Language of document : ECLI:EU:T:2013:269

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

28 ta’ Mejju 2013 (*)

“Proċedura — Intaxxar tal-ispejjeż — Onorarji ta’ avukat — Rappreżentazzjoni ta’ istituzzjoni minn avukat — Spejjeż li jistgħu jinġabru”

Fil-Kawża T‑278/07 P‑DEP,

Luigi Marcuccio, residenti fi Tricase (l-Italja), irrappreżentat minn G. Cipressa, avukat,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Currall, C. Berardis‑Kayser u G. Gattinara, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għal intaxxar tal-ispejjeż wara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Ottubru 2008, Marcuccio vs Il-Kummissjoni (T‑278/07 P, ĠabraFP p. I‑B‑1‑59 u II‑B‑1‑407),

IL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell),

komposta minn M. Jaeger, President, N. J. Forwood (Relatur), I. Pelikánová, A. Dittrich u L. Truchot, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Digriet

 Il-fatti, il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

1        Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Lulju 2007, Luigi Marcuccio ppreżenta, skont l-Artikolu 9 tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, appell intiż għall-annullament tad-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla) tal-11 ta’ Mejju 2007, Marcuccio vs Il-Kummissjoni (F‑2/06, ĠabraSP p. I‑A‑1‑137 u II‑A‑1‑749), li permezz tiegħu dan it-tribunal ċaħad bħala manifestament inammissibbli r-rikors tiegħu intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej li tagħlaq il-proċedura li tirrigwarda l-għoti ta’ servizzi previsti fl-Artikolu 73 tal-Istatut tal-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej wara inċident li r-rikorrent kien il-vittma tiegħu.

2        Permezz ta’ sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2008, Marcuccio vs Il-Kummissjoni (T‑278/07 P, ĠabraSP p. I‑B‑1‑59 u II‑B‑1‑407), il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-appell u kkundannat lil L. Marcuccio jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ din il-proċedura.

3        Permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Mejju 2011 indirizzata lil L. Marcuccio b’kopja lill-avukat tiegħu, il-Kummissjoni fakkritu, b’mod partikolari, li hija kienet diġà bagħtet lill-avukat tiegħu, permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Lulju 2010, lista ta’ disa’ sentenzi u digrieti, fosthom is-sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2008, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, li tikkundannah għall-ispejjeż, kif ukoll l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni għal kull kawża. L-ammont mitlub għal din il-kawża jammonta għal EUR 4 500 imħallas lil A. Dal Ferro skont kuntratt ta’ assistenza legali datat il-25 ta’ Settembru 2007. Permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Mejju 2011 indirizzata lir-rikorrent b’kopja lill-avukat tiegħu, il-Kummissjoni rrettifikat żball tal-pinna li jikkonċerna biss l-indikazzjoni tal-ammont total mitlub lir-rikorrent għal spejjeż fil-kuntest ta’ 24 kawża, fosthom din il-kawża.

4        Peress li ebda ftehim ma ntlaħaq bejn il-partijiet fuq l-ispejjeż li jistgħu jinġabru, il-Kummissjoni ppreżentat, permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-20 ta’ Lulju 2012, u skont l-Artikolu 92(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, din it-talba għal intaxxar tal-ispejjeż li permezz tagħha hija tistieden lill-Qorti Ġenerali tiffissa l-ammont tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru minnha fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2008, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, għal EUR 4 500 u tikkundanna lil L. Marcuccio għall-ispejjeż ta’ din il-proċedura għal intaxxar tal-ispejjeż.

5        Fl-osservazzjonijiet tiegħu ppreżentati fil-21 ta’ Awwissu 2012, L. Marcuccio jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tordna li t-talba mressqa mill-Kummissjoni tiġi nnotifikata lilu u li l-Annessi 7, 9 u 10 jitneħħew mill-fajl, tiċħad it-talba għal intaxxar tal-ispejjeż bħala inammissibbli jew, sussidjarjament, tiffissa l-ammont tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru għal EUR 1 400 u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta’ din il-proċedura kif ukoll għall-ispejjeż li l-Qorti Ġenerali sostniet inutilment għall-finijiet ta’ din tal-aħħar.

