Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Polonja) fil-5 ta’ Ġunju 2023 – KCB, MB vs BNP Paribas Bank Polska S.A.
(Kawża C-348/23, BNP Paribas Bank Polska)
Lingwa tal-kawża: il-Pollakk
Qorti tar-rinviju
Sąd Okręgowy w Warszawie
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: KCB, MB
Konvenut: BNP Paribas Bank Polska S.A.
Domanda preliminari
L-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur 1 , kif ukoll il-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu interpretazzjoni ġurisprudenzjali tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li bis-saħħa tagħha:
1. konsumatur ma jistax validament jinvoka kontra kummerċjant id-drittijiet li jirriżultaw mill-inklużjoni ta’ klawżoli inġusti f’kuntratt sakemm huwa jkun iddikjara li jopponi li dawn il-klawżoli inġusti jibqgħu fis-seħħ, jaqbel li l-applikazzjoni tagħhom tiġi eskluża, u jifhem u jaċċetta l-konsegwenzi tagħhom, inkluż, potenzjalment, in-nullità tal-kuntratt kollu kemm hu,
2. konsumatur ma jistax validament jitlob mingħand kummerċjant ir-restituzzjoni tas-servizz imwettaq indebitament abbażi ta’ klawżoli inġusti sakemm huwa ma jkunx għamel id-dikjarazzjoni msemmija iktar ’il fuq,
3. it-talba tal-konsumatur għar-restituzzjoni tas-servizzi mwettqa indebitament abbażi ta’ klawżoli inġusti ma hijiex eżiġibbli sakemm huwa jkun għamel din id-dikjarazzjoni,
4. il-kummerċjant ma għandu ebda obbligu lejn il-konsumatur li jħallas l-interessi moratorji sakemm huwa ma jiffamiljarizzax ruħu mal-imsemmija dikjarazzjoni tal-konsumatur?
____________
1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288, rettifika fil-ĠU 2023, L 17, p. 100.