisprudenza ċċitata).

86      F’dan il-każ, huwa minnu li l-Kummissjoni ppreżentat eżempji konkreti ta’ digrieti ta’ identifikazzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni li fihom l-għanijiet ta’ konservazzjoni tal-habitats u tal-ispeċi inkwistjoni ma jidhrux li huma fformulati b’mod suffiċjentement iddettaljat u speċifiku għaż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni inkwistjoni.

87      Madankollu, minn naħa, dawn l-eżempji ġew ippreżentati mill-Kummissjoni biss sabiex turi l-prattika ġenerali u strutturali tar-Repubblika tal-Bulgarija, li, skont dik l-istituzzjoni, tmur kontra l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-habitats.

88      Issa, fit-talbiet tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni ma talbitx lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li r-Repubblika tal-Bulgarija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt din id-dispożizzjoni minħabba l-assenza ta’ ffissar tal-għanijiet ta’ konservazzjoni b’mod iddettaljat u speċifiku, kwantitattiv u li jista’ jitkejjel f’dak li jikkonċerna l-habitats u l-ispeċi preżenti fis-siti koperti mid-digrieti msemmija minn din l-istituzzjoni bħala eżempju fir-rikors.

89      Min-naħa l-oħra, dan ir-rikors jirrigwarda numru kbir ta’ siti ta’ importanza għall-Komunità li jinsabu fir-reġjuni bijoġeografiċi Alpini, tal-Baħar l-Iswed u Kontinentali, li huma kkaratterizzati minn diversità sinjifikattiva tal-ispeċi u tal-habitats.

90      F’dawn iċ-ċirkustanzi, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija l-Kummissjoni li għandha turi li l-eżempji li hija ppreżentat insostenn tal-ilment intiż sabiex jiġi kkonstatat nuqqas ta’ twettiq ġenerali u strutturali tal-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva dwar il-habitats, huma rappreżentattivi għas-siti kollha ta’ importanza għall-Komunità inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni), C‑116/22, EU:C:2023:687, punt 124 u l-ġurisprudenza ċċitata).

91      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li dik l-istituzzjoni la fir-rikors u lanqas fir-replika tagħha ma wriet b’mod suffiċjenti fid-dritt, permezz ta’ argumenti u ta’ data suffiċjentement preċiża, ċara u ddettaljata, li l-eżempji ta’ digrieti ta’ identifikazzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni li fihom l-għanijiet ta’ konservazzjoni tal-habitats u tal-ispeċi inkwistjoni ma humiex ifformulati b’mod kwantitattiv u li jista’ jitkejjel, li hija semmiet sabiex turi l-prattika ġenerali u strutturali tar-Repubblika tal-Bulgarija, huma rappreżentattivi taż-żoni speċjali kollha ta’ konservazzjoni inkwistjoni.

92      Għaldaqstant, it-tieni lment għandu jiġi miċħud.

C.      Fuq ittielet ilment ibbażat fuq lassenza ta’ stabbiliment talmiżuri ta’ konservazzjoni neċessarji

1.      Largumenti talpartijiet

93      Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika tal-Bulgarija naqset b’mod sistematiku u persistenti milli twettaq l-obbligu tagħha skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats li tistabbilixxi miżuri ta’ konservazzjoni neċessarji li jissodisfaw ir-rekwiżiti ekoloġiċi tat-tipi ta’ habitats naturali msemmija fl-Anness I ta’ din id-direttiva u tal-ispeċi msemmija fl-Anness II tagħha li jinsabu fis-siti ta’ importanza għall-Komunità inkwistjoni.

94      B’mod iktar konkret, il-Kummissjoni tqis li din is-sitwazzjoni hija l-konsegwenza tan-nuqqas tar-Repubblika tal-Bulgarija li tistabbilixxi għanijiet ta’ konservazzjoni ddettaljati u speċifiċi għas-siti ta’ importanza għall-Komunità inkwistjoni. F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mis-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑849/19, EU:C:2020:1047, punt 85), dawn il-miżuri ta’ konservazzjoni għandhom ikunu bbażati fuq għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi għaż-żona speċjali ta’ konservazzjoni inkwistjoni.

