Language of document : ECLI:EU:T:2013:269

Kawża T‑278/07 P-DEP

Luigi Marcuccio

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Proċedura — Intaxxar tal-ispejjeż — Onorarji ta’ avukat — Rappreżentazzjoni ta’ istituzzjoni minn avukat — Spejjeż li jistgħu jinġabru”

Sommarju — Digriet tal-Qorti Ġenerali (Awla tal-Appell) tat-28 ta’ Mejju 2013

1.      Proċedura ġudizzjarja — Spejjeż — Taxxa — Spejjeż li jistgħu jinġabru — Kunċett — Elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni — Spejjeż li jirrigwardaw il-proċedura ta’ tassazzjoni — Inklużjoni

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 91(b))

2.      Proċedura ġudizzjarja — Spejjeż — Taxxa — Spejjeż li jistgħu jinġabru — Spejjeż indispensabbli sostnuti mill-partijiet — Kunċett — Onorarji mħallsa minn istituzzjoni lill-avukat tagħha– Inklużjoni

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 91(b))

3.      Proċedura ġudizzjarja — Spejjeż — Taxxa — Tassazzjoni mwettqa fuq il-bażi ta’ indikazzjonijiet preċiżi pprovduti mill-konvenut jew, fin-nuqqas, fuq evalwazzjoni ekwa mill-qorti tal-Unjoni — Natura ta’ somma f’daqqa tar-remunerazzjoni ta’ avukat — Assenza ta’ effett fuq is-setgħa diskrezzjonali mill-qorti

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 91(b))

1.      L-ispejjeż li jistgħu jinġabru huma limitati, minn naħa, għal dawk sostnuti għall-finijiet tal-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u, min-naħa l-oħra, għal dawk li kienu indispensabbli għal dawn il-finijiet. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali li għandha tevalwa liberament l-informazzjoni tal-kawża, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni s-suġġett u n-natura tal-kawża, l-importanza tagħha mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll id-diffikultajiet tal-kawża, l-ammont ta’ xogħol li l-proċedura kontenzjuża setgħet teħtieġ min-naħa tal-aġenti jew tal-konsulenti intervenuti u l-interessi ekonomiċi li l-kawża rrappreżentat għall-partijiet. Meta tiffissa l-ispejjeż li jistgħu jinġabru, il-Qorti Ġenerali tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża sal-mument meta jiġi deċiż id-digriet għal intaxxar tal-ispejjeż, inkluż l-ispejjeż li jistgħu jinġabru li jirrigwardaw il-proċedura għal intaxxar tal-ispejjeż.

(ara l-punti 11-13)

2.      Meta istituzzjoni tuża l-possibbiltà rikonoxxuta lilha permezz tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli quddiem il-Qorti Ġenerali skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-imsemmi statut, li tiġi assistita minn avukat, ir-remunerazzjoni ta’ dan tal-aħħar taqa’ għaldaqstant taħt il-kunċett ta’ spejjeż indispensabbli sostnuti għall-finijiet ta’ din il-proċedura, mingħajr ma l-istituzzjoni tkun marbuta li turi li tali assistenza kienet oġġettivament iġġustifikata. Ma tistax tkun kwistjoni ta’ ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn ir-rikorrenti meta l-istituzzjoni konvenuta tiddeċiedi li tuża s-servizzi ta’ avukat f’ċerti kawżi, filwaqt li f’oħrajn hija rrappreżentata mill-aġenti tagħha.

Kull evalwazzjoni oħra tikkostitwixxi fir-realtà limitazzjoni indiretta tal-libertà ggarantita permezz ta’ dan l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u timplika għall-qorti tal-Unjoni l-obbligu li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-istituzzjonijiet u korpi responsabbli mill-organizzazzjoni tas-servizzi tagħhom. Tali kompitu ma huwiex kompatibbli la mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, u lanqas mas-setgħa ta’ organizzazzjoni interna li jgawdu minnha l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni fir-rigward tal-ġestjoni tal-kawżi tagħhom quddiem il-qrati tal-Unjoni.

(ara l-punti 14, 15)

3.      Il-qorti tal-Unjoni hija intitolata mhux li tintaxxa l-onorarji dovuti mill-partijiet lill-avukati tagħhom, iżda li tiddetermina l-ammont li dawn ir-remunerazzjonijiet jistgħu jiġu rkuprati mingħand il-parti kkundannata għall-ispejjeż. F’dan l-istess sens, in-natura ta’ somma f’daqqa tar-remunerazzjoni ma għandhiex rilevanza fuq l-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-ammont li jista’ jinġabar għall-ispejjeż, il-qorti tibbaża ruħha fuq kriterji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza stabbilita sew u l-indikazzjonijiet preċiżi li l-partijiet għandhom jipprovdulha. Għalkemm l-assenza ta’ tali informazzjoni ma tostakolax lill-Qorti Ġenerali milli tiffissa, abbażi ta’ evalwazzjoni xierqa, l-ammont tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru, madankollu din l-assenza tqegħedha f’sitwazzjoni li twettaq evalwazzjoni neċessarjament stretta għal dak li jikkonċerna t-talbiet tar-rikorrent.

(ara l-punti 16, 20)