6        Skont l-Artikolu 14 tar-Regoli tal-Proċedura u fuq proposta tal-Awla tal-Appelli, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tirrinvija l-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

 Id-dritt

 Fuq it-talba għal notifika tat-talba għal intaxxar tal-ispejjeż

7        L-ewwel nett, l-allegazzjonijiet ta’ L. Maruccio li jipprovdu li dan tal-aħħar isostni ksur tal-prinċipju tal-kontradittorju peress li din it-talba kienet ġiet innotifikata lill-avukat tiegħu, G. Cipressa, pjuttost li lilu stess, għandhom jiġu miċħuda. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, permezz tal-appell tiegħu fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2008, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, L. Marcuccio għażel l-indirizz għan-notifika għand G. Cipressa skont l-Artikolu 44(2) u l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, b’tali mod li n-notifika tat-talba għal intaxxar tal-ispejjeż fl-istess kawża saret validament lill-imsemmi avukat skont l-Artikolu 100 ta’ dawn ir-regoli. Peress li L. Marcuccio kien b’dan il-mod tqiegħed f’pożizzjoni li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 92(1) tar-Regoli tal-Proċedura, dritt li huwa barra minn hekk eżerċita, il-prinċipju tal-kontradittorju ġie kompletament osservat. Konsegwentement, it-talba tiegħu li jiġi nnotifikat it-talba tal-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda.

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal intaxxar tal-ispejjeż

8        L-argumenti ta’ L. Marcuccio, li jikkontestaw l-ammissibbiltà ta’ din it-talba minħabba l-fatt li l-ittri tat-3 u tal-5 ta’ Mejju 2011 (ara l-punt 3 iktar ’il fuq) ma waslux għandu, minkejja li ebda kontestazzjoni fuq l-ispejjeż għal intaxxar tal-ispejjeż fis-sens tal-Artikolu 92(1) tar-Regoli tal-Proċedura ma kienet ikkonstatata meta tressqet din it-talba, għandhom ukoll jiġi miċħuda. F’dan ir-rigward, għalkemm huwa minnu li l-Kummissjoni pproduċiet prova biss li l-ittra tal-5 ta’ Mejju 2011 intbagħtet, L. Marcuccio ma jikkontestax li G. Cipressa rċieva l-ittra tat-8 ta’ Lulju 2010, u lanqas li din kienet tirreferi għall-kawża li għaliha din it-talba tressqet u kienet tiċċita l-ammont ta’ EUR 4 500 bħala ammont li jista’ jinġabar għal spejjeż, u huwa lanqas jiċħad li ma laħaqx ftehim mal-Kummissjoni fuq l-ammont tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru. Barra minn hekk, L. Marcuccio ma jsostnix li la bagħat lill-Kummissjoni li l-mandat ta’ G. Cipressa, li għadu jirrappreżentah sallum f’din il-kawża, ma jkoprix jew ma għadux ikopri l-konsegwenzi tal-eżekuzzjoni tas-sentenza li tikkundannah għall-ispejjeż jew eventwali proċedura ta’ intaxxar għall-ispejjeż, u lanqas li G. Cipressa avża l-Kummissjoni b’tali fatti. Rigward l-argument li jipprovdi li l-ittri tat-3 u tal-5 ta’ Mejju ma jinkludux ġustifikazzjonijiet li jippermettu li tiġi evalwata l-fondatezza tat-talbiet tal-Kummissjoni, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li ebda dispożizzjoni tar-Regoli tal-Proċedura ma tobbliga lil parti li tiddokumenta t-talbiet tagħha fl-istadju tat-teħid ta’ kuntatt qabel it-tressiq ta’ talba għal intaxxar tal-ispejjeż. F’dan ir-rigward, il-prinċipju tal-kontradittorju huwa kompletament osservat quddiem il-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 92(1) tal-istess regoli. Konsegwentement, fid-dawl tal-fatti tal-każ, għandu jitqies, minn naħa, li L. Marcuccio tqiegħed f’pożizzjoni li jikkontesta l-ammont mitlub mill-Kummissjoni bl-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2008, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, u, min-naħa l-oħra, li l-imġiba ta’ L. Marcuccio kienet ekwivalenti għal kontestazzjoni fis-sens tal-Artikolu 92(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