95      Ir-Repubblika tal-Bulgarija rrikonoxxiet, fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża, id-dewmien fix-xogħlijiet leġiżlattivi intiżi sabiex jagħmlu vinkolanti l-pjanijiet ta’ ġestjoni territorjali li jinkludu l-imsemmija miżuri ta’ konservazzjoni.

96      Fir-rigward tal-miżuri ta’ konservazzjoni previsti fil‑11‑il digriet ta’ identifikazzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni adottati bejn l‑2015 u l‑2019, il-Kummissjoni ssostni li dawn id-digrieti jirrigwardaw biss 11 mill‑229 sit ta’ importanza għall-Komunità li r-Repubblika tal-Bulgarija għandha l-obbligu tipproteġi. Barra minn hekk, għall-parti l-kbira ta’ dawn is-siti, miżuri attivi speċifikament iffokati fuq kull waħda mill-ispeċi differenti u fuq kull wieħed mit-tipi differenti ta’ habitats li jinsabu fi stat ta’ konservazzjoni sfavorevoli huma neċessarji sabiex jintlaħqu l-għanijiet previsti. Issa, il-miżuri attivi għandhom jiġu ddeterminati skont l-għanijiet ta’ konservazzjoni ddettaljati speċifiċi għal kull sit ta’ importanza għall-Komunità inkwistjoni, li huma nieqsa fl-imsemmija digrieti.

97      Fir-rigward tal-miżuri ta’ protezzjoni adottati mir-Repubblika tal-Bulgarija fir-rigward taż-żoni ta’ protezzjoni speċjali, skont id-Direttiva dwar l-għasafar, il-Kummissjoni tammetti li huwa minnu li ċerti miżuri stabbiliti għall-ispeċi ta’ għasafar, b’mod partikolari l-miżuri ta’ konservazzjoni, jistgħu indirettament ikunu utli wkoll għall-ispeċi u għall-habitats protetti fil-kuntest ta’ siti ta’ importanza għall-Komunità, skont id-Direttiva dwar il-habitats. Madankollu, dan il-fatt ma jistax jeżenta lill-awtoritajiet Bulgari mill-obbligu tagħhom li jadottaw il-miżuri ta’ konservazzjoni neċessarji għall-ispeċi kollha u għat-tipi kollha ta’ habitats previsti fid-Direttiva dwar il-habitats, li huma protetti fis-siti ta’ importanza għall-Komunità inkwistjoni.

98      Fir-rigward tad-diversi atti amministrattivi u normattivi, kif ukoll ta’ dokumenti strateġiċi oħra, indikati mir-Repubblika tal-Bulgarija matul il-proċedura prekontenzjuża, li fihom jinsabu, skont dan l-Istat Membru, miżuri li għandhom rabta mal-konservazzjoni, maż-żamma jew mal-irkupru tal-istat tal-habitats u tal-ispeċi fis-siti ta’ importanza għall-Komunità inkwistjoni, il-Kummissjoni hija tal-fehma li dawn il-miżuri, li huma wisq ġenerali u inkompleti, ma jikkostitwixxux miżuri ta’ konservazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats.

99      Il-Kummissjoni tqis li d-digrieti l-ġodda ta’ identifikazzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, ikkomunikati mir-Repubblika tal-Bulgarija f’Mejju 2020, lanqas ma jissodisfaw ir-rekwiżiti previsti minn din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, dawn id-digrieti, li sempliċement jipprevedu rakkomandazzjonijiet, jirrigwardaw biss il-ġestjoni tar-raba’ u tal-mergħat u ma jindikawx minn min, meta u fuq liema superfiċji għandhom jiġu implimentati.

100    Fir-risposta tagħha, ir-Repubblika tal-Bulgarija tirribatti li l-miżuri ta’ konservazzjoni li hija adottat huma kompleti, ċari u preċiżi, u li dawn ġew implimentati b’mod effettiv, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Dawn il-miżuri huma ddefiniti skont l-eżiġenzi ekoloġiċi tal-ispeċi u tat-tipi ta’ habitats naturali inkwistjoni.

