Language of document :

Rikors ippreżentat fit-23 ta' Lulju 2007 - Hans-Peter Martin vs Il-Parlament Ewropew

(Kawża T-276/07)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Hans-Peter Martin (Vjenna, l-Awstrija) (rappreżentant: É. Boigelot, avocat)

Konvenut: Il-Parlament Ewropew

Talbiet tar-rikorrent

tannulla d-deċiżjoni ta' l-10 ta' Mejju 2007 meħuda mis-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew, innotifikata fl-14 ta' Mejju 2007, li biha ġie deċiż li ċerta somma tħallset lir-rikorrent b'mod inġustifikat u li b'mod konformi ma' l-Artikolu 27(3) tar-regolament dwar l-ispejjeż u l-benefiċċji għall-Membri tal-Parlament Ewropew, din is-somma għandha tinġabar mingħand ir-rikorrent ;

sa fejn ikun hemm bżonn, tannulla d-deċiżjoni tat-13 ta' Ġunju 2007, maħruġa mid-Direttur Ġenerali tad-Direzzjoni Ġenerali tal-Finanzi tal-Parlament Ewropew, meħuda sabiex teżegwixxi d-deċiżjoni msemmija iktar 'il fuq ta' l-10 ta' Mejju 2007, u li tpoġġi lir-rikorrent f'intimazzjoni sabiex iħallas l-ammonti msemmija iktar 'il fuq jew li jipproponi pjan ta' ħlas bil-miktub aċċettat mill-Parlament fi żmien tletin jum minn din id-deċiżjoni ;

tannulla, sa fejn ikun hemm bżonn, u jekk jagħti l-każ, kull deċiżjoni għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet imsemmija iktar 'il fuq, u li jittieħdu matul il-proċeduri ;

f'kull każ, tikkundanna lill-Parlament Ewropew ibati l-ispejjeż tal-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Wara inkjesta dwar il-benefiċċji ta' segretarjat mogħtija lir-rikorrent fil-kwalità tiegħu ta' Membru tal-Parlament Ewropew, l-OLAF stabbilixxa rapport li jikkonstata ċerti irregolaritajiet. Abbażi ta' dan ir-rapport, is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew ħa d-deċiżjoni kkontestata ta' l-10 ta' Mejju 2007, li biha ddeċieda li s-somom li indebitament tħallsu lir-rikorrent għandhom jitħallsu lura minnu b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 27(3) tar-regolament dwar l-ispejjeż u l-benefiċċji għall-Membri tal-Parlament Ewropew.

In sostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka erba' motivi.

L-ewwel motiv jirrigwarda l-applikazzjoni ħażina u mhux eżatta tar-regolament dwar l-ispejjeż u l-benefiċċji għall-Membri tal-Parlament Ewropew u, b'mod partikolari, ta' l-Artikoli 14 u 27(3) tiegħu.

It-tieni motiv jirrigwarda żball ta' evalwazzjoni fir-rigward tar-rilevanza ta' dokumenti ta' ġustifikazzjoni ppreżentati mir-rikorrent.

Barra minn hekk, ir-rikorrent jinvoka motiv li jirrigwarda l-ksur tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1605/2002, tal-25 ta' Ġunju 2002, dwar ir-Regolament Finanzjarju li japplika għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej1 u l-ksur tal-prinċipji ta' proporzjonalità u ta' non diskriminazzjoni.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrent iqajjem motiv li jirrigwarda l-ksur tal-prinċipju ta' kontradittorju u tad-drittijiet tad-difiża.

____________

1 - ĠU L 248, p. 1.