9        It-terminu ta’ inqas minn sentejn li għadda minn meta ngħatat is-sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2008, Marcuccio vs Commission, iċċitata iktar ’il fuq, u minn meta ntbagħtet l-ittra tat-8 ta’ Lulju 2010 ma huwiex barra minn hekk irraġonevoli, peress li, meta kkonfrontata b’serje ta’ kawżi kontra r-rikorrent, ġestjoni soda tas-sitwazzjoni tiġġustifika li l-Kummissjoni tikkomunika lir-rikorrent it-talbiet tagħha dwar diversi kawżi s’issa ddefiniti. Kif jirriżulta mill-ittra tat-3 ta’ Mejju 2011, li l-veraċità tal-kontenut tagħha ma hijiex ikkontestata minn L. Marcuccio, l-ittra tat-8 ta’ Lulju 2010 kienet tinkludi talbiet għal ħlas tal-ispejjeż f’disa’ kawżi, li l-aħħar waħda minnhom ġiet definita fit-23 ta’ Marzu 2010. F’dawn il-kundizzjonijiet, L. Marcuccio ma jistax fi kwalunkwe każ iqis li l-Kummissjoni kienet irrinunzjat għad-dritt tagħha li tirkupra l-ispejjeż li hija kienet sostniet. Għaldaqstant hemm lok li l-argumenti ta’ L. Marcuccio, li jipprovdu li t-talba tal-Kummissjoni ma tressqitx f’terminu raġonevoli, jiġu miċħuda. Għalhekk, fin-nuqqas ta’ ftehim bejn il-partijiet fuq l-ammont tal-ispejjeż li għandhom jinġabru, hemm lok li t-talba tal-Kummissjoni tiġi ddikjarata ammissibbli u li jiġi ffissat l-ammont tal-ispejjeż li għandhom jinġabru mill-Kummissjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2008, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq.

 Fuq il-fondatezza tat-talba għal intaxxar tal-ispejjeż

 Fuq natura li jistgħu jinġabru tal-ispejjeż inkorsi mill-Kummissjoni

10      Skont l-Artikolu 91(b) tar-Regoli tal-Proċedura, huma meqjusa bħala spejjeż li jistgħu jinġabru, l-ispejjeż indispensabbli sostnuti mill-partijiet għall-finijiet tal-proċedura, b’mod partikolari l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-alloġġ kif ukoll ir-remunerazzjoni ta’ aġent, ta’ konsulent jew ta’ avukat.

11      Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-ispejjeż li jistgħu jinġabru huma limitati, minn naħa, għal dawk sostnuti għall-finijiet tal-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u, min-naħa l-oħra, għal dawk li kienu indispensabbli għal dawn il-finijiet (digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tas-23 ta’ Marzu 2012, Kerstens vs Il-Kummissjoni, T‑498/09 P‑DEP, punt 13).

12      Barra minn hekk, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ta’ natura tariffarja, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tevalwa liberament l-informazzjoni tal-kawża, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni s-suġġett u n-natura tal-kawża, l-importanza tagħha mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll id-diffikultajiet tal-kawża, l-ammont ta’ xogħol li l-proċedura kontenzjuża setgħet teħtieġ min-naħa tal-aġenti jew tal-konsulenti intervenuti u l-interessi ekonomiċi li l-kawża rrappreżentat għall-partijiet (digriet Kerstens vs Il-Kummissjoni, iċċitat, iktar ’il fuq, punt 14).

13      Meta tiffissa l-ispejjeż li jistgħu jinġabru, il-Qorti Ġenerali tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża sal-mument meta jiġi deċiż id-digriet għal intaxxar tal-ispejjeż, inkluż l-ispejjeż indispensabbli li jirrigwardaw il-proċedura għal intaxxar tal-ispejjeż (digriet Kerstens vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, punt 15).

14      F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli quddiem il-Qorti Ġenerali skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-imsemmi statut, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma liberi li jużaw l-assistenza ta’ avukat. Ir-remunerazzjoni ta’ dan l-avukat taqa’ għaldaqstant taħt il-kunċett ta’ spejjeż indispensabbli sostnuti għall-finijiet ta’ din il-proċedura (digriet Kerstens vs il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, punt 20), mingħajr ma l-istituzzjoni tkun marbuta li turi li tali assistenza kienet oġġettivament iġġustifikata (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta’ Jannar 2012, Il-Kummissjoni vs Kallianos, C‑323/06 P‑DEP, punti 10 u 11). Għalhekk, għalkemm il-fatt li l-Kummissjoni involviet żewġ aġenti u avukat ma għandux konsegwenza fuq in-natura potenzjali li jistgħu jinġabru ta’ dawn l-ispejjeż, peress li ma hemm xejn li ma jippermettix li jiġu esklużi bħala prinċipju, dan jista’ jkollu impatt fuq id-determinazzjoni tal-ammont li jista’ jinġabar in fine tal-ispejjeż sostnuti għall-finijiet tal-proċedura (digriet Kerstens vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 21). Għaldaqstant, ma tistax tkun kwistjoni ta’ ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn ir-rikorrenti meta l-istituzzjoni konvenuta tiddeċiedi li tuża s-servizzi ta’ avukat f’ċerti kawżi, filwaqt li f’oħrajn hija rrappreżentata mill-aġenti tagħha.