101    F’ċertu numru ta’ każijiet fejn il-limiti spazjali taż-żoni ta’ protezzjoni speċjali previsti mid-Direttiva dwar l-għasafar jikkoinċidu ma’ dawk tas-siti ta’ importanza għall-Komunità, imsemmija mid-Direttiva dwar il-habitats, il-projbizzjonijiet u r-restrizzjonijiet diġà imposti f’dak li jikkonċerna ż-żoni ta’ protezzjoni speċjali jikkontribwixxu għall-osservanza tal-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-siti ta’ importanza għall-Komunità.

102    F’dan ir-rigward, ir-Repubblika tal-Bulgarija tippreżenta xi eżempji ta’ miżuri ta’ konservazzjoni speċifiċi għal ċerti żoni ta’ protezzjoni speċjali, jiġifieri b’mod partikolari dawk previsti miż-ZBR, mil-leġiżlazzjoni Bulgara dwar il-kaċċa u l-protezzjoni tal-annimali tal-kaċċa, l-iżvilupp tat-territorju tal-kosta tal-Baħar l-Iswed, il-ħawħ u l-akkwakultura, kif ukoll mil-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-isfruttament forestali. Barra minn hekk, permezz ta’ digriet tat‑23 ta’ Frar 2015 tal-Ministru għall-Agrikoltura u għall-Ikel, ġew stabbiliti standards nazzjonali għal kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajba. Dawn huma applikabbli kemm għat-tipi ta’ habitats tal-ilma ħelu kif ukoll għall-kosta u għall-ispeċi marbuta magħhom, kif ukoll għal serje ta’ formazzjonijiet ta’ mergħat u ta’ semimergħat u għall-ispeċi relatati magħhom.

103    Ir-Repubblika tal-Bulgarija ssostni li l-Kummissjoni interpretat b’mod selettiv uħud mill-miżuri msemmija fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża, barra mill-kuntest globali tal-leġiżlazzjoni Bulgara u mid-diversi dokumenti kollha li jesponu l-miżuri ta’ protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni. Issa, id-diversi atti regolatorji u amministrattivi kif ukoll id-dokumenti ta’ ppjanar, ta’ programmazzjoni u ta’ strateġija huma wkoll rilevanti f’dan ir-rigward. Meta dawn l-atti u dawn id-dokumenti jitqiesu fit-totalità tagħhom għal żona speċifika ta’ konservazzjoni partikolari, l-applikazzjoni tagħhom testendi għat-tipi kollha ta’ użu taż-żona inkwistjoni, f’dak li jirrigwarda kemm il-projbizzjonijiet u r-restrizzjonijiet ta’ attivitajiet kif ukoll il-miżuri attivi implimentati għall-ġestjoni taż-żoni inkwistjoni.

104    Dan l-Istat Membru jżid li d-digrieti ta’ identifikazzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni jirreferu għal atti legali u amministrattivi u għal dokumenti ta’ ppjanar, ta’ programmazzjoni u ta’ strateġija li jipprevedu miżuri intiżi sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ konservazzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni inkwistjoni. L-azzjonijiet rakkomandati minn dawn id-digrieti jistgħu jiġu implimentati wkoll bħala miżuri kuntrattwali volontarji, kif inhu l-każ fi Stati Membri oħra fir-rigward tal-ġestjoni tan-network Natura 2000.

105    Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni ssostni li, fl-assenza ta’ argumenti ċari u ta’ riferimenti preċiżi fir-risposta tar-Repubblika tal-Bulgarija, hija ma hijiex f’pożizzjoni li tivverifika jekk id-diversi annessi ta’ din l-aħħar risposta jippermettux li jiġi ssostanzjat l-argument ta’ dan l-Istat Membru, li l-prattika tiegħu hija konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats.

106    Skont dik l-istituzzjoni, il-miżuri kollha mifruxa fl-atti legali u amministrattivi kif ukoll fid-diversi dokumenti strateġiċi, ta’ ppjanar u ta’ programmazzjoni ma humiex marbuta maż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni inkwistjoni u mal-għanijiet speċifiċi tagħhom ta’ konservazzjoni.

