Language of document :

Appell imressaq fit-18 ta' Lulju 2007 minn Luigi Marcuccio kontra d-digriet mogħti fil-11 ta' Mejju 2007 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-kawża F-2/06, Luigi Marcuccio vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-278/07 P)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrent: Luigi Marcuccio (Tricase, l-Italja) (rappreżentant: G. Cipressa, avukat)

Il-parti l-oħra fil-kawża: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrent

fi kwalunkwe każ, tannulla d-digriet ikkontestat kollu;

b'mod prinċipali, tilqa' t-talbiet magħmula mir-rikorrent fl-ewwel istanza;

tikkundanna lill-konvenuta tħallas lura lir-rikorrent l-ispejjeż u d-drittijiet kollha li għamel dan ta' l-aħħar fir-rigward ta' dawn il-proċeduri;

alternattivament, tirrinvija din il-kawża lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sabiex jiddeċiedi mill-ġdid fuq din il-kwistjoni.

Motivi u argumenti prinċipali

Dan l-appell qed isir kontra d-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku mogħti fil-11 ta' Mejju 2007 fil-kawża F-2/06, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, li ċaħad bħala inammissibbli r-rikors imressaq mir-rikorrent.

In sostenn tat-talbiet tiegħu r-rikorrent isostni:

-    li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għawweġ in-natura tal-fatti u ta' l-istqarrijiet li r-rikorrent qajjem fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu fl-ewwel istanza. F'dan ir-rigward huwa enfasizzat b'mod partikolari li l-eżistenza fiżika tad-deċiżjoni kkontestata fl-ewwel istanza tirriżulta mingħajr ebda dubju mit-test tan-nota tal-konvenuta tad-29 ta' Lulju 2005, li tipprevedi l-possibbiltà li f'kull mument jinfetaħ mill-ġdid proċess li kien ġie arkivjat. Ir-referenza għal din il-possibbiltà ma tħalli ebda dubju mhux biss li d-deċiżjoni kkontestata kienet ittieħdet iżda wkoll li ġiet fil-fatt eżegwita;

-    li huwa żball ta' liġi li f'każ ta' rikors għal annullament qorti tagħti digriet fejn tiddeċiedi li rikors huwa manifestament inammissibbli a fortiori, minħabba motiv ta' ordni pubbliku bħalma huwa n-nuqqas ta' att preġudizzjali, wara li jkun sar tentattiv sabiex jintlaħaq ftehim bonarju, aktar u aktar meta ma tingħatax motivazzjoni speċifika marbuta direttament mal-fatti;

-    id-drittijiet ta' difiża tar-rikorrent ġew miksura b'mod irrimedjabbli peress li, minħabba li ma ġiex informat bil-progress tal-kawża, ma seta' jagħmel xejn sabiex jiddefendi aħjar l-argumenti tiegħu. Fuq dan il-punt huwa ddikjarat li n-nota li biha t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku informa lir-rikorrent bit-tentattiv li jintlaħaq ftehim bonarju ma ġietx segwita minn xi komunikazzjoni oħra, la bil-miktub u lanqas b'mod ieħor, dwar il-progress tal-kawża, u lanqas dwar ir-riżultat tat-tentattiv sabiex jintlaħaq ftehim bonarju. Barra minn dan, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ta d-digriet kkontestat aktar minn sitt xhur wara dan it-tentattiv. Ad abundantiam, dan it-tentattiv mhuwiex imsemmi fid-digriet.

-    fl-aħħar nett, ir-rikorrent isostni li d-digriet ikkontestat huwa vvizzjat b'nuqqas assolut ta' motivazzjoni, kif ukoll b'applikazzjoni inkorretta u żbaljata tal-kunċett ta' deċiżjoni preġudizzjali.

____________