15      Kull evalwazzjoni oħra li tissuġġetta d-dritt ta’ istituzzjoni, li jintalbu integralment jew parzjalment l-onorarji mħallsa lil avukat, għad-demostrazzjoni ta’ neċessità “oġġettiva” li jintużaw is-servizzi tiegħu tikkostitwixxi fir-realtà limitazzjoni indiretta tal-libertà ggarantita mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u timplika għall-qorti tal-Unjoni l-obbligu li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-istituzzjonijiet u korpi responsabbli mill-organizzazzjoni tas-servizzi tagħhom. Tali kompitu ma huwiex kompatibbli la mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, u lanqas mas-setgħa ta’ organizzazzjoni interna li jgawdu minnha l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni fir-rigward tal-ġestjoni tal-kawżi tagħhom quddiem il-qrati tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-intervent ta’ wieħed jew ta’ diversi aġenti flimkien mal-avukat inkwistjoni jirrikonċilja mas-setgħa diskrezzjonali mogħtija lill-qorti tal-Unjoni fil-kuntest ta’ proċedura għal intaxxar tal-ispejjeż skont l-Artikolu 19(b) tar-Regoli tal-Proċedura (ara l-punti 10 sa 12 iktar ’il fuq).

 Fuq l-ammont tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru

16      Sabiex tiġi evalwata, abbażi ta’ kriterji elenkati fil-punt 12 iktar ’il fuq, in-natura indispensabbli tal-ispejjeż effettivament sostnuti għall-finijiet tal-proċedura, ir-rikorrent għandu jipprovdi indikazzjonijiet preċiżi (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Frar 2004, DAI vs ARAP et, C‑321/99 P‑DEP, li mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 23, u tal-20 ta’ Mejju 2010, Tetra Laval vs Il-Kummissjoni, C‑12/03 P‑DEP u C‑13/03 P‑DEP, li mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 65). Għalkemm l-assenza ta’ tali informazzjoni ma tostakolax lill-Qorti Ġenerali milli tiffissa, abbażi ta’ evalwazzjoni xierqa, l-ammont tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru, madankollu din tqiegħedha f’sitwazzjoni li twettaq evalwazzjoni neċessarjament stretta għal dak li jikkonċerna t-talbiet tar-rikorrent (ara d-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Ottubru 2011, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, T‑176/04 DEP II, li mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 27, u l-ġurisprudenza ċċitata.

17      F’dan il-każ, fir-rigward fl-ewwel lok tal-ammont tax-xogħol li l-proċedura kontenzjuża setgħet tikkawża lill-Kummissjoni, hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-appell ta’ L. Marcuccio kien jinkludi sitt aggravji, ibbażati, l-ewwel nett, fuq żnaturament u rappreżentazzjoni ħażina tal-fatti, it-tieni nett, fuq nuqqas assolut ta’ motivazzjoni, it-tielet nett, fuq applikazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ att li jikkawża preġudizzju, ir-raba’ nett, fuq nuqqas li tingħata deċiżjoni fuq punt essenzjali tal-kawża u fuq ksur tal-obbligu ta’ clare loqui, il-ħames nett, fuq ksur tal-prinċipju ei incumbit probatio qui dicit u non qui negat u, is-sitt nett, fuq difetti proċedurali li jaffettwaw il-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Fid-dawl ta’ dawk li ntqal preċedentement, jirriżulta li seta’ ġie ġġenerat ammont ta’ xogħol superjuri għal li seta’ jiġi mistenni fid-dawl tal-karatteristiċi tal-kawża.

18      Fit-tieni lok, fir-rigward tas-suġġett, tan-natura u tal-interess ekonomiku tal-kawża, għandu jiġi rrilevat li dawn l-aggravji kienu indirizzati kontra d-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li jiċħad bħala inammissibbli talba għall-annullament ta’ allegata deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħlaq il-proċeduri li jirrigwardaw l-għoti ta’ servizzi previsti fl-Artikolu 73 tal-Istatut tal-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Dawn iqiegħdu inkwistjoni l-evalwazzjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku taħt serji ta’ aspetti li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni kellha tieħu pożizzjoni, kif hija għamlet fil-kuntest tar-risposta tagħha.

19      Fit-tielet nett, fir-rigward tal-importanza tal-kontroversja mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tad-diffikultajiet tal-kawża, mill-kriterji preċedenti jirriżulta li huma ma kinux partikolarment għoljin.