107    Hija tfakkar, f’dan ir-rigward, li l-miżuri ta’ konservazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats, għandhom jiġu stabbiliti u implimentati fil-kuntest ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni speċifiċi u għandhom ikunu bbażati fuq għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi għal kull sit (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Settembru 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (Identifikazzjoni u protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni), C‑290/18, EU:C:2019:669, punt 52, kif ukoll tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑849/19, EU:C:2020:1047, punt 85).

108    Fil-kontroreplika tagħha, ir-Repubblika tal-Bulgarija tindika li l-każijiet li fihom il-miżuri ta’ konservazzjoni ma humiex marbuta mal-identifikazzjoni ta’ sit speċifiku huma ġeneralment dawk li fihom dawn il-miżuri jiġu introdotti għas-siti kollha jew għas-siti kollha li fihom huwa protett tip partikolari ta’ habitat naturali jew speċi partikolari.

2.      Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

109    Għandu jiġi kkonstatat li, bħal fil-każ tal-argument ippreżentat mill-Kummissjoni fil-kuntest tat-tieni lment, dik l-istituzzjoni ma tallegax fir-rikors tagħha, fir-rigward tat-tielet ilment, li r-Repubblika tal-Bulgarija naqset milli tadotta l-miżuri ta’ konservazzjoni għas-siti ta’ importanza għall-Komunità inkwistjoni, jiġifieri s-siti speċifiċi msemmija fl-ewwel ilment tagħha, iżda tillimita ruħha fit-talbiet ta’ dan ir-rikors li takkuża lil dan l-Istat Membru bi ksur “sistematiku u persistenti” tal-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats.

110    Barra minn hekk, bħal fil-kuntest tat-tieni lment, il-Kummissjoni sempliċement tagħmel riferiment, fir-rigward tat-tielet ilment, għal ċerti eżempji ta’ digrieti ta’ identifikazzjoni ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni adottati mill-awtoritajiet Bulgari sabiex turi nuqqas sistematiku u persistenti tar-Repubblika tal-Bulgarija ta’ din id-dispożizzjoni.

111    Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li, bi ksur tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 90 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni ma pproduċietx il-prova tan-natura rappreżentattiva ta’ dawn l-eżempji u ma kkunsidratx siti ta’ importanza għall-Komunità speċifiċi jew żoni speċjali ta’ konservazzjoni konkreti.

112    Minn dan isegwi li t-tielet ilment għandu jiġi miċħud.

D.      Fuq irraba’ lment ibbażat fuq ittraspożizzjoni mhux korretta fiddritt nazzjonali talArtikolu 6(1) tadDirettiva dwar ilhabitats

1.      Largumenti talpartijiet

113    Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni tikkritika lir-Repubblika tal-Bulgarija talli naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats sa fejn il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru tipprevedi li l-istabbiliment ta’ miżuri ta’ konservazzjoni huwa fakultattiv.

114    Issa, mis-sentenza tal‑10 ta’ Mejju 2007, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (C‑508/04, EU:C:2007:274, punti 76 u 87), jirriżulta li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jistabbilixxu tali miżuri.

115    Il-Kummissjoni ssostni b’mod partikolari li, skont l-Artikolu 27 taż-ZBR, “[j]istgħu jitħejjew pjanijiet ta’ ġestjoni”. Huwa minnu li l-Artikoli 12 u 19 taż-ZBR jipprevedu l-possibbiltà li jiġu adottati, fil-preżenza ta’ riskju ta’ degradazzjoni ta’ siti protetti, projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet ta’ attivitajiet li jmorru kontra l-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ dawn is-siti. Madankollu, l-obbligu li jiġu adottati l-miżuri ta’ konservazzjoni neċessarji, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats, ma jistax ikun limitat għall-imsemmija projbizzjonijiet u restrizzjonijiet li għandhom jiġu adottati u għandu jinkludi l-adozzjoni, f’ċerti każijiet, ta’ miżuri attivi ta’ konservazzjoni.

