Language of document :

Digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Mejju 2024 – Lattanzio KIBS et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-113/24 R) 

(“Proċeduri għal miżuri provviżorji – Kuntratti pubbliċi – Esklużjoni mill-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi u mill-għoti ta’ sussidji ffinanzjati mill-baġit ġenerali tal-Unjoni u mill-FED – Talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni – Nuqqas ta’ urġenza”)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Lattanzio KIBS SpA (Milan, l-Italja), CY, CV (rappreżentanti: B. O’Connor u M. Hommé, avukati)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: P. Rossi, F. Behre u F. Moro, aġenti)

Suġġett

Permezz tat-talba tagħhom ibbażata fuq l-Artikoli 278 u 279 TFUE, ir-rikorrenti jitolbu s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat-13 ta’ Diċembru 2023 li permezz tagħha Lattanzio KIBS hija eskluża milli tipparteċipa fil-proċeduri ta’ għoti rregolati bir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU 2018, L 193, p. 1, rettifika fil-ĠU 2019, L 60, p. 36), u bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/1877 tas-26 ta’ Novembru 2018 dwar ir-regolament finanzjarju applikabbli għall-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp, u li jħassar ir-Regolament (UE) 2015/323 (ĠU 2018, L 307, p. 1), jew mill-għażla għall-eżekuzzjoni ta’ fondi li jaqgħu taħt l-imsemmija regolamenti.

Dispożittiv

It-talba għal miżuri provviżorji hija miċħuda.

L-ispejjeż huma rriżervati.

____________