20      F’dan il-każ, il-Kummissjoni titlob ammont ta’ EUR 4 500 li jikkorrispondu għas-somma f’daqqa nnegozjata mal-avukat estern tagħha. Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-qorti tal-Unjoni hija intitolata mhux li tintaxxa l-onorarji dovuti mill-partijiet lill-avukati tagħhom, iżda li tiddetermina l-ammont li dawn ir-remunerazzjonijiet jistgħu jiġu rkuprati mingħand il-parti kkundannata għall-ispejjeż (ara d-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Settembru 2009, C.A.S. vs Il-Kummissjoni, C‑204/07 P‑DEP, li mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 13, u l-ġurisprudenza ċċitata, ara d-digrieti tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-13 ta’ Frar 2008, Verizon Business Global vs Il-Kummissjoni, T‑310/00 DEP, li mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 29, u tal-31 ta’ Marzu 2011, Tetra Laval vs Il-Kummissjoni, T‑5/02 DEP u T‑80/02 DEP, li mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 55, u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan l-istess sens, in-natura ta’ somma f’daqqa tar-remunerazzjoni ma għandhiex rilevanza fuq l-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-ammont li jista’ jinġabar għall-ispejjeż, il-qorti tibbaża ruħha fuq kriterji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza stabbilita sew u l-indikazzjonijiet preċiżi li l-partijiet għandhom jipprovdulha. Għalkemm l-assenza ta’ tali informazzjoni ma tostakolax lill-Qorti Ġenerali milli tiffissa, abbażi ta’ evalwazzjoni xierqa, l-ammont tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru, madankollu din l-assenza tqiegħedha f’sitwazzjoni li twettaq evalwazzjoni neċessarjament stretta għal dak li jikkonċerna t-talbiet tar-rikorrent, kif kien indikat fil-punt 16 iktar ’il fuq.

21      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tispeċifika li l-avukat estern tagħha jevalwa ex post għal 17-il siegħa n-numru totali tas-sigħat ta’ xogħol tiegħu, iffatturati għal EUR 250 is-siegħa, dawn jikkonsistu, b’mod partikolari, fl-analiżi tad-digriet appellat u tal-appell, fir-riċerka ġurisprudenzjali u fir-redazzjoni tar-risposta kif ukoll fil-komunikazzjoni mal-aġenti tal-Kummissjoni għall-finijiet ta’ finalizzazzjoni tal-fajl. Hija indikat ukoll li l-avukat estern tagħha stima għal EUR 250 l-ammont tal-ispejjeż ta’ uffiċċju marbutin mal-kawża inkwistjoni.

22      Fid-dawl tal-analiżi tal-kriterji rilevanti għad-determinazzjoni tal-ammont tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru, jidher li kemm in-numru ta’ sigħat indikati mill-avukat estern tal-Kummissjoni kif ukoll ir-rata onorarja tiegħu huma xierqa. Għal dak li jikkonċerna l-ħlasijiet tal-avukat, għandu jiġi kkonstatat li ebda prova dokumentarja ma ġiet prodotta insostenn tad-deskrizzjoni tal-ispejjeż amministrattivi sostnuti mill-avukat. Madankollu, id-diskrepanza bejn l-indikazzjonijiet li jirrigwardaw il-ħlasijiet u l-ammont evalwat tagħhom kienet partikolarment teżiġi li tali prova tiġi prodotta. Għaldaqstant, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 20 iktar ’il fuq, issir evalwazzjoni ġusta tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru billi jiġi ffissat l-ammont totali tagħhom għal EUR 4 300, li jieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża sad-data tal-adozzjoni ta’ dan id-digriet.

23      Peress li din il-konklużjoni ma hijiex ibbażata fuq l-Annessi 7, 9 u 10 tat-talba għal intaxxar tal-ispejjeż, ma għandhiex tintlaqa’ t-talba ta’ L. Marcuccio intiża biex jitneħħew mill-fajl. Peress li fil-kuntest ta’ din il-proċedura, l-aġir tal-Kummissjoni ma kkawżax barra minn hekk spejjeż lill-Qorti Ġenerali li setgħu jiġu evitati, ma hemmx lok li tiġi eżaminata t-talba ta’ L. Marcuccio intiża li tikkundanna lill-Kummissjoni tirrimborsa lill-Qorti Ġenerali irrispettivament somma.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

tordna:

L-ammont totali tal-ispejjeż li għandhom jiġu rrimborsati minn L. Marcuccio lill-Kummissjoni Ewropea huwa ffissat għal EUR 4 300.

Il-Lussemburgu,

E. Coulon

 

      M. Jaeger

Reġistratur

 

      President


** Lingwa tal-kawża: it-Taljan.