116    Fir-rigward tal-Artikolu 118 taż-ZBR, dan jipprevedi li l-azzjonijiet ta’ konservazzjoni tal-bijodiversità għandhom ikunu konformi mal-prijoritajiet stabbiliti f’din il-liġi, fil-kuntest tal-istrateġija nazzjonali u fil-pjan nazzjonali ta’ konservazzjoni tal-bijodiversità. Madankollu, dan l-artikolu ma fih l-ebda riferiment għall-miżuri ta’ konservazzjoni msemmija fl-Artikolu 29 taż-ZBR.

117    Fir-risposta tagħha, ir-Repubblika tal-Bulgarija ma tikkontestax li, konformement mal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats, miżuri ta’ konservazzjoni għandhom jiġu adottati fil-każijiet kollha, peress li l-espressjoni “fejn jixraq”, li tinsab f’din id-dispożizzjoni, tirreferi biss għall-pjanijiet ta’ ġestjoni u ma tistax tinftiehem bħala limitazzjoni ġenerali tal-obbligu li jiġu adottati l-miżuri legali, amministrattivi jew kuntrattwali xierqa.

118    Madankollu, billi jiċċita s-sentenzi tal‑14 ta’ Frar 2012, Flachglas Torgau (C‑204/09, EU:C:2012:71, punti 60 u 61), kif ukoll tal‑24 ta’ Ottubru 2013, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑151/12, EU:C:2013:690, punti 27 u 28), dan l-Istat Membru jsostni li, konformement mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, waqt it-traspożizzjoni ta’ direttiva, l-Istati Membri għandhom marġni ta’ evalwazzjoni wiesa’ fir-rigward tal-għażla tal-mezzi u tal-metodi sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni tagħha. B’hekk, it-traspożizzjoni ta’ direttiva ma tkunx neċessarjament teżiġi azzjoni leġiżlattiva f’kull Stat Membru.

119    F’dan ir-rigward, ir-Repubblika tal-Bulgarija ssostni li l-Artikoli 12, 19, 27, 29, 30 u 118 taż-ZBR ittrasponew l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats.

120    L-Artikolu 12 ta’ din il-liġi jistabbilixxi r-rekwiżiti li għandhom josservaw id-digrieti ta’ identifikazzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni. Għalhekk, mal-identifikazzjoni taż-żona speċjali ta’ konservazzjoni inkwistjoni, jiġu stabbiliti miżuri ta’ konservazzjoni.

121    L-Artikolu 19 tal-imsemmija liġi jipprevedi azzjonijiet intiżi għall-protezzjoni tas-siti ta’ importanza għall-Komunità qabel l-identifikazzjoni tagħhom bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni. Projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet jistgħu jiġu imposti wkoll qabel l-identifikazzjoni ta’ tali żona jekk ikun hemm riskju ta’ ħsara għas-sit ikkonċernat. Issa, l-imsemmija projbizzjonijiet u restrizzjonijiet jikkostitwixxu miżuri ta’ konservazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats.

122    Ir-Repubblika tal-Bulgarija żżid li, skont l-Artikolu 27 taż-ZBR, pjanijiet ta’ ġestjoni jistgħu jitħejjew għaż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni u li l-Artikolu 29 ta’ din il-liġi jipprevedi l-miżuri li għandhom jiġu inklużi fil-pjanijiet ta’ ġestjoni.

123    Kif jirriżulta mill-Artikolu 30 taż-ZBR, il-pjanijiet ta’ żvilupp tat-territorju, il-pjanijiet reġjonali ta’ żvilupp forestali, il-pjanijiet u l-programmi forestali, il-programmi nazzjonali u reġjonali mfassla skont liġijiet oħra għandhom josservaw id-digrieti li jidentifikaw iż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni u l-miżuri previsti fil-pjanijiet ta’ ġestjoni.

124    Skont il-punt 2 tal-Artikolu 118(1) taż-ZBR, il-miżuri ta’ konservazzjoni msemmija fid-Direttiva dwar il-habitats għandhom jiġu speċifikati fil-pjanijiet, fil-proġetti, fil-programmi, fil-politiki u fl-istrateġiji kollha tas-settur ikkonċernat.

125    Għalhekk, il-leġiżlazzjoni Bulgara tipprevedi mhux biss strumenti legali li jiżguraw il-konservazzjoni tas-siti protetti fil-kuntest ta’ Natura 2000, iżda wkoll dispożizzjonijiet espressi li jobbligaw lill-awtoritajiet kompetenti japplikaw l-imsemmija strumenti fil-każijiet previsti u skont il-kriterji ddefiniti mid-Direttiva dwar il-habitats.

126    Fir-rigward tal-miżuri attivi ta’ konservazzjoni, ir-Repubblika tal-Bulgarija tirreferi għall-punt 9 tal-Artikolu 115(1) taż-ZBR, li jipprovdi li l-Ministru għall-Ambjent u għall-Ilmijiet għandu jiżviluppa u jimplimenta mekkaniżmi intiżi sabiex jinkoraġġixxu l-attivitajiet tal-proprjetarji jew tal-utenti, tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi, tal-assoċjazzjonijiet u oħrajn intiżi għall-konservazzjoni, għaż-żamma u għar-restawr tal-bijodiversità. Barra minn hekk, dan l-Istat Membru jippreżenta eżempji ta’ tali miżuri, adottati skont il-leġiżlazzjoni Bulgara.

127    Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Artikoli 12 u 19 taż-ZBR jikkonċernaw biss ċerti tipi ta’ miżuri ta’ konservazzjoni, jiġifieri projbizzjonijiet u restrizzjonijiet, u mhux miżuri proattivi ta’ konservazzjoni. L-Artikoli 27 u 29 taż-ZBR jipprevedu biss il-possibbiltà li jitfasslu pjanijiet ta’ ġestjoni u mhux l-introduzzjoni obbligatorja ta’ miżuri ta’ konservazzjoni għas-siti kollha ta’ importanza għall-Komunità. L-Artikolu 30 l-Artikolu 118(1) taż-ZBR jintroduċu ċerti rekwiżiti għal ċerti tipi ta’ pjanijiet u ta’ programmi li ma jimplimentawx l-obbligi imposti minn Natura 2000 iżda dawn ir-rekwiżiti ma jinkludux ġabra sħiħa ta’ miżuri ta’ konservazzjoni għas-siti protetti kollha fil-kuntest ta’ Natura 2000.

128    Fir-rigward tal-Artikoli 115 u 118 kif ukoll tal-Artikolu 119(1) taż-ZBR, li għalihom tirreferi r-Repubblika tal-Bulgarija fir-risposta tagħha, dawn jiddeterminaw is-setgħat tad-diversi entitajiet f’dak li jirrigwarda l-politika fil-qasam tal-bijodiversità, iżda ma jipprevedu la l-istabbiliment u lanqas l-applikazzjoni tal-miżuri ta’ konservazzjoni neċessarji fiż-żoni speċjali kollha ta’ konservazzjoni.

129    Fil-kontroreplika tagħha, ir-Repubblika tal-Bulgarija tirribatti li, fl-ordinament ġuridiku Bulgaru, l-awtonomija tal-awtoritajiet amministrattivi tikkonsisti fl-għażla tal-mezzi l-iktar xierqa sabiex jiġu implimentati l-obbligi legali.

130    Dan l-Istat Membru jinvoka wkoll il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari s-sentenza tat‑3 ta’ April 2014, Cascina Tre Pini (C‑301/12, EU:C:2014:214, punti 40 sa 41), li tipprovdi li d-direttiva, filwaqt li torbot lil kull Stat Membru destinatarju fir-rigward tar-riżultat li għandu jintlaħaq, tħalli f’idejn il-qrati nazzjonali l-kompetenza fir-rigward tal-forma u tal-mezzi.

131    Konformement mad-dispożizzjonijiet taż-ZBR, l-adozzjoni ta’ digrieti ta’ identifikazzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni msemmija fl-Artikolu 12 ta’ din il-liġi ma hijiex possibbiltà iżda obbligu għall-awtoritajiet amministrattivi kompetenti, u dan fir-rigward ta’ dawn iż-żoni kollha. Dawn l-awtoritajiet huma wkoll obbligati jindikaw fid-digrieti tagħhom is-suġġett u l-għanijiet ta’ konservazzjoni għaż-żona speċjali ta’ konservazzjoni inkwistjoni kif ukoll il-projbizzjonijiet jew ir-restrizzjonijiet ta’ attivitajiet li jmorru kontra dawn l-għanijiet.

132    Minbarra l-pjanijiet ta’ żvilupp tat-territorju, il-pjanijiet reġjonali ta’ żvilupp taż-żoni forestali u l-pjanijiet u l-programmi tas-settur forestali, l-Artikolu 30(1) taż-ZBR jipprevedi li l-programmi nazzjonali u reġjonali kollha mfassla skont liġijiet oħra minbarra ż-ZBR għandhom ikunu konformi mad-digrieti ta’ identifikazzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni kif ukoll mal-emendi eventwali tagħhom.

133    Ir-Repubblika tal-Bulgarija żżid li l-Artikolu 35 taż-ZBR jipprevedi l-adozzjoni ta’ ċerti miżuri għall-konservazzjoni tal-ispeċi u jipprovdi speċifikament li l-ispeċi veġetali, tal-annimali u fungali tal-flora, tal-fawna u tal-fungi selvaġġi huma protetti fl-ambjent naturali tagħhom permezz, b’mod partikolari, tal-konservazzjoni tal-habitats tagħhom fin-network ekoloġiku nazzjonali, permezz tat-tqegħid tal-ispeċi taħt sistema ta’ protezzjoni jew ta’ użu rregolat, u permezz taż-żamma jew tal-irkupru tal-kundizzjonijiet tal-habitat konformement mar-rekwiżiti ekoloġiċi tal-ispeċi inkwistjoni.

134    Fl-aħħar nett, il-leġiżlazzjoni nazzjonali fuq l-ilma tipprevedi l-implimentazzjoni obbligatorja ta’ miżuri sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-siti ta’ importanza għall-Komunità. Kif jirriżulta minn din il-leġiżlazzjoni, il-pjanijiet ta’ ġestjoni tal-baċiri idrografiċi għandhom jipprevedu miżuri li jippermettu li jintlaħqu l-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ tali siti, abbażi tal-analiżi meħtieġa mill-imsemmija leġiżlazzjoni. Dawn il-miżuri ma humiex limitati għal projbizzjonijiet jew għal restrizzjonijiet ta’ attivitajiet.

2.      Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

135    Skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats, għal kull żona speċjali ta’ konservazzjoni, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-miżuri ta’ konservazzjoni neċessarji li jissodisfaw ir-rekwiżiti ekoloġiċi tat-tipi ta’ habitats naturali elenkati fl-Anness I ta’ din id-direttiva kif ukoll tal-ispeċi elenkati fl-Anness II tal-imsemmija direttiva li jinsabu fis-sit ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni), C‑116/22, EU:C:2023:687, punt 143 u l-ġurisprudenza ċċitata).

136    Il-miżuri ta’ konservazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats ma jistgħux, bħala prinċipju, ikunu limitati għall-miżuri intiżi sabiex jevitaw il-ħsara u t-tfixkil estern ikkawżati mill-bniedem u għandhom jinkludu, jekk ikun meħtieġ, il-miżuri proattivi pożittivi għaż-żamma jew għall-irkupru fi stat ta’ konservazzjoni tas-sit (sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni), C‑444/21, EU:C:2023:524, punt 150).

137    Fir-rigward tal-kuntest leġiżlattiv nazzjonali neċessarju sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni ta’ dawn l-obbligi, għandu jitfakkar li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-habitats għandhom jiġu implimentati b’mod li jkollhom saħħa vinkolanti inkontestabbli, bl-ispeċifiċità, bil-preċiżjoni u biċ-ċarezza meħtieġa sabiex jiġi ssodisfatt ir-rekwiżit ta’ ċertezza legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni), C‑116/22, EU:C:2023:687, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

138    F’dan il-każ, ir-Repubblika tal-Bulgarija ppreżentat, fir-risposta tagħha, ċertu numru ta’ dispożizzjonijiet konkreti ta’ natura vinkolanti li jipprevedu l-istabbiliment, mill-awtoritajiet Bulgari, ta’ miżuri ta’ konservazzjoni, b’mod partikolari ta’ miżuri attivi ta’ konservazzjoni.

139    Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni sostniet li l-imsemmija dispożizzjonijiet Bulgari ma jipprevedux obbligu li jiġu adottati l-miżuri ta’ konservazzjoni neċessarji fiż-żoni speċjali kollha ta’ konservazzjoni.

140    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-argument tal-Kummissjoni huwa bbażat fuq konfużjoni bejn, minn naħa, l-assenza ta’ qafas normattiv suffiċjenti, fi Stat Membru, li jippermetti, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 137 ta’ din is-sentenza, li jiġu adottati l-miżuri ta’ konservazzjoni xierqa u, min-naħa l-oħra, l-assenza ta’ stabbiliment tal-imsemmija miżuri għaż-żoni speċjali kollha ta’ konservazzjoni.

141    Fir-rigward tal-ewwel wieħed minn dawn l-aspetti, għandu jiġi rrilevat li, fid-dawl tal-elementi ppreżentati mir-Repubblika tal-Bulgarija, b’mod partikolari l-eżempji ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprevedu l-obbligu, għall-awtoritajiet Bulgari, li jistabbilixxu miżuri ta’ konservazzjoni, inklużi miżuri proattivi, il-Kummissjoni ma wrietx b’mod suffiċjenti fid-dritt li l-leġiżlazzjoni Bulgara ma tippermettix li jiġi żgurat it-twettiq effettiv tal-obbligi ta’ dan l-Istat Membru, konformement mal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats.

142    Fir-rigward tat-tieni wieħed minn dawn l-aspetti, għandu jiġi kkonstatat li dan diġà kien is-suġġett tat-tielet ilment li fil-kuntest tiegħu l-Kummissjoni ma tallegax li r-Repubblika tal-Bulgarija naqset milli tadotta l-miżuri ta’ konservazzjoni għas-siti ta’ importanza għall-Komunità inkwistjoni, jiġifieri s-siti speċifiċi msemmija fl-ewwel ilment tagħha.

143    Għaldaqstant, ir-raba’ lment għandu jiġi miċħud.

144    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika tal-Bulgarija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-habitats billi naqset milli tidentifika bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni, kemm jista’ jkun malajr u f’terminu massimu ta’ sitt snin, 194 mill‑229 sit ta’ importanza għall-Komunità inkwistjoni.

145    Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

 Fuq lispejjeż

146    Skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

147    F’dan il-każ, peress li l-Kummissjoni u r-Repubblika tal-Bulgarija tilfu xi uħud mit-talbiet tagħhom, huma għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-Repubblika tal-Bulgarija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2013/17/UE tat13 ta’ Mejju 2013, billi naqset milli tidentifika bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni, kemm jista’ jkun malajr u f’terminu massimu ta’ sitt snin, 194 mill229 sit ta’ importanza għall-Komunità elenkati fil-listi stabbiliti mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/91/KE tat12 ta’ Diċembru 2008 li tadotta, skont id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, it-tieni lista aġġornata tas-siti ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bijoġeografiku tal-Alpi, mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/92/KE tat12 ta’ Diċembru 2008 li tadotta, skont id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, lista inizjali tas-siti ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bijoġeografiku tal-Baħar l-Iswed, mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/93/KE tat12 ta’ Diċembru 2008 li tadotta, skont id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, it-tieni lista aġġornata tas-siti ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bijoġeografiku Kontinentali, kif ukoll mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/23/UE tas16 ta’ Novembru 2012 li tadotta s-sitt lista aġġornata tas-siti ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bijoġeografiku Kontinentali.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Bulgarija għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.